Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Unjoni Ewropea – Ġeorġja bejn Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja /* COM/2014/0360 final - 2014/0182 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (FSK), ibbażat fuq
l-impenji għal valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni effettiva ta’
riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali, ġie ffirmat
fit-22 ta’ April 1996 u daħal fis-seħħ
fl-1 ta’ Lulju 1999. Pjan ta’ Azzjoni konġunt tal-Politika
Ewropea tal-Viċinat (PEV) bejn l-UE u l-Ġeorġja, ibbażat
fuq il-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni, jistabbilixxi għanijiet
strateġiċi u jħeġġeġ u jappoġġja l-mira
tal-Ġeorġja li tintegra aktar fl-istrutturi ekonomiċi u
soċjali Ewropej. Il-Ġeorġja huwa pajjiż
sieħeb fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dan bidel il-kuntest
tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja b'mod
sinifikanti u pożittiv. L-UE u l-Ġeorġja sadanittant iffinalizaw
negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ("il-Ftehim) li se
jissostitwixxi l-FSK. In-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tlestew
fit-22 ta’ Lulju 2013, u l-Ftehim ġie inizjalat fid-29 ta’ Novembru 2013
fl-okkażjoni tas-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnius. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se
japprofondixxi b’mod sinifikanti l-assoċjazzjoni politika u integrazzjoni
ekonomika tal-Ġeorġja mal-UE u jinkludi l-implimentazzjoni gradwali
ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva. L-implimentazzjoni b'suċċess ta'
Pjan ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża hija element
fundamentali li jirfed l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni
ekonomika tal-Ġeorġja mal-Unjoni Ewropea previsti fil-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, jiġifieri t-tisħiħ sostanzjali ta’ mobbiltà
u kuntatti diretti bejn in-nies. Il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE
inizjalment ippjanaw li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
fil-ħarifa tal-2014. Minħabba l-iżviluppi inkwetanti fl-Ukraina,
li jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq pajjiżi oħra
fir-reġjun, ittieħdet deċiżjoni biex l-iffirmar tal-ftehim
jitressaq għal Ġunju. Wara sforzi miftiehma bejn l-istituzzjonijiet
tal-Unjoni biex jitqassar ix-xogħol teknikufuq it-testi tal-Ftehim, dan
l-objettiv se jintlaħaq. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jista’
jidħol fis-seħħ biss ladarba jkun ġie rratifikat
mill-Partijiet kollha (jiġifieri l-UE, l-Istati Membri tagħha u
l-Ġeorġja). Dan x'aktarx li jkun proċess twil, li possibbilment
idum is-snin. Għalhekk, il-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni
provviżorja ta’ partijiet minnu ladarba l-pajjiż sieħeb ikun
lesta l-proċeduri meħtieġa u n-naħa tal-UE tkun innotifikat
ir-rieda tagħha li tibda l-applikazzjoni provviżorja. L-għan ta' din l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni huwa li titħejja u tiġi ffaċilitata
l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi jinħoloq qafas
prattiku li permezz tiegħu jkunu jistgħu jinkisbu l-objettivi
primarji tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika u b'hekk
ikun jista' jibda jitwettaq il-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea
tal-Viċinat (PEV) UE-Ġeorġja. Abbażi tal-istruttura tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tipprovdi għal
lista ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta fil-perjodu 2014-2016.
Il-fatt li l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tiffoka fuq għadd limitat
ta’ prijoritajiet ma għandux jaffettwa l-ambitu jew il-mandat tad-djalogu
eżistenti skont il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni jew ftehimiet
rilevanti u lanqas ma għandu jippreġudika l-implimentazzjoni
tal-impenji li saru fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni ladarba jidħol
fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament. Huwa importanti
li wieħed jinnota li għall-kuntrarju tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni mhijiex strument
legalment vinkolanti skont il-liġi internazzjonali. Il-Kummissjoni tehmeż it-test ta’
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni
tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni UE-Ġeorġja fir-rigward
tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, kif stabbilit fl-Anness. Il-Kummissjoni għalhekk titlob
lill-Kunsill jadotta l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill mehmuż. 2014/0182 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni
fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u
Kooperazzjoni Unjoni Ewropea – Ġeorġja bejn Komunità Ewropea u
l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġeorġja
min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar
l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u
l-Ġeorġja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u
ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom,
minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, (“FSK”) u
b’mod partikolari l-Artikolu 81 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta konġunta
mill-Kummissjoni Ewropea, Billi: (1) Il-FSK ġie ffirmat
fit-22 ta’ April 1996 u daħal fis-seħħ
fl-1 ta’ Lulju 1999. (2) Il-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn
naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni”), ġie inizjalat
fid-29 ta’ Novembru 2013 fl-okkazzjoni tas-Samit
tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnius, il-Litwanja. (3) Sakemm jidħol
fis-seħħ, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi applikat b’mod
provviżorju hekk malli jkun possibbli għall-Partijiet. (4) B'sostenn
għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-Partijiet
qablu li jinnegozjaw Aġenda ta' Assoċjazzjoni bil-għan li
joħolqu lista ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta
fil-perjodu 2014-2016. (5) Il-Partijiet qablu dwar
Aġenda ta’ Assoċjazzjoni li se tiġi adottata mill-Kunsill ta’
Kooperazzjoni stabbilit skont il-FSK, sakemm jiġi stabbilit il-qafas
istituzzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. (6) Il-pożizzjoni tal-Unjoni
li għandha tittieħed fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni dwar l-adozzjoni
tar-rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja trid tiġi adottata
mill-Kunsill, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’
Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, rigward l-implimentazzjoni
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta'
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni anness ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESSI tal- Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit
mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni Unjoni Ewropea – Ġeorġja
bejn Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’
Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
bejn l-UE u l-Ġeorġja ANNESS 1 Abbozz RAKKOMANDAZZJONI Dwar
l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja Il-KUNSILL
TA' KOOPERAZZJONI bejn l-UE u l-ĠEORĠJA, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u
Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja li jistabbilixxi Sħubija
bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim”)
u b’mod partikolari l-Artikolu 81 tiegħu, Billi: (1)
Skont l-Artikolu 81 tal-Ftehim, jiġi
stabbilit Kunsill ta’ Kooperazzjoni li se jissorvelja l-implimentazzjoni
tal-Ftehim. Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jista' jagħmel
rakkomandazzjonijiet xierqa, bi qbil bejn iż-żewġ Partijiet. (2)
Il-Partijiet fil-Ftehim qablu dwar it-test
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, li għandu l-għan li
jħejji u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni futur billi joħloq qafas prattiku biex jitwettqu l-għanijiet
prevalenti tagħhom ta’ assoċjazzjoni politika u integrazzjoni
ekonomika. (3)
L-Aġenda ta' Assoċjazzjoni sservi
l-għan doppju li tistipula l-passi konkreti li jwasslu biex il-Partijiet
jissodisfaw l-obbligi tagħhom stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni,
u li tipprovdi qafas usa’ għal aktar tisħiħ tar-relazzjonijiet
bejn l-UE u l-Ġeorġja biex dawn jinvolvu grad sinifikanti ta’
integrazzjoni ekonomika u kooperazzjoni politika aktar profonda, skont
l-għanijiet kumplessivi tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni. ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA Artikolu
Waħdieni Il-Kunsill ta' Kooperazzjoni jirrakkomanda li
l-Partijiet jimplimentaw l-Aġenda tal-Assoċjazzjoni
UE-Ġeorġja stabbilita fl-Anness, sakemm din l-implimentazzjoni
jkollha l-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja, inkluż Żona ta’ Kummerċ
Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati
Membri tagħha, minn naħa, u l-Ġeorġja, min-naħa
l-oħra. Magħmul fi […] Għall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Il-President ANNESS
2 ANNESS
Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u
l-Ġeorġja L-Unjoni Ewropea u l-Ġeorġja
(“il-Partijiet”) jirrikonoxxu li l-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom
inbidel b’mod sinifikanti u pożittiv minn meta nħolqot
is-Sħubija tal-Lvant. Il-Partijiet bdew negozjati dwar Ftehim ta’
Assoċjazzjoni fl-2010, u dwar Żona ta’ Kummerċ Ħieles
Approfondita u Komprensiva, li tkun parti integrali minn dak il-Ftehim,
fl-2012. Huma żviluppaw u niedew ukoll Pjan ta’ Azzjoni
għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża, li l-implimentazzjoni
b’suċċess tiegħu hija element fundamentali li jirfed
l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tal-Ġeorġja
mal-Unjoni Ewropea kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,
jiġifieri t-tisħiħ sostanzjali ta’ mobbiltà u kuntatti diretti
bejn in-nies. In-negozjati tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
tlestew fit-22 ta’ Lulju 2013, u l-Ftehim ġie inizjalat
fid-29 ta’ Novembru 2013. Se jieħu ftit taż-żmien
qabel ikun jista’ jidħol fis-seħħ il-Ftehim sħiħ.
