52014PC0379

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri /* COM/2014/0379 final - 2014/0194 (COD) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddistingwi bejn is-setgħat li jistgħu jingħataw lill-Kummissjoni biex tadotta atti mhux leġiżlattivi ta' applikazzjoni ġenerali biex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta' atti leġiżlattiv partikolari, kif stabbilit fl-Artikolu 290(1) tat-TFUE (atti delegati), u s-setgħat ta' implimentazzjoni li għandhom jingħataw lill-Kummissjoni meta jkun hemm bżonn kundizzjonijiet uniformi għall-atti ta' implimentazzjoni tal-Unjoni legalment vinkolanti, kif stabbilit fl-Artikolu 291(2) tat-TFUE (atti ta' implimentazzjoni).

Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[1], il-Kummissjoni ntrabtet[2] biex fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-Trattat, tirrevedi atti leġiżlattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

L-għan ġenerali huwa li jitneħħew id-dispożizzjonijiet kollha li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju minn kull strument leġiżlattiv sa tmiem is-seba' terminu tal-Parlament (Ġunju 2014).

Fil-kuntest tal-allinjament tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani[3] mar-regoli l-ġodda tat-TFUE, is-setgħat ta' implimentazzjoni li bħalissa mogħtija lill-Kummissjoni b'dak ir-Regolament, għandhom jiġu previsti billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħat biex tadotta atti delegati u/jew atti ta' implimentazzjoni.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ġew ikkonsultati d-Diretturi waqt il-laqgħa dwar l-istatistika makroekonomika (DMES), il-grupp ta' ħidma dwar il-bilanċ tal-pagamenti u l-Kumitat għall-Bilanċ tal-Pagamenti.

Ma kienx hemm bżonn valutazzjoni tal-impatt.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta għandha l-għan li temenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 sabiex tallinjah mal-kuntest istituzzjonali l-ġdid.

B'mod partikolari, l-għan hu li jiġu identifikati s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni u li tidħol fis-seħħ il-proċedura xierqa biex jiġu adottati miżuri skont dawn is-setgħat.

Hu propost li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati meta għal raġunijiet ta' bidliet ekonomiċi u tekniċi, ir-rekwiżiti tad-dejta jkollhom bżonn jiġu aġġornati, inklużi l-iskadenzi għas-sottomissjoni u r-reviżjonijiet, l-estensjonijiet u t-tneħħija ta' flussi tad-dejta stabbiliti fl-Anness I, u meta d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ikollhom bżonn jiġu aġġornati.

Barra minn hekk, kundizzjonijiet uniformi hemm bżonnhom għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 fejn jidħol ir-rappurtar ta' kwalità. Għaldaqstant hu propost li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni, skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, bil-ħsieb li tadotta standards komuni tal-kwalità u tarmonizza l-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità.

· Razzjonalizzazzjoni tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[4] jiddefinixxi s-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) bħala s-sħubija bejn l-awtorità tal-istatistika tal-Unjoni, li hija l-Kummissjoni (il-Eurostat), u l-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs) u awtoritajiet nazzjonali oħra responsabbli f'kull Stat Membru mill-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC), stabbilit mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, jitqies bħala l-kumitat ġeneriku fi ħdan l-ESS. Dan jassisti lill-Kummissjoni biex teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha f'ċerti oqsma tal-istatistika. Dawn ħlief il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali fis-servizzi u l-investiment dirett barrani.

Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, il-Kumitat għall-Bilanċ tal-Pagamenti (il-Kumitat tal-BOP) jassisti lill-Kummissjoni f'dawn l-oqsma.

Il-Kummissjoni qed tipproponi struttura ġdida tal-ESS biex ittejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramida ċara fi ħdan l-ESS, u bl-ESSC bħala l-ogħla korp strateġiku. Aspett wieħed tar-razzjonalizzazzjoni huwa li jinġabru s-setgħat komitoloġiċi f'idejn l-ESSC. Fi Frar 2012[5], l-ESSC appoġġa dan l-approċċ ġdid.

Għalhekk hu propost ukoll li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 billi jinbidlu r-referenzi għall-kumitat tal-BOP b'referenza għall-ESSC.

· Bażi legali

L-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· L-għażla tal-istrument

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.           ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Ebda

· Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost huwa dwar materja taż-ŻEE u għalhekk għandu jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2014/0194 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta' setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("it-Trattat"), is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

(2)       Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011[6], il-Kummissjoni ntrabtet[7] li fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-Trattat, tirrevedi atti leġiżlattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

(3)       Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali ta' atti leġiżlattivi partikolari, l-aktar biex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u tekniċi. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv sinifikanti żejjed fuq l-Istati Membri jew fuq l-unitajiet rispondenti.

(4)       Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005[8] dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti (BOP), kummerċ internazzjonali f'servizzi (ITS) u investiment dirett barrani (FDI), fih referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju u għalhekk għandu jiġi rivedut fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-Trattat.

(5)       Fil-kuntest li jiġi allinjat ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 mar-regoli l-ġodda tat-Trattat, is-setgħat ta' implimentazzjoni li bħalissa mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jiġu previsti billi l-Kummissjoni tingħata s-setgħat biex tadotta atti delegati u/jew ta' implimentazzjoni.

