52014PC0373

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak /* COM/2014/0373 final - 2014/0189 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fid-19 ta' Diċembru 1966 ġie ffirmat Ftehim dwar aċċess reċiproku għas-sajd f'Skagerrak u Kattegat bejn id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja, u daħal fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu 1967. Dan il-ftehim, li kien żieda għall-Ftehim dwar is-sajd bilaterali tal-1980 bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, ippermetta aċċess reċiproku bejn dawk it-tliet pajjiżi biex jistadu sa 4 mili nawtiċi mil-linji bażi rispettivi tagħhom fi Skagerrak u Kattegat, li huma l-ilmijiet bejn il-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku. Barra minn hekk, il-Ftehim stabbilixxa li, għall-finijiet ta' dan is-sajd, iż-żona inkwistjoni kienet meqjusa li tikkostitwixxi ibħra miftuħa. Għalhekk il-Ftehim irregola r-relazzjoni bejn l-Istati tal-bandiera, min-naħa waħda, u l-Istati Kostali rispettivi, min-naħa l-oħra.

Il-Ftehim tal-1966 kien Ftehim sempliċi, li qies il-ġeografija partikolari taż-żona ta' Skagerrak u Kattegat fir-rigward tas-sajd u rrikonoxxa li kien hemm raġunjiet prattiċi biex jippermetti għal reġim sempliċi ta' aċċess għal dik li hija essenzjalment żona żgħira ħafna ta' ibħra. Għal dik ir-raġuni, il-Ftehim tal-1966 kien jikkonsisti minn tliet Artikoli biss, fejn l-ewwel wieħed jiddefinixxi ż-żona konċernata, u t-tieni wieħed jiddefinixxi d-drittijiet ta' aċċess u x-xewqa biex jiġu armonizzati r-regolamenti tekniċi.

Permezz tal-adeżjoni tad-Danimarka u l-Isvezja fl-UE fl-1973 u l-1995 rispettivament, il-Kummissjoni saret responsabbli mill-ġestjoni ta' dan il-Ftehim f'isem dawk iż-żewġ Stati Membri. Saru konsultazzjonijiet dwar l-arranġamenti li jirriżultaw minn dan il-Ftehim b'mod parallell mal-konsultazzjonijiet li saru taħt il-ftehim tas-sajd bilaterali tal-1980.

Il-Ftehim tal-1966 baqa' fis-seħħ għal perjodu inizjali ta' 35 sena sal-2002 u sussegwentament ġie estiż għal żewġ perjodi ta' ħames snin sal-2012. It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim kienet possibbli permezz tal-għoti ta' avviż ta' tliet snin minn Parti waħda jew l-oħra qabel id-data ta' skadenza ta' kwalunkwe perjodu ta' ħames snin.

Minħabba iktar żviluppi riċenti fil-liġi internazzjonali tas-sajd u, b'mod partikolari, permezz tal-introduzzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 u l-Ftehim tal-Istokkijiet tal-Ħut tan-NU tal-1995, in-Norveġja kkunsidrat li l-Ftehim eżistenti ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet attwali tal-Liġi tal-Baħar. In-Norveġja kienet ikkonċernata b'mod partikolari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-kontroll. Barra minn hekk, ikkunsidrat li l-Ftehim ma kienx f'armonija mal-prinċipji tal-ġurisdizzjoni normali tal-Istati Kostali skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar u ma kienx jikkorrispondi mal-konservazzjoni u l-prinċipji amministrattivi moderni.

Fid-29 ta' Lulju 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Norveġiż informa b'mod formali lill-awtoritajiet Daniżi, il-Gvern Depożitarju tal-Ftehim, li huma xtaqu jitterminaw il-Ftehim permezz ta' denunzja formali f'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Ftehim. Konsegwentament, il-Ftehim tal-1966 skada fis-7 ta' Awwissu 2012.

Sussegwentament, in-Norveġja daħlet f'negozjati formali mal-Kummissjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, bil-għan li tistabbilixxi Ftehim ġdid dwar aċċess reċiproku għas-sajd fiż-żona ta' Skagerrak u Kattegat. Fl-24 ta' Ottubru 2013 ġie inizjalat Ftehim, li huwa konformi mal-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar kif ukoll id-dispożizzjonijiet sussegwenti relatati fi ftehimiet oħrajn.

