52014PC0528

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) /* COM/2014/0528 final - 2014/0245 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-għanijiet tal-OIV huma li (i) tinforma permezz ta' pubblikazzjonijiet u tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti u simpożji, (ii) tassisti organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li huma involuti f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni u (iii) tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta' prattiki u standards eżistenti. Bħalissa, 45 Stat huma membri tal-OIV, li fosthom hemm 21 li huma Stati Membri tal-Unjoni. Fil-preżent, l-UE mhijiex Membru tal-OIV.

Fil-livell tal-UE, skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ir-Regolament dwar l-OKS, ĠU L 347, p. 671), ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE. Ir-Regolament dwar l-OKS jistipula referenzi għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

-             ċerti metodi ta’ analiżi biex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti fis-settur tal-inbid adottati u ppubblikati mill-OIV, li magħhom trid timxi l-Kummissjoni jekk kemm-il darba dawn ma jkunux ineffettivi jew mhux xierqa fid-dawl tal-għan tal-Unjoni (l-Artikolu 80(5) tar-Regolament dwar l-OKS);

-             ċerti speċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni ta' sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi, sabiex ir-regoli, dwar din il-kwistjoni fl-UE, adottati u ppubblikati mill-OIV isiru jorbtu ipso facto (l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli, ĠU L 193, p. 1);

-             għal prattiki enoloġiċi adottati u ppubblikati mill-OIV li l-Kummissjoni trid tqis meta tawtorizza prattiki bħal dawn (l-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament dwar l-OKS); u

-             l-istess prattiki enoloġiċi fejn użati, qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament dwar l-OKS, għall-produzzjoni tal-inbejjed f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 90(2) tar-Regolament dwar l-OKS).

Bl-istess mod, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2870/2000 tad-19 ta’ Diċembru 2000 li jistabbilixxi l-metodi Komunitarji ta’ referenza għall-analiżi tax-xorb spirituż (ĠU L 333, p. 20) ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE. L-Artikolu 3 tar-Regolament 2870/2000 jistipula referenza għal riżoluzzjonijiet tal-OIV meta l-metodi analitiċi ta' referenza Komunitarji ma jkunux stabbiliti għad-detezzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' sustanzi li jkunu f’xarba spirituża partikolari.

Abbażi ta' diskussjonijiet li saru fil-gruppi ta’ esperti li ltaqgħu biex jippreparaw l-Assemblea Ġenerali tal-OIV, wieħed jista' jistenna li r-Riżoluzzjonijiet li ġejjin, li jipproduċu effett legali fuq l-acquis tal-UE, ser ikunu fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali għall-adozzjoni:

-             L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 12-504 jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida. Skont l-Artikoli 80(3)(a) u 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013, din ir-Riżoluzzjoni se taffettwa l-acquis.

-             L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 03-262 jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-purità u l-identifikazzjoni ta’ sustanza użata fi prattika enoloġika. Din il-prattika enoloġika ġiet ippubblikata u rrakkomandata mill-OIV bil-kundizzjoni li jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanza użata (Il-Kodiċi Internazzjonali tal-prattiki Enoloġiċi tal-OIV, § 2.1.20 and § 3.4.14). Skont l-Artikoli 80(3)(a) u 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, din ir-Riżoluzzjoni se taffettwa l-acquis.

-             L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 10-457, 10-458, 11-480 u 12-512 jistabbilixxi metodi ta' analiżi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-riżoluzzjonijiet se jaffettwaw l-acquis.

Ir-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi fis-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandard tal-inbid u dawn ser jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta' prodotti fis-settur tal-inbid. Għaldaqstant, għandhom jiġu appoġġati.

Bħal fl-imgħoddi, wieħed jista' jistenna li l-aġenda tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV se tibqa’ tevolvi u li mal-aġenda jiżdiedu aktar Riżoluzzjonijiet li jaffettwaw l-acquis. Sabiex tiżgura l-effiċjenza tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali filwaqt li tirrispetta r-regoli tat-Trattati, fiż-żmien dovut il-Kummissjoni se tissupplimenta u/jew temenda din il-proposta biex tippermetti lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni li għandha tittieħed ukoll għal dawn ir-Riżoluzzjonijiet.

2014/0245 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti riżoluzzjonijiet li għandu jittieħed vot dwarhom, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-għanijiet tal-OIV huma li (i) tinforma permezz ta' pubblikazzjonijiet u tal-organizzazzjoni ta' avvenimenti u simpożji, (ii) tassisti organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li huma involuti f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni u (iii) tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta' prattiki u standards eżistenti. Bħalissa, 45 Stat huma membri tal-OIV, li fosthom hemm 21 li huma Stati Membri tal-Unjoni. Fil-preżent, l-UE mhijiex Membru tal-OIV.

