Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni FEG/2014/004 ES/Metall tal-Comunidad Valenciana) /* COM/2014/0515 final */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI KUNTEST TAL-PROPOSTA 1. Ir-regoli applikabbli
għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti
fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar
ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1]
(ir-‘Regolament FEG’). 2. L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw
applikazzjoni FEG/2014/004 ES/Metall tal-Comunidad Valenciana għal
kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara għoti ta’ sensji u ċessjoni
ta’ attivitajiet skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament FEG (minn
hawn ’il quddiem imsejħa “sensji”) f’142 intrapriża li joperaw
fid-diviżjoni 25 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ prodotti
tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir)[2] fir-reġjun
tal-livell NUTS 2 tal-Comunidad Valenciana (ES52). 3. Wara eżaminazzjoni
bir-reqqa ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet, b’konformità
mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament FEG, li l-kondizzjonijiet
għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew
issodisfati. SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI Applikazzjoni FEG: || FEG/2014/004 ES/Metall tal-Comunidad Valenciana Stat Membru: || Spanja Reġjun(i) kkonċernat(i) (livell NUTS 2): || Comunidad Valenciana (ES52) Data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni: || 25.3.2014 Data ta’ skadenza għall-konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni u għal talba għal informazzjoni addizzjonali || 7.4.2014 Data ta’ skadenza għall-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali: || 20.5.2014 Data ta’ skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni: || 12.8.2014 Kriterju ta' intervent: || Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament FEG Settur(i) tal-attività ekonomika (Diviżjoni ta’ NACE Rev. 2): || Diviżjoni 25 (“Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir”) Perjodu ta' referenza (disa' xhur): || 1.4.2013 – 31.12.2013 Għadd ta' sensji jew waqfien ta' attività matul il-perjodu ta' referenza: || 633 L-għadd ta' benefiċjarji eliġibbli li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri: || 300 Baġit għal servizzi personalizzati || EUR 1 622 640 Baġit għal tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità || EUR 76 000 Baġit totali || EUR 1 698 640 Kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG || EUR 1 019 184 (60 % tal-ispejjeż totali) VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI Proċedura 4. L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw
applikazzjoni FEG/2014/004 ES/Metall tal-Comunidad Valenciana fi żmien
12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’
intervent stabbiliti fil-paragrafi 5 sa 7 hawn taħt, fil-25 ta’ Marzu 2014.
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet il-wasla tal-applikazzjoni fi żmien
ħmistax mid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni, fis-7 ta’ April 2014.
Fl-istess data, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali mingħand
l-awtoritajiet Spanjoli.
Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt
ġimgħat mid-data tat-talba. Iż-żmien ta' 12-il
ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta li fih il-Kummissjoni
għandha tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità
tal-applikazzjoni mal-kondizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribut
finanzjarju jiskadi fit-12 ta’ Awwissu 2014. Eliġibbiltà tal-applikazzjoni Il-kriterji ta’
intervent 5. L-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw
applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(b)
tar-Regolament FEG, li jirrikjedi li tal-inqas 500 ħaddiem jingħataw
is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ disa’ xhur f’intrapriżi li joperaw
fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Rev. 2 u
li jinsabu f’reġjun wieħed jew żewġ reġjuni kontigwi
definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru. 6. L-applikazzjoni tirrigwarda
ħaddiema li ngħataw is-sensja jew inkella li temmew l-attivitajiet
tagħhom[3]
f’142 intrapriża[4]
li joperaw fid-diviżjoni 25 tan-NACE Rev. 2 (Manifattura ta’ prodotti
tal-metall iffabbrikat, għajr makkinarju u tagħmir) fir-reġjun
tal-livell NUTS 2 tal-Comunidad Valenciana (ES52). 7. Il-perjodu
ta’ referenza ta’ disa’ xhur huwa mill-1 ta’ April 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013. Kalkolu tal-għotjiet tas-sensja u
taċ-ċessjoni ta’ attività 8. L-għotjiet tas-sensja
ġew ikkalkulati kif ġej: –
380 mid-data li fiha
l-impjegatur, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE[5], innotifika
lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar is-sensji kollettivi
proġettati. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw qabel
id-data tat-tlestija tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni li dawn it-380 sensja ġew fil-fatt
effettwati; u –
253 mid-data tat-terminazzjoni de facto
tal-kuntratt ta’ impjieg jew l-iskadenza tiegħu fil-perjodu ta’ referenza. Benefiċjarji eliġibbli 9. In-numru totali ta’
benefiċjarji eliġibbli huwa 633. Rabta bejn l-għoti tas-sensja u
l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali indirizzata fir-Regolament (KE)
Nru 546/2009 10. Sabiex tiġi stabbilita
r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali
indirizzata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009, l-awtoritajiet Spanjoli
isostnu li s-settur tal-prodotti tal-metall huwa fornitur ewlieni ta’
riżorsi għal firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ manifattura,
b’mod partikolari tas-setturi tal-bini tal-bastimenti, tal-kostruzzjoni u
tal-awtomobilistika. Dawn kollha kienu milquta b’mod
sinifikanti madwar l-Unjoni Ewropea mill-kriżi ekonomika, kif rikonoxxut
preċedentement mill-Kummissjoni[6]
u s-servizzi tagħha[7].
