Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, tat-twaqqif ta' żewġ sottokumitati speċjalizzati, u tad-delega ta' ċerti poteri mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. /* COM/2014/0587 final - 2014/0273 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. KUNTEST TAL-PROPOSTA/SFOND Il-proposta
mehmuża tikkostitwixxi strument legali għall-awtorizzazzjoni
tal-pożizzjoni tal-Unjoni li għandha tiġi adottata fil-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni
("il-Ftehim") bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova,
fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, il-ħolqien ta'
żewġ sottokumitati speċjalizzati, u d-delega ta' ċerti setgħat
mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. In-negozjati dwar il-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni komprensiv u ambizzjuż bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova tnedew f'Jannar 2010. Fi Frar 2012, l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova nedew ukoll negozjati dwar il-parti taż-Żona ta'
Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), bħala element
ewlieni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. L-Unjoni
Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova inizjalaw it-test tal-Ftehim
fid-29 ta' Novembru 2013. Il-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni huwa l-iktar ftehim avvanzat ta' dan it-tip li qatt ġie
nnegozjat mill-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-kummerċ u
l-integrazzjoni ekonomika, u jmur ħafna lil hinn minn sempliċi
ftuħ tas-suq. L-għan huwa li jiġi aċċellerat
l-approfondiment tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn
ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE, kif ukoll li tiġi avvanzata
l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova fis-Suq
Intern tal-UE f'oqsma magħżula, speċjalment bit-twaqqif ta'
DCFTA. Fis-16 ta' Ġunju 2014,
il-Kunsill adotta d-deċiżjoni tiegħu [1] dwar l-iffirmar, f'isem
l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati
Membri tagħhom, u l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti
dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluża l-parti
taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva
(DCFTA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika
u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika
tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra. Sussegwentement, il-Ftehim ġie
ffirmat fi Brussell nhar il-Ġimgħa,
is-27 ta' Ġunju 2014 fil-marġini tal-Kunsill Ewropew.
Ir-Repubblika
tal-Moldova rratifikat il-Ftehim fit-2 ta' Lulju 2014 u lestiet,
b'mod parallel mal-Unjoni Ewropea, il-proċeduri ta' notifika
meħtieġa fl-istess xahar. Konsegwentement, skont l-Artikolu 464
tal-Ftehim, ċerti dispożizzjonijiet tiegħu (speċifikati
fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u
l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova
tas-16 ta' Ġunju 2014) huma applikati fuq bażi
provviżorja b'seħħ mill-1 ta' Settembru 2014,
fl-istennija ta' ratifika mill-Istati Membri tal-UE. L-applikazzjoni
provviżorja hija prevista fid-dawl taż-żamma tal-interessi
ekonomiċi u l-valuri komuni f'ekwilibriju, u r-rieda komuni tal-UE u
r-Repubblika tal-Moldova biex jibdew jimplimentaw u jinfurzaw il-partijiet
eleġibbli tal-Ftehim sabiex javvanzaw impatt ta' riforma bikri dwar
kwistjonijiet speċifiċi għas-setturi qabel il-konklużjoni
tal-Ftehim. 2. RIŻULTATI TAN-NEGOZJATI It-Titolu VII
tal-Ftehim mar-Repubblika tal-Moldova jistipula l-qafas istituzzjonali li huwa
neċessarju għall-funzjonament tajjeb u l-implimentazzjoni
tal-Ftehimiet. Il-Ftehim jistabbilixxi Kunsill ta' Assoċjazzjoni
(l-Artikolu 434(1)) fuq livell ministerjali biex jissorvelja u
jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. Sabiex iħejji
l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni,
jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn
xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta'
assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim, huwa stabbilit ukoll
Kumitat ta' Assoċjazzjoni (skont l-Artikolu 437(1) tal-Ftehim). Il-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni flimkien mal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista'
jiddeċiedi li jistabbilixxi kull sottokumitat jew korp speċjalizzat
ieħor biex jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu u jiddetermina
l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta' dawn il-kumitati jew korpi speċjali
u kif għandhom jiffunzjonaw. Barra minn hekk, il-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni għandu s-setgħa li jemenda jew jaġġorna
l-Annessi tal-Ftehim (l-Artikolu 436(3) tal-Ftehim). Huwa jista' jiddelega
kwalunkwe mill-poteri tiegħu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni,
inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti
(l-Artikolu 438(2) tal-Ftehim) Il-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċifika biex jindirizza
l-kwistjonijiet kollha li joħorġu mit-Titolu V (Kummerċ u
Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ). Il-parti tad-DCFTA tal-Ftehim tipprevedi
sottokumitati speċifiċi dwar miżuri sanitarji &
fitosanitarji, dwar id-dwana, dwar indikaturi ġeografiċi, u dwar
il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli biex jassistu lill-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ fi dmirijietu. Huma previsti wkoll
fora għas-soċjetà ċivili u l-kooperazzjoni parlamentari. Bil-ħsieb li
tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel u f'waqtha tal-parti
tad-DCFTA tal-Ftehim, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġornament
jew l-emendar ta' diversi Annessi tal-Ftehim relatati mal-kummerċ, huwa
ssuġġerit li dawn is-setgħat jiġu ddelegati mill-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-Kummerċ. Din id-delega se tiżgura r-rabta meħtieġa bejn
id-diskussjonijiet tekniċi f'dak il-Kumitat dwar l-implimentazzjoni ta'
impenji relatati mal-kummerċ, inklużi dawk li jikkonċernaw
l-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE mir-Repubblika tal-Moldova, u
toħloq kundizzjonijiet għal segwitu f'waqtu għalihom. Bil-għan li
jitlesta l-qafas istituzzjonali u li jkunu jistgħu jsiru diskussjonijiet
fuq livell ta' esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu
tal-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehimiet, huwa ssuġġerit li
jitwaqqfu żewġ sottokumitati, maħtura kif ġej: (1) Sottokumitat
dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà (JFS); (2) Sottokumitat
dwar il-Kooperazzjoni Ekonomika u Setturi Oħra. L-għan
tas-sottokumitati huwa li jiffokaw fuq dawk is-suġġetti fejn huma
mistennija riżultati konkreti, aktar milli neċessarjament ikopru
l-istess aġenda ta' suġġetti sena wara sena. Sottokumitati
addizzjonali jistgħu jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard, wara qbil
mill-Partijiet. Il-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni jipprevedi firxa wiesgħa ta' kooperazzjoni f'setturi,
li tiffoka fuq l-appoġġ għal riformi ewlenin, l-irkupru u t-tkabbir
ekonomiku, il-governanza u l-kooperazzjoni tas-setturi f'aktar minn 28 qasam,
bħal: il-ġustizzja, l-enerġija, it-trasport, l-istatistika,
il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-ambjent, il-kooperazzjoni industrijali u
bejn l-intrapriżi żgħar u medji, l-agrikoltura u l-iżvilupp
rurali, il-politika soċjali, il-kooperazzjoni tas-soċjetà
ċivili, il-politika tal-konsumatur, ir-riforma tal-amministrazzjoni
pubblika, l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ
kif ukoll il-kooperazzjoni kulturali. F'dawn l-oqsma kollha,
it-titjib fil-kooperazzjoni jibda mill-bażi tal-oqfsa attwali, kemm
bilaterali kif ukoll multilaterali, bil-għan ta' aktar djalogu sistematiku
u skambju ta' informazzjoni u prassi tajba. Element kruċjali
għall-kapitoli tal-kooperazzjoni settorjali huwa menù komprensiv ta'
approssimazzjoni gradwali, fejn rilevanti, mal-acquis tal-UE stabbilit
fl-annessi tal-Ftehim. Skedi speċifiċi għall-approssimazzjoni u
l-implimentazzjoni mir-Repubblika tal-Moldova ta' partijiet magħżula
mill-acquis tal-UE se jipprovdu fus għal kooperazzjoni kontinwa, u
se jiffurmaw il-qalba tar-riforma interna u tal-aġenda ta'
modernizzazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova. Kull "djalogu
regolari" kif ta' spiss imsemmi f'dan il-Ftehim jista' jkopri l-oqsma ta'
politika kollha msemmija iktar 'il fuq. It-tieni sottokumitat għalhekk
jista' jiltaqa' f'konfigurazzjonijiet differenti skont il-bżonn. Din il-proposta tibni fuq l-esperjenza
mal-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni mat-tliet pajjiżi u
għandha l-għan li ttejjeb il-funzjonament tal-istruttura
tas-sottokumitati skont il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Kemm l-UE kif ukoll
ir-Repubblika tal-Moldova impenjaw ruħhom li jimplimentaw il-Ftehim b'mod
rapidu u effettiv. L-għan ta' din il-proposta huwa għalhekk li
tiżgura li l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim isir operazzjonali malajr
kemm jista' jkun. Sabiex jiġi ffaċilitat dan, se jkun kruċjali
li nipproċedu malajr bil-proċess tal-adozzjoni tar-Regoli ta'
Proċedura għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, il-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni u s-sottokumitati sabiex dawn ikunu jistgħu jibdew
jiffunzjonaw malajr. Huwa maħsub li tissejjaħ l-ewwel laqgħa
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova
fl-20 ta' Ottubru 2014, li jikkoinċidi mal-Kunsill
tal-Affarijiet Barranin fil-Lussemburgu. L-għażla ta' dan
iż-żmien hija ta' importanza primarja għar-Repubblika tal-Moldova
fid-dawl tal-elezzjonijiet ġenerali li ser isiru
fit-30 ta' Novembru. 3. L-ELEMENTI ĠURIDIĊI
TAL-PROPOSTA Għall-Unjoni,
il-bażi ġuridika li tawtorizza l-pożizzjoni tal-Unjoni li
għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit
permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova
hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari
l-Artikolu 218(9) TFUE. Fid-dawl
tar-riżultati tan-negozjati msemmija hawn fuq, fuq il-bażi
tal-Artikolu 218(9) TFUE l-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-Kunsill jadotta
d-Deċiżjoni li tawtorizza l-pożizzjoni tal-Unjoni li
għandha tiġi adottata fl-ewwel Kunsill ta' Assoċjazzjoni
tal-UE-Repubblika tal-Moldova fir-rigward ta' dawn li ġejjin: –
ir-regoli ta' proċedura għall-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni u l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, –
il-ħolqien ta' żewġ sottokumitati
speċjalizzati, kif ukoll –
id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-Kummerċ. 2014/0273 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni li
għandha tiġi adottata fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit
mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea
tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa
waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra,
fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, tat-twaqqif ta'
żewġ sottokumitati speċjalizzati, u tad-delega ta' ċerti
poteri mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(9)
tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) L-Artikolu 464
tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ("il-Ftehim") bejn l-Unjoni Ewropea
u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom,
fuq naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, jistipula
l-applikazzjoni provviżorja ta' parti mill-Ftehim. (2) L-Artikolu 4
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Ġunju 2014
dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim jispeċifika
ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim li għandhom jiġu applikati
provviżorjament. (3) L-Artikolu 435(2)
tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli
ta' proċedura tiegħu stess. (4) L-Artikolu 435(3)
tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiġi ppresedut
b'rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni u rappreżentant
tar-Repubblika tal-Moldova. (5) L-Artikolu 437(1)
tal-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun megħjun
fit-twettiq ta' dmirijietu minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li
l-Artikolu 438(1) jistipula li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
jiddetermina fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-doveri u
l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. (6) L-Artikolu 439(2)
jistipula li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li
jistabbilixxi kull sottokumitat jew korp speċjalizzat ieħor f'oqsma
speċifiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
li jkun jista' jassistih fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. (7) Il-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni huwa responsabbli għas-superviżjoni u
l-monitoraġġ tal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim.
Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega lill-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni kull waħda mis-setgħat li għandu,
inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.
Huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif imsemmi fl-Artikolu 438(4)
tal-Ftehim, is-setgħa li jaġġorna jew jemenda l-Annessi ta' dan
il-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 u 8 tat-Titolu IV
(Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal‑Kummerċ), skont
l-Artikoli 436(3) u 438(2) tal-Ftehim sa fejn ma hemmx
dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawk il-Kapitoli dwar
l-aġġornament jew l-emendar tal-Annessi f'dan il-Ftehim. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata
mill-Unjoni fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit permezz tal-Artikolu 434
tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea
tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa
waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, hija
b'dan stabbilita f'dak li għandu x'jaqsam ma': –
l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, –
l-istabbiliment ta' sottokumitati
speċjalizzati u l-adozzjoni tat-termini ta' referenza tagħhom, kif ukoll –
id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-Kummerċ skont it-termini tal-abbozzi ta' deċiżjonijiet
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni annessi ma' din id-Deċiżjoni. 2. Tibdil minuri fl-abbozzi tad-deċiżjonijiet jista'
jiġi miftiehem mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni mingħajr xi deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Artikolu 2 Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jikkonsisti
min-naħa tal-Unjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 260 tat-30.08.2014 ANNESS 1
DEĊIŻJONI
Nru 1/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U r-Repubblika
tal-MOLDOVA
tal-… 2014
li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu u dawk tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni
IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-MOLDOVA, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija
Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika
tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ
"il-Ftehim") u b'mod partikolari l-Artikolu 434 tiegħu, Billi: (1)
Skont l-Artikolu 464, partijiet mill-Ftehim
huma applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. (2)
L-Artikolu 435(2) tal-Ftehim jipprevedi li
l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura
tiegħu stess. (3)
L-Artikolu 437(1) tal-Ftehim jistipula li
l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkun megħjun fit-twettiq ta' dmirijietu
minn Kumitat ta' Assoċjazzjoni filwaqt li l-Artikolu 438(1) jistipula
li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddetermina fir-regoli ta' proċedura
tiegħu d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. IDDEĊIEDA KIF ĠEJ: Artikolu
Waħdieni Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni u dawk tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, kif stabbiliti
fl-Appendiċi A u B rispettivament, huma b'dan adottati. Magħmul fi …, ….. || Għall-Unjoni Ewropea Għar-Repubblika tal-Moldova APPENDIĊI A Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni AA-DCFTA UE-Repubblika tal-Moldova Artikolu 1 Dispożizzjonijiet
ġenerali 1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni stabbilit skont
l-Artikolu 434(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea
u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri
tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq
in-naħa l-oħra (minn hawn' il quddiem imsejjaħ
"il-Ftehim") iwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previst
fl-Artikoli 434 u 436 tal-Ftehim. 2. Kif previst fl-Artikolu 435(1) tal-Ftehim, il-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni jkun magħmul minn membri tal-Kunsill tal-Unjoni
Ewropea u membri tal-Kummissjoni Ewropea, fuq naħa waħda, u minn
membri tal-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra.
Il-kompożizzjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni tqis il-kwistjonijiet
speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull laqgħa. Fejn
ikun xieraq u bi qbil miż-żewġ Partijiet, il-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jiltaqa' fuq livell ta' Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern. 3. Kif previst fl-Artikolu 436(1) tal-Ftehim, sabiex
jilħaq l-għanijiet tiegħu, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
jkollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet li huma vinkolanti
fuq il-Partijiet. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jieħu l-miżuri
xierqa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu,
inkluż, jekk meħtieġ, billi jagħti s-setgħa lil
entitajiet speċifiċi stabbiliti skont dan il-Ftehim sabiex
jaġixxu f'ismu. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jista' jagħmel ukoll
rakkomandazzjonijiet. Huwa jadotta d-deċiżjonijiet u
r-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, wara t-tlestija
tal-proċeduri interni rispettivi. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista'
jiddelega s-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. 4. Il-partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura huma dawk
kif definiti fl-Artikolu 461 tal-Ftehim Artikolu 2 Presidenza Il-Partijiet iżommu l-Presidenza
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, alternatament, għal perjodu ta' 12-il
xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru tal-istess
sena. Artikolu 3 Laqgħat 1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiltaqa' mill-inqas
darba fis-sena, u meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan, bi
ftehim reċiproku. 2. Kull sessjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzoni
tinżamm f'data miftiehma mill-Partijiet. 3. Il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
jissejħu b'mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni, bi qbil mal-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
mhux aktar tard minn 30 jum qabel id-data tal-laqgħa. Artikolu 4 Rappreżentanza 1. Il-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu
jiġu rrappreżentati f'każ li ma jkunux jistgħu jattendu.
