52014PC0462

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2011, l-1 ta' Lulju 2012 u l-1 ta' Lulju 2013 ir-rata ta' kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea /* COM/2014/0462 final - 2014/0214 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1023/2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, din il-proposta għandha l-għan li ssolvi l-kwistjonijiet pendenti rigward l-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet għas-snin 2011, 2012 u 2013, bil-għan li ttemm kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C-453/12) u li tevita aktar litigazzjoni dwar din il-kwistjoni.

Kuntest Ġenerali Skont l-Artikolu 83a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal[1], fl-okkażjoni tal-istima attwarja ta’ kull ħames snin, b’konformità mal-Anness XII u sabiex jiġi żgurat il-bilanċ tal-iskema, il-Kunsill jiddeċiedi dwar ir-rata tal-kontribuzzjoni u kull bidla fl-età tal-pensjoni. Skont l-Artikolu 83a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kummissjoni tippreżenta kull sena lill-Kunsill verżjoni aġġornata tal-valutazzjoni attwarja, b’konformità mal-Artikolu 1(2) tal-Anness XII. Fejn jintwera li hemm qabża ta' mill-anqas 0,25 punti bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni applikata bħalissa u r-rata meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarju, il-Kunsill jikkunsidra jekk ir-rata għandhiex tkun applikata, skont l-arranġamenti stabbiliti fl-Anness XII. Skont l-Artikolu 13 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Eurostat ippreżenta r-rapporti meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet t'hawn fuq li jiddeterminaw r-rati tal-kontribuzzjoni meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet għall-2011, l-2012 u l-2013. Skont l-Artikolu 19 tal-Anness XIII għar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat l-aħħar mir-Regolament Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Artikolu 83a u l-Anness XII tiegħu, kif inhuma fis-seħħ qabel l-1 ta’ Novembru 2013, jibqgħu fis-seħħ esklużivament għall-iskop ta’ kwalunkwe aġġustament meħtieġ għall-konformità mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 266 tat-TFUE dwar l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-metodi ta’ konsultazzjoni użati, is-setturi prinċipali koperti u l-profil ġenerali ta’ dawk li wieġbu L-elementi tal-proposta ġew diskussi mar-rappreżentanti tal-persunal skont il-proċeduri xierqa.

Sommarju tat-tweġibiet riċevuti u l-mod ta' kif ġew ikkunsidrati Il-proposta tikkunsidra l-opinjonijiet tal-partijiet ikkonsultati.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Il-kalkolu tar-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni ġiet ivvalidata minn espert attwarju (konsulent estern).

Valutazzjoni tal-impatt L-għan tal-proposta huwa li taġġusta r-rata ta' kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjoni tal-uffiċjali u aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2011, 2012 (aġġustamenti fis-sena) u l-2013 (aġġustament ta' kull ħames snin) sabiex jinżamm il-bilanċ attwarju tal-iskema. Il-leġiżlazzjoni kif kienet fis-seħħ sal-aħħar tal-2013 ma ppermettiet l-ebda alternattiva.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Sabiex ikunu konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-63/12, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolamenti Nru 422/2014 u Nru 423/2014 tas-16 ta’ April 2014, li jaġġustaw rispettivament b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011 u mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti ta' korrezzjoni li japplikaw għalihom. Dan kien parti minn approċċ globali biex jiġi saldat tilwim rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet u l-aġġustament tal-2011 kontribuzzjoni tal-pensjoni, li rriżulta f’aġġustament ta’ 0 % għall-2011 u 0,8 % għall-2012.

Dawn l-aġġustamenti tas-salarji u l-pensjonijiet tal-persunal tal-UE jeħtieġu l-aġġustament retroattiv rispettiv tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet għas-sena 2013. Barra minn hekk, l-għan tal-Artikolu 19 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, hu li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinstab saldu għat-tilwim tagħhom rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet u għall-aġġustament tal-2011 tal-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet f'konformità ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li jittieħed kont debitu tal-aspettattivi leġittimi tal-persunal li l-istituzzjonijiet għandhom jieħdu deċiżjoni kull sena dwar l-aġġustament tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tagħhom u r-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet.

