52014PC0384

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għal Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Alġerija min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Alġerija rigward il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Alġerija fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2014/0384 final - 2014/0195 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

Bħala parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab tal-PEV jirrappreżenta waħda minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ddeskriviet dan l-aspett tal-politika b’mod aktar estensiv fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Diċembru 2006 "dwar l-approċċ ġenerali sabiex il-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi Komunitarji"[1].

Il-Kunsill approva dan l-approċċ fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta' Marzu 2007[2].

Abbażi ta' din il-Komunikazzjoni u ta' dawn il-konklużjonijiet, fit-18 ta' Ġunju 2007 il-Kunsill ħareġ direttivi lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja Ftehimiet Qafas mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja, il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi Komunitarji[3].

Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid l-importanza suprema tal-PEV u approva r-Rapport tal-Presidenza dwar il-Progress[5] li kien ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill fit-18 u fid-19 ta’ Ġunju 2007, kif ukoll il-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill[6]. Ir-rapport irrefera għad-direttivi tal-Kunsill sabiex jiġu nnegozjati l-protokolli addizzjonali relevanti.

Il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni[7]", approvata mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2011, enfasizzat aktar l-intenzjoni tal-UE li tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab fil-programmi tal-UE.

Sa issa, ġew iffirmati protokolli mal-Armenja, mal-Ġeorġja, mal-Iżrael, mal-Ġordan, mal-Moldova, mal-Marokk u mal-Ukraina.

Fi Frar 2013, l-Alġerija uriet l-interess li tipparteċipa fil-firxa wiesgħa ta’ programmi miftuħin għall-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. It-test tal-protokoll innegozjat mal-Alġerija jinsab mehmuż.

Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-protokoll. Dan il-protokoll fih Ftehim Qafas dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Alġerija fil-programmi tal-Unjoni. Fih klawżoli standard li huma maħsuba li jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li magħhom iridu jiġu konklużi dawn il-protokolli.

Skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew se jiġi mitlub biex jagħti l-kunsens tiegħu sabiex dan il-Protokoll jiġi konkluż.

B'mod parallel, il-Kummissjoni qed tressaq proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll.

Il-Kunsill huwa mistieden jadotta d-Deċiżjoni proposta li ġejja.

2014/0195 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għal Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Alġerija min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Alġerija rigward il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Alġerija fil-programmi tal-Unjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u (7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[8],

Billi:

(1)       Il-Protokoll għal Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Alġerija min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Alġerija rigward il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Alġerija fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Protokoll") ġie ffirmat f'isem l-Unjoni fi ...

(2)       L-objettiv tal-Protokoll huwa li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu lill-Alġerija tipparteċipa f'ċerti programmi tal-UE. Il-qafas orizzontali stabbilit mill-protokoll jikkostitwixxi miżura ta' kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika li tagħti aċċess għall-għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja, li għandha tiġi pprovduta mill-Unjoni skont il-programmi tal-Unjoni. Dan il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali kostituttivi rilevanti jipprevedu l-possibbiltà li l-Alġerija tipparteċipa. L-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki settorjali segwiti mill-programmi, li jiġu eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi.

(3)       Il-Protokoll għandu jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll għal Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Alġerija min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Alġerija rigward il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Alġerija fil-programmi tal-Unjoni ("il-Protokoll") ġie b'dan approvat f’isem l-Unjoni[9].

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, skont in-notifika prevista fl-Artikolu 10 tal-Protokoll, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta mill-Protokoll.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Alġerija fi kwalunkwe programm partikolari, inkluża l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni se żżomm lill-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill infurmat.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               COM(2006) 724 finali tal-4 ta' Diċembru 2006.

[2]               Il-Konklużjonijiet tal-KAĠRE tal-5 ta’ Marzu 2007.

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Protokolli […], Dok. 10412/07.

[4]               Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, il-21 u t-22 ta’ Ġunju 2007, Dok. 11177/07.

[5]               Ir-Rapport tal-Presidenza dwar il-Progress rigward “it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok. 10874/07.

[6]               Il-konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok. 11016/07.

[7]               COM(2011) 303 finali tal-25 ta' Mejju 2011.

[8]               ĠU C  ta' , p. .

[9]              

ANNESS PROTOKOLL għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija rigward il-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-parteċipazzjoni tar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija fil-programmi tal-Unjoni.

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni",

minn naħa waħda,

u

r-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA POPOLARI TAL-ALĠERIJA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Alġerija",

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-Partijiet",

Billi:

(1)          L-Alġerija kkonkludiet Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min naħa waħda, u l-Alġerija min-naħa l-oħra (minn issa 'l quddiem “il-Ftehim”), li daħal fis-seħħ fl-1 Settembru 2005.

(2)          Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tas-17 u t-18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ b'mod favorevoli l-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004.