Barra minn hekk, l-argumenti mressqa f’applikazzjonijiet preċedenti
tal-FEG relatati ma’ dawn is-setturi jibqgħu validi[8], b’mod partikolari dawk
imressqa fil-kuntest ta’ żewġ applikazzjonijiet tal-FEG minn Spanja
relatati mal-istess settur[9]. Indiċi
tal-produzzjoni industrijali
(2010 = 100)
Sors: Eurostat 11. Kif jidher fit-tabella t'hawn
fuq, bejn is-snin 2000 u 2007, jiġifieri qabel il-kriżi finanzjarja u
ekonomika, il-medja tat-tkabbir annwali tal-indiċi tal-produzzjoni
industrijali fl-UE-28 kienet ta’ madwar 1,7 %; fl-ewwel kwart (Q1)
tal-2008, l-indiċi għall-UE 28 laħaq il-livell massimu
tiegħu (112,8). Bejn April 2008 u April 2009 il-produzzjoni industrijali
fl-UE-28 niżlet b’aktar minn 22 punt perċentwali. Wara, madankollu,
daħal fis-seħħ irkupru relattivament dinamiku għal madwar
sentejn. Minn Mejju 2011, il-produzzjoni industrijali reġgħet
waqgħet. Il-medja tal-indiċi tal-produzzjoni industrijali tal-UE
għall-2013 hija komparabbli mal-livell fl-2003. 12. Fi Spanja, il-medja
tat-tkabbir annwali tal-indiċi tal-produzzjoni industrijali segwiet
l-istess xejra bħall-UE-28 sal-2007. Madankollu, bejn April 2008 u April
2009, il-produzzjoni industrijali fi Spanja naqset bi kważi 27 punt
perċentwali (ħames punti aktar milli fil-livell tal-UE-28) u minn dak
iż-żmien il-produzzjoni industrijali ma rkupratx u kien hemm tnaqqis
relattivament kostanti. Il-medja tal-indiċi tal-produzzjoni industrijali
ta’ Spanja għall-2013 hija komparabbli mal-livell fl-1994. 13. Spanja hija fost l-Istati
Membri milqutin l-aktar serjament mill-kriżi finanzjarja u ekonomika
globali. Il-prospetti industrijali ħżiena li rriżultaw
mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali għaldaqstant wasslu
għal tnaqqis fid-domanda u fil-produzzjoni tal-metall u l-prodotti
tal-metall. Fi Spanja, il-produzzjoni ta’ prodotti tal-metall naqset bi
23,3 % fl-2009 meta mqabbla mas-sena preċedenti u b’36,6 % bejn
l-2008 u l-2013. Produzzjoni ta’ prodotti tal-metall (diviżjoni 25 tan-NACE Rev. 2)
fi Spanja
(indiċi tal-volum tal-produzzjoni 2010 = 100)
Sors: Eurostat 14. It-tnaqqis tal-produzzjoni
fl-industrija kellu konsegwenzi għall-impjiegi. Spanja b’hekk tilfet
kważi 600 000 impjieg fl-industrija bejn l-2008 u l-2012, li minnhom 150
000 kienu fis-settur tal-prodotti tal-metall manifatturati. Dan it-telf ta’ impjiegi jirrappreżenta rispettivament
24 % tal-impjiegi totali fl-industrija u 35 % tal-impjiegi totali
fis-settur tal-metall. 15. It-telf ta’ impjiegi
fis-settur tal-metall fil-Comunidad Valenciana kien saħansitra akbar.
Fl-2008, kien hemm 35 868 impjieg fis-settur tal-metall fil-Comunidad
Valenciana, filwaqt li fl-2012 in-numru ta’ impjiegi kien naqas għal 20
873. Dan jirrappreżenta tnaqqis bi 43 %, tmien punti perċentwali
ogħla milli fil-livell nazzjonali. Avvenimenti li jwasslu
għall-għoti tas-sensja u ċessjoni ta’ attivitajiet 16. L-avveniment li wassal
għas-sensji huwa t-tnaqqis drastiku fil-produzzjoni ta’ prodotti
tal-metall iffabbrikat fil-Comunidad Valenciana bħala konsegwenza
tal-kriżi finanzjarja u ekonomika. Il-fatturat
tas-settur naqas bi 38,5 % fil-perjodu 2008-2012, li b’hekk irriżulta
f’sensji u aġġustamenti oħra bħal sospensjoni temporanja
ta’ xogħol u tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol. 17. L-impjiegi fis-settur
tal-metall fil-Comunidad Valenciana jirrappreżentaw 7,4 %
tal-impjiegi f’dan is-settur fil-livell nazzjonali. Madankollu, it-telf ta’
impjiegi fis-settur tal-metall fil-Comunidad Valenciana jirrappreżenta
10 % tat-telf totali ta’ impjiegi tas-settur, li juri li l-kriżi
laqtet l-intrapriżi tal-metall fil-Comunidad Valenciana b’mod aktar qawwi
mill-medja nazzjonali. Dan jista’ jiġi spjegat
parzjalment mill-intrapriżi tal-metall fil-Comunidad Valenciana li huma
dipendenti ħafna fuq is-settur tal-kostruzzjoni. L-importanza tas-settur
tal-kostruzzjoni f’dan ir-reġjun diġà ġiet enfasizzata
f’applikazzjonijiet preċedenti tal-FEG[10]. Impatt mistenni tal-għoti
tas-sensja fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew
nazzjonali 18. L-awtoritajiet Spanjoli
jsostnu li s-sensji fis-settur tal-prodotti tal-metall fil-Comunidad Valenciana
se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjun. Rata ta'
qgħad fil-Comunidad Valenciana
