Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi dwar l-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi /* COM/2014/0574 final - 2014/0264 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Introduzzjoni Fit-28 ta’ Settembru 2012,
in-New Zealand applika biex jaderixxi mal-Ftehim tad-WTO dwar l-Akkwisti
Pubbliċi (“il-GPA”). In-New Zealand indika l-intenzjoni tiegħu li
jlesti l-adeżjoni tiegħu b’referenza għat-test emendat tal-GPA
(it-test ġie adottat mill-Partijiet fit-30 ta’ Marzu 2012 u
konkluż mill-UE permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tat-3.12.2013[1]). Il-GPA, kif emendat,
daħal fis-seħħ għall-Unjoni fis-6 ta’ April 2014. Il-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni, innegozjat
serje ta’ impenji għall-ftuħ tas-suq kif ippreżentat min-New
Zealand kemm f’format bilaterali u fi ħdan il-Kumitat dwar l-Akkwisti
Pubbliċi ("il-Kumitat tal-GPA"). In-New Zealand sussegwentement ippreżenta
offerta finali fil-21 ta’ Lulju 2014. Sommarju finali
tal-offerta tan-New Zealand u l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tagħha huma
stabbiliti hawn taħt. 2. Sommarju tat-termini ta’
adeżjoni tan-New Zealand mal-GPA L-offerta finali tan-New Zealand Impenji għall-aċċess
għas-suq (entitajiet koperti, prodotti, servizzi u servizzi
tal-kostruzzjoni) Entitajiet L-entitajiet governattivi tan-New Zealand;
fil-livell tal-gvern ċentrali hemm continuum ta’ entitajiet li
jeżerċitaw gradi differenti ta’ awtorità pubblika. Dawn huma
d-dipartmenti standard, immexxijja mill-Ministri, u kif ukoll diversi forom ta’
“Entitajiet tal-Kuruna”, kategorija li tindika tipi differenti ta’ entitajiet
li joperaw bħala strumenti tal-Kuruna għall-Gvern u li jwettqu
diversi funzjonijiet pubbliċi bħal fl-oqsma tas-saħħa,
l-edukazzjoni, it-turiżmu, l-akkomodazzjoni soċjali. Fit-tarf
l-ieħor tal-ispettru hemm l-Impriżi li huma Propjetà tal-Istat
(“IPS”), li huma Kumpaniji jew korporazzjonijiet b’responsabbiltà limitata li
joperaw bħala negozji kummerċjali. Fl-Anness 1 (“Entitajiet ċentrali”)
l-offerta ta' New Zealand tinkludi l-ministeri u d-dipartimenti tal-gvern
ċentrali. F’nota in-New Zealand qabel li jispeċifika li l-entitajiet
subordinati għal dawk stipulati fl-Anness 1 huma koperti wkoll. Fl-Anness 2 (“entitajiet
subċentrali”) in-New Zealand jinkludi l-biċċa l-kbira
tal-Bordijiet Distrettwali tas-Saħħa, li huma Entitajiet tal-Kuruna
responsabbli għall-provvediment jew għall-finanzjament tal-provvista
ta’ servizzi tas-saħħa f’distretti territorjali tagħhom u
l-entitajiet li jakkwistaw għalihom. Barra minn hekk, in-New Zealand
aċċetta li joffri kopertura tal-kunsilli tal-akbar bliet, il-Kunsill
tal-Belt ta’ Auckland, il-Kunsill tal-Belt ta' Wellington u il-Kunsill tal-Belt
ta' Christchurch kif ukoll dawk il-Kunsilli reġjonali li jaqbżu
l-250 000 abitant. Ikun hemm kopertura għal “għotjiet vertikali”
(dan jirreferi għall-fatt li aġenziji ċentrali meta
joħorġu għotjiet jistgħu jeħtieġu li
l-benefiċjarji jsegwu rekwiżiti tal-akkwist "vertikali").