(3)          Il-Kunsill minn dak inhar, f'bosta okkażjonijiet, adotta konklużjonijiet favur din il-politika.

(4)          Il-Kunsill, fil-5 ta’ Marzu 2007, esprima appoġġ għall-approċċ ġenerali u globali deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Diċembru 2006[1] sabiex is-sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jipparteċipaw fl-aġenzi Komunitarji u l-programmi Komunitarji fuq il-merti tagħhom u meta jippermettu dan il-bażijiet ġuridiċi.

(5)          L-Alġerija esprimiet ix-xewqa tagħha li tipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni.

(6)          It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi, inklużi l-kontribuzzjoni finanzjarja u l-proċeduri ta’ rappurtar u ta' evalwazzjoni, marbutin mal-parteċipazzjoni tal-Alġerija f’kull programm partikolari għandhom jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tal-Alġerija,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Alġerija titħalla tipparteċipa fil-programmi kollha tal-Unjoni attwali u futuri miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Alġerija skont id-dispożizzjonijiet ta' adozzjoni relevanti ta' dawn il-programmi.

Artikolu 2

L-Alġerija tikkontribwixxi finanzjarjament għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jkun jikkorrispondi mal-programmi speċifiċi li fihom tipparteċipa l-Alġerija.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Alġerija jitħallew jieħdu sehem, bħala osservaturi u f'dawk it-temi li jirrigwardaw lill-Alġerija, fil-kumitati ta' ġestjoni responsabbli mill-monitoraġġ tal-programmi li l-Alġerija tikkontribwixxi għalihom finanzjarjament.

Artikolu 4

Il-proġetti u l-inizjattivi mressqa minn parteċipanti mill-Alġerija jkunu suġġetti kemm jista’ jkun possibbli għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri li jappartjenu għall-programmi kkonċernati kif applikati għall-Istati Membri.

Artikolu 5

It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tal-Alġerija f’kull programm partikolari, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli u l-proċeduri tar-rappurtar u tal-evalwazzjoni, jiġu ddeterminati f’Memorandum ta’ Qbil bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Alġerija abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi kkonċernati.

Jekk l-Alġerija tapplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex tipparteċipa fi programm tal-Unjoni partikolari abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija jew skont xi Regolament simili li jipprevedi assistenza esterna tal-Unjoni lill-Alġerija li jista' jiġi adottat fil-futur, il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mill-Alġerija tal-assistenza esterna tal-Unjoni jiġu ddeterminati fi ftehim ta' finanzjament

Artikolu 6

Kull Memorandum ta’ Qbil konkluż skont l-Artikolu 5 jistipula, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, li l-kontroll finanzjarju jew l-awditi jew verifiki oħra, inklużi l-investigazzjonijiet amministrattivi ser jitwettqu mill-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u l-Qorti tal-Awdituri, jew taħt l-awtorità tagħhom.

Għall-kontrolli finanzjarji u għall-awditi, għall-miżuri amministrattivi, għall-penalitajiet u għall-irkupru jiġu adottati dispożizzjonijiet iddettaljati li jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi u lill-Qorti tal-Awdituri setgħat li jkunu ekwivalenti għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew tal-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni.

Artikolu 7

Dan il-Protokoll japplika għall-perjodu li matulu jkun fis-seħħ il-Ftehim Ewro-Mediterranju.

Dan il-Protokoll jiġi ffirmat u approvat mill-Partijiet f'konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom.

Kull Parti tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Protokoll jintemm sitt xhur wara d-data ta’ din in-notifika.

It-tmiem ta' dan il-Protokoll li jiġi wara d-denunzja minn xi waħda mill-partijiet ma jkollu l-ebda influwenza fuq l-iċċekkjar u l-kontrolli li fejn meħtieġ għandhom jitwettqu skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 8

Mhux aktar tard minn tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet jistgħu jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni effettiva tal-Alġerija fi programmi tal-Unjoni.

Artikolu 9

Dan il-protokoll japplika għat-territorji rregolati mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dan it-trattat minn naħa u għat-territorju tal-Alġerija min-naħa l-oħra.

Artikolu 10

Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw provviżorjament dan il-Protokoll mid-data ta' meta jiġi ffirmat, sakemm jitlestew il-proċeduri meħtieġa għal dan l-għan.

Dan il-protokoll jidħol fis-seħħ definittivament fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data ta' meta l-partijiet jinnotifikaw lil xulxin, permezz tal-mezzi diplomatiċi, li lestew il-proċeduri meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 11

Dan il-protokoll jifforma parti integrali mill-Ftehim.

Artikolu 12

Dan il-Protokoll sar f'żewġ kopji fil-lingwa Għarbija, Bulgara, Kroata, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola u Svediża, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku indaqs.

Magħmul fi Brussell

Għall-Unjoni Ewropea           Għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Alġerija

[1]               COM(2006) 724 finali tal- 4 ta' Diċembru 2006.