Sors: Encuesta de población activa (EPA)[11] 19. L-impjiegi fil-Comunidad
Valenciana ġew affettwati b’mod ħażin mill-kriżi. Ir-rata
ta’ qgħad fir-reġjun żdiedet b’mod mgħaġġel, fejn
għoliet minn 9.6 % (l-Ewwel Kwart (Q1) tal-2008) għal
28.0 % (l-Ewwel Kwart (Q1) tal-2014). L-awtoritajiet
Spanjoli jsostnu li s-sensji fis-settur tal-prodotti tal-metall fil-Comunidad
Valenciana se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad fir-reġjun
milqut li jidher partikolarment fraġli, minħabba li s-settur
tal-metall jirrappreżenta 25,4 % tal-impjiegi fis-settur industrijali
fir-reġjun. Barra minn hekk, hemm ukoll nuqqas ta’ postijiet battala
minħabba l-impatt tal-kriżi fuq setturi tradizzjonali
bħaċ-ċeramika, ix-xedd tas-saqajn u l-kostruzzjoni, kif
ukoll it-tessuti, li huma importanti ħafna għall-ekonomija
tar-reġjun. L-FEG ġie mmobilizzat għall-appoġġ
tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja fil-Comunidad Valenciana f’kull
wieħed mis-setturi msemmija[12]. Benefiċjarji mmirati u azzjonijiet
proposti Benefiċjarji mmirati 20. In-numru stmat ta’
benefiċjarji eliġibbli li mistennija jipparteċipaw
fil-miżuri huwa 300. 21. It-tqassim
tal-benefiċjarji fil-mira skont is-sess, in-nazzjonalità u l-grupp ta’ età
huwa kif ġej: Kategorija || Numru ta’ benefiċjarji mmirati Sess: || Rġiel: || 258 || (86,0 %) || Nisa: || 42 || (14,0 %) Nazzjonalità: || Ċittadini tal-UE: || 296 || (98,7 %) || ċittadini mhux tal-UE: || 4 || (1,3 %) Grupp ta’ età: || bejn 15 u 24 sena: || 9 || (3,0 %) || bejn 25 u 29 sena: || 70 || (23,3 %) || bejn 30 u 54 sena: || 206 || (68,7 %) || bejn 55 u 64 sena: || 15 || (5,0 %) || iktar minn 64 sena: || 0 || (0,0 %) Eliġibbiltà tal-azzjonijiet
proposti 22. Is-servizzi
personalizzati li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li
ngħataw is-sensja jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin li meta
magħqudin flimkien jiffurmaw pakkett ikkoordinat ta’ servizzi
personalizzati maħsuba biex jerġgħu jintegrawhom fis-suq
tax-xogħol. –
Sessjonijiet ta’ lqugħ u informazzjoni: Din hija l-ewwel miżura li se tiġi
offruta lill-ħaddiema kollha u tinkludi: (1) sessjonijiet ta’
informazzjoni ġenerali u sessjonijiet ta’ informazzjoni individwali dwar
rekwiżiti ta’ ħiliet u taħriġ; dwar programmi disponibbli
ta’ pariri u ta’ taħriġ; u dwar benefiċċji u
inċentivi; (2) proċedura ta’ reġistrazzjoni. –
Gwida okkupazzjonali: Dan jinvolvi l-profilar tal-ħaddiema parteċipanti
u d-disinn tal-perkors personalizzat għar-reintegrazzjoni (fażi I),
sessjonijiet ta’ ħidma fuq tekniki għat-tfittxija ta’ impjieg
(fażi II) u pariri u s-segwitu tal-appoġġ personalizzat matul
il-perjodu ta’ implimentazzjoni. –
Kollokament f’impjieg: Dan se jinvolvi tfittxija intensiva u proattiva għal
opportunitajiet ta’ impjieg lokali u reġjonali mill-faċilitaturi
tal-impjiegi u t-tqabbil tal-impjiegi sussegwenti. Din il-miżura hija
mmirata biex tikkumplimenta t-tfittxija ta’ impjieg individwali
tal-benefiċjarji. Se jinħoloq sit elettroniku biex jipprovdi
lill-ħaddiema bl-għodod tal-internet li jistgħu jgħinuhom
fit-tfittxija individwali tagħhom għal impjieg. –
Taħriġ: Il-miżura tat-taħriġ se tinkludi varjetà ta’
korsijiet ta’ taħriġ: (1) Taħriġ vokazzjonali u titjib
tal-ħiliet. It-taħriġ vokazzjonali se jiffoka fuq
liċenzjar vokazzjonali bħal dak meħtieġ
għall-immaniġġjar tal-ikel, u f’setturi jew oqsma fejn
jeżistu jew se jinħolqu opportunitajiet, bħas-settur tal-ikel
(is-sikurezza fl-ikel, HACCP[13],
6-sigma[14],
eċċ.), prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali u standards ta’ kontroll
tal-kwalità u tal-ambjent (ISO 9001[15],
ISO 14000[16],
EFQM[17],
eċċ.), filwaqt li t-titjib tal-ħiliet (jiġifieri
taħriġ vokazzjonali fl-istess settur) jimmira li jtejjeb
il-ħiliet eżistenti tal-parteċipanti. It-titjib
tal-ħiliet se jkun imfassal biex jipprovdi għall-ħtiġijiet
futuri ta’ manifatturi ta’ prodotti tal-metall iffabbrikat, eż. tekniki
ta’ wweldjar (bħal TIG, iwweldjar MIG/MAG[18], tekniki speċjali
għall-iwweldjar, eċċ.); disinn mekkaniku (2D u 3D, CAD, sistemi
ta' integrazzjoni CAD-CAM); tool u die setter; għodod ta' programmar ta'
magni CNC[19];
eċċ. Madwar 200 ħaddiem huma mistennija li jipparteċipaw
f’din l-attività ta’ taħriġ. (2)
Taħriġ f’ħiliet trasversali.