Dan il-Ftehim il-ġdid se jżomm l-aċċess esklussiv mogħti lill-bastimenti mid-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja għall-ilmijiet ta' xulxin lil hinn minn 4 mili nawtiċi mil-linji bażi. Se jiżgura aċċess reċiproku kontinwat għaż-żewġ Stati Membri u n-Norveġja għall-ilmijiet rispettivi tagħhom tal-Partijiet l-oħrajn fiż-żona ta' Skagerrak, filwaqt li fl-istess ħin, jiżgura l-konservazzjoni tajba u l-miżuri amministrattivi għas-sajd fiż-żona. Barra minn hekk, se jippermetti għal miżuri ta' kontroll f'armonija mal-prinċipji tal-ġurisdizzjoni normali tal-Istati Kostali, kif inhu diġà l-każ għas-sajd fil-Baħar tat-Tramuntana.

Sabiex ikun hemm garanzija tal-kontinwazzjoni ta' aċċess mill-bastimenti tal-UE għall-attivitajiet tas-sajd, il-Ftehim il-ġdid għandu, sakemm jidħol fis-seħħ, jiġi applikat b'mod provviżorju sa sentejn mid-data tal-firma tiegħu.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux rilevanti

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Din il-proposta tfittex li tawtorizza l-firma ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak.

2014/0189 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Fid-19 ta' Diċembru 1966 ġie ffirmat Ftehim tal-ġirien dwar aċċess reċiproku għas-sajd f'Skagerrak u Kattegat bejn id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja, u daħal fis-seħħ fis-7 ta' Awwissu 1967.

(2)       Dan il-Ftehim tal-viċinat ippermetta aċċess reċiproku bejn dawk it-tliet pajjiżi biex jistadu fiż-żona sa 4 mili nawtiċi mil-linji bażi rispettivi tagħhom fi Skagerrak u Kattegat u li, għall-finijiet ta' dan is-sajd, iż-żona inkwestjoni ġiet meqjusa li tikkostitwixxi ibħra miftuħa u għalhekk il-ġurisdizzjoni tal-Istat tal-bandiera tapplika fi kwistjonijiet bħal dawk tal-kontroll.

(3)       Permezz tal-adeżjoni tad-Danimarka u l-Isvezja fl-UE fl-1973 u l-1995 rispettivament, il-Kummissjoni saret responsabbli mill-ġestjoni ta' dan il-Ftehim f'isem dawk iż-żewġ Stati Membri.

(4)       Fid-29 ta' Lulju 2009, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Norveġiż innotifika lill-awtoritajiet Daniżi, il-Gvern Depożitarju tal-Ftehim, li huma xtaqu jitterminaw il-Ftehim permezz ta' denunzja formali f'konformità mal-Artikolu 3(3) tal-Ftehim u konsegwentament, il-Ftehim tal-1966 skada fis-7 ta' Awwissu 2012.

(5)       Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex, f'isem l-Unjoni Ewropea, tinnegozja mar-Renju tan-Norveġja Ftehim ġdid dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak u Kattegat.

(6)       B'riżultat ta' dawn in-negozjati, fl-24 ta' Ottubru 2013 ġie inizjalat Ftehim ġdid.

(7)       Sabiex ikun hemm garanzija tal-kontinwazzjoni ta' aċċess mill-bastimenti tal-UE għall-attivitajiet tas-sajd, il-Ftehim il-ġdid għandu, sakemm jidħol fis-seħħ, jiġi applikat b'mod provviżorju sa sentejn mid-data tal-firma tiegħu.

(8)       Il-Ftehim il-ġdid għandu jiġi ffirmat.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak huwa b'dan awtorizzat, suġġett għall-konklużjoni ta' dan il-Ftehim.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar lill-persuna/i bis-setgħa li tiffirma/jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu, sakemm jidħol fis-seħħ, jiġi applikat b'mod provviżorju sa sentejn mid-data tal-firma tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikażżjoni provviżorja ta' Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak

Ftehim

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar aċċess reċiproku għas-sajd fi Skagerrak  għal bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja, minn hawn il-quddiem magħrufa bħala l-"Partijiet";

B'REFERENZA għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-10 ta’ Diċembru 1982, minn hawn ’il quddiem magħrufa bħala l-“Konvenzjoni”;

BI TFAKKIRA tal-Ftehim dwar is-sajd bjen il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tan-Norveġja tas-27 ta' Frar 1980, minn hawn ’il quddiem magħruf bħala l-"Ftehim tal-1980";

B'KONSIDERAZZJONI tal-iskadenza fis-7 ta' Awwissu 2012 tal-Ftehim bejn id-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja dwar l-aċċess reċiproku fi Skagerrak u Kattegat tad-19 ta' Diċembru 1966;

