Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/008 FI/STX Rauma) /* COM/2014/0630 final */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI KUNTEST TAL-PROPOSTA 1. Ir-regoli li japplikaw
għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stipulati
fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17
ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament
għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE)
Nru 1927/2006[1]
(Ir-"Regolament tal-FEG"). 2. L-awtoritajiet
Finlandiżi ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/008 FI/STX Rauma għal
kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji minn STX Finland Oy f'Rauma
fil-Finlandja. 3. Il-Kummissjoni kkonfermat li
l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru hija kompluta. Wara l-valutazzjoni
tagħha tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont
id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG,
il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja
mill-FEG huma ssodisfati. SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI Applikazzjoni tal-FEG || EGF/2014/008 FI/STX Rauma L-Istat Membru || Il-Finlandja Reġjun/i kkonċernat/i (NUTS livell 2): || Il-Punent tal-Finlandja (FI19) Data tat-tressiq tal-applikazzjoni || 27.5.2014 Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni || 10.6.2014 Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali || 10.6.2014 Data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali || 22.7.2014 Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni || 14.10.2014 Kriterju ta' intervent || L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG Intrapriża ewlenija || STX Finland Oy f’Rauma Settur(i) tal-attività ekonomika (Diviżjoni ta’ NACE Rev. 2)[2] || Diviżjoni 30 ("Manifattura ta' tagħmir ieħor għat-trasport") Għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 0 Perjodu ta’ referenza (erba’ xhur): || 7.11.2013 - 7.3.2014 Għadd ta’ sensji jew waqfiet mill-attività matul il-perjodu ta’ referenza (a) || 577 Għadd ta’ sensji jew waqfiet mill-attività qabel u wara l-perjodu ta’ referenza (b) || 57 Għadd totali ta’ sensji (a + b) || 634 Stima tat-total tal-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira || 565 Għadd ta’ żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) li huma fil-mira || 0 Baġit għas-servizzi personalizzati (EUR) || 2 265 000 Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 113 000 Baġit totali (EUR) || 2 378 000 Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR) || 1 426 800 VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI Proċedura 4. Fis-27 ta’ Mejju 2014,
l-awtoritajiet Finlandiżi ressqu l-applikazzjoni EGF/2014/008 FI/STX Rauma
fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha l-kriterji ta’ intervent
stabbiliti fil-paragrafi minn 7 sa 9 hawn taħt ġew issodisfati.
Fl-10 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla
tal-applikazzjoni fi żmien ġimagħtejn mid-data tat-tressiq
tal-applikazzjoni, u dakinhar stess talbet informazzjoni addizzjonali mingħand
l-awtoritajiet Finlandiżi. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat
fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. Fl-14 ta' Ottubru
2014, jiskadi l-perjodu ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni
kompluta li fih il-Kummissjoni għandha tiffinalizza l-valutazzjoni
tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet
għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja. Eliġibbiltà tal-applikazzjoni L-impriżi u l-benefiċjarji
kkonċernati 5. L-applikazzjoni
tikkonċerna 634 ħaddiem li ngħataw is-sensja minn STX
Finland Oy, ħafna minnhom mit-tarzna tagħha li tinsab f’Rauma,
iżda xi sensji oħrajn affettwaw ukoll il-faċilità akbar
tagħha ta' Turku. STX Finland Oy topera fis-settur ekonomiku kklassifikat
skont id-diviżjoni 30 tan-NACE Rev. 2 ("Manifattura ta' tagħmir
ieħor għat-trasport"). Is-sensji li saru mill-impriża
kkonċernata jinsabu prinċipalment fir-reġjun tan-NUTS[4] il-livell 2 fil-Punent
tal-Finlandja (FI19). Il-kriterji ta’ intervent 6. L-awtoritajiet
Finlandiżi ressqu l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent
tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jitlob li tal-inqas
500 ħaddiem jingħataw is-sensja jew inkella t-twaqqif
tal-attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, fuq perjodu ta’
referenza ta’ erba’ xhur, f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi
l-ħaddiema li jingħataw is-sensja mill-fornituri u l-produtturi
fl-istadju aħħari tal-produzzjoni tagħha u / jew il-persuni li
jaħdmu għal rashom li titwaqqfilhom l-attivtà. 7. Il-perjodu
ta’ referenza ta’ erba’ xhur huwa mis-7 ta’ Novembru 2013
sas-7 ta’ Marzu 2014. 8. L-applikazzjoni
tikkonċerna 577 ħaddiem li ngħataw is-sensja[5] minn STX Finland Oy matul il-perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur. Il-kalkolu tas-sensji u tal-waqfien
tal-attività 9. Is-sensji kollha ġew
ikkalkulati mid-data tan-notifika individwali tal-impjegatur dwar
it-tkeċċija jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-impjieg
tal-ħaddiem. Benefiċjarji eliġibbli 10. Minbarra l-577 ħaddiem li
diġà ssemmew, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu
57 ħaddiem li ngħataw is-sensja wara l-perjodu ta’ referenza ta’
erba’ xhur. Dawn il-ħaddiema kollha ngħataw is-sensja wara
t-tħabbira ġenerali tas-sensji mbassrin
fis-16 ta’ Settembru 2013. Tista’ tiġi stabbilita rabta
kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul
il-perjodu ta’ referenza. 11. L-għadd totali ta’
benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 634. Rabta bejn is-sensji u l-bidliet
strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba
l-globalizzazzjoni 12. Sabiex tiġi stabbilita
r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet
kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, il-Finlandja ssostni
li l-industrija marittima globali nbidlet b’mod drammatiku f’dawn
l-aħħar snin. Minħabba t-tkabbir esplożiv tal-ktieb
tal-ordnijiet fil-perjodu bejn l-2002 u l-2008, inbnew tarzni ġodda,
il-parti l-kbira tagħhom fl-Asja. Madankollu, il-kriżi ekonomika u
finanzjarja globali kienet tfisser li bejn l-2007 u l-2013 il-ktieb
tal-ordnijiet naqas bin-nofs. Bħala riżultat tat-tnaqqis fl-ordnijiet
u l-espansjoni sinifikanti tal-Asja fis-suq tal-bini tal-bastimenti, is-settur
attwalment qed ibati minn kapaċità żejda globali li qed
tirriżulta f'kompetizzjoni ħarxa. 13. Bħala parti minn din
ix-xejra, is-sehem tas-suq tal-UE waqa'. Meta mkejjel skont il-volum ta’
produzzjoni, is-sehem tas-suq tal-UE fil-bini tal-bastimenti fl-ewwel tliet
kwarti tal-2013 kien 5 %, li jfisser tnaqqis ta' 13 % mill-2007.