L-offerta ta’ taħriġ se tinkludi taħriġ f’varjetà ta’
ħiliet li jikkontribwixxu għal prestazzjoni tax-xogħol
aħjar bħall-ICT, lingwi barranin, ġestjoni tan-negozju,
eċċ. Huwa stmat li 100 ħaddiem se jipparteċipaw f'din
l-attività ta' taħriġ. (3) Taħriġ fuq il-post
tax-xogħol. B’koperazzjoni mal-intrapriżi lokali se jkun hemm
attivitajiet ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol biex
jikkumplimentaw it-taħriġ vokazzjonali u t-taħriġ
mill-ġdid propost lill-parteċipanti. Għall-benefiċjarji din
se tkun opportunità li jitgħallmu f’ambjent reali tax-xogħol u
għall-intrapriżi li jkunu qed jipparteċipaw fil-miżura mod
kif jittestjaw il-ħiliet vokazzjonali ta’ kandidati potenzjali li
għandhom jiġu reklutati. Huwa stmat li 40 ħaddiem se
jipparteċipaw f'din l-attività ta' taħriġ. –
Promozzjoni tal-intraprenditorija: Din il-miżura tara li tassisti
ħaddiema mkeċċija li jaħsbu biex joħolqu negozju
għal rashom u se tikkonsisti minn (1) attivitajiet speċifiċi ta’
taħriġ li jkopru elementi bħall-iżvilupp ta’ idea
tan-negozju, l-ippjanar, it-twettiq ta’ studji ta’ fattibbiltà, il-ġbir
ta’ finanzi, eċċ.; u (2) tagħlim personalizzat tul
il-proċess kollu tal-bidu tan-negozju u appoġġ dwar
rekwiżiti amministrattivi. Il-parteċipanti jistgħu jagħmlu
użu mis-servizzi ta’ tagħlim anki wara l-bidu tan-negozju
tagħhom. Il-ħaddiema li għandhom bżonn ikabbru
l-ħiliet tagħhom fil-ġestjoni tan-negozju, se jaċċessaw
it-taħriġ rilevanti fi ħdan it-taħriġ fil-ħiliet
trasversali. –
Inċentiv għat-twaqqif ta’ negozju: Il-benefiċjarji li jidħlu lura
fl-impjieg billi jibdew negozju għal rashom se jirċievu somma f’daqqa
ta’ EUR 3 000. Dan l-inċentiv huwa maħsub biex ikopri l-ispejjeż
involuti biex jitnieda n-negozju. –
Għotja għat-tiftix
ta’ impjieg: Wara li jilħqu l-istadji
importanti miftiehma tal-perkors tagħhom għar-reinseriment,
il-benefiċjarji se jirċievu għotja waħda ta’ EUR 300. –
Kontribuzzjoni għall-ispejjeż
tal-ivvjaġġar: Ħaddiema
li jipparteċipaw fil-miżuri se jirċievu kontribuzzjoni
għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom. L-ammont finali
għandu jiġi kkalkolat skont il-ġranet attwali ta’
parteċipazzjoni u d-distanza kommutata. Huwa stmat li bħala medja
l-parteċipanti jistgħu jirċievu EUR 400. –
Inċentivi għall-impjieg: Benefiċjarji li jidħlu lura
fl-impjieg b’kuntratt ta’ mill-inqas tliet xhur se jirċievu sussidju
waħdieni fuq il-paga ta’ EUR 700 sabiex iħeġġiġhom
—b’mod partikolari benefiċjarji akbar fl-età— biex jaċċettaw
impjieg mill-ġdid, speċjalment meta l-kondizzjonijiet offruti jkunu
inqas attraenti minn dawk f’impjiegi preċedenti tagħhom. 23. L-azzjonijiet
proposti jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan
l-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament FEG. Dawn l-azzjonijiet ma għandhomx jissostitwixxu
miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali. 24. L-awtoritajiet Spanjoli
pprovdew l-informazzjoni meħtieġa dwar azzjonijiet li huma mandatorji
għall-intrapriżi kkonċernati permezz tal-liġi nazzjonali
jew il-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li
kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se tieħu post azzjonijiet
bħal dawn. Baġit stmat 25. L-ispejjeż totali stmati
huma ta' EUR 1 698 640, inkluża n-nefqa għas-servizzi
personalizzati ta’ EUR 1 622 640 u n-nefqa għat-tħejjija, il-ġestjoni,
it-tagħrif u r-reklamar, il-kontroll u l-attivitajiet ta’ rappurtar ta’
EUR 76 000. 26. Il-kontribuzzjoni
finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 1 019 184