Sadanittant, hija meħtieġa azzjoni biex jiġi żgurat li
l-Partijiet ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji kollha tal-Ftehim
mal-applikazzjoni parzjali provviżorja tiegħu. L-għan ta' din
l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni huwa li titħejja u tiġi
ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi
jinħoloq qafas prattiku li permezz tiegħu jkunu jistgħu jinkisbu
l-objettivi primarji tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni
ekonomika u biex isegwi l-Pjan ta' Azzjoni tal-Politika Ewropea
tal-Viċinat (PEV) UE-Ġeorġja. Abbażi tal-istruttura tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni,
l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tipprevedi lista ta’ prijoritajiet
għal ħidma konġunta fil-perjodu 2014-2016. Il-fatt li l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni tiffoka fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet ma
għandux jaffettwa l-ambitu jew il-mandat tad-djalogu eżistenti skont
il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni, ftehimiet rilevanti oħra jew
skont il-perkors multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant, u lanqas ma
għandu jippreġudika l-implimentazzjoni tal-impenji li saru
fl-AA/DCFTA ladarba jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat
provviżorjament. 1. Prinċipji,
strumenti u riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni se tiġi jiggwidata mill-prinċipji komuni li
ġejjin: ·
Azzjonijiet imwettqa permezz tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
għandhom jiġu implimentati fl-ispirtu tal-objettiv kumplessiv
tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika; ·
Il-prijoritajiet tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni jikkumplimentaw ir-responsabbiltajiet tal-UE u
l-Ġeorġja biex jimplimentaw kompletament id-dispożizzjonijiet
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja, meta dan jidħol
fis-seħħ; ·
L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għandha
tiġi implimentata b’rispett sħiħ tal-prinċipji
tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-inklużjoni; ·
L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tinvolvi
impenn miż-żewġ naħat fl-implimentazzjoni tagħha; ·
L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għandha
l-għan li tikseb riżultati tanġibbli u definiti permezz
tal-implimentazzjoni progressiva ta’ miżuri prattiċi; ·
Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jsostnu l-prijoritajiet
miftiehma permezz ta’ mezzi politiċi, tekniċi u finanzjarji xierqa u
suffiċjenti; u ·
L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni se tkun soġġetta għal rappurtar,
monitoraġġ u valutazzjoni annwali. Il-progress li sar se jiġi
rieżaminat, inkluż fl-istrutturi eżistenti skont il-Ftehim ta’
Sħubija u Kooperazzjoni jew Ftehimiet rilevanti oħrajn. L-Unjoni Ewropea se tappoġġa
lill-Ġeorġja fl-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet
stabbiliti fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Hija se tagħmel hekk
billi tuża s-sorsi disponibbli kollha ta' appoġġ mill-UE, kif
ukoll permezz ta' għarfien espert u konsulenza, l-aħjar prattiki u
għarfien, skambju ta’ informazzjoni, appoġġ għall-bini
tal-kapaċità u tisħiħ istituzzjonali. Hija
tinkoraġġixxi u tfittex ukoll koordinazzjoni tal-appoġġ
mis-sħab l-oħra tal-Ġeorġja. Se jkunu wkoll disponibbli
l-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE biex jgħinu fl-implimentazzjoni
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Minkejja dan, dan tal-aħħar
mhuwiex fih innifsu dokument ta’ programmar finanzjarju u mhux sostitut
għall-ipprogrammar jew l-eżerċizzji tal-formulazzjoni li
impenjaw ruħhom fihom il-Partijiet. L-appoġġ tal-UE se jingħata
fil-kuntest tal-prijoritajiet kumplessivi tal-għajnuna favur
il-Ġeorġja, kif spjegat fil-Qafas Uniku ta’ Appoġġ (SSF)
ENI u fl-ipprogrammar ta' diversi pajjiżi skont l-Istrument Ewropew ta’
Viċinat (ENI) bħala parti mill-iffinanzjar kumplessiv disponibbli
għall-Ġeorġja u f’konformità sħiħa mar-regoli u l-proċeduri
rilevanti ta’ implimentazzjoni tal-għajnuna esterna tal-UE. Din l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni se
tkun applikabbli mill-mument tal-adozzjoni tagħha, għal perjodu
inizjali ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż bi ftehim
reċiproku. Mill-bidu tal-applikazzjoni tagħha, din se tieħu post
il-Pjan ta’ Azzjoni tal-PEV bħala mezz prinċipali
għall-monitoraġġ tal-progress tal-Ġeorġja fil-qafas
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. Is-soċjetà ċivili se tkun
imħeġġa wkoll biex torjenta l-attivitajiet tagħha ta’
monitoraġġ fuq l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Din l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
tista' tiġi emendata jew aġġornata fi kwalunkwe ħin kif
meħtieġ bil-qbil tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni (Kunsill ta'
Assoċjazzjoni) UE-Ġeorġja, b’mod partikolari meta jidħol
fis-seħħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. 2. Prijoritajiet
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni 2.1 Djalogu
u riforma politiċi Id-djalogu
u l-kooperazzjoni politiċi lejn ir-riformi fil-qafas ta’ din l-Aġenda
ta’ Assoċjazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu r-rispett
għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza
tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi
d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi kif imħaddan
fil-Konvenzjonijiet tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokolli relatati u
biex jikkontribwixxu għall-konsolidazzjoni tar-riformi politiċi
domestiċi, partikolarment permezz tal-approssimazzjoni mal-acquis communautaire tal-UE. Ir-Rapport ta'
Thomas Hammarberg, il-Konsulent Speċjali tal-UE dwar ir-Riformi
Kostituzzjonali u Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Ġeorġja,
"Georgia in Transition"[1]
ta' Settembru 2013 u speċjalment ir-rakkomandazzjonijiet li fih
għandhom jitqiesu meta jiġu implimentati l-kwistjonijiet tad-djalogu
u r-riformi politiċi li ġejjin[2]. Id-djalogu u l-kooperazzjoni ser ikopru
l-oqsma li ġejjin: (i) Tisħiħ tal-istabbilità, l-indipendenza u
l-effettività tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat
tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, u b’mod partikolari billi: ·
Jiġi żgurat li jsiru elezzjonijiet
demokratiċi, li jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas fil-qafas
leġiżlattiv u l-amministrazzjoni tal-elezzjonijiet kif identifikat
mit-Task Force Bejn l-Aġenziji fuq Elezzjonijiet Ħielsa u Ġusti
(IATF) u l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)/l-Uffiċċju
għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR)
inkluż fid-dawl tal-elezzjonijiet lokali tal-2014; ·
Jiġi żgurat li l-emendi kostituzzjonali,
jekk maħsuba, ikunu soġġetti għal konsultazzjoni
komprensiva, domestikament u mal-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa
biex jiġi żgurat li jkunu dejjiema; ·
Jitjieb il-bilanċ bejn il-flessibbiltà u
l-istabbiltà tal-kostituzzjoni u jissaħħu l-poteri baġitarji
tal-Parlament skont l-opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezja Nru 737/2013; ·
Jiġi żgurat ir-rispett għar-rwoli
tal-Prim Ministru u tal-President skont il-kostituzzjoni; ·
Jiġu żgurati kontrolli u bilanċi
adegwati fis-sistema politika hekk kif il-Ġeorġja għaddejja minn
tranżizzjoni minn sistema semipresidenzjali għal waħda
parlamentari. Ikompli jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament u
l-indipendenza tal-ġudikatura; ·
Tiġi implimentata l-istrateġija ta’
deċentralizzazzjoni f’konformità mal-Karta Ewropea dwar l-Awtonomija
Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa (CETS Nru 122). (ii) Tkompli r-riforma tas-settur tal-ġustizzja, b’mod
partikolari tiġi żgurata l-indipendenza, l-effiċjenza,
l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura u l-prosekuzzjoni,
kif ukoll tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li għandhom ikunu
ħielsa mill-indħil politiku jew kwalunkwe interferenza mhux dovuta
oħra; tkompli u tintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni: Ġudikatura ·
Jiġu żviluppati Strateġija u Pjan
ta’ Azzjoni għar-Riforma Ġudizzjarja, b'parametri referenzjarji u
prijoritajiet ċari, inkluż il-politika għall-ħatra u
t-taħriġ tal-imħallfin u riżorsi adegwati sabiex ikunu
żgurati kompetenzi ġudizzjarji adegwati; ·
Ikomplu jittieħdu passi ulterjuri fir-riformi,
b’mod partikolari tal-ġudikatura, il-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi
ta’ Proċedura Kriminali tal-Ġeorġja, inkluż it-titjib
tal-parità tal-armi fil-proċedimenti kriminali, issir analiżi
komprensiva u jiġu sottomessi proposti legali: –
biex tissaħħaħ l-indipendenza,
l-effiċjenza, l-imparzjalità u l-professjonaliżmu
tal-ġudikatura; –
biex jiġi żgurat id-dritt għal
proċess ġust; –
biex tiġi żgurata investigazzjoni
indipendenti u effettiva; –
fuq ir-riforma tal-ġustizzja
għall-minorenni biex jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal; –
dwar kif is-sistema ta’ patteġġament
tinġieb konformi mal-istandards u l-prattiki tal-UE u l-Kunsill tal-Ewropa
(KtE)/Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB); –
dwar l-istatus u d-drittijiet tal-vittmi
fil-proċedimenti kriminali; –
dwar ir-riforma tal-proċess quddiem il-qorti
kriminali. ·
L-implimentazzjoni tar-riforma
tal-Uffiċċju tal-Prosekutur wara l-emenda tal-2013 fil-liġi
tal-2008. B’mod partikolari, jiġi identifikat l-ambitu kostituzzjonali
xieraq għall-Uffiċċju tal-Prosekutur b’sorveljanza effettiva -
biex tinbena kunfidenza pubblika fl-uffiċċju tal-Prosekutur u
jitwaqqaf servizz ta’ Prosekuzzjoni verament professjonali (inkluż permezz
ta’ taħriġ adegwat) indipendenti mill-partiti politiċi jew
influwenza oħra mhux dovuta; ·