Is-sehem ekwivalenti taċ-Ċina, il-Korea t’Isfel u l-Ġappun
flimkien kien ta’ 86 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2013, filwaqt li fl-2007
dan l-istess sehem kien 77 %. 14. Fl-2012, l-għadd ta’ bastimenti
ġodda ordnati naqas b’20 % mis-sena ta’ qabel għal 24,7 CGT
(compensated gross tonnage - tunnellaġġ gross ikkumpensat), li
jirrappreżenta nofs il-volum totali tal-produzzjoni. Is-sehem tat-tarzni
Ewropej fir-reġistru tal-ordnijiet kien ta’ 7,5 % (imkejjel f’CGT),
filwaqt li bejn l-2005 u l-2008, is-sehem Ewropew kien għadu bejn 12% u
14 %. L-akbar sehem mis-suq fl-2012 kien dak taċ-Ċina
(34,6 %), it-tieni l-akbar tal-Korea t’Isfel (28,8 %) u t-tielet
l-akbar tal-Ġappun (17,8 %). Meta mkejjel skont il-valur tal-kotba
tal-ordnijiet, il-mexxej tas-suq issa huwa l-Korea t’Isfel, li rċeviet
ordnijiet aktar sinifikanti f’termini ta’ valur u ammont ta’ xogħol
mill-kompetituri tagħha. 15. Meta mkejjel skont il-volum
tal-produzzjoni, fl-2012, is-sehem Ewropew mis-suq tal-bini tal-bastimenti kien
ta’ 4,6 %. Il-mexxejja tas-suq kienu ċ-Ċina (41,1 %),
il-Korea t'Isfel (27,9 %) u l-Ġappun (17,5 %). F’termini
tal-ktieb tal-ordnijiet, fl-2012, is-sehem tal-Ewropa kien ta’ 5,8 %.
Iċ-Ċina bħala l-mexxejja tas-suq kellha sehem ta’ 35,9 %,
il-Korea t’Isfel 30,7 %, u l-Ġappun 14,1 %.[6] 16. F’bosta pajjiżi
Asjatiċi, l-industrija tat-tarznari saret strument tal-ħolqien ta'
impjiegi nazzjonali u ta' dħul tal-munita barranija. Hemmhekk l-Istati
jappoġġjaw l-industrija tal-bini tal-bastimenti minħabba
n-natura globali tagħha u l-impatti fuq l-impjiegi. Għaldaqstant,
l-Ewropa, il-post fejn twieldet l-industrija tal-bini tal-bastimenti moderni,
tilfet kontra l-pajjiżi Asjatiċi li għandhom spejjeż
tax-xogħol aktar baxxi. L-industrija tat-tarzni tradizzjonali mhijiex
ibbażata fuq livell għoli ta’ għarfien espert iżda fuq
il-kunsinna organizzata ta' xogħol intensiv li torbot ħafna kapital,
fejn ix-xogħol intensiv, l-ispejjeż tal-materja prima u
l-investimenti fit-tagħmir huma kollha importanti. 17. Sal-lum, is-settur tal-bini
tal-bastimenti f'termini wiesgħa kien is-suġġett ta’ sitt (6)
applikazzjonijiet tal-FEG [7],
b'waħda minnhom tkun ibbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata
mal-kummerċ u l-ħamsa l-oħra fuq il-kriżi finanzjarja u
ekonomika globali. Tlieta minn dawn il-każijiet huma marbuta ma’ tarzni
bħal dawn, filwaqt li t-tlieta l-oħra huma relatati ma’ makkinarju u
tagħmir tal-bastimenti. Avvenimenti li wasslu għas-sensji u
l-waqfien tal-attività 18. Is-sensji huma kkawżati
mill-għeluq tat-tarzna STX f’Rauma, b’xi ftit mit-telf ta’ impjiegi li
jirriżultaw fit-tarzna ikbar ta' STX f’Turku. Din tal-aħħar
għadha miftuħa, iżda nbiegħet (wara li tressqet
l-applikazzjoni ta’ Rauma) lil German Meyer Werft u lill-Istat tal-Finlandja. Il-belt ta’ Rauma ilha magħrufa
għall-operazzjonijiet tagħha fil-bini tal-bastimenti mill-1945, meta
fil-belt ġew stabbiliti żewġ tarzni. Fl-1992,
iż-żewġ tarzni Finlandiżi li kien irnexxielhom isalvaw mill-kriżi