Jekk membru jixtieq ikun hekk rappreżentat, dan irid jinnotifika
lill-President bil-miktub bl-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel ma
tibda l-laqgħa li fiha jkun ser jiġi rappreżentat. 2. Ir-rappreżentant ta' membru tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jeżerċità d-drittijiet kollha ta' dak il-membru. Artikolu 5 Delegazzjonijiet 1. Il-membri tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jistgħu
jkunu akkumpanjati minn uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President
jiġi infurmat, permezz tas-Segretarjat, dwar il-kompożizzjoni
maħsuba tad-delegazzjoni ta' kull Parti. 2. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista', bi qbil bejn
il-Partijiet, jistieden rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet
jew esperti indipendenti f'qasam biex jattendu għal-laqgħat
tiegħu bħala osservaturi jew sabiex jipprovdu informazzjoni fuq
suġġetti partikolari. Il-Partijiet jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet
li taħthom dawn l-osservaturi jistgħu jattendu l-laqgħat. Artikolu 6 Is-Segretarjat Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali
tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tar-Repubblika tal-Moldova
jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni. Artikolu 7 Korrispondenza 1. Korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni tintbagħat lis-Segretarju jew tal-Unjoni jew
tar-Repubblika tal-Moldova, li min-naħa tagħhom jgħarrfu
lis-Segretarju l-ieħor. 2. Is-Segretarjat jiżgura li l-korrispondenza tiġi
trażmessa lill-President u, fejn xieraq, iċċirkolata
lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. 3. Is-Segretarjat jibgħat il-korrispondenza kif dovut
lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew
għall-Azzjoni Esterna, ir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri
għall-Unjoni Ewropea u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Missjonijiet tar-Repubblika tal-Moldova
għall-Unjoni Ewropea, b'kopja, kif applikabbli, lill-ministeru responsabbli
mill-affarijiet barranin jew il-ministeru responsabbli għall-kummerċ
u l-kwistjonijiet relatati mal-kummerċ fir-Repubblika tal-Moldova. 4. Komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jintbagħtu lid-destinatarji mis-Segretarjat f'isem
il-President tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Tali komunikazzjonijiet
jiġu ċċirkolati, fejn jixraq, lill-membri tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni kif previst fit-tielet paragrafu. Artikolu 8 Kunfidenzjalità Sakemm ma jiġix deċiż mod
ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti lill-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali, il-Parti
l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali. Artikolu 9 Aġendi
għal-laqgħat 1. Il-President ifassal aġenda provviżorja
għal kull laqgħa. Din tintbagħat mis-Segretarji tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regoli ta'
Proċedura mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa. L-aġenda
provviżorja tinkludi dawk il-punti li fir-rigward tagħhom
il-President ikun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom
fl-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa.
Dawn il-punti ma jinkitbux fl-aġenda provviżorja sakemm id-dokumenti
ta' appoġġ rilevanti ma jkunux ġew mibgħuta lis-Segretarji
qabel id-data li fiha tintbagħat l-aġenda. 2. L-aġenda tkun adottata mill-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Punti apparti dawk li jidhru
fl-aġenda provviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda
jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. 3. Il-President jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet,
iqassar il-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex iqis
il-ħtiġijiet ta' każ partikolari. Artikolu 10 Minuti 1. Għandu jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa
b'mod konġunt miż-żewġ Segretarji. 2. Bħala regola ġenerali, il-minuti jindikaw
fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda: (a) id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni; (b) id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
jkun talab li jiddaħħlu; kif ukoll (c) kwistjonijiet li dwarhom ikun intlaħaq qbil bejn
il-partijiet, bħal deċiżjonijiet adottati, id-dikjarazzjonijiet
li kien hemm qbil dwarhom u kull konklużjoni, fost oħrajn. 3. L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni fi żmien 20 jum kalendarju
wara kull laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Dan jiġi
approvat fi żmien 45 jum kalendarju wara kull laqgħa tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni. Wara l-approvazzjoni, il-minuti jiġu ffirmati
mill-President u miż-żewġ Segretarji. Kopja
ċċertifikata vera tintbagħat lil kull wieħed
mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura. Artikolu 11 Deċiżjonijiet
u rakkomandazzjonijiet 1. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jieħu
deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet bi ftehim
reċiproku bejn il-Partijiet. Kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni
tiġi ffirmata mill-Unjoni u mir-Repubblika tal-Moldova. 2. Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu wkoll
deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura
bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Għal dan il-għan,
it-test tal-proposta jitqassam bil-miktub mill-President tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni lill-membri tiegħu skont l-Artikolu 7 tar-Regoli
tal-Proċedura, b'limitu ta' żmien ta' mhux anqas minn 21 jum
kalendarju li fih il-membri għandhom jgħarrfu r-riżervi jew
l-emendi li jixtiequ jagħmlu. Il-President jista', b'konsultazzjoni
mal-Partijiet, iqassar il-limitu ta' żmien sabiex iqis il-ħtiġijiet
ta' każ partikolari. 3. Ladarba t-test jiġi miftiehem, id-deċiżjoni
jew ir-rakkomandazzjoni jiġu ffirmati b'mod indipendenti u
suċċessivament mill-Unjoni u mir-Repubblika tal-Moldova. L-atti
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiġu intitolati "Deċiżjoni"
jew "Rakkomandazzjoni" rispettivament skont it-tifsira
tal-Artikolu 436(1) tal-Ftehim. Is-Segretarjat tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jagħti lil kull deċiżjoni jew
rakkomandazzjoni numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni
tas-suġġett. Kull deċiżjoni tistipula d-data tad-dħul
fis-seħħ tagħha. 4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiġu awtentikati
miż-żewġ Segretarji. 5. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet
jiġu ċċirkolati lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija
fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-regoli ta' Proċedura. 6. Kull Parti tista' tiddeċiedi li tordna
l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva
tagħha. Artikolu 12 Lingwi 1. Il-lingwi uffiċjali
tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali tal-Partijiet. 2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor,
il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni normalment jibbaża d-deliberazzjonijiet
tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn il-lingwi. Artikolu 13 Spejjeż 1. Kull Parti tkopri kull spiża li tagħmel
bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kunsill
ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u
l-ispejjeż ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż
tal-posta u t-telekomunikazzjoni. 2.