Kopertura ta’ kunsilli tal-ibliet u kunsilli reġjonali hija prevista
fir-rigward ta’ akkwist ta’ prodotti, servizzi u servizzi tal-kostruzzjoni
relatati ma' proġetti tat-trasport iffinanzjati kompletament jew
parzjalment milll-Aġenzija tat-Trasport tan-New Zealand fejn il-valur totali
tal-proġett jeċċedi l-limiti applikabbli rilevanti għal
prodotti, servizzi u servizzi tal-kostruzzjoni. Fl-Anness 3 (“entitajiet oħra”), in-New
Zealand jinkludi 14 l-Entitajiet tal-Kuruna li joperaw f’diversi oqsma
inkluż it-turiżmu, l-avjazzjoni, l-edukazzjoni u t-trasport. Barra
minn hekk, in-New Zealand qabel li joffri wkoll erba’ SOEs li joperaw
fis-setturi tal-utilitajiet tal-linji tal-ajru, servizzi
meteoroloġiċi, il-ferroviji, u l-elettriku (Airways Corporation of
New Zealand Limited, Meteorological Service of New Zealand Limited, KiwiRail
Holdings Limited and Transpower New Zealand Limited). Dawn huma l-SOEs li
ġew identifikati li joperaw f’sitwazzjoni monopolistika. Oġġetti In-New Zealand ikkommetta ruħu li jkopri
l-akkwist tal-oġġetti kollha mill-entitajiet koperti. Is-Servizzi In-New Zealand joffri kopertura komprensiva
ħafna ta’ servizzi, jiġifieri s-servizzi kollha minn entitajiet
koperti, b’xi esklużjonijiet speċifiċi ħafna
(għar-riċerka u l-iżvilupp, servizzi tas-saħħa
pubblika, is-servizzi tal-edukazzjoni u s-servizzi soċjali). Servizzi ta’ kostruzzjoni In-New Zealand joffri s-servizzi kollha ta’
kostruzzjoni fid-Diviżjoni 51 tal-Klassifikazzjoni Ċentrali
tal-Prodott, kif huma komunement offruti mill-Partijiet tal-GPA kollha. Limiti Stabbiliti In-New Zealand japplika limiti li huma
komunament applikati minn Partijiet tal-GPA għal oġġetti,
servizzi u servizzi tal-kostruzzjoni. Il-leġiżlazzjoni
tan-New Zealand Il-Qafas tal-Akkwist Pubbliku tan-New Zealand
huwa nondiskriminatorju. Ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet li jagħtu
lill-provvisti u lill-fornituri domestiċi trattament iktar favorevoli minn
dak mogħti lil fornituri jew provvisti barranin.
Il-leġiżlazzjoni tan-New Zealand dwar l-akkwist pubbliku tidher li hi
miftuħa, trasparenti u nondiskriminatorja f'konformità ma’ rekwiżiti
tal-GPA. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni
tal-Offerta tan-New Zealand In-New Zealand jiftaħ is-suq tal-akkwist
tiegħu b’mod wiesa’ għall-Partijiet tal-GPA kollha fid-dawl li
għandha offerta komprensiva ħafna fir-rifward ta’ entitajiet,
prodotti u servizzi, u servizzi ta’ kostruzzjoni u leġiżlazzjoni mhux
diskriminatorja. Barra minn hekk, in-New Zealand ma jagħmilx xi
restrizzjoni partikolari kontra kwalunkwe Parti tal-GPA. Madankollu, meta
wieħed iqis li l-kopertura tan-New Zealand, għalkemm sinifikanti,
mhix kompluta, ikun xieraq li jiġu introdotti ċerti restrizzjonijiet
speċifiċi jew limiti għall-aċċess għas-suq
tal-akkwist tal-Unjoni fir-rigward tan-New Zealand kif għamlet l-UE
fl-imgħoddi għall-Partijiet tal-GPA li joffru biss kopertura
parzjali. Ir-restrizzjonijiet speċifiċi, li
jkunu parti mill-patti tal-adeżjoni għall-GPA għan-New Zealand