KONXJI tas-sajd Daniż, Norveġiż u Svediż tradizzjonali fi Skagerrak;

FILWAQT li jfittxu li jżommu aċċess reċiproku għal bastimenti li jtarju l-bandiera tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja biex jistadu fi Skagerrak f'żoni lil hinn minn erba' mili nawtiċi mil-linji bażi rispettivi tal-Istati l-oħrajn msemmija, fi ħdan il-baħar territorjali tagħhom u ż-żoni kontigwi tal-ġurisdizzjoni tas-sajd;

B'KONSIDERAZZJONI tal-importanza tal-konformità mill-bastimenti tas-sajd mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-miżuri ta' kontroll u infurzar adottati mill-Istati Kostali rispettivi, f'konformità mad-dipożizzjonijiet tal-Konvenzjoni, il-Ftehim tal-1980 u dan il-Ftehim, sabiex jiżguraw il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin fi Skagerrak;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dan il-Ftehim japplika għal żona fi Skagerrak ikkonfinata fil-Punent minn linja dritta li tgħaddi mill-fanal ta' Hanstholm għall-fanal ta' Lindesnes u fin-Nofsinhar permezz ta' linja dritta li tgħaddi mill-fanal ta' Skagen għall-fanal ta' Tistlarna, fi ħdan dawk il-partijiet tal-baħar territorjali u ż-żoni kontigwi tal-ġurisdizzjoni tas-sajd tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja, li jestendu lil hinn minn erba' mili nawtiċi (1 mil nawtiku = 1,852 metru) mil-linji bażi li minnhom titkejjel il-wisa' tal-baħar territorjali.

Artikolu 2

Fi ħdan iż-żona speċifikata fl-Artikolu 1, kull Parti hija responsabbli, abbażi tal-ġurisdizzjoni tas-sajd tagħha, f'konformità mal-Konvenzjoni, u skont il-liġijiet applikabbli tagħha, biex tippermetti bastimenti li jtajru l-bandiera tad-Danimarka, in-Norveġja u l-Isvezja biex jistadu, suġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim tal-1980 u f'konformità mal-allokazzjonijiet maqbula mill-Partijiet.

Artikolu 3

Il-partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jistabbilixxu, sa fejn huwa possibbli, regoli u regolamenti armonizzati fir-rigward tas-sajd fi ħdan iż-żona speċifikata fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw dwar mistoqsijiet marbuta mal-implementazzjoni u l-funzjonament kif suppost ta' dan il-Ftehim, jew fil-każ ta' nuqqas ta' qbil dwar l-interpretazzjoni tiegħu.

Artikolu 5

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għal Ftehimiet oħrajn eżistenti li jikkonċernaw is-sajd minn bastimenti ta' Parti waħda fi ħdan iż-żona ta' ġurisdizzjoni tas-sajd tal-Parti l-oħra.

Artikolu 6

Dan il-Ftehim għandu japplika, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1, min-naħa l-waħda, għat-territorji li fihom it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma applikati u skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 7

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta tasal l-aħħar notifika li l-proċeduri interni kollha meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu, ġew issodisfati mill-Partijiet.

Artikolu 8

Dan il-Ftehim għandu jibqa fis-seħħ sal-1 ta' Jannar 2022. Fil-każ li l-Ftehim ma jintemmx minn xi waħda mill-Partijiet permezz ta' avviż ta' terminazzjoni mogħti ta' mill-inqas sena qabel l-iskadenza ta' dak il-perjodu, dan għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodi addizzjonali ta' sitt snin, sakemm l-avviż ta' terminazzjoni ma jkunx ingħata ta' mill-inqas sena qabel l-iskadenza ta' perjodu ta' sitt snin ta' din ix-xorta.

Artikolu 9

Dan il-Ftehim, għandu, sakemm jidħol fis-seħħ, jiġi applikat b'mod provviżorju sa sentejn mid-data tal-iffirmar.

Artikolu 10

Dan il-Ftehim għandu jiġi kkompilat f’żewġ kopji bil-Bulgaru, l-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, l-Estonjan, il-Grieg, l-Ingliż, il-Franċiż, il-Kroat, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, l-Ungeriż, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, il-Finlandiż, l-Isvediż u n-Norveġiż, fejn kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku. Fil-każ ta' kontradizzjoni jew nuqqas ta' qbil, it-test bl-Ingliż għandu jkollu preċedenza.