F’konformità mal-Artikolu 13 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Eurostat ippreżenta rapporti dwar l-eżamijiet attwarji tal-iskema tal-pensjonijiet tal-2011, 2012 u 2013, li jaġġornaw il-parametri msemmija f’dak l-Anness. Skont dawn il-valutazzjonijiet, ir-rata tal-kontribuzzjoni meħtieġa biex jinżamm il-bilanċ attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet hija ta’ 11,0 % tas-salarju bażiku għall-2011[2], 9,9 % tas-salarju bażiku għall-2012[3] u 10,6 % tas-salarju bażiku għall-2013[4]. Fl-interess tal-bilanċ attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-ħaddiema l-oħra tal-Unjoni Ewropea, ir-rata tal-kontribuzzjoni għandha għalhekk tiġi aġġustata għal:

· 11,0% b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011:

· 10,0% b’effett mill-1 ta’ Lulju 2012[5]; kif ukoll

· 10,6 % b’effett mill-1 ta’ Lulju 2013.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 83a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, fl-okkażjoni tal-valutazzjoni attwarja ta' kull ħames snin b’konformità mal-Anness XII u sabiex jiġi żgurat il-bilanċ tal-iskema, il-Kunsill jiddeċiedi dwar ir-rata tal-kontribuzzjoni.

Il-valutazzjoni attwarja tal 2013 tal-iskema tal-pensjonijiet, tikkostitwixxi dan it-tip ta’ valutazzjoni ta’ kull ħames snin, li teħtieġ li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni sħiħa tal-iskema għal dan il-perjodu ta’ referenza sabiex jiġi żgurat li r-rata applikata ta’ kontribuzzjoni tal-pensjoni żżomm l-iskema tal-pensjonijiet f’bilanċ attwarju. Valutazzjoni ta’ kull ħames snin bħal din tippresupponi neċessarjament l-iffissar tar-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni għall-2011, li għadha ma ġietx deċiża definittivament mill-Kunsill, u l-aġġustament mill-ġdid tar-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet tal-2012 kif indikat fil-premessa (4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1331/2013 tal-10 ta’ Diċembru 2013.

L-aġġustament ta' kull sena propost tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet għall-2011 skont l-Artikolu 83a(4) SR huwa suġġett għal rikors pendenti quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (C-453/12). Madankollu, fuq talba mill-Kummissjoni, il-Qorti ssospendiet din il-kawża sabiex tħalli lok għall-partijiet biex jaslu għal soluzzjoni leġiżlattiva globali tal-kwistjonijiet kollha relatati mar-rata ta’ kontribuzzjoni tal-pensjoni, wara s-sentenza tagħha fil-kawża C-63/12 dwar l-aġġustament annwali tal-2011 tar-remunerazzjoni u l-pensjonijiet, kif previst fl-Artikolu 19 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-proposta attwali tal-Kummissjoni għandha l-għan li twitti t-triq għal saldu fil-kawża C-453/12 u li tevita aktar litigazzjoni relatata mar-Regolamenti tal-Persunal “antiki”.

Għalhekk, sabiex tiżgura li r-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni applikata żżomm l-iskema tal-pensjoni fil-bilanċ attwarju għall-perjodu ta’ kull ħames snin ta’ referenza u biex tippermetti lill-istituzzjonijiet, bħala parti mill-approċċ globali biex jiġi saldat it-tilwim, biex tieħu l-miżuri meħtieġa rigward l-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni tal-pensjoni skont il-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali fost l-istituzzjonijiet, u filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi leġittimi tal-persunal, il-Kummissjoni tippreżenta proposta għal Regolament tal-Kunsill, li taġġusta mill-1 ta’ Lulju 2011, l-1 ta’ Lulju 2012 u l-1 ta’ Lulju 2013, ir-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u aġenti oħra.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-impatt fuq id-dħul tal-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet huwa ddettaljat fid-dikjarazzjoni finanzjarja li tinsab fl-Anness għal din il-Proposta.

