52014PC0434

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/407/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fid-Danimarka /* COM/2014/0434 final */


Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/407/UE dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fid-Danimarka

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(12) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/407/UE tat-13 ta' Lulju 2010[1], wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, kien ġie deċiż li fid-Danimarka kien jeżisti defiċit eċċessiv. Il-Kunsill innota li skont id-dejta rrappurtata mill-awtoritajiet tad-Danimarka f'April 2010, id-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali ppjanat għall-2010 kien 5.4 % tal-PDG, u għaldaqstant, 'il fuq mill-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG skont it-Trattat. Id-dejn gross tal-amministrazzjoni ġenerali kien mistenni li jkun 45.1% tal-PDG fl-2010, ħafna 'l isfel mill-valur ta' referenza ta' 60% tal-PDG skont it-Trattat[2].

(2)       Fit-13 ta' Lulju 2010, skont l-Artikolu126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv[3], il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, bagħat rakkomandazzjoni lid-Danimarka bil-għan li s-sitwazzjoni tad-defiċit eċċessiv tinġieb fi tmiemha sa mhux aktar tard mill-2013. Ir-rakkomandazzjoni ġiet ippubblikata.

(3)       Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, il-Kummissjoni tipprovdi d-dejta għall-implimentazzjoni ta' din il-proċedura. Bħala parti mill-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern tagħhom kif ukoll dwar varjabbli assoċjati oħra darbtejn fis-sena, jiġifieri qabel l-1 ta’ April u qabel l-1 ta' Ottubru, skont Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll (nru 12) dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea[4].

(4)       Meta jiġi biex jikkunsidra jekk deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandhiex tiġi revokata, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni abbażi tad-dejta notifikata. Barra minn hekk, deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata biss jekk it-tbassir tal-Kummissjoni jindika li d-defiċit ma jkunx se jaqbeż il-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG matul il-perjodu ta’ tbassir[5].

(5)       Abbażi tad-dejta pprovduta mill-Kummissjoni (Eurostat) skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 wara n-notifika mid-Danimarka qabel l-1 ta’ April 2014, u abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni, il-konklużjonijiet li ġejjin huma ġġustifikati:

– Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika baqa' taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG fil-perjodu 2010-2013, għajr fl-2012, meta l-bilanċ intlaqat ħażin minn rimborż ta' darba marbut ma' riforma tal-pensjonijiet fl-2011. Huwa stmat li r-rimborż ta' darba niżżel il-bilanċ fiskali b'1.6 % tal-PDG fl-2012. Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ammonta għal 2.5 % tal-PDG fl-2010, 1.9 % tal-PDG fl-2011, 3.8 % tal-PDG fl-2012, u 0.8 % tal-PDG fl-2013. It-titjib tal-bilanċ fiskali kien dovut għal miżuri ta' konsolidament kemm fejn jidħol l-introjtu u kemm fejn jidħol l-infiq, b'mod partikulari permezz ta' tkabbir limitat fil-konsum pubbliku.

– Il-programm ta' konverġenza tad-Danimarka tal-2014 ibassar defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' 1.3 % tal-PDG fl-2014, u ta' 2.9 % tal-PDG fl-2015. Fil-perjodu 2013-2014, il-finanzi pubbliċi ntlaqtu minn introjti ta' darba mnissla mir-ristrutturar tal-pensjonijiet tal-kapital eżistenti, li ta l-opportunità li jitħallsu r-responsabbiltajiet fiskali tal-pensjonijiet tal-kapital tal-futur b'rata favorevoli. Huwa stmat li din il-miżura tixpruna l-bilanċ fiskali bi kważi 1.8 % tal-PDG tul dawk is-sentejn. Fl-2015, din il-miżura mhux se jkollha impatt, u b'hekk hija mistennija żieda fid-defiċit tal-finanzi pubbliċi. It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jbassar li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika se jkun 1.2 % tal-PDG fl-2014, u 2.7 % tal-PDG fl-2015. B’hekk, id-defiċit mistenni li jibqa’ taħt il-valur ta' referenza tat-Trattat ta’ 3 % tal-PDG matul il-perjodu ta' tbassir.

– Wara li tjieb b'0.7 % tal-PDG f'termini kumulattivi bejn l-2011 u l-2013, il-bilanċ strutturali, jiġifieri aġġustat għaċ-ċiklu ekonomiku u għall-ammont nett minn miżuri ta' darba u miżuri temporanji oħra, huwa mbassar li jmur lura b'0.8 % tal-PDG fl-2014 (għal -0.2 % tal-PDG), u b'0.3 % aktar tal-PDG fl-2015, abbażi ta' suppożizzjoni ta' ebda bidla politika.

– It-tbassir tar-rebbiegħa tal-2014 tal-Kummissjoni jbassar li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ser jonqos għal 43.5 % tal-PDG fl-2014, u li wara dan jiżdied għal 44.9 % tal-PDG fl-2015, 'l isfel mill-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG skont it-Trattat.

(6)       Il-Kunsill ifakkar li, mill-2014, li hija s-sena sussegwenti għas-sena tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, id-Danimarka hija soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u għandha żżomm il-bilanċ strutturali tagħha fil-mira fuq terminu medju tagħha jew 'il fuq minnha.

(7)       Skont l-Artikolu 126(12) tat-Trattat, Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv għandha tiġi revokata meta, fil-fehma tal-Kunsill, tkun saret korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-Istat Membru kkonċernat.

(8)       Fil-fehma tal-Kunsill, id-defiċit eċċessiv fid-Danimarka ġie kkoreġut u d-Deċiżjoni 2010/407/KE għalhekk għandha tiġi revokata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Minn valutazzjoni globali jsegwi li s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fid-Danimarka ġiet ikkorreġuta.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/407/UE hija b’dan revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tad-Danimarka.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 189, 22.7.2010, p. 15.

[2]               Id-defiċit tal-amministrazzjoni ġenerali għall-2010 ġie rrivedut sussegwentement għal 2.5 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika ġie rrivedut għal 42.8 % tal-PDG.

[3]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

[4]               ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

[5]               B'konformità mal-“Ispeċifikazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u l-Linji Gwida dwar il-format u l-kontenut ta' Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza”, tat-3 ta’ Settembru 2012. Ara:       http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/pdf/coc/code_of_conduct_en.pdf