(6)       Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat meta għal raġunijiet ta' bidliet ekonomiċi u tekniċi, ir-rekwiżiti tad-dejta jkollhom bżonn jiġu aġġornati, inklużi l-iskadenzi għas-sottomissjoni kif ukoll ir-reviżjonijiet, l-estensjonijiet u t-tneħħija ta' flussi tad-dejta stabbiliti fl-Anness I, u meta d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ikollhom bżonn jiġu aġġornati.

(7)       Huwa tassew importanti li l-Kummissjoni tikkonsulta kif jixraq waqt ix-xogħol ta' tħejjija tagħha, inkluż fuq livell espert. Meta tkun qed tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokument rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(8)       Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb li tadotta standards komuni tal-kwalità u tarmonizza l-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(9)       Il-Kumitat għall-Bilanċ tal-Pagamenti (il-Kumitat tal-BOP) imsemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 jagħti pariri u jassisti lill-Kummisjoni waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha.

(10)     Bl-istrateġija għal struttura ġdida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) maħsuba biex ittejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramida ċara fi ħdan l-ESS, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009[9], għandu jaqdi rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha.

(11)     Għal dan il-għan, ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għandu jiġi emendat billi r-referenzi għall-kumitat tal-BOP jinbidlu b'referenza għall-ESSC.

(12)     Il-kooperazzjoni operattiva tajba eżistenti bejn il-Banek Ċentrali Nazzjonali (NCBs) u l-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika u bejn il-Eurostat u l-Bank Ċentrali Ewropew hija ass li għandu jitkompla u jiġi żviluppat aktar fid-dawl tat-titjib tal-armonizzazzjoni globali u l-kwalità tal-bilanċ tal-istatistika tal-pagamenti, l-istatistika finanzjarja, l-istatistika tal-finanzi tal-gvern, l-istatistika makroekonomika u l-kontijiet nazzjonali. L-NBCs ikomplu jkunu involuti mill-qrib fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet kollha relatati mal-BOP, l-ITS u l-FDI permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-grupp espert rilevanti tal-Kummissjoni responsabbli għall-BOP, l-ITS u l-FDI. Il-kooperazzjoni strateġika bejn l-ESS u l-ESCB hija kkoordinata fil-Forum Ewropew tal-Istatistika, stabbilit permezz tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni bejn il-membri tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u l-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali[10] ffirmat fl-24 ta' April 2013.

(13)     Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali, il-proċeduri għall-adozzjoni tal-miżuri li nbdew iżda ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, ma għandhomx jintlaqtu b'dan ir-Regolament.

(14)     Għaldaqstant ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 hu emendat kif ġej:

(1)          Fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

"3. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 10, meta għal raġunijiet ta' bidliet ekonomiċi u tekniċi, ir-rekwiżiti tad-dejta jkollhom bżonn jiġu aġġornati, inklużi l-iskadenzi għas-sottomissjoni kif ukoll ir-reviżjonijiet, l-estensjonijiet u t-tneħħija ta' flussi tad-dejta stabbiliti fl-Anness I, u meta d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ikollhom bżonn jiġu aġġornati."

(2)          Fl-Artikolu 4, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

"3. Il-Kummissjoni permezz tal-atti ta' implimentazzjoni għandha tadotta l-istandards komuni tal-kwalità kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti tal-kwalità, filwaqt li tqis l-implikazzjonijiet fejn jidħlu l-ispiża biex tinġabar u tinħadem id-dejta kif ukoll il-bidliet importanti fil-ġbir tad-dejta.

Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

Abbażi tar-rapporti tal-kwalità, il-kwalità tad-dejta trażmessa għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni bl-għajnuna tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika kif jissemma fl-Artikolu 11(1).

Din il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tintbagħat lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni."

(3)          L-Artikolu 10 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 10 L-eżercizzju tas-setgħat delegati

1.         Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.         Waqt li tkun qed teżerċita s-setgħat delegati fl-Artikolu 2(3), il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jixħtux piż amministrattiv sinifikanti żejjed fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti.

3.         Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati kif jissemma fl-Artikolu 2(3) għal perjodu ta' żmien mhux fiss minn [Publication office: please insert the exact date of the entry into force of the amending Regulation].

4.         Is-setgħa mogħtija kif jissemma fl-Artikolu 2(3) għandha tiġi revokata meta jidhirlu l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.

Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm is-setgħa mogħtija speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' xi atti delegati diġà fis-seħħ.

5.         Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf simultanjament b'dan lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.         Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(3), għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux oġġezzjonaw fi żmien xahrejn minn meta dan l-att jiġi notifikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dan il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

(4) L-Artikolu 11 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 11

Il-Kumitat

1.         Lill-Kummissjoni għandu jassistiha l-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea(*). Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(**).

2.         Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

_______________________

(*) ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(**) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-proċeduri għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 184/2005 li jkunu nbdew iżda ma tlestewx qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                   

[1]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

[2]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

[3]               ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23.

[4]               ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

[5]               It-12-il laqgħa tal-ESSC, it-12 ta' Frar 2012.

[6]               Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011li jistabbilixxi l-prinċipji u r-regoli ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

[7]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

[8]               Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-Istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).

[9]               Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

[10]             http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/MOU_ESS_ESCB/EN/MOU_ESS_ESCB-EN.PDF