li għandu jkun adottat mill-Kumitat tal-GPA, huma dawn li ġejjin: ·
Anness 1, Taqsima 2 (L-awtoritajiet kontraenti
tal-Gvern Ċentrali tal-Istati Membri tal-UE), il-punt 3: In-New Zealand se
jiżdied mal-lista ta’ Partijiet tal-GPA li jkollhom aċċess
għall-akkwisti ta’ inqas awtoritajiet kontraenti fil-livell tal-gvern
ċentrali mill-bqija tal-isħab fil-GPA. ·
L-Anness 2, Noti mal-Anness 2, Nota 1: L-UE mhux se toffri
lin-New Zealand l-akkwist minn awtoritajiet kontraenti lokali (unitajiet
amministrattivi taħt NUTS 3 fir- Regolament (KE) Nru 1059/2003)[2] --kif emendat- u
l-unitajiet amministrattivi iżgħar). Unitajiet amministrattivi
taħt NUTS 1 u NUTS 2 fir-Regolament 1059/2003, akkwist mill-awtoritajiet
kontraenti ta’ unitajiet amministrattivi taħt NUTS 1 u 2 mhux se jkun
offrut lin-New Zealand, sakemm l-akkwist tagħhom għal proġetti
tat-trasport urban ma jkunx kopert fl-Anness 3 tal-Iskeda tal-UE tal-GPA.
Huwa biss l-akkwist ta’ unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 1 u
NUTS 2 li joperaw fil-qasam tat-trasport urban li se jkunu offruti lin-New Zealand,
fl-Anness 3 (b’mod partikolari l-attività “il-forniment jew it-tħaddim ta’
netwerks li jipprovdu servizz lil pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija
urbana, sistemi aawtomati, bit-tramvija, trolley bus, karozza tal-linja jew
kejbil” msemmija fil-punt e) tal-Anness 3 tal-iskeda tal-GPA tal-UE). ·
L-Anness 3, Noti mal-Anness 3, Nota 6: Kopertura iktar
limitata se tkun offruta lin-New Zealand għal entitajiet subċentrali;
huwa biss l-akkwist tal-unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 1 u
NUTS 2 b’rabta mat-trasport urban (b’mod partikolari l-attività msemmija
fil-punt e) tal-Anness 3 tal-iskeda tal-GPA tal-UE) li se jkun offrut lil New
Zealand. Barra minn hekk, l-UE mhux se toffri lin-New Zealand l-akkwist minn
entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi: ilma tajjeb għax-xorb;
Fil-qasam tal-portijiet marittimi jew dawk interni jew faċilitajiet ta’
terminal oħra; u fil-qasam tal-provvediment ta’ ajruport jew
faċilitajiet ta’ terminal oħra lit-trasportaturi bl-ajru. F’każ li xi Parti oħra għall-GPA
tinkludi limiti speċifiċi tgħall-kopertura tagħhom
fir-rigward tan-New Zealand, dan għandu jkun rifless ukoll fil-Kumitat
tal-GPA dwar il-patti ta’ adeżjoni ta' New Zealand. Madankollu,
għandu jiġi nnutat li kwalunkwe tali restrizzjonijiet jew limiti
mill-kopertura minn Parti għall-GPA li huma speċifiċi
għan-New Zealand ma taffettwax l-offerta finali tan-New Zealand kif
deskritta hawn fuq, u lanqas ir-riżervi speċifiċi tal-UE
proposti, jew il-kopertura reċiproka miftehma bejn il-Partijiet tal-GPA
attwali. 3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA Il-GPA rivedut jinkludi dispożizzjoni dwar l-adeżjoni.
L-Artikolu XXII(2) tal-GPA jipprovdi li kull Membru tad-WTO jista’
jissieħeb mal-GPA fuq patti li jridu jiġu miftehma bejn dak l-Istat u
l-Partijiet, b’tali patti ddikjarat f’deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA.