tat-tarzni tas-sebgħinijiet u t-tmeninijiet (1970s u 1980s), ingħaqdu
biex isiru Finnyards Oy. Fl-1998, it-tarzna ġiet f'idejn ġestjoni
Norveġiża u biddlet isimha għal Aker Finnyards, u fl-2009,
il-proprjetarji Koreani l-ġodda semmew lill-kumpanija STX Finland Oy. Fl-elfejnijiet (2000s), it-tarzna ta' Rauma kisbet
suċċess billi speċjalizzat f’kunsinni ta’ bastimenti
tal-passiġġieri u merkanzija flimkien u bastimenti b'għanijiet
speċjali kemm għal klijenti Finlandiżi kif ukoll għal
klijenti internazzjonali, inklużi l-Forzi tad-Difiża Finlandiżi,
il-Gwardja tal-Fruntiera tal-Finlandja, u anke l-Ministeru tan-Namibja
għas-Sajd u r-Riżorsi Marini. F’Settembru tal-2011, it-tarzna ffirmat ittra ta’
intenzjoni man-Norwegian Eide Marine Semi AS dwar l-armar, it-tlestija u
l-kunsinna ta’ żewġ bastimenti tas-servizz għas-setturi
taż-żejt u tal-gass. Il-bastimenti kienu mfassla biex iwettqu
diversi kompiti relatati mas-servizz fis-setturi taż-żejt u tal-gass
f'kundizzjonijiet diffiċli lil hinn mill-kosta fuq il-blata kontinentali Brażiljana.
Il-valur ta’ dan il-kuntratt qabeż it-EUR 300 miljun. Madankollu,
it-termini tal-ittra ta’ intenzjoni ma ġewx issodisfati, u għalhekk,
id-dħul tat-tarzna ta' Rauma fis-suq Brażiljan ġie mfixkel
fl-aħħar minuta. Fil-bidu tal-2013, il-Grupp STX Korean, li kien
is-sid tat-tarzni ta' Turku u ta' Rauma, sab ruħu f’diffikultajiet.
F'April 2013, STX Offshore & Shipbuilding, il-kumpanija responsabbli
għall-operat tal-bini tal-bastimenti fil-grupp, ikkomunikat mal-kredituri
tagħha dwar ftehim volontarju. It-tarzni kollha ta' STX fl-Ewropa,
inkluża dik ta' Rauma, tqiegħdu fis-suq f’Mejju tal-2013, iżda
ma nstab l-ebda xerrej potenzjali. Fis-sajf tal-2013, is-sitwazzjoni dehret
promettenti għat-tarzna ta' Rauma, meta STX Finland u Scandlines iffirmaw
ittra ta’ intenzjoni dwar il-bini ta’ żewġ vapuri tal-karozzi
għas-servizz bejn Rostock u Gedser. STX Finland stenniet li din l-ordni
ġġib magħha xogħol għal kulħadd fit-tarzna ta'
Rauma sal-2015. Madankollu, f’Settembru 2013 STX Finland
b'sorpriża ħabbret li l-operat tat-tarzna ta' Rauma fil-forma attwali
tiegħu se jieqaf u li l-kumpanija se tikkonċentra l-operat
tagħha f’Turku. Huwa probabbli li din id-deċiżjoni ġiet
imqanqla minn problemi fit-taħditiet ma’ Scandlines. Fi Frar 2014,
finalment ħarġet l-aħbar li t-taħditiet fit-tul ma’ Scandlines
ma kinux produttivi. Hekk kif it-tarzna għalqet, 700 impjegat
ta' STX Finland f’Rauma u xi 70 f’Turku tilfu l-impjieg tagħhom. L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward
tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi 19. Fl-2013, kien hemm medja ta’
3 100 persuna bla impjieg f’Rauma, li minnhom aktar minn 900 kienu
ħaddiema industrijali. F’Jannar 2014 din iċ-ċifra telgħet
għal 3 400. Wara s-sensji ta’ STX, din se tkompli tiżdied bi
kważi 700. Minn dawn in-nies, xi 500 se jkunu ħaddiema industrijali. 20. L-anqas rata ta’ qgħad
fir-reġjun kienet ta' 7,1 % u ġiet irreġistrata fl-2008.
