52014PC0678

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa fir-rigward tal-abbozz ta' Regolament ġdid dwar il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu u biċ-ċelluli tal-fjuwil /* COM/2014/0678 final - 2014/0313 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) tiżviluppa rekwiżiti armonizzati, li huma maħsubin biex ineħħu l-ostakoli tekniċi fil-kummerċ tal-vetturi bil-mutur u s-sistemi użati fuq it-tali vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti għall-"Ftehim Rivedut tal-1958"[1] u biex jiżguraw li vetturi u sistemi bħal dawn joffru livell għoli ta' sikurezza u ħarsien ambjentali.

Dan l-aħħar n-NU/KEE ffinalizzat abbozz għal Regolament dwar dispożizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur u l-komponenti tagħhom fir-rigward tar-rendiment relatat mas-sikurezza ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu[2]. L-għan ta’ dan l-abbozz ta’ Regolament huwa li jistabbilixxi livell għoli ta’ sikurezza għas-sistemi ta’ ħżin tal-idroġenu kompressat, sistemi tal-fjuwil tal-vetturi u l-komponenti speċifiċi tagħhom. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti tar-Regolament Tekniku Globali Nru 13 dwar is-sigurtà tal-idroġenu, kif adottat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 10157/13[3], huma effettivament trasposti fl-abbozz ta’ Regolament tan-NU/KEE l-ġdid.

Il-proposta preżenti għandha l-għan li tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni rigward l-abbozz tar-Regolament tan-NU/KEE dwar is-Sikurezza tal-Idroġenu u konsegwentement tipprevedi li l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tivvota favur dan l-abbozz.

Fil-livell tal-UE, il-punt 62 tal-Parti I tal-Anness IV tad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] jipprovdi għall-applikazzjoni tar- Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] dwar is-sikurezza tal-idroġenu. Fi stadju ulterjuri, għandhom jittieħdu miżuri biex jippermettu għal abbozz tar-Regolament tan-NU/KEE dwar is-Sikurezza tal-Idroġenu li għandu jiġi applikat fi ħdan l-Unjoni Ewropea għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi mgħammra b'tali sistemi bħala ekwivalenti għar-Regolament attwali tal-UE.

· Kuntest Ġenerali

Ir-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi regoli dettaljati għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi li jieħdu fjuwil tal-idroġenu u l-komponenti tagħhom. Issa huwa previst li l-Unjoni tivvota favur l-abbozz il-ġdid tar-Regolament tan-NU/KEE dwar is-Sikurezza tal-Idroġenu biex ikun hemm rekwiżiti armonizzati komuni fil-livell internazzjonali, u dan se jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali. Dan ser jippermetti li l-manifatturi u d-distributuri tal-vetturi Ewropej isegwu sett wieħed ta’ rekwiżiti li jkunu rikonoxxuti mad-dinja kollha, jiġifieri fit-territorji rispettivi tal-Partijiet Kontraenti għall-“Ftehim Rivedut tal-1958”, sabiex titħeġġeġ l-applikazzjoni dinjija ta’ din it-teknoloġija favur l-ambjent, billi jitnaqqas il-piż tal-industrija tal-ittestjar u ċ-ċertifikazzjoni doppji skont leġiżlazzjoni nazzjonali jew reġjonali differenti relatata ma’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu.

· Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 406/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu[6].

· Konsistenza mal-bqija tal-politiki u l-għanijiet tal-Unjoni

Il-proposta hija konformi mal-għanijiet tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, kif ukoll l-għanijiet tar- Regolament (KE) Nru 79/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu. Il-proposta, għalhekk, hija konsistenti mal-għan tal-UE li tipprevedi livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq fir-rigward tal-vetturi bil-mutur.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Hi u tiżviluppa l-proposta, il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat mal-partijiet interessati. Kien hemm konsultazzjoni ġenerali permezz tal-grupp ta' ħidma informali tan-NU/KEE dwar is-Sikurezza tal-Idroġenu fi ħdan il-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sikurezza Passiva (GRSP) kif ukoll dwar it-tixrid tal-informazzjoni u diskussjonijiet sussegwenti fil-qafas tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur matul l-iżvilupp tar-Regolament Tekniku Globali dwar is-Sikurezza tal-Idroġenu u l-abbozz sussegwenti tar-Regolament tan-NU/KEE l-ġdid imsejjes fuq ir-Regolament Tekniku Globali. · Valutazzjoni tal-impatt Il-Kummissjoni Ewropea wettqet valutazzjoni tal-impatt fuq ir-Regolament (KE) Nru 79/2009 li jinkludi s-Sikurezza tal-Idroġenu. Id-dispożizzjonijiet kif proposti skont n-NU/KEE huma kumplimentari, iżda ġew ukoll analizzati permezz ta’ studju tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Vetturi li Jaħdmu bl-Idroġenu: Paragun tal-Leġiżlazzjoni Ewropea u l-Abbozz ta’ Regolament Tekniku Globali tan-NU/KEE (Kuntratt Speċifiku Nru SI2.575155) taħt Kuntratti ta' qafas multipli għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza fis-settur tal-karozzi (ENTR/2009/030).