(60 % tal-ispejjeż totali)). Azzjonijiet || Għadd stmat ta’ parteċipanti || Kost stmat għal kull parteċipant (EUR) (*) || Spejjeż totali stmati (EUR); (% tat-total) (**) Servizzi personalizzati (Azzjonijiet taħt l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament FEG) Merħba u sessjonijiet ta’ informazzjoni: (Acogida) || 300 || 300 || 90 000 Gwida okkupazzjonali (Orientación profesional personalizada) || 300 || 750 || 225 000 Kollokament f’impjieg (Intermediación laboral) || 300 || 900 || 270 000 Taħriġ (Formación) || 300 || 1 987 || 596 000 Promozzjoni tal-intraprenditorija (Emprendimiento) || 30 || 1 638 || 49 140 Inċentiv għat-twaqqif ta’ negozju (Incentivo a la constitución de negocios) || 20 || 3 000 || 60 000 Subtotal (a): || || 1 290 140 (79,5 %) Benefiċċji u inċentivi (Azzjonijiet taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament FEG) || || Konċessjoni għat-tfittix għal impjieg (Incentivo a la participación) || 300 || 300 || 90 000 Kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar (Ayudas por desplazamientos) || 300 || 400 || 120 000 Inċentivi għall-impjieg (Incentivo a la reinserción) || 175 || 700 || 122 500 Subtotal(b): || || 332 500 (20,5 %) Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament FEG: 1. Attivitajiet preparatorji || || 0 2. Ġestjoni || || 58 000 3. Tagħrif u pubbliċità || || 9 000 4. Kontroll u rappurtar || || 9 000 Subtotal (c): || || 76 000 (4,47 %) Spejjeż totali (a + b + c): || || 1 698 640 (*) Biex jiġu evitati
d-deċimali, l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem tqarrbu
sal-eqreb ċifra. Madankollu t-tqarrib ma
għandu l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’ kull miżura li
jifdal bħal fl-applikazzjoni ppreżentata minn Spanja. (**) It-totali
ma jaqblux bl-eżatt minħabba t-tqarrib. 27. L-ispejjeż
għall-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala
azzjonijiet taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament FEG ma
għandhomx jaqbżu l-35% tal-ispejjeż totali għall-pakkett
koordinat ta’ servizzi personalizzati. L-awtoritajiet
Spanjoli kkonfermaw li dawn l-azzjonijiet huma kondizzjonali fuq
il-parteċipazzjoni attiva tar-riċevituri f’attivitajiet ta’ tfittxija
ta’ impjieg jew ta’ taħriġ. 28. L-awtoritajiet Spanjoli
kkonfermaw li l-ispejjeż tal-investimenti għal impjieg indipendenti,
bidu ta’ negozju u teħid ta’ kontroll mill-impjegati mhux se jaqbżu
l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju. Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa 29. L-awtoritajiet Spanjoli bdew
jipprovdu servizzi personalizzati għall-benefiċjarji fil-mira fl-20 ta’ Ġunju 2014.
In-nefqa għall-azzjonijiet imsemmija fil-punt 22 għalhekk se tkun
eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-20 ta’ Ġunju 2014
sal-20 ta’ Ġunju 2016. 30. L-awtoritajiet Spanjoli bdew
iġarrbu n-nefqa amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-FEG fl-20 ta’ Ġunju 2014.
Għalhekk, in-nefqa għat-tħejjija, il-ġestjoni,
it-tagħrif u r-reklamar, il-kontroll u l-attivitajiet ta’ rappurtar
għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG
mill-20 ta’ Ġunju 2014 sal-20 ta’ Diċembru 2016.
Il-kumplimentarjetà mal-azzjonijiet
iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni 31. L-awtoritajiet Spanjoli
kkonfermaw li l-miżuri deskritti hawn fuq, li jirċievu kontribuzzjoni
finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjoni finanzjarja
minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni. 32. L-objettivi ewlenin
tal-programmi operattivi tal-FSE 2007-2013 għall-Comunidad Valenciana qed
jippromuovu t-tagħlim tal-ħaddiema tul ħajjithom u qed inaqqsu
r-riskju tat-tluq mill-iskola qabel il-waqt, bl-akbar attenzjoni tkun fuq dawk
li huma l-iktar vulnerabbli jew dawk li huma fir-riskju tal-esklużjoni
soċjali, fil-biċċa l-kbira ħaddiema
żgħażagħ, jew dawk li għandhom iktar minn
45 sena, nisa u nies b'diżabilità. Għalkemm xi wħud
mill-miżuri tal-FEG jistgħu jkunu simili għall-miżuri
tal-FSE, hemm differenza: Il-miżuri tal-FEG għandhom ċerta
individwalità u karattru speċjali (huma jindirizzaw settur u popolazzjoni
partikolari) u huma magħmulin apposta u għandhom format intensiv.
Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-miżuri tal-FSE u dawk tal-FEG
għandu jkun hemm prosegwiment kontinwu tal-azzjonijiet tal-FSE u tal-FEG
li għandhom l-istess għanijiet, u tal-ħaddiema kkonċernati. 33. Is-sorsi ta’ prefinanzjament
jew kofinanzjament nazzjonali huma kif ġej: 30 % tal-baġit totali
se jkun iffinanzjat minn fondi pubbliċi mill-Generalitat Valenciana
(il-gvern awtonomu tal-Comunidad Valenciana) u b’mod partikolari mis-SERVEF
(uffiċċji pubbliċi tax-xogħol tal-gvern awtonomu); filwaqt
li l-assoċjazzjoni tal-impjegaturi Federación Empresarial Metalurgica
Valenciana-FEMEVAL u t-trejdjunjins UGT-PV u CCOO-PV flimkien se
jikkontribwixxu 10 % tal-baġit totali. Il-proċeduri għal
konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti
tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u
reġjonali 34. L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li
l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati ġie mfassal
b’konsultazzjoni mas-sħab soċjali FEMEVAL, UGT-PV u CCOO-PV,
imsemmija bħala sors ta’ kofinanzjament fil-paragrafu 33. Fit-K3 2013, imħassba
dwar ir-ritmu kajman ta’ telf ta’ impjiegi fis-settur tal-metall, is-sħab
soċjali infurmaw lis-Servizzi għall-Impjieg tal-Comunidad Valenciana
(SERVEF) dwar ir-rieda tagħhom li jappoġġjaw applikazzjoni
għall-finanzjament mill-FEG għal ħaddiema li ngħataw
is-sensja fis-settur tal-metall. Diversi laqgħat tekniċi segwew
f’Diċembru (16/12 u 23/12), f’Jannar (10/1 u 28/1) u fi Frar (3/2) fejn
l-abbozz tal-applikazzjoni ġie diskuss u miftiehem, b’mod partikolari
l-kontenut u l-iskeda tal-azzjonijiet, kif ukoll l-allokazzjoni tar-rwoli u
d-distribuzzjoni tal-kompiti. Ġestjoni u sistemi ta’ kontroll 35. L-applikazzjoni fiha
deskrizzjoni dettaljata tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li
tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribut
finanzjarju se jkun immaniġġjat u kkontrollat mill-istess entitajiet
li jimmaniġġjaw u jikkontrollaw il-FSE. Is-SERVEF se jkun il-korp
intermedju għall-awtorità tal-ġestjoni. L-impenji pprovduti mill-Istat Membru
kkonċernat 36. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew
l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dan li ġej: –
il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u
n-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess
għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom; –
ir-rekwiżiti stabbiliti
fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar għotjiet ta' sensji
kollettivi ġew issodisfati; –
l-azzjonijiet proposti se jipprovdu
appoġġ għall-ħaddiema individwali u mhux se jintużaw
għar-ristrutturar ta’ kumpaniji jew setturi; –
l-azzjonijiet proposti mhux se jirċievu
appoġġ finanzjarju minn fondi oħra tal-Unjoni jew strumenti
finanzjarji u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat; –
l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw
l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; –
il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se
tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar
għajnuna mill-Istat. IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA Il-proposta baġitarja 37. Il-FEG ma għandux
jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet
tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE,
Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li
jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[20]. 38. Wara li eżaminat
l-applikazzjoni fir-rigward tal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1)
tar-Regolament FEG, u wara li kkunsidrat in-numru ta’ benefiċjarji
fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni
tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 019 184, li
jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet
proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja bi tweġiba
għall-applikazzjoni. 39. Id-deċiżjoni
proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG se tittieħed b'mod konġunt
mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim
Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn
il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina
baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u
l-ġestjoni finanzjarja tajba[21]. Atti relatati 40. Fl-istess ħin li hija tippreżenta
din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat
il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u
lill-Kunsill proposta għal trasferiment għal-linja baġitarja
rilevanti tal-ammont ta’ EUR 1 019 184. 41. Fl-istess żmien li tadotta
l-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mobilizzat il-FEG,
il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni
finanzjarja, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li għandu jidħol
fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni
biex biex jiġi mobilizzat il-FEG. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-Punt 13
tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn
il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina
baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u
l-ġestjoni finanzjarja tajba
(applikazzjoni FEG/2014/004 ES/Metall tal-Comunidad Valenciana) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE)
Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013
dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
(2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[22], u b’mod partikolari