Jiġi żgurat li l-prosekuzzjonijiet
kriminali jitwettqu b’mod trasparenti u imparzjali, mingħajr motivazzjoni
politika, sabiex tiġi evitata kwalunkwe ġustizzja selettiva
b'motivazzjoni politika; ·
Ikomplu jiġu implimentati politiki ta’
riabilitazzjoni u risoċjalizzazzjoni fil-ġustizzja kriminali;
jiġi promoss l-użu ta’ sentenzi mhux ta' priġunerija, ordnijiet
fil-komunità, tisħiħ fl-użu tal-probation, ir-rilaxx bikri
permezz tal-parole, id-diverżjoni u l-medjazzjoni; ·
jiġi żgurat aċċess
għall-ġustizzja peremzz ta' Servizz ta’ Għajnuna Legali
indipendenti, iffinanzjat b’mod adegwat u professjonalment kapaċi; ·
Tiżdiedu r-responsabbilizzazzjoni u
sorveljanza demokratika tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi. L-ilmenti
kontra l-pulizija u l-prosekuturi jkunu jeħtieġu mekkaniżmu
professjonali u effikaċi biex ikun hemm reazzjoni kredibbli. Jiġi
kkunsidrat li jitwaqqaf mekkaniżmu għall-ilmenti indipendenti u
effikaċi biex jinvestiga każijiet bħal dawn. Jingħata
taħriġ komprensiv u professjonali lill-uffiċjali tal-infurzar
tal-liġi dwar standards etiċi u d-drittijiet tal-bniedem; ·
Jiġu żviluppati mezzi alternattivi ta’
riżoluzzjoni tat-tilwim (medjazzjoni, arbitraġġ); jiġu
riveduti r-regoli dwar id-detenzjoni amministrattiva f’konformità man-normi
tal-proċess ġust. Antikorruzzjoni,
riforma amministrattiva u servizz pubbliku ·
Parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni
internazzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u tiġi żgurata
l-implimentazzjoni effettiva tal-istrumenti legali internazzjonali rilevanti,
bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-korruzzjoni; ·
Jittieħdu miżuri adegwati fil-livelli
kollha tas-soċjetà għall-prevenzjoni, id-detezzjoni u l-indirizzar
tal-korruzzjoni b’mod partikolari l-korruzzjoni fil-livelli għolja; ·
Titwettaq riforma amministrattiva b’enfasi fuq
l-amministrazzjoni pubblika u l-bini ta’ servizz ċivili responsabbli,
effiċjenti, effikaċi, trasparenti u professjonali; u
t-tisħiħ tal-awtonomija lokali f’konformità ma’ standards Ewropej; (iii)
Jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u
l-libertajiet fundamentali permezz ta’ kooperazzjoni komprensiva dwar
il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali,
inkluż kif enfasizzat fir-rapport ta' Thomas Hammarberg “Georgia in
transition”. Din il-kooperazzjoni se tinkludi b’mod partikolari: ·
L-adozzjoni ta’ Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni
Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem komprensivi; f'dawn
l-Istrateġija u Pjan ta’ Azzjoni jiġu segwiti b'mod attiv ir-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi tal-korpi tan-NU, OSKE/ODIHR, il-Kunsill
tal-Ewropa/il-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza
(ECRI) u organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod
partikolari fl-implimentazzjoni tal-politiki kontra d-diskriminazzjoni,
il-protezzjoni tal-minoranzi u l-ħajja privata u l-iżgurar
tal-libertà reliġjuża; ·
L-adozzjoni ta’ liġi komprensiva kontra
d-diskriminazzjoni, kif rakkomandat min-NU u mill-korpi ta’
monitoraġġ tal-Kunsill tal-Ewropa, biex tiġi żgurata
protezzjoni effettiva kontra d-diskriminazzjoni; ·
Jittieħdu passi biex jiġu ffirmati,
ratifikati u trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali l-istrumenti
rilevanti tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa fil-ġlieda kontra
d-diskriminazzjoni, inkluż billi titqies il-Konvenzjoni tan-NU dwar
l-Apolidija u r-rakkomandazzjonijiet permanenti tal-Kunsill tal-Ewropa dwar
il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji. ·
Jingħata rispons xieraq
għall-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi rilevanti
tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-konformità tal-Ġeorġja mal-Konvenzjoni
Qafas għall-ħarsien tal-minoranzi nazzjonali; ·
Tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva
tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità; ·
Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni effettiva
tas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; ·
Ikun hemm mekkaniżmi effikaċi ta’ qabel u
mhux ġudizzjarji kemm għal soluzzjoni għat-tilwim kif ukoll
għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; ·
Jiġu promossi u tinħoloq sensibilizzazzjoni
dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni fil-ġudikatura,
l-infurzar tal-liġi, l-amministrazzjoni. ·
Ikompli jissaħħaħ il-pluraliżmu
tal-midja, it-trasparenza u l-indipendenza skont ir-rakkomandazzjonijiet
tal-Kunsill tal-Ewropa; ·
Jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet
tal-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku (DPO) fit-tfassil tal-politika u
jiġu pprovduti riżorsi adegwati lill-uffiċċju tad-DPO u
jiġi msaħħaħ; ·
Jiġi sostnut il-funzjonament effikaċi
tal-mekkaniżmu istituzzjonali previst fil-liġi kontra
d-diskriminazzjoni; Jinbnew il-kapaċitajiet ta’ monitoraġġ
tal-Kumitati Parlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kwistjonijiet
Legali marbuta mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni
dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; ·
Jingħata sostenn lill-Organizzazzjonijiet
tas-Soċjetà Ċivili (OSĊ) u b’mod partikolari s-sħab
soċjali rappreżentattivi (it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet ta’
min iħaddem) bħala fornituri ta’ servizz u gwardjani f’oqsma
prijoritizzati mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja (FA),
inklużi d-drittijiet tax-xogħol, il-privatezza, id-drittijiet
tal-minoritajiet u gruppi vulnerabbli oħra u l-libertà tal-midja. Trattament ħażin u tortura ·
Jiġu aġġornati l-Istrateġija u
l-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għall-ġlieda kontra t-trattament
ħażin u t-tortura, u jiżdiedu l-isforzi biex jiġu
implimentati ħalli tiġi miġġielda l-impunità; ·
Tiġi żgurata investigazzjoni bir-reqqa,
trasparenti, indipendenti ta' kull allegazzjoni ta' użu ta' tortura u
trattament ħażin fis-sistema penitenzjarja, mill-pulizija, il-militar
u faċilitajiet magħluqa oħra; ·
Jiġu implimentati riformi strutturali u
jingħata appoġġ lill-Mekkaniżmu Nazzjonali ta’ Prevenzjoni
(MNP) tal-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku biex jiġi impedit
abbuż futur u jiġi żgurat aċċess sħiħ
għall-monitoraġġ tal-faċilitajiet magħluqa,
inkluż istituzzjonijiet mhux tal-Istat; ·
Ikompli jissaħħaħ
il-monitoraġġ intern u estern effikaċi tas-sistema
penitenzjarja, tal-pulizija, il-militar u faċilitajiet magħluqa
oħra għad-detezzjoni bikrija u l-prevenzjoni tal-abbuż u
t-trattament ħażin; ·
Jitkomplew l-isforzi biex titjieb is-sistema
tal-kura tas-saħħa penitenzjarja u biex il-priġunieri jkollhom
aċċess għal servizzi tal-kura tas-saħħa. Jinbnew
il-kapaċitajiet u l-abilitazzjoni tal-persunal tal-kura tas-saħħa,
li jaħdem f’istituzzjonijiet magħluqa jew li jaħdem
għalihom, li jiddenunzja u jirappurta t-trattament ħażin. Drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards
ewlenin tax-xogħol ·
Jiġi implimentat il-Kodiċi
tax-Xogħol il-ġdid, kif adottat mill-Parlament
f’Ġunju 2013, f’konformità mal-istandards tal-ILO. ·
Il-Kodiċi tax-Xogħol il-Ġdid
jiġi mirfud b’istituzzjonijiet u proċeduri ġodda
għas-soluzzjoni tat-tilwim u tiġi żviluppata kultura ta’
negozjati (ċentru ta’ medjazzjoni). Tingħata wkoll attenzjoni fuq li titjieb
is-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u joħolqu mekkaniżmu u
istituzzjoni b’kapaċitajiet adegwati għall-ispezzjonijiet
tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-ispirtu tal-liġi l-ġdida u
l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); ·
Jiġi stabbilit Djalogu Soċjali effettiv,
inkluż billi titlaqa' b'mod sistematiku l-Kummissjoni Tripartitika; ·
Ikomplu u jintensifikaw id-djalogu u s-sħubija
mal-ILO. Trattament ugwali ·
Titjieb l-ugwaljanza bejn il-ġenri u li
jiġi żgurat trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel
fil-ħajja soċjali, politika u ekonomika; ·
Approssimazzjoni lejn l-istandards Ewropej
fir-rigward tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà, ir-regoli
tal-protezzjoni tal-maternità, regoli dwar ir-rikonċiljazzjoni
tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali kif previst
mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. ·
Tissaħħaħ l-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza domestika, inkluż
azzjonijiet biex tinħoloq sensibilizzazzjoni kemm tal-popolazzjoni
ġenerali kif ukoll ta’ gruppi professjonali speċifiċi, bħal
pereżempju l-pulizija, u b’mod partikolari fiż-żoni rurali u
minoritarji. Jiżdied l-aċċess tal-vittmi għal servizzi ta’
counselling u postijiet ta’ kenn. Drittijiet tat-tfal ·
Tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-faqar fost
it-tfal u tingħata prijorità konsiderevolment ogħla
għas-sitwazzjoni tat-tfal vulnerabbli; Tkompli r-riforma
tal-ġustizzja tal-minorenni (ara wkoll hawn fuq taħt Ġudikatura)
·
Tkompli r-riforma tal-ġustizzja tal-minorenni
(ara wkoll hawn fuq taħt Ġudikatura) ·
L-Istrateġija Nazzjonali u l-Pjan ta’ Azzjoni
dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandhom jinkludu d-drittijiet tat-tfal
b’mod prominenti; ·
Jiġu pprovduti riżorsi adegwati u
jissaħħaħ ir-rwol tad-Difensur Pubbliku biex titwettaq aktar
ħidma tal-ombudsman favur it-tfal u tiġi mmonitorata s-sitwazzjoni
fl-istituzzjonijiet rilevanti; ·
Tingħata attenzjoni fuq miżuri li
jipproteġu lit-tfal kontra kull forma ta’ vjolenza. 2.2 Politika
estera u ta’ sigurtà Id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam
tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) jimmiraw lejn konverġenza
gradwali, inkluż dwar il-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni
(PSDK), u se jindirizzaw b’mod partikolari kwistjonijiet ta’ sigurtà,
prevenzjoni tal-kunflitti u ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabilità
reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u
l-kontroll tal-esportazzjoni. Il-kooperazzjoni se tkun ibbażata fuq valuri
komuni u interessi reċiproċi, u timmira lejn li tiżdied
il-konverġenza u l-effikaċja politika, bl-użu ta' fora
bilaterali, internazzjonali u reġjonali. B'mod partikolari: ·
Jinħoloq ambjent li jwassal għal
kooperazzjoni prammatika u l-iżvilupp ta' djalogu politiku u kooperazzjoni
dwar kwistjonijiet reġjonali u internazzjonali, inkluż fil-qafas
tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE; ·
Il-promozzjoni tar-riżoluzzjoni paċifika
tal-kunflitti u l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali abbażi ta'
multilateraliżmu effettiv; ·
Tkompli l-kooperazzjoni biex jiżdied
l-allinjament tal-Ġeorġja mad-dikjarazzjonijiet tal-PESK tal-UE; ·
Tiġi żviluppata kooperazzjoni dwar
ir-reġimi ta’ sanzjonijiet; ·
Jiġi promossir-rispett
għall-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali,
l-invjolabilità tal-fruntieri, u l-indipendenza, kif stipulati fil-Karta tan-NU
u l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-OSKE; ·
Tissaħħaħ il-kooperazzjoni prattika
fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, billi
tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja
fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżijiet ċivili u militari
mmexxija mill-UE, u tingħata konsulenza u attivitajiet ta’
taħriġ fil-qasam tal-PSDK (fuq il-bażi tal-Qafas ta’ Ftehim ta’
Parteċipazzjoni ffirmat f'Novembru 2013) u fil-qafas multilaterali
tal-Panil tas-Sħubija tal-Lvant dwar PSDK); ·
Tiġi promossa u ffaċilitata
l-parteċipazzjoni tal-Ġeorġja fl-attivitajiet
tat-taħriġ u l-konsultazzjoni (fil-qafas ta’ konsultazzjonijiet
bilaterali u multilaterali regolari tal-Panil tas-Sħubija tal-Lvant dwar
il-PSDK). Terroriżmu, nonproliferazzjoni
tal-armi tal-qerda tal-massa (AQM) u esportazzjonijiet illegali tal-armi ·
Kooperazzjoni ħalli jikber il-kunsens
internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu bbażata fuq
id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar d-definizzjoni legali tal-atti
terroristiċi, inkluż billi jiġi promoss ftehim dwar
il-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali; ·
Skambju ta' informazzjoni dwar organizzazzjonijiet
u gruppi terroristiċi, l-attivitajiet tagħhom u n-netwerks ta’
appoġġ tagħhom, skont il-liġi internazzjonali u
leġiżlazzjoni tal-Partijiet; ·
Jiġu implimentati l-istandards
tar-rakkomandazzjonijiet dwar l-iffinanzjar tat-terroriżmu tat-Task Force
ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF); ·
Kooperazzjoni u kontribuzzjoni biex tiġi
miġġielda l-proliferazzjoni tal-armi tal-qerda tal-massa u l-mezzi
tat-twassil tagħhom permezz ta’ konformità sħiħa mal-obbligi
eżistenti tal-Partijiet skont it-trattati u l-ftehim internazzjonali dwar
id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u skont obbligi internazzjonali rilevanti
oħra, u l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom. ·
Tiġi stabbilita sistema effettiva ta’
kontrolli nazzjonali fuq l-esportazzjonijiet u t-tranżitu ta’
oġġetti relatati mal-armi tal-qerda tal-massa (AQM), inkluż
kontroll fuq l-użu finali ta' teknoloġiji b'użu doppju AQM,
b'sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni. ·
Kooperazzjoni fir-rigward tal-kontroll doganali
abbażi r-riskju li jiżgura s-sikurezza u s-sigurtà
tal-oġġetti importati, esportati, jew fi transitu; ·
Indirizzar tal-kummerċ illegali ta’ armi
żgħar u armamenti ħfief, inkluż il-munizzjon tagħhom,
skont il-ftehimiet internazzjonali attwali u r-riżoluzzjonijiet
tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u l-impenji skont strumenti internazzjonali
oħrajn applikabbli f’dan il-qasam; ·
Tkompli l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontroll
tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, fid-dawl tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE
dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir
militari. Tiġi żviluppata kooperazzjoni fil-ġlieda kontra
t-traffikar tal-armi u l-qerda tal-ħażniet tagħhom; ·
Ikomplu jikkontribwixxu lejn l-implimentazzjoni
tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni Nukleari (TNP) fuq it-tliet pilastri kollha
tiegħu, b’mod ibbilanċjat; ·
Jittieħdu passi biex jiġi ffirmat u
rratifikat it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, adottat mill-Assemblea
Ġenerali tan-NU fit-2 ta’ April 2013. Riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn
persuni ·
Ikomplu l-isforzi mmirati lejn l-iżgurar
tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Sitt Punti
tat-12 ta’ Awwissu 2008 u l-miżuri ta’ implimentazzjoni
sussegwenti tiegħu; ·
Ikun hemm parteċipazzjoni kostruttiva
fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta’ Ġinevra, kopreseduti mill-UE,
in-NU, l-OSKE u s-sostenn tagħhom; ·
Tiġi enfasizzata l-importanza ta’ involviment
internazzjonali sinifikanti fuq il-post li jinkludi l-implimentazzjoni
sħiħa tal-mandat tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni
Ewropea (EUMM); ·
Ikun hemm kooperazzjoni effettiva bejn l-UE u
l-Ġeorġja biex tinstab soluzzjoni tal-kunflitt f’formati miftiehma,
inklużi konsultazzjonijiet bil-għan li jiġu stabbiliti modi
għal involviment xieraq tar-reġjuni Ġeorġjani
tal-Abkażja u r-reġjun ta’ Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar
fl-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ġeorġja; ·
Jiġu intensifikati l-kooperazzjoni u
l-koordinazzjoni effettivi bejn l-UE u l-Ġeorġja dwar
ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti inkluż permezz ta’ djalogu politiku
regolari; ·
Sostenn għall-sforzi favur
ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, inkluż permezz ta’
kuntatti mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni Ġeorġjani
tal-Abkażja u r-reġjun ta’ Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar
fid-dawl tar-rikonċiljazzjoni tal-Ġeorġja u l-impenn politiku u
l-politika ta' nonrikonoxximent u impenn tal-UE, li huma jikkooperaw fuqhom; ·
Jittieħdu passi xierqa biex
jitħeġġeġ il-kummerċ, l-ivvjaġġar u
l-investiment bejn il-konfini amministrattivi, inkluż analiżi
tal-leġiżlazzjoni bħal-Liġi dwar it-Territorji Okkupati; ·
Issir ħidma biex tippermetti r-ritorn sikur u
dinjituż u volontarju tal-IDPs u r-refuġjati kollha lejn il-postijiet
ta’ residenza abitwali tagħhom f’konformità mal-prinċipji
tal-liġi internazzjonali; ·
Jittieħdu passi lejn soluzzjoni sostenibbli
għall-kunflitt u mingħajr preġudizzju għal formati
eżistenti biex jiġu indirizzati kwistjonijiet marbuta mal-kunflitti,
ir-riżoluzzjoni paċifika tal-konflitt se tikkostitwixxi wieħed
mis-suġġetti ċentrali fuq l-aġenda tad-djalogu politiku
bejn il-Partijiet, kif ukoll fid-djalogu ma’ atturi internazzjonali oħra
rilevanti; ·
Jinstabu modi kif il-benefiċċji u
l-opportunitajiet li joħorġu mid-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni
tal-Viża bejn l-UE u l-Ġeorġja, l-assoċjazzjoni politika u
l-integrazzjoni ekonomika, fost l-oħrajn mill-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, jinqasmu mal-popolazzjonijiet fuq in-naħa l-oħra
tal-konfini amministrattivi; ·
Jittieħdu miżuri biex jitrawmu l-kuntatti
bejn in-nies, il-bini tal-kunfidenza u l-isforzi
għar-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet mifrudin bil-kunflitt. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) ·
Tkompli l-kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali
Internazzjonali billi jiġi implimentat l-Istatut ta’ Ruma u l-istrumenti
relatati tiegħu, filwaqt li tingħata l-attenzjoni dovuta sabiex
tinżamm l-integrità tiegħu. Kooperazzjoni mal-QKI fir-rigward
tal-investigazzjonijiet fuq il-gwerra ta’ Awwissu 2008. 2.3 Kooperazzjoni
dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà Il-Partijiet se jikkooperaw fl-oqsma li
ġejjin: Protezzjoni tad-Dejta Personali ·
Jiġi żgurat livell għoli ta’
protezzjoni tad-dejta personali f’konformità mal-istandards Ewropej u
jittieħdu passi leġiżlattivi u prattiċi lejn rispett akbar
għad-dritt tal-privatezza, inkluż fil-qasam tal-ġustizzja kriminali;
tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ standards għall-protezzjoni
tad-dejta fis-settur privat ukoll; ·
Tkompli tissaħħaħ il-kapaċità
tal-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta (l-Uffiċċju
tal-Ispettur) u segwitu tal-applikazzjoni tal-istandards tal-protezzjoni
tad-dejta fis-setturi kollha, speċjalment rigward l-infurzar
tal-liġi; tiġi żgurata l-indipendenza u riżorsi
suffiċjenti, li jippermettu li l-awtorità jkollha rwol ta’ awtorità ta’
superviżjoni indipendenti b’setgħat u l-obbligi adegwati; ·
Titjieb il-protezzjoni tad-drittijiet
tal-privatezza u l-investigazzjoni tal-abbużi. Jiġi żgurat li
l-ipproċessar ta’ dejta personali jsir skont il-liġi, jissodisfa
l-prinċipji ta’ neċessità, proporzjonalità u l-kunfidenzjalità u jkun
hemm sorveljanza adegwata; ·
Jitwettqu kampanji kontinwi mmirati ta’ informazzjoni
dwar il-protezzjoni tad-dejta u l-importanza tagħha għal
approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem. Migrazzjoni u Ażil ·
Tiġi implimentata b’mod effettiv
l-Istrateġija tal-Migrazzjoni tal-Ġeorġja 2013-2105 u l-Pjan ta’
Azzjoni ta' magħha; ·
Jiġi kkonsolidat il-qafas
leġiżlattiv tal-migrazzjoni u l-ażil, skont l-istandards tal-UE
u dawk internazzjonali inkluż permezz tal-adozzjoni ta’
leġiżlazzjoni li tiżgura aċċess effettiv għal
proċeduri ġusti ta’ determinazzjoni tal-istatus u l-protezzjoni
tad-drittijiet; ·
Tiġi stabbilita Sistema Unifikata
tal-Analiżi tal-Migrazzjoni; ·
Tkompli tissaħħaħ il-Kummissjoni
Statali dwar il-Kwistjonijiet tal-Migrazzjoni; jiġu żviluppati
programmi għar-ritorn volontarju assistit ta’ migranti vulnerabbli; ·
Tkompli l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim
tar-Riammissjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja u jiġu żviluppati
mekkaniżmi għall-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari; ·
Jitfassal u jiġi implimentat mekkaniżmu
komprensiv ta’ ritorn u riintegrazzjoni għar-riintegrazzjoni
taċ-ċittadini tal-Ġeorġja u jissaħħu
l-kapaċitajiet operazzjonali tal-aġenziji tal-gvern li jittrattaw
il-migranti li jirritornaw, inkluż iċ-Ċentru ta’ Mobilità; ·
Jiġi stabbilit ċentru ta’ akkomodazzjoni
temporanja għal migranti irregolari u tkun żgurata l-kapċità
operazzjonali tiegħu; ·
Tibda l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’
informazzjoni kontinwi u mmirati dwar l-mobilità u l-migrazzjoni lejn l-UE,
inkluż informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-migranti, regoli
li jirregolaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol
fl-UE (inkluż permezz tal-Portal tal-immigrazzjoni tal-UE) u
r-responsabbiltà għal kwalunkwe abbuż tad-drittijiet skont
ir-reġim ħieles mill-viża. Ġestjoni tal-fruntieri ·
Tiġi elaborata Strateġija multiannwali
għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’
magħha għall-perjodu ta’ wara l-2013; ·
Gradwalment jispiċċa l-użu ta’
passaporti mhux bijometriċi tal-Ġeorġja skont il-Pjan ta’
Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża; ·
Jinżamm livell għoli ta’ kontrolli u
sorveljanza fuq il-fruntiera u tiġi żviluppata kooperazzjoni
effiċjenti bejn l-aġenziji; ·
Jiżdiedu l-isforzi għal aktar
żvilupp tal-kapaċitajiet tal-ġestjoni tal-Fruntiera Ħadra
wara valutazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet; ·
Jiġu żviluppati aktar programmi ta’
taħriġ immirati lejn il-gwardjani tal-fruntieri, uffiċjali
tad-dwana u oħra involuti fil-ġestjoni u s-sorveljanza tal-fruntieri. Ġlieda kontra l-Kriminalità
Organizzata ·
Jiżdiedu l-isforzi fl-implimentazzjoni
effettiva tal-Pjan ta’ Azzjoni 2013-2014 dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar
tal-Bnedmin; tiżdied il-kapaċità tal-awtoritajiet statali biex b’mod
proattiv jidentifikaw u jinvestigaw b'mod effiċjenti każijiet ta’
traffikar tal-bnedmin; ·
Ikomplu l-isforzi fil-qasam tal-prevenzjoni u
l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; u ·
jintensifikaw aktar l-isforzi biex jiġi
stabbilit qafas legali u istituzzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda
kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; ·
Bil-għan li tiġi indirizzata b'mod
effettiv il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tiġi żviluppata
iktar il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi
tal-Istati Membri tal-UE u tal-Ġeorġja, inkluż permezz ta'
konklużjoni ta' ftehim ta’ kooperazzjoni mal-EUROPOL. Indirizzar tad-Drogi Illegali ·
Tiġi implimentata l-Istrateġija Nazzjonali
dwar id-Drogi u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-2014-2015, filwaqt li tiġi prevista
estensjoni tagħha wara l-2015; ·
Ikompli jiġi żgurat approċċ
bilanċjat u integrat lejn il-kwistjonijiet tad-droga, sabiex ikunu
mmaniġġati l-konsegwenzi fuq is-saħħa u dawk soċjali
tal-abbuż mid-drogi, kif ukoll tiġi żgurata prevenzjoni aktar
effettiva, u ħidma biex titnaqqas il-provvista, it-traffikar u d-domanda
għad-drogi illegali; ·
Jissaħħu l-istrutturi istituzzjonali biex
jiġu indirizzati d-drogi illegali; ·
Ikompli d-djalogu regolari fil-qafas tad-Djalogu
tas-Sħubija tal-Lvant (SL) dwar id-Drogi; ·
Jiġu żviluppati aktar il-kooperazzjoni u
l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż billi tkompli l-kooperazzjoni
maċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u
d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA). Kooperazzjoni Legali ·
Tissaħħaħ il-kooperazzjoni
ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali permezz
tal-adeżjoni u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet multilaterali dwar
il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u b'mod partikolari tal-Konvenzjonijiet
tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi Internazzjonali Privata fil-qasam
tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kif ukoll il-protezzjoni tat-tfal
speċjalment il-Konvenzjoni tal-1965 dwar in-Notifika Barra l-Pajjiż
ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji f’materji Ċivili
jew Kummerċjali, il-Konvenzjoni tal-1970 dwar it-Teħid ta’ Provi
Barra mill-Pajjiż f’Materji Ċivili jew Kummerċjali, u
l-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli,
ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà
tal-Ġenituri u l-Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal; ·
Tissaħħaħ il-kooperazzjoni
ġudizzjarja f’materji kriminali permezz tal-adeżjoni u
l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet rilevanti, speċjalment dawk
tal-Kunsill tal-Ewropa; ·
Tiġi stabbilita kooperazzjoni eqreb
mal-Eurojust, inkluż billi tiġi prevista l-konklużjoni ta'
ftehim ta’ kooperazzjoni operazzjonali. 2.4 Kwistjonijiet
Kummerċjali u Relatati mal-Kummerċ Kummerċ ta' Oġġetti Il-partijiet se jikkooperaw
biex iħejju l-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar
l-aċċess għas-suq għal oġġetti tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni previst, b’mod partikolari permezz ta’ konsultazzjonijiet
konġunti, biex: ·
tiżdied id-diversifikazzjoni tal-istruttura
tal-esportazzjoni tal-Ġeorġja; ·
ikun hemm aktar titjib fil-qasam tal-istatistika
dwar il-kummerċ; ·
ikun hemm kooperazzjoni mill-qrib bil-għan li
jiġi applikat b’mod effettiv mekkaniżmu ta’ kontra
ċ-ċirkomvenzjoni; ·
jiġi żgurat li ma sseħħ l-ebda
żieda fid-dazji tal-importazzjoni applikabbli attwalment fil-kummerċ
bejn il-partijiet fil-perjodu ta’ qabel u wara d-dħul fis-seħħ
tal-Ftehim (klawsola ta’ waqfien totali); ·
tingħata assistenza lill-Ġeorġja
fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li jista’ jkollha
l-ħsieb tħejji dwar l-aċċess għas-suq jew
kwistjonijiet relatati oħra (jiġifieri rimedji kummerċjali). ·
jiġi żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni
dwar l-iżviluppi relatati mal-aċċess tas-suq u politika dwar
l-aċċess għas-suq. Regolamenti tekniċi,
Standardizzazzjoni u Infrastruttura Relatata Il-Partijiet se jikkooperaw fil-qasam
tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi, il-metroloġija,
is-sorveljanza tas-swieq, l-akkreditazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità
biex tinkiseb approssimazzjoni gradwali ta’ dawn is-sistemi mas-sistemi
rilevanti tal-UE kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
Il-kooperazzjoni se tinkludi: ·
l-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni li
l-Ġeorġja impenjat ruħha li timplimenta qabel id-dħul
fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif previst
fl-Istrateġija tal-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (TBT)
tagħha; ·
l-iżvilupp tal-infrastruttura relatata
mal-amministrazzjoni tal-istandards, ir-regolamenti tekniċi,
il-metroloġija, is-sorveljanza tas-suq, l-akkreditazzjoni,
il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità; ·
tiġi ffaċilitata t-tħejjija u
l-adattament tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-operaturi
ekonomiċi, għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
approssimata; ·
l-implimentazzjoni tal-Istrateġija
tas-Sorveljanza tas-Suq; ·
fil-qasam tas-Sorveljanza tas-Suq,
jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi rilevanti
tal-istituzzjonijiet tal-Istat u tal-korpi tas-sorveljanza tas-suq
Ġeorġjani; ·
jingħata aktar taħriġ lill-persunal
tal-amministrazzjoni tal-korpi u l-aġenziji governattivi responsabbli; ·
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aspetti kollha
rilevanti tat-TBT u l-Istrateġiji tas-Sorveljanza tas-Suq
tal-Ġeorġja, inklużi l-oqfsa ta’ żmien kif applikabbli; ·
il-Ġeorġja titħejja biex tilħaq
il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tikkonkludi Ftehim dwar
il-Valutazzjoni tal-Konformità u l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti
Industrijali (ACAA) li jkopri settur wieħed jew aktar, kif previst
mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u skont il-Pjan ta’ Riforma Istituzzjonali
komprensiv relatat, u bl-inklużjoni ta' riformi leġiżlattivi; ·
l-iskambju ta’ informazzjoni dwar żviluppi
rilevanti oħra fil-qasam ta’ TBT, relatati jiġifieri l-adozzjoni ta’
standards internazzjonali jew l-aċċettazzjoni ta’ prodotti li
jikkonformaw ma’ standards oħra li mhumiex internazzjonali, fis-suq
tagħha. Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (SPS) Il-Partijiet se jikkooperaw fit-tħejjija
għall-approssimazzjoni tal-istandards sanitarji u fitosanitarji
tal-Ġeorġja għall-ikel u l-għalf, is-saħħa tal-pjanti
kif ukoll il-leġiżlazzjoni u l-prattika tal-UE dwar
is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, kif stabbilit fl-Annessi
relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst. Il-kooperazzjoni se
tinkludi: ·
it-tlestija tal-implimentazzjoni
tal-Istrateġija tas-Sikurezza tal-Ikel u l-Programm tal-Approssimazzjon
attwali tal-Ġeorġja, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni ta’
Kodiċi tas-Sigurtà tal-Ikel u l-adozzjoni progressiva
tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni orizzontali; ·
l-istipular tal-prijoritajiet settorjali
tal-Ġeorġja u l-analiżi tal-Istrateġija tas-Sikurezza
tal-Ikel attwali tal-Ġeorġja, bil-ħsieb li jiġu koperti
l-oqsma kollha skont l-Annessi rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
previst. Dan se jinkludi leġiżlazzjoni settorjali, skont
il-prijoritajiet ekonomiċi tal-Ġeorġja; ·
jiġu żgurati kontrolli fitosanitarji
veterinarji u tas-sikurezza tal-ikel fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq
il-fruntieri li għandhom jitwettqu mill-awtorità kompetenti; ·
jingħataw aktar konsulenza u appoġġ
tekniċi lill-Ġeorġja fit-tfassil u l-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni, inkluż taħriġ tal-persunal