Fl-2013, ir-rata tal-qgħad kienet ta’ 10,0 %, u f'Jannar tal-2014 din
kienet 11,1 %. Wara li STX tagħlaq, ir-rata tal-qgħad hija
mistennija li tiżdied b’aktar minn żewġ (2) punti
perċentwali. 21. L-isfond edukattiv l-aktar
komuni ta’ dawk qiegħda fir-reġjun ta' Rauma huwa livell sekondarju
(48 %). Is-sehem ta’ dawk b'livell bażiku biss ta’ edukazzjoni huwa
kemxejn iżgħar (34 %), filwaqt li 8 % għandhom l-anqas
livell jew livell baxx ta’ edukazzjoni terzjarja. 3 % għandhom
edukazzjoni terzjarja ta' livell għoli. Is-sensji f’STX se jżidu
b’mod sinifikanti s-sehem ta’ dawk b’edukazzjoni ta' livell sekondarju jew
livell bażiku biss. 22. Fost dawk fiż-żona
li huma qiegħda, 30 % għandhom 'il fuq minn 55 sena.
It-tieni l-akbar grupp huwa dawk li għandhom bejn 45-54 sena b’sehem ta’
22 %. Is-sehem ta’ persuni qiegħda ta’ età anqas minn 25 sena
huwa ta’ 11 %. Dawk li għandhom aktar minn 55 sena huma l-akbar
grupp li ngħataw is-sensja minn STX, u jammontaw għal madwar
250 persuna. L-għadd ta’ impjegati li tilfu l-impjieg tagħhom
fil-grupp ta’ età bejn 45 u 54 sena se jkun kbir ukoll, jew aktar minn
200 persuna. Minħabba l-età tal-ħaddiema li ngħataw
is-sensja, dawn se jsibuha aktar diffiċli biex isibu impjieg ġdid,
b’riskju li xi ħaddiema akbar fl-età jirtiraw kmieni. 23. Il-livell baxx tal-edukazzjoni
flimkien mal-età relattivament avvanzata x’aktarx li jżidu r-riskju ta’
qgħad fit-tul. Bejn Jannar 2010 u Mejju 2014, l-għadd ta’ nies
qiegħda fit-tul żdied bi 23 %. Matul l-istess perjodu,
l-għadd ta’ nies qiegħda fit-tul ta’ età ta’ aktar minn 55 sena
żdied bi 42 %. Billi l-akbar gruppi ta’ età li tilfu l-impjieg
tagħhom minn STX huma dawk li għandhom aktar minn 55 sena u dawk
fl-età bejn 45 u 54 sena, ir-riskju ta’ qgħad fit-tul u
l-esklużjoni huwa għoli. 24. Turku fil-Lbiċ
tal-Finlandja ukoll se tiġi affettwata, billi hemmhekk hemm mistennija xi
70 sensja, b’mod partikolari dawk b'ħiliet ta' xogħlijiet ta’
disinn ta’ bastimenti għat-tarzna ta' Rauma. 25. Bħala riżultat
tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, li fir-reġjun ilha
għaddejja erba' snin, ir-rata attwali tal-qgħad fir-reġjun ta’
Turku hija ta’ 12,7 %, jiġifieri 5,5 punti perċentwali ogħla
minn dik fil-bidu tal-2008, billi din iż-żieda fil-livell nazzjonali
hija 4,0 punti perċentwali. Ir-reġjun ta’ Turku se jkun affettwat
ukoll minn theddid ta' sensji fis-setturi tal-kummerċ u s-servizzi. 26. Il-ktieb tal-ordnijiet ta’ STX
Finland f’Turku, li huwa sinifikanti għal industrija tal-baħar, kien
vojt fil-ħin tal-applikazzjoni, b’Mein Schiff 3 fil-fażi ta' rinnovar
u Mein Schiff 4 fil-fażi tal-kostruzzjoni tal-blokok. Tal-ewwel se
jiġi mgħoddi lit-tarzna TUI sas-sajf tal-2014, filwaqt li tal-aħħar
se jingħata sar-rebbiegħa tal-2015. Minħabba l-problemi
finanzjarji tas-sid, it-tarzna ta' Turku ma rnexxilhiex tattira ordnijiet
ġodda. Dan x’aktarx li jinbidel taħt is-sidien il-ġodda, u
diġà huma mistennija ordnijiet ġodda. 27. Il-pożizzjoni
ċiklika ġenerali tal-kumpaniji fil-Lbiċ tal-Finlandja b'mod
ġenerali hija affettwata mit-termini aktar stretti ta’ finanzjament estern
u t-tnaqqis fir-ritmu tal-kummerċ Russu. L-industrija tat-teknoloġija
fir-reġjun (b'Nokia bħala l-akbar preżenza fil-passat) tilfet
parti mis-sehem nazzjonali. Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet
proposti Benefiċjarji fil-mira 28. L-għadd stmat ta’
ħaddiema fil-mira li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa
565. It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira skont is-sess,
iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej: Kategorija || Għadd ta' benefiċjarji fil-mira Sess: || Irġiel: || 496 || (87,79 %) || Nisa: || 69 || (12,21 %) Ċittadinanza: || ċittadini tal-UE: || 565 || (100,00 %) || ċittadini mhux tal-UE: || 0 || (0,00 %) Grupp ta’ età: || 15-24 sena: || 7 || (1,24 %) || 25-29 sena: || 28 || (4,96 %) || 30-54 sena: || 294 || (52,04 %) || 55-64 sena: || 234 || (41,42 %) || aktar minn 64 sena: || 2 || (0,35 %) Eliġibbiltà tal-azzjonijiet
proposti 29. Il-Finlandja qed tippjana
tliet tipi ta’ miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u
koperti minn din l-applikazzjoni, (i) għajnuna biex jgħaddu għal
impjieg ġdid, (ii) għajnuna biex jiftħu n-negozju tagħhom
stess, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni.