2014/0214 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jaġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2011, l-1 ta' Lulju 2012 u l-1 ta' Lulju 2013 ir-rata ta' kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 83a u l-Anness XII tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) L-għan tal-Artikolu 19 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, kif emendat l-aħħar bir-Regolament Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, hu li permezz tiegħu l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiġi saldat it-tilwim tagħhom rigward l-aġġustamenti tal-2011 u l-2012 tar-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet u għall-aġġustament tal-2011 tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet f'konformità ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni dovuta tal-aspettattivi leġittimi tal-persunal li l-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni kull sena dwar l-aġġustament tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet.

(2) Bħala parti minn approċċ globali biex jiġi saldat it-tilwim u biex ikunu konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-63/12, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolamenti Nru 422/2014 u Nru 423/2014 tas-16 ta’ April 2014, li jaġġustaw rispettivament b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011 u mill-1 ta’ Lulju 2012, ir-remunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea. Dawn l-aġġustamenti jeħtieġu l-aġġustament retroattiv rispettiv tar-rata tal-kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet għas-snin 2011, 2012 u 2013.

(3) F’konformità mal-Artikolu 13 tal-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Eurostat ippreżenta rapporti dwar l-eżamijiet attwarji tal-iskema tal-pensjonijiet tal-2011, 2012 u 2013, li jaġġornaw il-parametri msemmija f’dak l-Anness. Skont din il-valutazzjoni, ir-rata tal-kontribuzzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat il-bilanċ attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet hija ta’ 11,0 % mill-1 ta' Lulju 2011, 10,0% mill-1 ta' Lulju 2012 u 10,6% mill-1 ta' Lulju 2013.

(4) Fl-interess tal-bilanċ attwarju tal-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, ir-rata tal-kontribuzzjoni għandha għalhekk tiġi aġġustata retroattivament għal 11,0 % tas-salarju bażiku mill-1 ta’ Lulju 2011, 10,0 % tas-salarju bażiku mill-1 ta’ Lulju 2012 u 10,6 % tas-salarju bażiku mill-1 ta’ Lulju 2013.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B'effett mill-:

– 1 ta’ Lulju 2011, ir-rata tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ta' 11,0 %.

– 1 ta’ Lulju 2012, ir-rata tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ta' 10,0 %.

– 1 ta’ Lulju 2013, ir-rata tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ta' 10,6 %.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦALL-PROPOSTI

1.           ISEM TAL-PROPOSTA:

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li taġġusta, mill-1 ta’ Lulju 2011, l-1 ta' Lulju 2012 u Lulju 2013, ir-rata tal-kontribuzzjoni tal-iskema tal-pensjonijiet tal-uffiċjali u l-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

2.           LINJI BAĠITARJI:

Kapitolu u Artikolu:

400 Taxxa fuq is-salarji tal-uffiċjali u l-aġenti oħra

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2011: EUR 538,2 miljun

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2012: EUR 548,9 miljun

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2013: EUR 569,1 miljun

Linja baġitarja tal-2014: EUR 590,5 miljun

404 Imposta ta' solidarjetà:

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2011: EUR 63,1 miljun

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2012: EUR 64,3 miljun

Linja baġitarja: EUR 68,3 miljun

410 Kontribuzzjonijiet tal-persunal għall-iskema tal-pensjonijiet

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2011: EUR 456,4 miljun

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2012: EUR 449,3 miljun

Totali ta’ intitolamenti stabbiliti għall-2013: EUR 445,6 miljun

Linja baġitarja tal-2014: EUR 435,6 miljun

3.           IMPATT FINANZJARJU

¨      Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji

ý      Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq l-infiq iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej:

(EUR miljuni sa punt deċimali wieħed)