rilevanti, għajnuna fil-bini tal-kapaċità lill-awtorità kompetenti u
l-appoġġ għat-titjib tal-kapaċità tal-laboratorji, f’konformità
mar-rekwiżiti tal-UE; ·
tħejjija biex titwaqqaf sistema ta’ twissija
bikrija għas-sikurezza tal-ikel u l-għalf, is-saħħa
tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti; ·
jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni,
ma’ aġenziji, negozji u l-NGOs rilevanti, dwar ir-rekwiżiti
għall-aċċess tas-suq tal-UE, u mas-soċjetà ċivili dwar
l-aspetti tal-konsumatur fis-sikurezza tal-ikel u l-għalf. ·
tiġi ffaċilitata t-tħejjija u
l-adattament tan-negozji Ġeorġjani, għall-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni approssimata. Dwana u Faċilitazzjoni
tal-Kummerċ Il-Partijiet se jikkooperaw fit-tħejjija
tal-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE u l-istandards internazzjonali elenkati
fl-Anness relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst, b’mod
partikolari billi: ·
japprossimaw is-sistema tal-Operatur Ekonomiku
Awtorizzat tal-Ġeorġja lejn dik tal-UE bil-prospett ta’ rikonoxximent
reċiproku kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; ·
tkompli l-modernizzazzjoni tal-awtoritajiet
doganali tal-Ġeorġja; ·
tkompli s-simplifikazzjoni u l-modernizzazzjoni
tal-proċeduri doganali; ·
tingħata għajnuna lill-Ġeorġja
fl-adeżjoni tagħha għall-Konvenzjoni dwar proċedura komuni
ta’ tranżitu u fit-tfassil ta' pjan direzzjonali għal dan
l-għan; ·
issir kooperazzjoni fuq il-kontroll doganali
bbażat fuq ir-riskju u l-qsim ta’ informazzjoni rilevanti li
tikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tar-riskji u s-sigurtà
tal-katini tal-provvista, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ
leġittimu u s-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti importati, esportati jew
fi tranżitu. ·
jiżdied id-djalogu dwar il-ġlieda kontra
l-frodi għall-prevenzjoni tal-kummerċ illegali, inkluż ta'
prodotti soġġetti għas-sisa, b’mod partikolari permezz ta’
kooperazzjoni msaħħa skont il-Protokoll dwar l-Assistenza
Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali; ·
issir approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni
tal-Ġeorġja tal-infurzar doganali tal-IPR mal-acquis tal-UE, kif
previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Regoli tal-Oriġini Il-Partijiet se jaħdmu flimkien biex
iħejju għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-oriġini li
għandhom ikunu applikabbli bejn il-Partijiet skont il-protokoll rilevanti
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst, partikolarment: ·
għajnuna għall-Ġeorġja, ladarba
tittieħed id-deċiżjoni relevanti, fil-proċess
tal-adeżjoni fil-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli ta’
oriġini preferenzjali Pan-Ewro-Mediterranji; ·
jitlesta t-trasferiment tal-kompetenza
tal-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ moviment EUR.1 u l-verifika
tagħhom lill-awtoritajiet doganali tal-Ġeorġja; ·
jingħata taħriġ lill-awtoritajiet
doganali tal-Ġeorġja dwar iċ-ċertifikazzjoni u l-verifika
tal-oriġini preferenzjali. Stabbiliment, Kummerċ fis-Servizzi u
Kummerċ Elettroniku Il-Partijiet se jkomplu d-djalogu dwar
l-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku
skont id-dispożizzjonijiet previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.
Barra minn hekk, il-Partijiet se jippreparaw għall-implimentazzjoni
tal-impenji li saru fl-oqsma tas-servizzi, kif previst fl-annessi rilevanti
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst. Għal dan l-għan,
il-Partijiet se jikkooperaw biex: ·
jingħata taħriġ rilevanti u tinbena
kapaċità amministrattiva adegwata biex titrattata l-approssimazzjoni
ppjanata tal-leġiżlazzjoni; ·
jiġu diskussi l-oqsma fejn għandu
jingħata dan it-taħriġ u tinbena l-kapaċità, inkluż
il-kapaċità tat-traduzzjoni għall-Ingliż u l-assistenza teknika
rilevanti; ·
jiġi żgurat skambju regolari ta’
informazzjoni dwar il-ħidma leġiżlattiva prevista jew
fis-seħħ f’oqsma magħżula għall-approssimazzjoni u
jidħlu fi djalogu għal dan l-għan. Pagamenti kurrenti u moviment tal-kapital Il-Partijiet se jkomplu d-djalogu dwar
il-movimenti tal-kapital u l-pagamenti, b’mod partikolari, bil-għan li
jimmonitorjaw il-konformità mal-impenji eżistenti kollha u
għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
previst. Akkwist Pubbliku Il-Partijiet se jaħdmu flimkien
fit-tħejjija tal-Georgia għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar
l-Akkwist Pubbliku kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u r-riformi
relatati. It-tħejjijiet se jinkludu: ·
tinbeda preparazzjoni ta’ pjan direzzjonali
komprensiv kif stipulat mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li jipprovdi
informazzjoni preċiża u f’waqtha dwar l-iżviluppi
tal-leġiżlazzjoni Ġeorġjana, b’mod partikolari f’każ
ta’ ħidma leġiżlattiva ppjanata li taffettwa l-politika
tal-akkwist u l-infurzar. Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali
(DPI) Il-Partijiet se jikkooperaw
fil-preparazzjonijiet tal-Ġeorġja għall-approssimazzjoni mal-acquis
tal-UE u l-istandards internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet
tal-proprjetà intelletwali kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
previst. It-tħejjijiet se jinkludu: ·
li jiġi żgurat livell għoli ta’
protezzjoni tad-DPI għad-detenturi tad-drittijiet miż-żewġ
Partijiet u miżuri adegwati biex jinfurzaw dawn id-drittijiet; ·
tissaħħaħ il-kapaċità tal-korpi
governattivi jew l-aġenziji eżekuttivi tal-infurzar rilevanti, inkluż
l-awtoritajiet doganali tal-Ġeorġja, u jsir rapportar regolari dwar
l-evoluzzjoni tal-kapaċità amministrattiva; ·
jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb
tas-sistema ġudizzjarja biex jiġi żgurat l-aċċess
għall-ġustizzja tad-detenturi tad-drittijiet u d-disponibbiltà u
l-implimentazzjoni effettivi ta’ sanzjonijiet; ·
jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb
tal-istrutturi istituzzjonali rilevanti, kif ukoll l-uffiċċji
tad-drittijiet tal-proprjetà industrijali, il-protezzjoni tad-drittijiet
tal-awtur u s-soċjetajiet kolletturi; tiġi estiża
l-kooperazzjoni ma' awtoritajiet u assoċjazzjonijiet tal-industrija ta’
pajjiżi terzi; ·
jittieħdu miżuri biex tiżdied
is-sensibilizzazzjoni pubblika fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà
intellettwali u industrijali u jiġi żgurat djalogu effikaċi
mad-detenturi tad-drittijiet; ·
jittieħdu miżuri effettivi kontra
l-falsifikazzjoni u l-piraterija u tiġi żgurata implimentazzjoni
effettiva ta’ leġiżlazzjoni ta’ infurzar u ta’ sanzjonijiet
għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll
produzzjoni regolari ta’ dejta statistika u informazzjoni rilevanti rigward
l-attivitajiet ta’ infurzar li għandhom jinqasmu bejn il-Partijiet. Kompetizzjoni Il-Partijiet se jaħdmu flimkien
fit-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar
il-Kompetizzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst u r-riformi
relatati. It-tħejjijiet se jinkludu: ·
li jiġi żgurat li l-qafas istituzzjonali
tal-Ġeorġja u l-kapaċità amministrattiva tagħha
jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni rilevanti; ·
jissaħħa d-djalogu dwar l-esperjenza
fl-infurzar tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, kif ukoll fuq
żviluppi leġiżlattivi oħra relatati mal-kompetizzjoni. Trasparenza Il-partijiet se jagħtu attenzjoni
speċjali lill-kooperazzjoni f'dan li ġej: ·
tħejjija għall-implimentazzjoni
tal-impenji dwar trasparenza fit-tfassil tal-politika kummerċjali u
kunsiderazzjoni tal-mekkaniżmi neċessarji li għandhom jiġu
stabbiliti f’dan ir-rigward; ·
diskussjoni dwar l-aħjar prattiki u
l-esperjenza rispettiva fit-tfassil tal-politika trasparenti; ·
skambju ta' informazzjoni u jingħata
taħriġ rilevanti, inkluż dwar il-mekkaniżmi ta’
komunikazzjoni u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati; ·
isiru seminars u avvenimenti oħra
għall-pubbliku inġenerali, bil-għan li tiġi spjegata
l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst u l-proċess
tal-approssimazzjoni. Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli Il-Partijiet se jidħlu fi djalogu dwar
il-kwistjonijiet koperti mill-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp
Sostenibbli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst, partikolarment: ·
tiġi skambjata informazzjoni dwar
l-implimentazzjoni tal-Kodiċi tax-Xogħol, kif ukoll
l-implimentazzjoni tal-impenji relatati mal-iżvilupp sostenibbli; ·
tiġi diskussa l-implimentazzjoni futura
tal-impenji skont dan il-Kapitolu fir-rigward tal-involviment tal-partijiet
interessati u d-djalogu mas-soċjetà ċivili; ·
isir skambju tal-aħjar prattiki u l-esperjenza
relevanti f’dan ir-rigward. ·
Il-Partijiet se jżommu f’moħħhom li
l-prijoritajiet dwar id-drittijiet tal-unjins u l-istandards tax-xogħol
ewlenin fit-Taqsima 2.1 u l-ewwel prijorità identifikata
fit-Taqsima 2.6 huma rilevanti ħafna għall-implimentazzjoni
tal-kapitolu “Kummerċ u Żvilupp Sostenibbli”, u għalhekk
għandhom jiġu indirizzati b’rabta ma’ din il-parti tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni. 2.5 Kooperazzjoni
Ekonomika Il-Partijiet se jaħdmu flimkien biex
jappoġġaw lill-Ġeorġja biex tistabbilixxi ekonomija tas-suq
li taħdem bis-sħiħ u biex b'mod gradwali tapprossimizza
l-politiki tagħha mal-politiki tal-UE, f’konformità mal-prinċipji
gwida tal-istabbiltà makroekonomika, finanzi pubbliċi sodi, sistema
finanzjarja b’saħħitha u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli u
b'mod partikolari: ·
jiżviluppaw il-kapaċità
tal-Ġeorġja fil-previżjonijiet makroekonomiċi, inter
alia t-titjib tal-metodoloġija tal-elaborazzjoni tax-xenarji
tal-iżvilupp, u l-monitoraġġ tal-proċessi ekonomiċi,
it-titjib tal-kwalità tal-analiżi tal-fatturi tal-impatt eċċ.
permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar aħjar prassi; ·
isaħħu l-indipendenza tal-Bank Nazzjonali
tal-Ġeoġrja (NBG), inkluż billi tiġi rieżaminata
l-leġiżlazzjoni tal-bank ċentrali skont l-aħjar prassi
tal-UE, inkluż bl-appoġġ tal-għarfien espert tal-UE,
inkluż mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE); ·
jikkondividu l-esperjenza tal-UE, inkluż
mill-BĊE, fuq ir-rati tal-kambju monetarju u l-politiki ta'
regolamentazzjoni u superviżjoni tas-settur finanzjarja u bankarju u
għajnuna biex jiġu żviluppati u msaħħa
l-kapaċitajiet tal-Ġeorġja f’dawn l-oqsma kollha; ·
jiżguraw s-sostenibbiltà u l-governanza
tal-finanzi pubbliċi, bl-implimentazzjoni ta' riformi fiskali u fl-infiq; ·
jiżguraw regoli u proċeduri miftuħa,
kompetittivi u trasparenti dwar il-privatizzazzjoni u l-implimentazzjoni
tagħhom. Kontroll Finanzjarju Intern Pubbliku u
Awditjar Estern Il-Partijiet ser jikkooperaw bl-għan li
jiżguraw l-iżvilupp tal-kontroll finanzjarju intern pubbliku u
l-awditjar estern billi: ·
jiżuraw aktar titjib fis-sistema tal-kontroll
intern taħt responsabbiltà maniġerjali deċentralizzata,
inklużi awditi interni funzjonalment indipendenti, fl-awtoritajiet
tal-Istat permezz tal-armonizzazzjoni ma’ standards u metodoloġiji
internazzjonali ġeneralment aċċettati u l-aħjar prassi
tal-UE; ·
jiġi żgurat aktar żvilupp
tal-funzjoni tal-awditjar estern tal-Qorti tal-Kontijiet, f’konformità ma’ standards
internazzjonali ġeneralment aċċettati (INTOSAI); ·
jiżguraw kooperazzjoni effettiva ma’ u
assistenza lill-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, inkluż
l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi f'każ ta' kontrolli u
spezzjonijiet fuq il-post relatati mal-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi
mill-UE, li għandha tingħata f’konformità mar-regoli u
l-proċeduri rilevanti. Tassazzjoni Il-Partijiet ser ikabbru u jsaħħu
l-kooperazzjoni bil-għan li jtejbu u jiżviluppaw is-sistema u
l-amministrazzjoni tat-taxxa tal-Ġeorġja, abbażi tal-istandards
tal-UE u dawk internazzjonali, inkluża l-preparazzjoni
għall-approssimazzjoni gradwali mal-acquis tal-UE u l-istrumenti
internazzjonali kif stabbilit fl-Anness rilevanti tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni previst, b’mod partikolari billi: ·
titjieb u tiġi ssimplifikata
l-leġiżlazzjoni tat-taxxa; ·
titjieb il-kooperazzjoni internazzjonali dwar
it-taxxa biex titjieb il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri
l-prinċipji tat-trasparenza, l-iskambju tal-informazzjoni u
l-kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni; ·
titjieb il-kapaċità tal-amministrazzjoni
tat-taxxa, b’mod partikolari billi jsir progress lejn sistema aktar iffukata,
abbażi tar-riskji, għal kontroll u l-awditi tat-taxxa; ·
jittieħdu miżuri biex jiġu
armonizzati l-politiki għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu
ta’ prodotti soġġetti għas-sisa; ·
tiġi żviluppata kooperazzjoni
mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE billi jiġu
skambjati esperjenzi u tendenzi ġodda fil-qasam tat-tassazzjoni. Statistika Il-Partijiet se jikkooperaw sabiex iħejju
għall-approssimazzjoni lejn l-acquis tal-UE fil-qasam
tal-istatistika, b’mod partikolari billi: ·
jitwettaq Ċensiment tal-Popolazzjoni, li jkun
jinkludi komponent agrikolu; ·
issir analiżi tal-liġi tal-istatistika
bil-ħsieb li jsaħħu r-rwol, l-istruttura tal-governanza u
l-mekkaniżmu tar-rappurtar tal-Geostat skont l-aħjar prassi
internazzjonali u Ewropea; ·
tiġi żviluppata nomenklatura nazzjonali
tal-attivitajiet ekonomiċi skont il-Klassifikazzjoni Statistika
tal-Attivitajiet Ekonomiċi fl-UE (NACE rev 2) sal-aħħar
tal-2014; ·
titjieb fid-disseminazzjoni tal-istatistika. 2.6 Politiki
oħra ta’ kooperazzjoni Trasport Il-Partijiet se jikkoperaw biex jippreparaw
għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fil-modi kollha
tat-trasport imsemmija fl-Annessi relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
previst u li jappoġġjaw lill-Ġeorġja biex: ·
iżżid l-isforzi biex timplimenta l-acquis
tal-avjazzjoni tal-UE sabiex tisfrutta l-vantaġġ kollu tal-Ftehim
dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-UE u l-Ġeorġja; ·
tagħmel attivitajiet biex ittejjeb
is-sikurezza tal-avjazzjoni; ·
tagħmel sforzi biex timplimenta komletament
it-takografu diġitali; ·
tiżviluppa l-infrastruttura, b’mod partikolari
permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ prijorità
għall-iżvilupp ta’ netwerk ta’ Trasport tas-SL. Kooperazzjoni fl-Enerġija Il-Partijiet se jikkooperaw bil-għan li: ·
ilestu n-negozjati dwar l-adeżjoni formali
tal-Ġeorġja fil-Komunità tal-Enerġija bħala Parti
kontraenti skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni; ·
jieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq
tal-enerġija tal-Ġeorġja ma’ dak tal-UE, u jsaħħu
s-sigurtà tal-enerġija tal-Ġeorġja u l-konverġenza
regolatorja permezz tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti
tal-UE applikabbli għall-Ġeorġja, skont il-FA u tal-impenji
tal-Komunità tal-Enerġija u skont l-iskeda taż-żmien miftiehma
mill-Ġeorġja fil-qafas tat-Trattat tal-Komunità tal-Enerġija; ·
isaħħu l-infrastruttura tan-netwerk u
l-interkonnessjonijiet tal-enerġija tal-Ġeorġja, b’mod
partikolari: –
fir-rigward tal-elettriku, tkompli
l-implimentazzjoni tal-proġett tan-“Netwerk tat-Trażmissjoni
Reġjonali tal-Baħar l-Iswed”, inkluż billi jinbdew
l-operazzjonijiet tal-konnessjoni ta’ 400 kV bejn il-Ġeorġja
(Akhaltsikhe) u t-Turkija (Borchkha), jissaħħu l-interkonnessjonijiet
mal-Azerbajġan u l-Armenja u tissaħħaħ il-grid
tat-trasmissjoni tal-Ġeorġja; –
fir-rigward tal-gass naturali, tiġi
ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-espansjoni tal-pajplajn tal-gass
tan-Nofsinhar tal-Kawkasu fit-territorju Ġeorġjan; ·
titjieb l-effiċjenza tal-enerġija u
l-iżvilupp tal-użu ta’ sorsi tal-enerġija rinnovabbli
fil-Ġeorġja skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni Ambjent u Tibdil fil-Klima Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE u l-istandards
internazzjonali, b’mod partikolari billi: ·
jimplimentaw bis-sħiħ il-Pjan ta’ Azzjoni
Nazzjonali tal-Ambjent tal-Ġeorġja għall-2012-2016; ·
jibdew il-preparazzjoni għall-adozzjoni u
l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u l-ħatra ta’
awtoritajiet kompetenti fl-oqsma tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali,
il-valutazzjoni ambjentali strateġika, il-politiki dwar l-iskart
(inklużi: il-ġestjoni tal-iskart, il-miżbliet tal-iskart,
l-immaniġġjar tal-iskart mill-industriji tal-estrazzjoni, l-identifikazzjoni
u l-klassifikazzjoni tal-faċilitajiet tal-iskart, u t-trattament tal-ilma
mormi urban), il-politika tal-ilma u l-immaniġġjar tar-riżorsi
naturali (inklużi l-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum uman),
il-bijodiversità (inkluż il-konservazzjoni tal-għasafar
selvaġġi, il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u
l-flora selvaġġi), l-iżvilupp ta’ metodu koerenti tal-ġbir
tad-dejta ambjentali mill-ministeri differenti taħt is-Sistema
Kondiviża tal-Informazzjoni Ambjentali (SEIS), u tal-aċċess
pubbliku għall-informazzjoni ambjentali; ·
il-Georġja tadotta u timplimenta
strateġija u pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-bijodiversità
fl-2014-2020; ·
ikun hemm l-implimentazzjoni sħiħa
tal-Konvenzjonijiet ta’ Aarhus u ta’ Rotterdam u t-tfassil ta' pjan
direzzjonali għar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Espoo
u l-Protokoll ta’ Gothenburg; ·
jissaħħaħ id-djalogu dwar it-tibdil
fil-klima, bil-għan li jitħejja u jiġi ffirmat ftehim globali
ġdid dwar it-tibdil fil-klima; ·
isir ippjanar strateġiku u żvilupp ta'
miżuri li jimmitigaw u li jadattaw għat-tibdil fil-klima; ·
u jkun hemm approssimazzjoni
tal-leġiżlazzjoni lejn l-atti tal-UE u l-istrumenti internazzjonali
kif previst mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Protezzjoni Ċivili Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex: ·
jiżguraw komunikazzjoni effettiva fuq
bażi ta' 24 siegħa kuljum, inkluż l-iskambju ta’ twissijiet
bikrija u informazzjoni dwar emerġenzi fuq skala kbira li jaffettwaw
lill-UE u lill-Ġeorġja, kif ukoll pajjiżi terzi li fihom il-Partijiet
ikunu involuti fir-rispons għad-diżastri; ·
jiffaċilitaw l-għajnuna reċiproka
f’każ ta’ emerġenzi maġġuri, kif ikun xieraq u skont
id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti; ·
jippromwovu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’
linji gwida tal-UE dwar is-sostenn tan-nazzjon ospitanti; ·
itejbu l-bażi tal-għarfien dwar ir-riskji