l-Artikolu 15(4) tiegħu, Wara li kkunsidraw
il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Filwaqt li jaġixxu skont
il-proċedura stabbilita fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013
bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina
baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni
finanzjarja tajba[23], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta’
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġie stabbilit biex
jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema li jingħataw is-sensja
u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom
waqfet b’konsegwenza ta’ bidliet strutturali kbar fix-xejriet dinjija
tal-kummerċ minħabba l-globalizzazzjoni u biex jassistihom
fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tas-xogħol. (2) Il-FEG ma għandux
jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet
tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE,
Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali
għas-snin 2014-2020[24]. (3) Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza
l-FEG, fir-rigward ta’ sensji[25]
f’142 intrapriża li joperaw fid-diviżjoni 25 Reviżjoni 2
tan-NACE (Manifattura ta’ prodotti tal-metall iffabbrikati, għajr
makkinarju u tagħmir)[26]
fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tal-Comunidad Valenciana (ES52), fil-25 ta’ Marzu 2014 u ssupplimentatha
b’informazzjoni addizzjonali kif provdut fl-Artikolu 8.3 tar-Regolament
(UE) Nru 1309/2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti
għad-determinazzjoni tal-kontributi finanzjarji mill-FEG kif stipulat
fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013. (4) Għaldaqstant, il-FEG
għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja
f’ammont ta’ EUR 1 019 184 għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja, ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni
Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, għandu jiġi mmobilizzat
il-FEG biex jipprovdi s-somma ta’ EUR 1 019 184
f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament. Artikolu 2 Din
id-Deċiżjoni se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Il-President Il-President [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855. [2] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li
jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet
ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament
tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar
setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006,
p. 1). [3] Fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament
FEG. [4] Għal-lista tal-intrapriżi
kkonċernati u n-numru ta’ ħaddiema li ngħataw is-sensja f’kull
intrapriża ara l-anness1. [5] Id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE ta' l-20 ta' Lulju
1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar
redundancies kollettivi (ĠU L 225, tat-12.8.1998, p. 16). [6] COM (2009) 104 finali tal-25.2.2009,
"Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Reazzjoni għall-kriżi
fl-industrija awtomobilistika Ewropea". [7] Eurostat
– Statistics in focus 61/2011 on Industry, trade and services, “EU-27
Construction activity falls by 16 % from its pre-crisis high by the second
quarter of 2011”,
http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_OFFPUB/KS-SF-11-061/EN/KS-SF-11-061-EN.PDF [8] Għall-industrija tal-bini tal-bastimenti, ara:
FEG/2010/006 PL/H. Cegielski-Poznan, FEG/2010/025 DK/Odense Steel Shipyard u
FEG/2011/008 DK/Odense Steel Shipyard. Għas-settur
tal-kostruzzjoni, ara: EGF/2011/006 ES/Comunidad Valenciana Construction,
EGF/2011/009 NL/Gelderland Construction 41, EGF/2011/012 NL/Noord Brabant-Zuid
Holland u EGF/2011/017 ES/Aragón Construction. Għas-settur
tal-karozzi, ara: EGF/2009/019 FR/Renault, EGF/2010/002 ES/Cataluña Automotive
u 2011/003 DE/Arnsberg and Düsseldorf Automotive. [9] COM (2012) 451 relatata ma’
FEG/2011/019 ES/Metall tal-Galicia and COM (2012) 620 relatata
ma’ FEG/2011/018 ES Metall tal-País Vasco. [10] FEG/2011/006 ES Kostruzzjoni tal-Comunidad Valenciana COM
(2012) 053 u tliet applikazzjonijiet relatati ma’ industriji anċillari
tas-settur tal-kostruzzjoni: FEG/2009/014 ES
Ċeramika tal-Comunidad Valenciana COM (2010) 216; FEG/2010/005 ES
Ġebla naturali tal-Comunidad Valenciana COM (2010) 617; u FEG/2013/004 ES
Materjali tal-bini tal-Comunidad Valenciana COM (2013) 635. [11] EPA
(Stħarriġ tal-Forza tax-Xogħol)
http://www.datosmacro.com/paro-epa/ccaa/valencia?sector=Tasa-de-paro&sc=EPA-. [12] Għas-settur tal-kostruzzjoni u l-industriji
anċillari tiegħu, ara n-nota nru 10;
għas-settur tat-tessuti, ara FEG/2010/009 ES Tessuti tal-Comunidad
Valenciana COM (2010) 613 u FEG/2013/008 ES Tessuti tal-Comunidad Valenciana
COM (2014) 45; u għax-xedd tas-saqajn, ara FEG/2011/020 ES Xedd tas-saqajn
tal-Comunidad Valenciana COM (2012) 204. [13] Analiżi tal-Periklu u l-Punti ta’ Kontroll
Kritiċi (HACCP) [14] Sitt Sigma (Six Sigma) huwa sett ta’ tekniki u
għodod għall-proċess ta’ titjib. [15] L-ISO 9001 jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ sistema ta’
ġestjoni tal-kwalità. [16] Il-familja tal-ISO 14000 tindirizza aspetti varji ta’
ġestjoni ambjentali. [17] Mudell ta’ kwalità tal-EFQM definit mill-Fondazzjoni
Ewropea għall-Ġestjoni tal-Kwalità. [18] Iwweldjar b’gass inerti tat-tungstenu (iwweldjar TIG),