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta tiddefinixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-votazzjoni tal-abbozz ta’ Regolament tan-NU/KEE l-ġdid dwar l-approvazzjoni tal-vetturi bil-mutur u l-komponenti tagħhom fir-rigward r-rendiment relatat mas-sikurezza ta’ vetturi li jaħdmu bl-idroġenu.

· Bażi legali

Il-bażi legali għal din il-proposta huwa l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Prinċipju ta’ sussidjarjetà

Ir-rekwiżiti għas-sikurezza tal-idroġenu tal-vetturi bil-mutur huma diġà armonizzati fil-livell tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda se jkunu ta’ natura kumplimentarja. Il-votazzjoni favur l-istrumenti internazzjonali bħalma huma abbozzi tar-regolamenti tan-NU/KEE, u l-inkorporazzjoni tagħhom fis-sistema tal-Unjoni għall-approvazzjoni tat-tip tas-sistemi użati fil-vetturi bil-mutur tista' ssir biss mill-Unjoni. Dan mhux biss jevita l-frammentazzjoni tas-Suq Intern, iżda wkoll jassigura livell ta' standards ugwali dwar is-saħħa u s-sikurezza madwar l-Unjoni kollha. Joffri wkoll vantaġġi ta' ekonomiji ta' skala: il-prodotti jistgħu jsiru għas-suq Ewropew kollu u anki għas-suq internazzjonali, minflok ma jsirulhom aġġustamenti biex jiksbu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal kull Stat Membru.

Il-proposta b’hekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

· Prinċipju ta’ proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tilħaq l-għanijiet li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-Suq Intern filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza u ħarsien pubbliku.

· Għażla tal-istrumenti

L-użu ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill huwa meħtieġ skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni f’korp stabbilit permezz ta' ftehim internazzjonali.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

2014/0313 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa fir-rigward tal-abbozz ta' Regolament ġdid dwar il-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu u biċ-ċelluli tal-fjuwil

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE[7], l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) dwar l-adozzjoni ta' preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jintramaw u/jew jintużaw fuq vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta' dawn il-preskrizzjonijiet ("il-Ftehim tal-1958 Rivedut").

(2)       Ir-rekwiżiti standardizzati tal-abbozz tar-Regolament tan-NU/KEE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-komponenti tagħhom fir-rigward tar-rendiment konness mas-sikurezza tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu[8] huma intiżi li jneħħu l-ostakli tekniċi fil-kummerċ tal-vetturi bil-mutur u l-komponenti tagħhom bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958 u biex jiżguraw li t-tali vetturi u komponenti joffru livell għoli ta' sikurezza u protezzjoni.

(3)       Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim tal-1958 Rivedut dwar l-adozzjoni ta' dak l-abbozz tar-Regolament tan-NU/KEE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tal-Ftehim Rivedut tal-1958 għandha tkun li tivvota favur l-abbozz tar-Regolament il-ġdid tan-NU/KEE dwar dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta' vetturi bil-mutur u l-komponenti tagħhom fir-rigward tar-rendiment konness mas-sikurezza tal-vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, kif jinsabu fid-dokument ECE TRANS/ WP.29/2014/78.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jkunu ffittjati ma' u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet ("Ftehim Rivedut tal-1958") (ĠU L 346 17.12.1997, p. 78).

[2]               Dokument tan-NU/KEE ECE TRANS/WP.29/2014/78.

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 10157/13 tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitati rilevanti tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa fir-rigward tal-adattament għall-progress tekniku tar-Regolamenti Nru 13, 13H, 16, 29, 44, 53, 79, 94, 95, 96, 117 u 130, u dwar l-adozzjoni ta’ proposta għal Regolament Globali Tekniku dwar il-vetturi tal-idroġenu u taċ-ċelloli tal-fjuwil u l-adattament għall-progress tekniku tar-Regolamenti Globali Tekniċi Nru 2 u 12 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa

[4]               Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (“Direttiva ta' Qafas") (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1).

[5]               Ir-Regolament (KE) 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 32).

[6]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 406/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu (ĠU L 122, 18.5.2010, p. 1)

[7]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 1997 bil-ħsieb tal-adeżjoni tal-Komunità Ewropea mal-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa li tikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijet tekniċi uniformi għall-vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma' vetturi bir-roti u l-kondizzjonijet reċiproċi tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta' dawn il-preskrizzjonijet ("Ftehim Rivedut tal-1958") (ĠU L 346 17.12.1997, p. 78).

[8]               Dokument tan-NU/KEE ECE TRANS/WP.29/2014/78