Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet (Programm tas-saħħa) /* COM/2014/0522 final - 2014/0240 (NLE) */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Sabiex jiġu żgurati
ċ-ċertezza ġuridika u l-omoġeneità meħtieġa
tas-Suq Intern, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandu jintegra
l-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-UE fil-Ftehim ŻEE mill-aktar
fis possibbli wara l-adozzjoni tiegħu. L-Artikolu 78 tal-Ftehim ŻEE
jistipula li l-Partijiet Kontraenti jsaħħu u jwessgħu
l-kooperazzjoni fil-qafas tal-attivitajiet tal-Unjoni. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT L-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE (anness mal-proposta ta' Deċiżjoni
tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Protokoll 31
tal-Ftehim ŻEE dwar il-kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li
ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet sabiex jestendi l-kooperazzjoni
tal-Partijiet Kontraenti. Sabiex tiġi estiża l-kooperazzjoni
tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE f'dan il-qasam (li sseħħ
mill-1 ta' Jannar 2014), ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet
Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020)
u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE[1] jeħtieġ li
jiġi inkorporat mal-Ftehim taż-ŻEE permezz tal-emenda msemmija
hawn fuq. Ta' min jinnota li l-Liechtenstein
jingħata eżenzjoni milli jipparteċipa f'dan il-programm, u milli
jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja għalih. 3. L-ELEMENTI
ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA L-Artikolu 1(3) tar-Regolament
tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti
għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jistipula li, fuq proposta
mill-Kummissjoni, il-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar dawn id-Deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni tressaq l-Abbozz
tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni tittama li tkun tista' tippreżentah fil-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE mill-aktar fis possibbli. Id-Deċiżjoni tal-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE għandha sservi wkoll bħala l-qbil
tal-Partijiet, skont l-Artikolu 1(8) tal-Protokoll 32 tal-Ftehim
taż-ŻEE, li jibdew il-kooperazzjoni skont ir-Regolament (UE)
Nru 282/2014 mill-1 ta' Jannar 2014 ukoll jekk din id-Deċiżjoni
tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tiġi adottata, jew jekk
it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din
id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun
hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014. 2014/0240 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea,
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fir-rigward ta' emenda
għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma
speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet
(Programm tas-saħħa) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 168(5)
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar
l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea[2],
u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Ftehim dwar
iż-Żona Ekonomika Ewropea[3]
(“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ
fl-1 ta' Jannar 1994. (2) Skont l-Artikolu 98
tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista'
jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 tal-Ftehim
ŻEE ("il-Protokoll 31"). (3) Il-Protokoll 31 fih
dispożizzjonijiet u arranġamenti dwar kooperazzjoni f'oqsma
speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet. (4) Huwa xieraq li
l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tiġi estiża
għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 282/2014
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.[4] (5) Huwa xieraq li
l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw
mir-Regolament (UE) Nru 282/2014 jibdew mill-1 ta' Jannar 2014 ukoll jekk
id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma'
din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq
tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni
tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, jekk ikun hemm, jiġi notifikat
wara l-10 ta' Lulju 2014. (6) Entitajiet stabbiliti
fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw
f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ
tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE annessa ma'
din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn
l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar
2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli bl-istess kundizzjonijiet
bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet
stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm id-Deċiżjoni tal-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem
tal-azzjoni kkonċernata. (7) Għalhekk,
il-Protokoll 31 għandu jiġi emendat skont dan. (8) L-emenda għandha
tapplika mill-1 ta' Jannar 2014. (9) Il-pożizzjoni tal-Unjoni
fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għandha għalhekk tkun
ibbażata fuq l-abbozz ta' Deċiżjoni li jinsab mehmuż. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi
adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
dwar l-emenda proposta għall-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar
kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet, tkun
ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt
taż-ŻEE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ
fid-data tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1. [2] ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6. [3] ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3. [4] Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm
għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li
jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21/03/2014,
p. 1-13) ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru .../2014
ta'
li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE,
dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti
mill-erba' libertajiet IL-KUMITAT KONĠUNT
TAŻ-ŻEE, Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona
Ekonomika Ewropea ("il-Ftehim taż-ŻEE"), u partikolarment
l-Artikoli 86 u 98 tiegħu, Billi: (1)
Huwa xieraq li tiġi estiża
l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim
taż-ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 282/2014
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar
it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam
tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru
1350/2007/KE[1]. (2)
Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati
tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE)
Nru 282/2014 tibda mill-1 ta’ Jannar 2014 ukoll jekk din
id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq
tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk
ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta’ Lulju 2014. (3)
Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA
għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f’attivitajiet li jibdew
qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni
tagħhom tibda wara l- 1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala
eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli
għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati
Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ
qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata. (4)
Għalhekk, il-Protokoll 31
tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din
il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ
mill-1 ta' Jannar 2014. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-inċiż li ġej jiżdied
fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 16 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim
taż-ŻEE: "- 32014 R 0282:
Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta'
Marzu 2014 dwar l-istabbiliment tat-tielet programm ta' azzjoni tal-Unjoni
fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) u li jħassar
id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1). L-ispejjeż
imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda
wara l- 1 ta’ Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli
mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew
id-deċiżjoni tal-għotja konċernat sakemm
id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE No.../2014
tal-... jidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni. Il-Liechtenstein
jiġi eżentat mill-parteċipazzjoni f'dan il-programm u milli
jagħti kontribut finanzjarju għalih." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont
l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE*. Hija
tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2014. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni tiġi
ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE
ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea Magħmul fi Brussell, Għall-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE Il-President
Is-Segretarji
għall-Kumitat
Konġunt taż-ŻEE [1] ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1. * [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma
indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]