Il-miżuri kollha li ġejjin jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw
pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li għandu l-għan li
jintegra lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-impjieg
mill-ġdid: 30. Kowċing u miżuri
oħra ta’ tħejjija: Il-ħaddiema qiegħda jistgħu
jingħataw għajnuna dwar tekniki tat-tiftix għax-xogħol,
b’pariri u gwida, żjarat f’fieri tal-impjiegi, għajnuna
bl-applikazzjonijiet għall-impjiegi u bis-CVs. Dan is-servizz se
jingħata lil gruppi ta’ daqsijiet varji. It-taħriġ se
jingħata fuq perjodu bejn ħamsa (5) u 20 jum, skont il-grupp.
Tingħata wkoll gwida dettaljata dwar il-karrieri lil gruppi, b’iffukar fuq
l-interazzjoni u l-prattika tax-xogħol. Dan l-ikkowċjar jista’ jdum
sa 40 jum. Individwi jew gruppi jistgħu jingħataw kowċis
tal-impjiegi, li jistgħu jaġixxu bħala "msieħba
fit-taħriġ" waqt it-tiftix għall-impjieg u bħala
mentors kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati matul
l-ewwel perjodi ta’ impjieg ġdid. Jistgħu jingħataw sa
50 siegħa ta’ taħriġ fis-sena lil kull persuna li qed
tfittex ix-xogħol. Il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw ukoll
minn firxa ta’ valutazzjonijiet tal-esperti. Dawn, pereżempju,
jistgħu jevalwaw il-kapaċità individwali għax-xogħol,
inklużi l-aspetti relatati mas-saħħa, il-kompetenza u
l-ħiliet vokazzjonali, jew il-ħiliet intraprenditorjali u l-potenzjal
tal-ħaddiem. Dawk li qed ifittxu impjieg jistgħu
jingħataw ukoll l-opportunità li jwettqu provi tat-taħriġ, fejn
ikunu jistgħu jittestjaw il-kapaċitajiet tagħhom f'diversi oqsma
ta’ studju għal perjodu ta’ taħriġ bi prova ta’ madwar
10 ijiem. 31. Impjiegi u servizzi
tan-negozju f’Punt ta’ Servizz: Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja
għandhom għad-dispożizzjoni Punti ta' Servizz li jieħdu
ħsiebhom matul il-fażi tal-implimentazzjoni. Il-Punti ta’ servizz
ġew stabbiliti biex jagħtu pariri lill-ħaddiema affettwati
mill-bidu nett billi jipprovdulhom servizz ħafna aktar personali u
fil-fond minn dak li l-uffiċċju pubbliku tal-impjiegi normalment ikun
jista' jipprovdi. Tingħata attenzjoni speċjali biex tiżgura li
l-ebda ħaddiem ma jispiċċa qiegħed fit-tul. 32. Taħriġ u
taħriġ mill-ġdid: L-għan tal-miżuri ta’
taħriġ huwa l-akkwist ta’ kwalifika bażika jew vokazzjonali fi
ħdan industrija b’rata għolja tal-impjiegi, jew bħala
taħriġ kontinwu permezz tat-tisħiħ ta’ kompetenzi
eżistenti, jew bħala gwida/taħriġ ta’ tħejjija
għas-suq tax-xogħol għal persuni li ma għandhom l-ebda pjan
futur għall-karriera. It-taħriġ jitfassal apposta skont il-grupp
fil-mira, u l-korsijiet jistgħu jinkludu, pereżempju, l-espansjoni
tal-kompetenzi fis-settur tal-ICT; il-ġestjoni tal-kwalità u dik
finanzjarja tal-proġetti, u l-iżvilupp ta’ ħiliet tan-negozju.
Il-parti l-kbira tat-taħriġ vokazzjonali tas-suq tax-xogħol hija
mmirata lejn kwalifika; għal dawk li qed ifittxu xogħol, se
tingħata edukazzjoni xierqa marbuta mal-ftugħ ta' negozju. 33. Promozzjoni u
taħriġ dwar l-intraprenditorjat u servizzi esperti:
Il-promozzjoni tal-intraprenditorija tibda permezz tat-taħriġ dwar
is-suq tax-xogħol għal intraprendituri futuri potenzjali. Barra minn
hekk, intraprendituri ġodda jingħataw konsulenza, konsultazzjoni u
appoġġ, flimkien ma' għotjiet tal-bidu. Dawk li qed jippjanaw li
jibdew negozju jistgħu jippruvaw l-intraprenditorija, pereżempju,
permezz ta’ kollokament f’intrapriżi eżistenti. Għotjiet
speċifiċi biex jinbdew negozji jistgħu jappoġġaw
is-susisstenza ta' intraprendituri ġodda fl-istadji bikrija
tal-intraprenditorija. It-tul massimu ta' għotjiet bħal dawn huwa ta'
18-il xahar. 34. Stħarriġ
tal-impriżi: Se jsir stħarriġ dwar l-impjiegi
fir-reġjun ta’ Rauma flimkien ma’ negozji u industriji f’Rauma.