In-nefqa marbuta mal-interpretazzjoni
fil-laqgħat, it-traduzzjoni u r-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas
mill-Unjoni Ewropea. F'każ li r-Repubblika tal-Moldova tkun
teħtieġ interpretazzjoni jew traduzzjoni minn u lejn ilsna oħra
barra dawk previsti fl-Artikolu 12 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura,
l-ispejjeż relatati ma' dan jitħallsu mir-Repubblika tal-Moldova. 3. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni
materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-Parti li tospita l-laqgħat. Artikolu 14 Kumitat
ta' Assoċjazzjoni 1. Skont l-Artikolu 437(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jkun megħjun fil-qadi ta' dmirijietu mill-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni. Il-Kumitat ikun magħmul minn rappreżentanti
tal-Unjoni fuq naħa, u r-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Moldova, fuq
in-naħa l-oħra, fuq livell iddeterminat mill-Ftehim. 2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jħejji
l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni,
jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn
xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta'
assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim. Huwa jqis kull
kwistjoni li titressaq quddiemu mingħand il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
kif ukoll kull kwistjoni li tista' tinqala' matul it-twettiq tal-Ftehim. Huwa
jippreżenta proposti jew abbozzi ta'
deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni tiegħu. Skont
l-Artikolu 438(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista'
jagħti s-setgħa lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li jieħu
deċiżjonijiet. 3. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jieħu
d-deċiżjonijiet u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet li għandu
s-setgħa jagħmel skont il-Ftehim. 4. F'każijiet fejn il-Ftehim jirreferi għal obbligu
ta' konsultazzjoni jew possibbiltà ta' konsultazzjoni jew fejn il-Partijiet
jiddeċiedu bi ftehim komuni biex jikkonsultaw lil xulxin, din
il-konsultazzjoni tista' ssir fil-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, ħlief
fejn speċifikat mod ieħor fil-Ftehim. Il-konsultazzjoni tista'
tkompli fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ
Partijiet jaqblu li jsir hekk. Artikolu 15 Emenda
tar-Regoli ta' Proċedura Dawn ir-regoli ta' proċedura jistgħu
jiġu emendati skont l-Artikolu 11 ta' hawn fuq. APPENDIĊI B Regoli tal-Proċedura tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni u s-Sottokumitati AA-DCFTA UE-Repubblika tal-Moldova Artikolu 1 Dispożizzjonijiet
ġenerali 1. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni li huwa stabbilit skont
l-Artikolu 437(1) tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea
u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika u l-Istati Membri
tagħhom, fuq naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, fuq
in-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ
"il-Ftehim") jgħin lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
fit-twettiq tad-dmirijiet u tal-funzjonijiet u jwettaq il-kompiti stipulati
f'dan il-Ftehim u assenjati lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Skont
l-Artikolu 438(1), il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddetermina
fir-regoli ta' proċedura tiegħu d-doveri u l-funzjonament tal-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni. 2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jħejji
l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni,
jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni fejn
xieraq u, b'mod ġenerali, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta'
assoċjazzjoni u l-funzjonament korrett tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.
Il-Kumitat iqis kull kwistjoni li titressaq quddiemu mill-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista' tinqala' matul
l-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. Huwa
jippreżenta proposti jew abbozzi ta' deċiżjonijiet jew
rakkommandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għall-adozzjoni.
3. Kif previst fl-Artikolu 437(2) tal-Ftehim, il-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u
minn rappreżentanti tar-Repubblika tal-Moldova, fil-prinċipju
f'livell ta' uffiċjal pubbliku anzjan, li jkollhom il-kompetenza
fil-kwistjonijiet speċifiċi li jridu jiġu indirizzati f'kull
sessjoni partikolari. 4. Skont l-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, meta l-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-kummerċ iwettaq il-kompiti
konferiti lilu fit-Titolu V tal-Ftehim, huwa jkun kompost minn
uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova li
jkollhom responsabbiltà għall-kummerċ u għal kwistjonijiet
relatati mal-kummerċ. Rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea jew tar-Repubblika
tal-Moldova li jkollu r-responsabbiltà għall-kummerċ u kwistjonijiet
relatati mal-kummerċ jaġixxi bħala President skont
l-Artikolu 2 hawn taħt. Fil-laqgħat jattendi wkoll
rappreżentant tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. 5. Kif previst fl-Artikolu 438(3) tal-Ftehim, il-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni jkollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet
fil-każijiet previsti f'dan il-Ftehim u f'oqsma li fihom il-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni ddelega s-setgħat lilu. Id-deċiżjonijiet huma
vinkolanti għall-Partijiet, li jieħdu l-miżuri xierqa biex
iwettquhom. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta d-deċiżjonijiet
tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri
interni rispettivi għall-adozzjoni tagħhom. 6. Il-Partijiet f'dawn ir-Regoli ta' Proċedura jiġu
definiti kif stipulat fl-Artikolu 461 tal-Ftehim Artikolu 2 Presidenza Il-Partijiet iżommu l-Presidenza
tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, fuq bażi ta' alternanza, għal
perjodi ta' 12-il xahar. L-ewwel perjodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa
tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta' Diċembru
tal-istess sena. Artikolu 3 Laqgħat 1. Ħlief fejn ikun miftiehem mod ieħor
mill-Partijiet, il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiltaqa' b'mod regolari, minn
tal-inqas darba fis-sena. Jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali
tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fuq talba ta' waħda mill-Partijiet,
jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. 2. Kull laqgħa tal-Kumitat tal-Assoċjazzjoni
titlaqqa' mill-President fi żmien u f'post li jkun hemm qbil dwaru
miż-żewġ Partijiet. L-avviż ta' sejħa
għal-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni mhux aktar tard minn 28 jum qabel il-bidu
tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor. 3. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-kummerċ jiltaqa' mill-inqas darba fis-sena u meta
ċ-ċirkostanzi jeħtieġu dan. Kull laqgħa tissejjaħ
mill-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-Kummerċ f'data, post u mezzi miftiehma mill-Partijiet. L-avviż li
jsejjaħ il-laqgħa jinħareġ mis-Segretarjat tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ mhux aktar tard minn
15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa sakemm il-Partijiet ma jiftehmux
mod ieħor. 4. Kull fejn possibbli, il-laqgħa regolari tal-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni tissejjaħ fi żmien xieraq qabel il-laqgħa
regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. 5. F'każijiet eċċezzjonali, u jekk jaqblu
ż-żewġ Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni jistgħu jsiru permezz ta' mezzi teknoloġiċi
li jintlaħaq qbil dwarhom, bħal vidjokonferenza. Artikolu 4 Delegazzjonijiet Qabel kull laqgħa, il-Partijiet jiġu
infurmati, permezz tas-Segretarjat, bil-kompożizzjoni maħsuba
tad-delegazzjonijiet li jkunu se jattendu l-laqgħa fuq
iż-żewġ naħat. Artikolu 5 Is-Segretarjat 1. Uffiċjal tal-Unjoni u uffiċjal tar-Repubblika
tal-Moldova jaġixxu b'mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni u jwettqu kompiti segretarjali b'mod konġunt sakemm
dawn ir-Regoli ta' Proċedura ma jistipulawx mod ieħor, fi spirtu ta'
fiduċja reċiproka u kooperazzjoni. 2. Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal
tar-Repubblika tal-Moldova li jkollhom ir-responsabbiltà għal kwistjonijiet
kummerċjali u relatati mal-kummerċ jaġixxu b'mod konġunt
bħala Segretarji tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-Kummerċ. Artikolu 6 Korrispondenza 1. Korrispondenza indirizzata lill-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni tintbagħat lis-Segretarju ta' waħda
mill-Partijiet, li min-naħa tiegħu jgħarraf lis-Segretarju
l-ieħor. 2. Is-Segretarjat jiżgura li l-korrispondenza
indirizzata lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni tingħata lill-President
tal-Kumitat u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq bħala dokumenti
msemmija fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. 3. Korrispondenza mill-President tal-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni tintbagħat lill-Partijiet mis-Segretarjat
lid-destinatarji f'isem il-President tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Din
il-korrispondenza tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, kif stipulat
fl-Artikolu 7 ta' dawn ir-Regoli ta' Proċedura. Artikolu 7 Dokumenti 1. Id-dokumenti jiġu ċċirkolati permezz
tas-Segretarji. 2. Parti tittrażmetti d-dokumenti tagħha
lis-Segretarju tagħha. Is-Segretarju jittrażmetti dawn id-dokumenti
lis-Segretarju tal-Parti l-oħra. 3. Is-Segretarju tal-Unjoni jiċċirkola d-dokumenti
lir-rappreżentanti responsabbli tal-Unjoni u jikkopja sistematikament
lis-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova f'din il-korrispondenza. 4. Is-Segretarju tar-Repubblika tal-Moldova
jiċċirkola d-dokumenti lir-rappreżentanti responsabbli
tar-Repubblika tal-Moldova u jikkopja sistematikament lis-Segretarju tal-Unjoni
f'din il-korrispondenza. Artikolu 8 Kunfidenzjalità Sakemm ma jiġix deċiż mod
ieħor bejn il-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi. Meta Parti tissottometti
lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni informazzjoni mmarkata bħala
kunfidenzjali, il-Parti l-oħra tittratta dik l-informazzjoni bħala tali. Artikolu 9 Aġendi
għal-Laqgħat 1. Titfassal aġenda provviżorja għal kull
laqgħa kif ukoll abbozz tal-Konklużjonijiet Operattivi kif stipulat
fl-Artikolu 10 hawn taħt mis-Segretarjat tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni abbażi tal-proposti li jsiru mill-Partijiet.