Linja baġitarja || Dħul || Perjodu ta’ sitt xhur mill-01/07/2011 || Perjodu ta’ sitt xhur mill-01/01/2012 || Perjodu ta’ sitt xhur mill-01/07/2012 || Perjodu ta’ sitt xhur mill-01/01/2013 || Perjodu ta’ sitt xhur mill-01/07/2013 || 2014

Artikolu 400 || L-impatt fuq ir-riżorsi proprji || 2,5 || 2,4 || 2,7 || 2,6 || -1,4 || -2,7

Artikolu 404 || L-impatt fuq ir-riżorsi proprji || 0,6 || 0,6 || 0,7 || || || -0,8

Artikolu 410 || L-impatt fuq ir-riżorsi proprji || -11,8 || -11,6 || -12,7 || -12,6 || 6,5 || 12,7

Is-sitwazzjoni wara l-azzjoni

|| 2015 || 2016 || 2017 || 2018 || 2019

Artikolu 400 || -2,7 || -2,7 || -2,7 || -2,7 || -2,7

Artikolu 404 || -0,8 || -0,8 || -0,8 || -0,8 || -0,8

Artikolu 410 || 12,7 || 12,7 || 12,7 || 12,7 || 12,7

4.           RIMARKI OĦRA

Il-metodu tal-kalkolu:

Kontribuzzjoni tal-pensjoni = il-kontribuzzjoni l-ġdida – l-ammont ibbaġittjat għas-sena kurrenti Il-kontribuzzjoni l-ġdida = l-ammont ibbaġittjat x ir-rata l-ġdida/ir-rata fis-seħħ

Effett taż-żieda fit-taxxa= 21 % tal-varjazzjoni fil-kontribuzzjoni tal-pensjonijiet.

Impatt fuq l-imposta speċjali/ta' solidarjetà = 5,5 % tal-varjazzjoni fil-kontribuzzjoni tal-pensjoni fl-2011 u l-2012; 6 % tal-varjazzjoni fil-kontribuzzjoni tal-pensjoni fl-2014. L-imposta speċjali (5,5%) skadiet fil-31 ta' Diċembru 2012; għalhekk il-linja baġitarja korrispondenti ma ġietx affettwata fl-2013. L-imposta ta' solidarjetà (6%) kienet applikata mill-1 ta' Jannar 2014.

[1]               Kif fis-seħħ qabel ir-Regolament Nru 1023/2013 tat-22 ta’ Ottubru 2013 daħal fis-seħħ.

[2]               Ir-Rapport tal-Eurostat dwar l-aġġornament tal-2011 tal-valutazzjoni attwarja tal-2010 tal-Iskema tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali Ewropej (PSEO), l-1 ta’ Settembru 2011, p 6;

[3]               Ir-rapport dwar l-aġġornament tal-2012 tal-valutazzjoni attwarja tal-2011 tal-Iskema tal-Pensjonijiet tal-Uffiċjali Ewropej (PSEO), p. 6;

[4]               L-addendum għar-rapport tal-Eurostat tal-1 ta’ Settembru 2013 minħabba l-aġġustament tas-salarji skont ir-Regolament (UE) Nru 423/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014, u l-15 ta’ Mejju 2014, p 3;

[5]               Skont l-Artikolu 83a(4), fejn jintwera li hemm differenza ta’ mill-inqas 0,25 punt bejn ir-rata tal-kontribuzzjoni attwalment applikata (11,0 %) u r-rata meħtieġa biex jinżamm bilanċ attwarju (10,3%), il-Kunsill għandu jaġġusta r-rata, skont l-arranġamenti stabbiliti fl-Anness XII. B’konformità mal-Artikolu 2(1) tal-Anness XII, l-aġġustament ma jistax iwassal għal kontribuzzjoni li tkun aktar minn punt perċentwali ‘l fuq jew ‘l isfel mir-rata valida tas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li tadatta r-rata tal-kontribuzzjoni għal 10,0 % b'effett mill-1 ta' Lulju 2012.

[6]               ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.