iwweldjar b’gass inerti tal-metall/b’gass attiv tal-metall (iwweldjar MIG/MAG). [19] Għodod ta’ magni tal-kontroll numeriku bil-kompjuter
(CNC). [20] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884. [21] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. [22] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855. [23] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. [24] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884. [25] Skont it-tifsira tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament
FEG. [26] Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li
jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet
ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill
(KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi
speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006,
p. 1). ANNESS Intrapriża u għadd ta' sensji ABANTIA INSTALACIONES, SA || 1 || INDUSTRIAL ANREU SL || 1 ABANTIA TICSA, SAU || 3 || INDUSTRIAS JOSE TAMARIT MORENO SL || 1 ABELLÓN METAL, S.L. || 1 || INDUSTRIAS MECANICAS ROYSER S.L || 1 ACEROS Y OXICORTE ALICANTE S.L. || 1 || INDUSTRIAS METÁLICAS CARBÓ SA || 47 ADOLFO ALBA, S.L. || 1 || INDUSTRIAS OCHOA S.L || 1 ALMACENES METALURGICOS SAU - GRUPO ALMESA || 1 || INDUSTRIAS TAMS S.L || 1 ALMERICH CARPINTERIA METALICA SL || 1 || INDUSTRIAS YUK, SA || 1 ALMESA ALME SA || 1 || INFAC SL || 3 ALPHA DESSIN S.L || 2 || JUMAVI ILUMINACION, S.L. || 1 ALUCASMI, S.L. || 1 || KEMMERICH IBERICA S.L || 1 ALUMINIOS JOSE LUIS, S.L. || 1 || KOSY ,S.L. || 1 ALUMINIOS JUCRIMA, S.L. || 1 || LAMAS Y ESTANTERIAS ,S.L. || 1 ALUMINIOS MONFORTE SL || 1 || LUMOSA METALES S.L || 1 ALUMINIOS RAMJO SL || 2 || MANUFACTURAS TALLMAR S.L || 1 ALUMINIOS VER ASL || 1 || MANUFACTURAS VICEDO S.L || 1 ALUMINIS FAVARA, C.B. || 1 || MAR EXPLOT SLU || 2 ALUMINIS VIDAL TELLOLS, SL || 1 || MASSET Y CATALA FRANCISCO-ANTONIO || 1 ALUPLEX S.L || 1 || MATRICERIA Y DECOLETAJE, S.L. || 2 ANDEVAL, S.L. || 1 || MATRICERIA Y ESTAMPACION F. SEGURA SLU || 1 ANTONIO GARCIA SANCHEZ || 1 || MATRICES ALCANTARA,S.L. || 1 APLICACIONES TÉCNICAS DE LA ENERGÍA SL || 120 || MATRITRES,S.L. || 1 ARCELOMITTAL || 3 || METAL CRIS-JOHN ,S.L. || 1 ATECMAN VIALES SL || 1 || METALDYNE SINTERED COMPONENTS ESPAÑA,S.L. || 1 AUTOMATISMOS COS-MAR,S.L. || 1 || METALES TRABAJOS Y SERVICIOS SL || 6 BELSERHER,S.L. || 1 || METALESA, S.L. || 2 CALDERERI E INSTALACIONES GOMEZ ALMERO S.L. || 4 || METALICAS ELCHE SL || 1 CANDELA ALUMINIOS Y VIDRIO, S.L. || 1 || METALURGICAS ASPRILLAS, S.L. || 1 CARMELO RESINA MANZANO || 1 || MODELOS ATIENZA S.L. || 2 CASTELLANO HERRAJES, COOP. V || 1 || MONTAJES PUENTES & PUENTES, SL || 1 CERRAJERIA DOMINGO SERNA, S.L. || 1 || NIQUELADOS VALENCIA S.L || 1 CERRAJERIA HERMANOS GARCIA S.L. || 4 || ORMET S.L || 2 CERRAJERIA MORATO, S.L. || 1 || PEREZ CAMPILLO FRANCISCO JAVIER || 1 CERRAJERIA SAN NICOLAS S.L || 1 || PERFIL 10 S.L. || 1 CERRAJERIA SILJO, S.L. || 1 || POLIESTER COLOR SA || 1 COLOREAR SL || 14 || PRODUCCIONES SIDERÚRGICAS DEL MEDITERRANEO SA - PROSIMED || 21 COPIMETAL, S.L. || 1 || PROFILTEK SPAIN SA || 3 CORPORACION SRB ENERGY, S.L. || 3 || RAMON PERAL SL || 1 CREACIONES METALICAS SL || 1 || RANMAR S.L || 46 CUATROMETAL 2010 S.L.L || 1 || RECUBRIMIENTOS TECNICOS DE PINTURA S.L || 1 CUSTOCROM S.L || 1 || RECUPERACION Y AFINAJE DE METALES SA || 1 DIMENSION TECNICA 2012,S.L. || 2 || REUNIÓN INDUSTRIAL, S.L.U. || 1 DISEÑO Y TECNOLOGIA DE MATRICES,S.L. || 1 || RICAMA,S.L. || 1 DISYTEC S.L || 1 || ROLSER SA || 1 DOBON Y TAMARIT, SL || 2 || ROTULACIONES RAPSA SOCIEDAD LIMITADA || 1 E.M.P.A., S.L. || 1 || RUTALCHI,S.A. || 2 ENDAL SL || 1 || SAF EQUIPAMIENTO COMERCIAL SA || 3 ENVASES METÁLICOS EUROBOX S.L. || 1 || SAMUEL ESPI S.L. || 1 ENVOLVENTES METALICAS JM, S.L. || 1 || SANTIAGO GUTIERREZ AGUSTIN || 1 EPOXIPLAST,S.L. || 1 || SEMI SA || 2 ESMET FABRICADOS METALICOS, S.L. || 2 || SENDA RECUBRIMIENTOS, S.L. || 1 ESTRUCTURAS Y CUBIERTAS 2000,S.L. || 5 || SERGIO JOSE PEÑALVER SANSANO || 1 ESTRUCTURAS FERROMAR, SL || 3 || SERVIMETAL ARTESANIA SL || 1 ESTRUCTURAS METÁLICAS EMCASA S.L. || 1 || SOMYCOL S.L. || 3 FABRICACION Y COMERCIALIZACION COMPONENTES D MATRICERIA, S.L || 1 || SUMINISTROS PAIPORTA, S.L. || 1 FAURECIA AUTOMOTIVE ESPAÑA S.A || 1 || TALLERES LUARTO, S.L. || 5 FEDERICO GINER S.A. || 2 || TALLERES MOLINER SL || 3 FERRO ADBRO, S.L. || 1 || TALLERES SANZ BALLESTER SL || 1 FERROS TECA SRL || 1 || TECNIALFER, S.L. || 3 FORJA GARCIA,S.L. || 1 || TECNICA Y MANIPULACION DE CHAPA S.L || 4 FRANCISCO JAVIER GARCIA S.L || 1 || TECNIMAHER,S.L. || 1 GALOL ,S.A. || 1 || THYSSEN ROS CASARES, S.A. || 1 GARCIA ALBEROLA E HIJOS, S.L. || 7 || THYSSENKRUPP GALMED || 164 GAVIOTA SIMBAC, S.L. FORJAS DEL VINALOPO || 1 || TOSSAL SERVICIOS INTEGRADOS S.L. || 1 GOMEZ MADRID SOLUCIONES METALICAS, S.L.U. || 1 || TRANSFORMACIONES INDUSTRIALES DEL MEDITERRANEO,S.A. || 1 HERCOR SL || 3 || TROQUELES QUIRANT SL || 1 HEREDEROS DE MIGUEL GRACIA SL || 15 || UNION INDUSTRIAL XATIVA S.L. || 4 HIERROS Y ACEROS ASPE, S.L. || 1 || VALMECA S.A || 2 HIERROS Y ESTRUCTURAS BENIGANIM, S.L. || 2 || VICENTE CALABUIG E HIJOS S.A || 1 HIJOS DE MANUEL PARDO PASTOR, SL || 3 || VICENTE VILA, S.L. || 1 HISPAMIG,S.L. || 2 || VILAMAQ S.L || 1 INDUSTRIA METALGRAFICA VALENCIANA SA || 1 || WOODEQUIP,S.L. || 1 Għadd totali ta' impriżi: 142 || Għadd totali ta' Sensji: || 633 Għadd totali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet: || 0 Total (ħaddiema u persuni li jaħdmu għal rashom): || 633