L-aġenda provviżorja tkun tinkludi punti li s-Segretarju tal-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni jkun irċieva talba dwarhom mingħand Parti biex
jiddaħħlu fl-aġenda, sostnuti mid-dokumenti rilevanti, mhux
aktar tard minn 21 jum kalendarju qabel id-data tal-laqgħa. 2. L-aġenda provviżorja, flimkien mad-dokumenti
rilevanti, jiġu ċċirkolati kif previst fl-Artikolu 7 mhux
aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. 3. L-aġenda tiġi adottata mill-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Kull punt minbarra dawk li
jidhru fl-aġenda provviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda
jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. 4. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni jista', bil-qbil tal-Parti l-oħra, jistieden
rappreżentanti ta' korpi oħra tal-Partijiet jew esperti indipendenti
f'suġġett fuq bażi ad hoc biex jattendu l-laqgħat
tiegħu biex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti
speċifiċi. Il-Partijiet jiżguraw li dawk osservaturi jew esperti
jirrispettaw kull rekwiżit ta' kunfidenzjalità. 5. Il-President tal-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-perjodi ta' żmien
speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 biex jieħu kont ta' ċirkostanzi
speċjali. Artikolu 10 Minuti u Konklużjonijiet Operattivi 1. Jitħejja abbozz tal-minuti ta' kull laqgħa b'mod
konġunt miż-żewġ Segretarji. 2. Bħala regola ġenerali, il-minuti jindikaw
fir-rigward ta' kull punt fuq l-aġenda: (a) lista tal-parteċipanti fil-laqgħa, lista ta'
uffiċjali li jakkumpanjawhom u lista ta' kull osservatur jew espert li
jattendi l-laqgħa; (b) id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni; (c) id-dikjarazzjonijiet li l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun
talab li jiddaħħlu; kif ukoll (d) Konklużjonijiet Operattivi mil-laqgħa, kif previst
fil-paragrafu (4). 3. L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Dawn jiġu approvati fi
żmien 28 jum kalendarju wara kull laqgħa tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni. Wara l-approvazzjoni, il-minuti jiġu ffirmati
mill-President u miż-żewġ Segretarji. Kopja ċċertifikata
vera tintbagħat lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija
fl-Artikolu 7 tar-Regoli tal-Proċedura. 4. Abbozz tal-Konklużjonijiet Operattivi ta' kull
laqgħa jitfassal mis-Segretarju tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
tal-Parti li jkollha l-Presidenza, u jiġi ċċirkolat
lill-Partijiet flimkien mal-aġenda, normalment mhux aktar tard minn
15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dan l-abbozz jiġi
aġġornat kif tkun għaddejja l-laqgħa sabiex fi tmiem
il-laqgħa, sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni jadotta l-Konklużjonijiet Operattivi, li
jirriflettu l-azzjonijiet ta' segwitu mill-Partijiet. Ladarba jkunu miftiehma,
il-Konklużjonijiet Operattivi jiġu mehmuża mal-minuti u
l-implimentazzjoni tagħhom tiġi eżaminata matul laqgħa
sussegwenti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Għal dak il-għan
il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jadotta mudell, li jippermetti li kull punt
ta' azzjoni jiġi traċċat skont skadenza speċifika. . Artikolu 11 Deċiżjonijiet
u rakkomandazzjonijiet 1. Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Ftehim
jagħtih is-setgħa li jieħu deċiżjonijiet jew fejn tali
setgħa kienet iddelegata lilu mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni,
il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet. Huwa
jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet
isiru bi qbil komuni bejn il-Partijiet. Kull deċiżjoni jew
rakkomandazzjoni tiġi ffirmata minn rappreżentant
taż-żewġ Partijiet. Mingħajr preġudizzju
għall-paragrafu 2, ir-rappreżentanti jiffirmaw dawn id-dokumenti
matul il-laqgħa li fiha tiġi adottata d-deċiżjoni jew
rakkomandazzjoni rilevanti. 2. Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jista' jieħu
deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura
bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub
tikkonsisti minn skambju ta' noti bejn iż-żewġ Segretarji, li
jaġixxu bi ftehim mal-Partijiet. Għal dan il-għan, it-test
tal-proposta jitqassam skont l-Artikolu 7, b'limitu ta' żmien ta'
mhux anqas minn 21 jum kalendarju li fih kull riżerva jew emenda
għandha tiġi mgħarrfa. Il-President tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni jista', b'konsultazzjoni mal-Partijiet, iqassar il-perjodi
ta' żmien speċifikati f'dan il-paragrafu biex jieħu kont ta'
ċirkostanzi speċjali. Ladarba t-test jiġi miftiehem,
id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni jiġu ffirmati
indipendentement u suċċessivament minn rappreżentant ta' kull
Parti. 3. L-atti tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiġu
intitolati "Deċiżjoni" jew "Rakkomandazzjoni"
rispettivament. Kull deċiżjoni tistipula d-data tad-dħul
fis-seħħ tagħha. 4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet
tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jiġu awtentikati
miż-żewġ Segretarji. 5. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet
jiġu ċċirkolati maż-żewġ Partijiet. 6. Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni
tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha. Artikolu 12 Rapporti Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jirrapporta
lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk
tas-Sottokumitati, il-Gruppi ta' Ħidma u l-korpi l-oħra tiegħu
f'kull laqgħa regolari tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni. Artikolu 13 Lingwi
1. Il-lingwi uffiċjali tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni huma l-Ingliż u r-Rumen. 2. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor,
il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu
fuq dokumentazzjoni mfassla f'kull waħda minn dawn iż-żewġ
lingwi. Artikolu 14 Spejjeż 1. Kull Parti tkopri kull spiża li tagħmel
bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-Kumitat
ta' Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal,
l-ivvjaġġar u ta' sussistenza kif ukoll fir-rigward tal-ispejjeż
ta' posta u telekomunikazzjoni. 2. In-nefqa marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u
mar-riproduzzjoni tad-dokumenti titħallas mill-Parti li tkun qed tospita
l-laqgħa. 3. Spejjeż li għandhom x'jaqsmu ma' servizzi ta'
interpretazzjoni fil-laqgħat, u t-traduzzjoni ta' dokumenti għal jew
mill-Ingliż u r-Rumen kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) ta' dawn
ir-Regoli ta' Proċedura jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita
l-laqgħa. Interpretazzjoni u
traduzzjoni għal jew minn lingwi oħra jitħallsu direttament
mill-Parti li tagħmel it-talba. Artikolu 15 Emenda
tar-Regoli ta' Proċedura Dawn