L-istħarriġ se jagħti tagħrif aġġornat dwar
il-ħtiġijiet tal-persunal tal-intrapriżi. Bl-għajnuna
tal-informazzjoni miġbura, it-tiftix għall-impjiegi
mill-ħaddiema identifikati jkun jista' jitmexxa fid-direzzjoni t-tajba u
jsiru pjanijiet u arranġamenti għat-taħriġ
meħtieġ. Kull sena se jitwettqu madwar 500 intervista. 35. Sussidji tal-paga: Dawn
jistgħu jkunu disponibbli għal impjegaturi, fis-settur pubbliku jew
privat, li jkunu lesti jimpjegaw lill-ħaddiema fil-mira u jiżguraw li
dawn jitħallsu salarju raġjonevoli u jingħataw kull
appoġġ u taħriġ fuq ix-xogħol li jkun
meħtieġ huma u jadattaw irwieħhom għal impjiegi mhux
familjari. Il-ħaddiema nfushom tista' tinħarġilhom karta li
tagħti sussidju tal-paga lill-impjegatur potenzjali ġdid
tagħhom. L-ammont u t-tul ta’ żmien jiġu ffissati skont il-kompetenza
u l-ħtiġijiet tal-ħaddiem. Minkejja l-fatt li m’hemmx żmien
statutorju minimu, il-Finlandja ssostni wkoll li din il-miżura normalment
iddum tliet xhur. Meta l-benefiċjarju jkun żagħżugħ li
qed tfittex ix-xogħol, it-tul ta’ żmien jista’ jitnaqqas għal
xahar jew għal ġimagħtejn. 36. Benefiċċji
għall-ispejjeż tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr:
Persuna li qed tfittex ix-xogħol tista’ tingħata benefiċċji
għall-ispejjeż tal-ivjaġġar u l-akkomodazzjoni li jsiru
minħabba t-tiftix għax-xogħol jew l-ivvjaġġar u
għall-ispejjeż tal-akkomodazzjoni li jirriżultaw
mill-parteċipazzjoni f’taħriġ immirat lejn il-promozzjoni
tal-impjiegi, u kumpens għall-ispejjeż tal-ġarr meta jkun
aċċettat impjieg barra ż-żona tal-ivvjaġġar
normali (distanza ta’ 43 km). Bl-għajnuna ta’ dawn
il-benefiċċji, dawk li tilfu l-impjieg tagħhom se jkunu
mħeġġa jfittxu xogħol fuq żona ġeografika
wiesgħa. 37. L-azzjonijiet proposti,
deskritti hawnhekk, jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol
fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7
tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri
passivi ta’ protezzjoni soċjali. 38. L-awtoritajiet Finlandiżi
pprovdew l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma
obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi
nazzjonali jew skont l-arranġamenti kollettivi. Huma kkonfermaw li
l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post azzjonijiet
bħal dawn. Baġit stmat 39. L-ispejjeż totali stmati
huma ta’ EUR 2 378 000, li jinkludu nefqa għal servizzi
personalizzati ta’ EUR 2 265 000 u nefqa għal attivitajiet
preparatorji, ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u
rapportar ta’ EUR 113 000. 40. Il-kontribuzzjoni
finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 426 800
(60 % tal-ispejjeż totali). Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ parteċipanti || Spiża stmata għal kull parteċipant (EUR)[8] || Spejjeż totali stmati (EUR) [9] Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG) Kowċing u miżuri oħra ta’ tħejjija || 405 || 400 || 162 000 Impjiegi u servizzi tan-negozju f’punt ta’ servizz || 550 || 360 || 200 000 Taħriġ u taħriġ mill-ġdid || 208 || 4 900 || 1 016 000 Promozzjoni u taħriġ dwar l-intraprenditorjat u servizzi esperti || 60 || 6 000 || 360 000 Għotja tal-bidu || 30 || 6 000 || 180 000 Stħarriġ tal-impriżi || 550 || 45 || 25 000 Subtotal (a): || – || 1 943 000 (85,78 %) Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG) Sussidju tal-paga || 62 || 5 000 || 310 000 Benefiċċji għall-ispejjeż tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr || 80 || 150 || 12 000 Subtotal (b): || — || 322 000 (14,22 %) Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG 1. Attivitajiet ta' tħejjija || — || 2 500 2. Ġestjoni || — || 73 000 3. Informazzjoni u pubbliċità || — || 25 000 4. Kontroll u rrapportar || — || 12 500 Subtotal (c): || — || 113 000 (4,75 %) Spejjeż totali (a + b + c): || — || 2 378 000 Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali) || — || 1 426 800 41. L-ispejjeż
tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet
skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux
il-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi
personalizzati. L-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li dawn l-azzjonijiet
jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira
fl-attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew taħriġ. 42. L-awtoritajiet Finlandiżi
kkonfermaw li l-ispejjeż tal-investimenti għall-ħaddiema
indipendenti u l-ftuħ ta’ negozji mhumiex se jaqbżu
l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju. Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa 43. L-awtoritajiet Finlandiżi
bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira
fil-15 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, in-nefqa fuq
l-azzjonijiet imsemmija fil-punti minn 29 sa 37 għandha tkun
eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG
mill-15 ta’ Jannar 2014 sas-27 ta’ Mejju 2016. 44. L-awtoritajiet Finlandiżi
bdew iġarrbu n-nefqa amministrattiva sabiex jimplimentaw il-FEG
fil-15 ta’ Jannar 2014. Għalhekk, in-nefqa għal
attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità,
kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni
finanzjarja mill-FEG mill-15 ta’ Jannar 2014
sas-27 ta’ Novembru 2016. Komplimentarjetà ma’ azzjonijiet
iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni 45. Il-kofinanzjament nazzjonali
meħtieġ se jiġi primarjament mil-linja tas-servizzi
pubbliċi tal-impjiegi fil-fergħa amministrattiva tal-Ministeru
tal-Impjiegi u l-Ekonomija. Xi servizzi se jkunu kofinanzjati
mill-ispejjeż operazzjonali taċ-Ċentri għall-Iżvilupp
Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent u l-Uffiċċji għall-Iżvilupp
Ekonomiku u tal-Impjiegi. Kompiti ta’ appoġġ tekniku se jkunu
kofinanzjati mill-ispejjeż operazzjonali tal-Ministeru tal-Impjiegi u
l-Ekonomija u ċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku,
it-Trasport u l-Ekonomija. Se jsir ukoll sforz biex jingħata finanzjament
nazzjonali minn qabel għall-azzjonijiet u l-kompiti kollha, biex
jippermetti li jitnedew attivitajiet dwar l-appoġġ tal-FEG kemm
jista' jkun malajr u b'mod effiċjenti sakemm tkun mistennija
l-kontribuzzjoni mitluba tal-FEG. 46. Qed jitħejja pakkett ta’
miżuri nazzjonali bit-titolu "Mudelli bejn il-kumpanija li qed
tirrekluta u l-kumpanija li qed tnaqqas in-nies" fi ħdan il-perjodu
ta’ programmazzjoni l-ġdid tal-FSE. L-għan ta’ dan is-sett ta'
miżuri huwa li jissupplimentaw u jiżviluppaw attivitajiet relatati
ma’ bidliet strutturali nazzjonali u s-sigurtà fi żmien ta' bidla.
L-għan ċentrali tal-koordinazzjoni nazzjonali huwa li tiżdied
l-effikaċja u l-effiċjenza u biex tiġi evitata d-duplikazzjoni
filwaqt li jitqiesu kemm l-attività reġjonali tal-FSE kif ukoll
l-esperjenzi mill-perjodi ta’ programmazzjoni preċedenti. Hija
maħsuba, fost affarijiet oħra, biex twassal għall-iżvilupp
konġunt ta’ prodotti, biex jiġu identifikati prattiki tajba u
ħżiena, biex tittejjeb il-komunikazzjoni u biex ir-riżultati
tajba tal-proġetti jibqgħu fit-tul. L-Awtorità tal-Ġestjoni
tal-FEG se tkun qed issegwi din l-attività bil-għan li tagħmel
użu tajjeb minnha fl-applikazzjonijiet futuri tal-FEG. 47. L-awtoritajiet Finlandiżi
kkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni
finanzjarja mill-FEG mhumiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet
finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u taw deskrizzjoni
tas-sistemi użati għal dan il-għan. Proċeduri għall-konsultazzjoni
tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew
l-imsieħba soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali 48. L-awtoritajiet Finlandiżi
indikaw li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal
b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali
kkonċernati kif ukoll ma' partijiet ikkonċernati oħra. 49. Il-konsultazzjoni saret u se
tkompli f’forma ta’ grupp ta’ ħidma msejjaħ mill-Ministeru
tal-Impjiegi u l-Ekonomija speċifikament biex jindirizza s-sensji ta’ STX
Finland. Il-Grupp ta’ Ħidma għandu rappreżentanti miċ-Ċentru
għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent għal
Satakunta, miċ-Ċentru għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport
u l-Ambjent għal-Lbiċ tal-Finlandja, mill-Uffiċċju
għall-Iżvilupp Ekonomiku u l-Impjiegi għal Satakunta, mill-belt
ta’ Rauma, u mill-imsieħba soċjali, il-Kunsill tal-Unjins
Industrijali Finlandiżi (inklużi Trade Union Pro, l-Unjin
tal-Ħaddiema Finlandiżi tal-Metall u l-Akkademja tal-Inġiniera u
l-Arkitetti tal-Finlandja/il-Federazzjoni tal-persunal Professjonali u
Maniġerjali tal-YTN, l-Unjoni tal-Inġiniera Professjonali
tal-Finlandja) u l-Federazzjoni tat-Teknoloġija Finlandiża
tal-Finlandja, kif ukoll rappreżentanti ta' STX Finland. Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll 50. L-applikazzjoni tinkludi
deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll, li tispeċifika r-responsabbiltajiet
tal-korpi involuti. Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li
l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita mill-Ministeru tal-Impjiegi u
l-Ekonomija, li jieħu ħsieb ukoll il-fondi tal-FSE. L-istess
Ministeru jaġixxi bħala l-Awtorità taċ-Ċertifikazzjoni.