Il-patti ta’ adeżjoni tan-New Zealand se
jiġu stipulati f’Deċiżjoni tal-kumitat tal-GPA li hija
mistennija li tiġi adottata fit-tieni nofs tal-2014. Din
id-Deċiżjoni se tinkludi l-offerta fianli tan-New Zealand għal
aċċess tas-suq tagħha tal-akkwisti pubbliċi (li se jsir
parti mill-Appendiċi I tal-GPA fuq l-adeżjoni tan-New Zealand),
kif ukoll kwalunkwe patti speċifiċi ta’ adeżjoni mitluba minn
Partijiet oħra tal-GPA. Id-Deċiżjoni ser tkun adottata b’kunsens
fil-Kumitat tal-GPA. L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li meta deċiżjoni
li għandha effett legali teħtieġ li tittieħed f’korp
imwaqqaf minn ftehim internazzjonali, il-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni,
għandu jadotta d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni. Id-deċiżjoni
tal-Kumitat tal-GPA li se titsabbilixxi l-patti tal-adeżjoni tan-New
Zealand taqa' fl-Artikolu 218(9) TFUE minħabba li
d-deċiżjoni hi meħuda f'korp imwaqqaf minn ftehim
internazzjonali u se jkollha effetti legali. 4. RAKKOMANDAZZJONI L-adeżjoni tan-New Zealand fil-GPA hija
mistennija tagħmel kontribut pożittiv ħafna lejn aktar ftuħ
tas-swieq tal-akkwist pubbliku internazzjonali, billi jitkabbar in-numru ta’
partijiet għall-GPA u b’hekk tinkoraġġixxi pajjiżi
oħra biex jissieħbu fil-GPA. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li
l-offerta min-New Zealand hija aċċettata suġġetta
għar-restrizzjonijiet imsemmija hawn fuq il-kopertura tal-Unjoni
fir-rigward tan-New Zealand. Għaldaqstant, huwa propost li l-Kummissjoni għandha tkun
awtorizzata li fil-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi tesprimi
l-pożizzjoni tal-Unjoni favur l-adeżjoni tan-New Zealand
soġġetta għar-restrizzjonijiet msemmija hawn fuq, li
għandhom ikunu riflessi fid-deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA dwar
l-adeżjoni tan-New Zealand. 2014/0264 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti
Pubbliċi dwar l-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim dwar l-Akkwisti
Pubbliċi IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fit-28 ta’ Settembru 2012,
in-New Zealand applika għall-adeżjoni mal-Ftehim dwar l-Akkwisti
Pubbliċi (“il-GPA”). (2) L-impenji tan-New Zealand
dwar il-kopertura huma stabbiliti fl-offerta finali tagħha, kif imressqa
quddiem il-Partijiet għall-GPA fil-21 ta’ Lulju 2014. (3) Għalkemm komprensiva,
l-offerta min-New Zealand ma tipprovdix kopertura sħiħa.
Għalhekk huwa xieraq li jiġu introdotti ċerti
konċessjonijiet speċifiċi għan-New Zealand għall-kopertura
tal-Unjoni. Dawn il-limiti speċifiċi, kif rifless fl-Anness għal
din id-Deċiżjoni, isiru parti mill-patti ta’ adeżjoni mal-GPA
għan-New Zealand u jkunu riflessi fid-deċiżjoni adottata
mill-Kumitat dwar l-Akkwisti Pubbliċi (“il-Kumitat tal-GPA”) dwar
l-adeżjoni tan-New Zealand. (4) L-adeżjoni tan-New
Zealand mal-GPA hija mistennija tagħmel kontribut pożittiv għal
aktar ftuħ tas-swieq tal-akkwisti pubbliċi internazzjonali. (5) L-Artikolu XXII(2) tal-GPA
jipprovdi li kull Membru tad-WTO jista’ jissieħeb mal-Ftehim fuq patti li
jridu jiġu miftehma bejn dak l-Istat u l-Partijiet, b’tali patti ddikjarat
f’deċiżjoni tal-Kumitat tal-GPA. (6) Għaldaqstant, huwa
neċessarju li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha
tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat tal-GPA fir-rigward
tal-adeżjoni tan-New Zealand, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha
tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat dwar l-Akkwisti