ir-regoli ta' proċedura jistgħu jiġu emendati
b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni skont
l-Artikolu 438(1). Artikolu 16 Sottokumitati
u Gruppi ta' Ħidma speċjalizzati 1. Skont l-Artikolu 439(2) tal-Ftehim, il-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jwaqqaf Sottokumitati jew xi
kumitati jew korpi speċjali, f'oqsma speċifiċi neċessarji
għall-implimentazzjoni tal-Ftehim minbarra dawk li hemm stipulati
fil-Ftehim, sabiex jgħinuh fit-twettiq ta' dmirijietu. Il-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jtemm il-ħidma ta' tali Sottokumitat,
kumitat speċjali jew korp, u jiddefinixxi jew jemenda t-termini ta'
referenza tagħhom. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, dawn
is-sottokumitati jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta'
Assoċjazzjoni, u jirrappurtaw lilu wara kull waħda mil-laqgħat
tagħhom. 2. Sakemm ma jkunx previst mod ieħor mill-Ftehim jew
miftiehem fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, ir-regoli preżenti ta'
proċeduri jiġu applikati mutatis mutandis għal kull
Sottokumitat, kumitat jew korp speċjali kif stipulat f'(1) hawn fuq. 3. Il-laqgħat tas-sottokumitati maħluqa skont il-Ftehim
jistgħu jinżammu b'mod flessibbli skont il-bżonn, personalment,
fi Brussell jew fil-pajjiż sħab jew pereżempju permezz ta'
vidjokonferenza. Is-sottokumitati jkunu l-pjattaforma biex jiġi ssorveljat
il-progress dwar l-approssimazzjoni f'oqsma speċifiċi, biex jiġu
diskussi ċerti kwistjonijiet u sfidi li jirriżultaw minn dan
il-proċess u biex jiġu fformulati rakkomandazzjonijiet u
konklużjonijiet operattivi. 4. Is-Segretarjat tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni jkun
ikkupjat bil-korrespondenza, dokumenti u komunikazzjonijiet relevanti kollha li
jikkonċernaw sottokumitat, kumitat jew korp speċjali kif stipulat
f'(1) hawn fuq. 4. Sakemm mhux stipulat mod ieħor fil-Ftehim jew miftiehem
mill-Partijiet fil-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, is-Sottokumitati, kumitati jew
korpi speċjali jkollhom biss is-setgħa li jagħmlu
rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni. Artikolu 17 Dawn ir-regoli ta' proċedura japplikaw
għall-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ mutandis
mutatis, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor. ANNESS
II DEĊIŻJONI
Nru 2/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U r-Repubblika
tal-MOLDOVA ta'
.. 2014 Dwar
it-twaqqif ta' żewġ sottokumitati speċjalizzati IL-KUNSILL TA'
ASSOĊJAZZJONI bejn l-UE u r-Repubblika tal-MOLDOVA, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija
Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika
tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") u b'mod
partikolari l-Artikolu 439 tiegħu, Billi: (1) Skont l-Artikolu 465, partijiet mill-Ftehim huma
applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014. (2) L-Artikolu 439(2) jistipula li l-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jistabbilixxi kwalunkwe
sottokumitat jew korp speċjalizzat ieħor f'oqsma speċifiċi
meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim li jista' jassistih
fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu. (3) Sabiex jippermettu diskussjonijiet fil-livell ta' esperti
dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fl-ambitu tal-applikazzjoni
provviżorja tal-Ftehim, għandhom jiġu stabbiliti żewġ
sottokumitati. Bi qbil ulterjuri tal-partijiet kemm il-lista ta' sottokumitati
kif ukoll l-ambitu tas-sottokumitati individwali jistgħu jiġu
mmodifikati. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu
Waħdieni Is-sottokumitati elenkati
fl-Appendiċi A huma hawnhekk stabbiliti. Ir-Regoli ta' Proċedura
tas-sottokumitati huma rregolati mill-Artikolu 16 tar-Regoli ta'
Proċedura tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni u s-sottokumitati tal-Ftehim
ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova kif adottat bid-Deċiżjoni
Nru 1/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova. Magħmul fi, L-Unjoni Ewropea ir-Repubblika tal-Moldova Appendiċi A għall-ANNESS II Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika
tal-Moldova Sottokumitati stabbiliti: (1) Sottokumitat dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u
s-Sigurtà; (2) Sottokumitat dwar kooperazzjoni fl-Ekonomija u f'Setturi
oħra. ANNESS III DEĊIŻJONI
Nru 3/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE u r-Repubblika
tal-Moldova ta'
.. 2014 dwar
id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ. IL-KUNSILL TA'
ASSOĊJAZZJONI bejn l-UE u r-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija
Atomika u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa, u r-Repubblika
tal-Moldova, fuq in-naħa l-oħra, ("il-Ftehim") u b'mod
partikolari l-Artikoli 436(3) u 438(2) tiegħu, Billi: (1) Partijiet tal-Ftehim huma applikati provviżorjament
mill-1 ta' Settembru 2014, skont l-Artikolu 464 tal-Ftehim.
(2) Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa responsabbli sabiex
jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim. (3) Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega
lill-Kumitat tal-Assoċjazzjoni kull waħda mis-setgħat li
għandu, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet
vinkolanti skont l-Artikolu 438(2) tal-Ftehim. (4) Il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni
tal-Kummerċ jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mat-Titolu V
(Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) kif speċifikat
fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim. (5) Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel
u f'waqtha tal-parti tad-DCFTA tal-Ftehim, huwa xieraq li l-Kunsill ta'
Assoċjazzjoni jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni
fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ is-setgħa li jaġġorna jew
jemenda l-Annessi ta' dan il-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3,
5, 6 u 8 tat-Titlu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal‑Kummerċ)
ta' dan il-Ftehim sa fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi
f'dawk il-Kapitoli dwar l-aġġornament jew l-emendar ta' dawk
l-Annessi f'dan il-Ftehim. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu
Waħdieni Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega
lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif
imsemmi fl-Artikolu 438(4) tal-Ftehim, is-setgħa li
jaġġorna jew jemenda l-Annessi li jikkonċernaw il-Kapitoli1, 3,
5, 6 u 8 tat-Titlu V (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal‑Kummerċ)
ta' dan il-Ftehim sa fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi
f'dawk il-Kapitoli dwar l-aġġornament jew l-emendar ta' dawk
l-Annessi f'dan il-Ftehim. L-Unjoni Ewropea ir-Repubblika tal-Moldova