Hemm separazzjoni stretta tad-dmirijiet u tar-relazzjonijiet ta' rappurtar bejn
id-dipartimenti responsabbli għal dawn iż-żewġ
funzjonijiet. Il-funzjonijiet ta’ ġestjoni tal-FEG ġew assenjati
lid-Dipartiment tal-Impjiegi u tal-Intraprenditorija, filwaqt li dawk tal-FSE
ngħataw lid-Dipartiment Reġjonali. Il-funzjonijiet ta’
ċertifikazzjoni għaż-żewġ Fondi huma f'idejn l-Unità
tar-Riżorsi Umani u tal-Amministrazzjoni. Il-Ministeru ħejja manwal
li jiddeskrivi fid-dettall il-proċeduri li għandhom jiġu
segwiti. 51. Fir-rigward tal-verifika,
il-korp responsabbli huwa l-Unità tal-Verifika Interna indipendenti, li jopera
taħt is-Segretarju Permanenti. Il-funzjonijiet relatati
mal-monitoraġġ u l-awditjar huma inklużi wkoll fil-firxa ta’
funzjonijiet tal-awtoritajiet tal-ġestjoni u
taċ-ċertifikazzjoni. Impenji pprovduti mill-Istat Membru
kkonċernat 52. L-awtoritajiet Finlandiżi
pprovdew l-assigurazzjonijiet meħtieġa kollha dwar dan li ġej: –
il-prinċipji ta’ ugwaljanza tat-trattament u
n-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fl-aċċess
għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom; –
inżammet konformità mar-rekwiżiti
stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar sensji
kollettivi; –
l-intrapriża li tat is-sensji kompliet
għaddejja bl-attivitajiet tagħha wara li tat is-sensji; hija
kkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet
għall-ħaddiema tagħha kif xieraq; –
l-azzjonijiet proposti jipprovdu appoġġ
għal ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għal
kumpaniji jew setturi li qegħdin jiġu ristrutturati; –
l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu
appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħrajn
tal-Unjoni u se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju; –
l-azzjonijiet proposti se jkunu kumplimentari ma’
azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; –
il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se
tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar
l-għajnuna mill-Istat. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Proposta baġitarja 53. Il-FEG ma għandux
jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet
tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE,
Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li
jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[10]. 54. Wara li eżaminat
l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1)
tar-Regolament tal-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji
fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni
tipproponi li jiġi mobilizzat il-FEG għall-ammont ta’
EUR 1 426 800, li jirrappreżenta 60 %
tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta
kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni. 55. Id-deċiżjoni
proposta, biex jiġi mobilizzat il-FEG, se tittieħed b’mod
konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat
fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali
tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew,
il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni
f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[11]. Atti relatati 56. Filwaqt li tippreżenta
din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat
il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 1 426 800
fl-intestatura baġitarja rilevanti. 57. Filwaqt li tadotta din
il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG,
il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni fuq kontribuzzjoni finanzjarja,
permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se tidħol fis-seħħ fid-data
li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni
proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 13
tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn
il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina
baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar
ġestjoni finanzjarja tajba
(applikazzjoni EGF/2014/008 FI/STX Rauma) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE)
Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar
ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[12],
u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura stabbilita fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali
tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi
kwistjonijiet baġitarji u ġestjoni finanzjarja tajba[13], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex
jipprovdi appoġġ lil ħaddiema li jingħataw is-sensja u
persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet
minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji
minħabba l-globalizzazzjoni, minħabba ssoktar tal-kriżi
finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE)
Nru 546/2009[14],
jew minħabba kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida u biex
jassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol. (2) Il-FEG ma għandux
jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet
tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE,
Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali
għas-snin 2014-2020[15]. (3) Il-Finlandja ressqet
applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward tas-sensji[16] f’STX Finland Oy
f'Rauma fil-Finlandja, fis-27 ta’ Mejju 2014 u ssupplimentatha
b’informazzjoni addizzjonali kif stipulat fl-Artikolu 8.3 tar-Regolament
(UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti
għad-determinazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit
fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. (4) Għaldaqstant, il-FEG
għandu jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni
finanzjarja li tammonta għal EUR 1 426 800
għall-applikazzjoni sottomessa mill-Finlandja, ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni
Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-FEG għandu jiġi
mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 1 426 800
f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament. Artikolu 2 Din
id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li
jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet
ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar
setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006,
p. 1). [3] Skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 7
tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. [4] Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012
tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE)
Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’
klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika
(NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġika
għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012,
p. 34). [5] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament
tal-FEG. [6] Sors : Sea Europe Market Monitoring 1-3Q/2013 [7] Dawn huma: EGF/2010/001 DK/Nordjylland COM(2010)451;
EGF/2010/006 PL/Cegielski-Poznan COM(2010)631; EGF/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard
COM(2011)251; EGF/2011/008 DK/Odense Steel Shipyard COM(2012)272; EGF/2011/019
ES/Galicia Metal COM(2012)451, u l-każ preżenti EGF/2014/008 FI/STX
Rauma. [8] Biex jiġu evitati d-deċimali, l-ispejjeż
stmati għal kull ħaddiem ġew imqarrba sal-eqreb żero.
Madankollu t-tqarrib ma għandu l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’
kull miżura li tibqa' l-istess bħal fl-applikazzjoni mressqa
mill-Finlandja. [9] It-totali ma jaqblux minħabba t-tqarrib
taċ-ċifri. [10] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884. [11] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. [12] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855. [13] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. [14] ĠU L 167, 29.6.2009, p.26. [15] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884. [16] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament
tal-FEG.