Pubbliċi hija li tapprova l-adeżjoni tan-New Zealand mal-Ftehim dwar
l-Akkwisti Pubbliċi, soġġetta għal patti
speċifiċi tal-adeżjoni stabbiliti fl-Anness għal din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din
id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni
tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2013
dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist
Pubbliku mill-Gvern, ĠU L 68, 7.3.2014, p. 1. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’
unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 342,
18.12.2013, p. 1). ANNESS TERMINI TAL-UE DWAR L-ADEŻJONI
TAN-NEW ZEALAND MAL-GPA Mal-adeżjoni
tan-New Zealand mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi l-punt 3
tat-Taqsima 2 (“L-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali
tal-Istati Membri tal-UE”) tal-Anness 1 mal-Appendiċi I tal-Unjoni
Ewropea jinqara kif ġej: " 3. Għal prodotti,
servizzi, fornituri u provdituri ta’ servizzi fl-Istati Uniti; il-Kanada;
il-Ġappun Ħong Kong, iċ-Ċina; Singapor il-Korea; l-Armenja;
it-Territorju Doganali Separat tat-Tajwan, Penghu, Kinmen u Matsu u n-New
Zealand, l-akkwist mill-awtoritajiet kontraenti tal-gvern ċentrali li
ġejjin, sakemm dawn ma jkunux immarkati b’asterisk.” Mal-adeżjoni
tan-New Zealand mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi in-Nota 1
tan-Noti mal-Anness 2 tal-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea
tinkludi l-punti segwenti wara l-punt e): " (f) l-akkwist minn awtoritajiet kontraenti lokali
(awtoritajiet kontraenti ta’ unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS
3 u unitajiet amministrattivi iżgħar, kif imsemmi
fir-Regolament 1059/2003 (kif emendat)) fir-rigward ta’ prodotti,
servizzi, fornituri u provdituri ta’ servizzi min-New Zealand; (g) l-akkwist minn awtoritajiet
kontraenti ta’ unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 1 u 2 kif
imsemmi fir-Regolament 1059/2003 (kif emendat), fir-rigward ta’ prodotti,
servizzi, fornituri u provdituri ta’ servizzi min-New Zealand, sakemm l-akkwist
tagħhom huwa kopert mill-Anness 3 tal-UE; " Mal-adeżjoni
tan-New Zealand mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi in-Nota 6
tan-Noti mal-Anness 3 tal-Appendiċi I tal-Unjoni Ewropea
tinkludi l-punti segwenti wara l-punt n): "(o) l-akkwist mill-entitajiet tal-akkwisti li joperaw fil-qasam
tal-produzzjoni, it-trasport jew id-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb
koperti f'dan l-Anness fir-rigward ta’ provvisti, servizzi u provdituri ta'
servizzi min-New Zealand; (p) l-akkwist mill-entitajiet
tal-akkwisti li joperaw fil-qasam tal-faċilitajiet tal-ajruporti koperti
f'dan l-Anness fir-rigward ta’ provvisti, servizzi u provdituri ta' servizzi
min-New Zealand; (q) l-akkwist mill-entitajiet
tal-akkwisti li joperaw fil-qasam tal-provvediment ta' faċilitajiet
tal-portijiet marittimi jew interni jew faċilitajiet oħra
tat-terminals koperti f'dan l-Anness fir-rigward ta’ provvisti, servizzi u
provdituri ta' servizzi min-New Zealand; (r) l-akkwist minn awtoritajiet
kontraenti reġjonali jew lokali li joperaw fl-oqsma koperti minn dan
l-Anness, fir-rigward ta’ provvisti, servizzi u l-provdituri tas-servizzi min-New
Zealand, bl-eċċezzjoni ta’ akkwisti mill-awtoritajiet kontraenti ta’
unitajiet amministrattivi elenkati taħt NUTS 1 u 2 (kif imsemmi
fir-Regolament 1059/2003, kif emendat) li joperaw fil-qasam tat-trasport
bil-ferrovija urbana, sistemi awtomatiċi, tramvija, xarabank li
taħdem bl-elettriku (trolley bus), karrozzi tal-linja jew kejbil. "