(2)       Fil-livell tal-UE, skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[1], ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE. Ir-Regolament dwar l-OKS jistipula referenzi għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

-        ċerti metodi ta’ analiżi biex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti fis-settur tal-inbid adottati u ppubblikati mill-OIV, li magħhom trid timxi l-Kummissjoni jekk kemm-il darba dawn ma jkunux ineffettivi jew mhux xierqa fid-dawl tal-għan tal-Unjoni (l-Artikolu 80(5) tar-Regolament dwar l-OKS);

-        ċerti speċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni ta' sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi, sabiex ir-regoli, dwar din il-kwistjoni fl-UE, adottati u ppubblikati mill-OIV isiru jorbtu ipso facto (l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009[2];

-        prattiki enoloġiċi adottati u ppubblikati mill-OIV li l-Kummissjoni trid tqis meta tawtorizza prattiki bħal dawn (l-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament dwar l-OKS); u

-        l-istess prattiki enoloġiċi fejn użati, qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament dwar l-OKS, għall-produzzjoni tal-inbejjed f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 90(2) tar-Regolament dwar l-OKS).

(3)       Il-laqgħa li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV se ssir fl-14 ta' Novembru 2014. F’dik l-okkażjoni, l-Assemblea Ġenerali se teżamina u possibbilment tadotta Riżoluzzjonijiet li se jipproduċu l-effetti legali li hemm referenza għalihom.

(4)       Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġu adottati, qabel dik il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV, il-pożizzjonijiet li l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, u li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-UE, għandhom jieħdu fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fir-rigward ta' dawn ir-Riżoluzzjonijiet.

(5)       L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-TECHNO 12-504 jistabbilixxi prattika enoloġika ġdida. Skont l-Artikoli 80(3)(a) u 90(2) tar-Regolament (KE) Nru 1308/2013, din ir-Riżoluzzjoni se taffettwa l-acquis.

(6)       L-abbozz tar-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 03-262 jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar il-purità u l-identifikazzjoni ta’ sustanza użata fi prattika enoloġika. Din il-prattika enoloġika ġiet ippubblikata u rrakkomandata mill-OIV bil-kundizzjoni li l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanza użata jiġu adottati (Il-Kodiċi Internazzjonali tal-prattiki Enoloġiċi tal-OIV, § 2.1.20 and § 3.4.14). Skont l-Artikoli 80(3)(a) u 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009, din ir-Riżoluzzjoni se taffettwa l-acquis.

(7)       L-abbozz tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 10-457, 10-458, 11-480 u 12-512 jistabbilixxi metodi ta' analiżi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u (5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-riżoluzzjonijiet se jaffettwaw l-acquis.

(8)       Ir-riżoluzzjonijiet imsemmija hawn fuq ġew diskussi b’mod estensiv bejn l-esperti xjentifiċi u tekniċi fis-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandard tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fil-kummerċ ta' prodotti fis-settur tal-inbid. Għaldaqstant, dawn għandhom jiġu appoġġati.

(9)       Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom ikunu awtorizzati li jaqblu ma’ bidliet f'dawn ir-riżoluzzjonijiet sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fl-2014 għandha tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 2

1.           Meta jkun hemm il-probabbiltà li l-pożizzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 1 tiġi affettwata b’informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel jew waqt il-laqgħat tal-OIV, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV għandhom jitolbu li l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sakemm il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun stabbilita abbażi tal-elementi l-ġodda.

2.           Wara l-koordinazzjoni, b’mod partikolari fuq il-post, u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma Membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni jistgħu jaqblu ma’ bidliet fl-abbozz tar-riżoluzzjonijiet li hemm referenza għalih fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u li ma jbiddlux is-sustanza tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (Ir-Regolament dwar l-OKS, ĠU L 347, p 671).

[2]               Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiċi enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, p. 1).

ANNESS

L-Istati Membri li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni għandhom jappoġġaw biss, u soġġett għal kull eżami fil-futur abbażi ta' żviluppi ġodda, dawn l-abbozzi ta’ riżoluzzjonijiet fl-istadju 7 dwar il-metodi ta' analiżi għad-determinazzjoni tal-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, dwar l-ispeċifikazzjonijiet ta’ purità u identifikazzjoni ta' sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi u dwar il-prattiki enologiċi:

OENO-TECHNO 12-504, it-trattament tal-inbejjed bl-użu ta’ teknoloġija tal-membrana flimkien ma’ karbonju attivat biex jitnaqqas l-eċċess ta' 4-etilfenol u 4-etilgwajakol,

OENO-SCMA 03-262, kopolimeri tal-adsorbenti PVI/PVP – CODEX.

OENO-SCMA 10-457, il-metodu ta’ determinazzjoni ta’ ammini bijoġeniċi fl-inbid permezz ta’ kromotografija likwida bi prestazzjoni għolja b'detezzjoni permezz ta' fotodijodi f'serje,

OENO-SCMA 10-458, id-determinazzjoni ta' liżożima fl-inbid permezz tal-użu ta’ kromotografija likwida bi prestazzjoni għolja,

OENO-SCMA 11-480, id-determinazzjoni ta' metanol fl-inbid bl-użu ta' kromatografija gassuża,

OENO-SCMA 12-512, id-determinazzjoni tal-proporzjon tal-isotopu tal-karbonju 13C/12C ta' CO2 fl-inbejjed spumanti: il-metodu li juża l-modifikazzjoni tal-ispettrometrija ta' massa tal-proporzjonijiet isotopiċi (IRMS).