tad-diżastri billi jsaħħu l-kooperazzjoni
fl-aċċessibbiltà u l-komparabbiltà tad-dejta; ·
isir progress fl-iżvilupp tal-valutazzjoni u
l-immappjar għall-pajjiż kollu tar-riskji ta’ diżastri, u
appoġġ għall-iżvilupp meħtieġ tal-Atlas
Elettroniku tar-Riskji Reġjonali (AERR) u jiġi żgurat l-użu
effettiv tiegħu fil-livell nazzjonali; ·
tibda l-estensjoni tas-Sistema Ewropea ta’ Twissija
għall-Għargħar (EFAS) lejn il-Ġeorġja f’kooperazzjoni
maċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea; ·
titjieb il-prevenzjoni ta' diżastri
industrijali jew natech (naturali u teknoloġiċi); ·
jinbeda djalogu dwar l-aspetti tal-politika
tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri billi
jsiru laqgħat ta' skambju tal-aħjar prassi, taħriġ
konġunt, eżerċizzji, żjarat ta’ studju u workshops u
tat-tagħlimiet li ttieħdu waqt operazzjonijiet u ta' emerġenza
reali u eżerċizzji li twettqu; Politika industrijali u tal-intrapriżi Il-Partijiet se jikkooperaw sabiex itejbu
l-ambjent kummerċjali u regolatorja, b’mod partikolari għall-SMEs,
inklużi l-mikroimpriżi, b’mod partikolari billi: ·
il-Ġeorġja tipparteċipa
fil-Valutazzjoni tal-SBA (l-Att tan-Negozji ż-Żgħar
għall-Ewropa), inkluża l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet
tiegħu u l-parteċipazzjoni attiva tal-Ġeorġja fi
proġetti relatati mat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs; ·
isir żvilupp ulterjuri tal-politika
tal-innovazzjoni, inkluż l-aċċess għall-finanzi għal
negozji ġodda u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar
il-kummerċjalizzazzjoni tar-riċerka; ·
jinbeda djalogu dwar fl-industriji tal-minjieri u
l-kummerċ tal-materja prima; ·
tiġi stabbilita kooperazzjoni fl-oqsma
tas-sikurezza u l-iżvilupp sostenibbli tal-industriji tal-minjieri; ·
is-setturi industrijali fil-Ġeorġja
jitħejjew u jiġu adattati għar-regolamenti tad-DCFTA sabiex
tiżdied u titjieb il-produzzjoni industrijali. Turiżmu Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex: ·
id-djalogu regolari tagħhom jużawh aktar
biex japprofondixxu l-kooperazzjoni u jiddiskutu l-passi li għandhom
jittieħdu; ·
jissaħħaħ l-iżvilupp ta’
industrija tat-turiżmu kompetittiva u sostenibbli; ·
jippromwovu u jiżviluppaw flussi
tat-turiżmu, prodotti u swieq, infrastruttura, riżorsi umani,
strutturi istituzzjonali u politiki effiċjenti; ·
ikomplu jiġu skambjati l-aħjar prattiki u
l-kondiviżjoni ġenerali tal-għarfien, it-taħriġ u
l-edukazzjoni fil-qasam tat-turiżmu. Liġi tal-Kumpaniji, Kontabbiltà u
Awditjar u Governanza Korporattiva Il-Partijiet se jikkooperaw bil-għan li
jħejju lill-Ġeorġja għall-implimentazzjoni
tal-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE u l-istrumenti internazzjonali
rilevanti msemmija fl-Anness tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst, u b’mod
partikolari fl-isforzi tal-Ġeorġja biex:id-djalogu regolari
tagħhom jużawh aktar biex japprofondixxu l-kooperazzjoni u jiddiskutu
l-passi li għandhom jittieħdu; ·
jiżviluppaw il-kapaċità amministrattiva
tal-istituzzjonijiet statali rilevanti; ·
jiżguraw regoli u proċeduri sempliċi
għar-reġistrazzjoni ta’ persuni ġuridiċi, inklużi
l-kumpaniji, u l-persuni fiżiċi, inklużi l-imprendituri, biex
jistabbilixxu u jillikwidaw negozju; ·
jiġu introdotti standards ta’ awditjar
internazzjonali rilevanti fil-livell nazzjonali u jippromwovu l-applikazzjoni
tagħhom mill-kumpaniji elenkati kollha fil-livell nazzjonali; ·
jipprovdu informazzjoni f’waqtha, rilevanti u
preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp
tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-Ġeorġja u l-konformità
tagħha mal-acquis tal-UE (f’konformità mal-format li għandu
jiġi miftiehem bejn il-Partijiet fl-ewwel snin tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni u skont l-iskeda miftiehma skont il-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni) u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-bini
tal-istituzzjonijiet u l-kapaċità rilevanti meħtieġa
għall-approssimazzjoni mal-acquis tal-UE; ·
jiġu identifikati l-oqsma fejn għandhom
jingħataw taħriġ u bini tal-kapaċità. Servizzi Finanzjarji Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju lill-Georġja għall-approssimazzjoni
mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-acquis tal-UE elenkata
fl-Anness rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst u mal-istandards
internazzjonali elenkati fl-artikolu rilevanti tad-DCFTA. It-tħejjijiet se
jinkludu: ·
li titjieb il-kapaċità amministrattiva
tal-awtoritajiet superviżorji f’konformità mal-acquis tal-UE
rilevanti; ·
jiġu stabbiliti kuntatti u skambju ta’
informazzjoni ma’ superviżuri finanzjarji tal-UE skont il-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni; ·
tiġi żviluppata l-leġiżlazzjoni
nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u
kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, b’mod partikolari billi tiġi
implimentata l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar il-ġlieda
kontra l-ħasil tal-flus u kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;
titjieb il-kooperazzjoni mal-FATF, mal-Kunsill tal-Ewropa, mal-MONEYVAL, kif
ukoll mal-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri tal-UE u jiġu ffirmati
Memoranda ta’ Ftehim bejn l-awtoritajiet tal-intelligence finanzjarja
tal-Ġeorġja u tal-Istati Membri tal-UE; ·
tingħata informazzjoni f’waqtha, rilevanti u
preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali u l-iżvilupp
tal-leġiżlazzjoni eżistenti fil-Ġeorġja u l-konformità
tagħha mal-acquis tal-UE (f’konformità mal-format li għandu
jiġi miftiehem bejn il-Partijiet fl-ewwel snin tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni u skont l-iskeda miftiehma skont il-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni) u l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti dwar il-bini tal-istituzzjonijiet
u l-kapaċità rilevanti meħtieġa għall-approssimazzjoni mal-acquis
tal-UE; ·
jiġu identifikati l-oqsma fejn għandhom
jingħataw taħriġ u bini tal-kapaċità. Kooperazzjoni fil-Qasam tas-Soċjetà
tal-Informazzjoni Il-Partijiet se jikkooperaw biex jippreparaw
għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE msemmi fl-Annessi
relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst u li jappoġġjaw
lill-Ġeorġja fi: ·
l-isforzi biex tapprossimizza
l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-komunikazzjonijiet elettroniċi
mal-acquis tal-UE; ·
l-attivitajiet dedikati biex
tissaħħaħ l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva
tar-regolatur nazzjonali fil-qasam tal-komunikazzjonijiet sabiex tiġi
żgurata l-kapaċità tiegħu li jieħu miżuri regolatorji
xierqa u jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu stess u r-regolamenti
kollha applikabbli, u biex tiġi ggarantita l-kompetizzjoni ġusta
fis-swieq. ·
it-tisħiħ tas-settur billi tiġi
skambjata informazzjoni u esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva
Ewropa 2020 “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. Agrikoltura u Żvilupp Rurali Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex: ·
jiffaċilitaw l-adozzjoni gradwali
tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-prodotti agrikoli biex
jappoġġjaw iktar sikurezza tal-ikel u l-implimentazzjoni ta’ skemi
ta’ kwalità; ·
titjieb il-kompetittività tal-produzzjoni agrikola,
billi jitrawmu ekonomiji ta’ skala permezz ta’ kooperattivi agrikolturi
orjentati lejn is-suq, billi jiġu żviluppati sistemi ta’ konsulenza u
estensjoni biex jiżdiedu l-produzzjoni u l-esportazzjonijiet; u billi
jitħaffef l-aċċess għal kreditu u riżorsi finanzjarji
vijabbli għall-agrikoltura; ·
l-immodernizzar tal-istituzzjonijiet responsabbli
għall-iżvilupp agrikolu, inkluż permezz
tal-parteċipazzjoni, f’dan il-proċess, tal-partijiet interessati
rilevanti kollha fis-settur; ·
konverġenza progressiva lejn politiki ta’
żvilupp agrikoli u rurali effettivi, fuq il-bażi tal-mudelli li
ħadmu tal-UE; Politika tas-Sajd u Marittima Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex: ·
jistabbilixxu kooperazzjoni u ħidma għal
sajd sostenibbli fil-Baħar l-Iswed, kemm fil-qafas bilaterali kif ukoll
fil-qafas multilaterali abbażi ta’ approċċ tal-ekosistema
għall-ġestjoni tas-sajd; ·
iżidu l-kooperazzjoni xjentifika u teknika
bil-għan li tiġi żgurata l-kapaċità
tal-monitoraġġ tas-sajd u l-evalwazzjoni tal-istat tal-istokkijiet
tar-riżorsi tal-baħar u l-ambjent marin; ·
jitrawwem approċċ integrat lejn
l-affarijiet marittimi, speċjalment billi jingħata kontribut
għall-iżvilupp ta’ inizjattivi transsettorjali li huma ta’
benefiċċju reċiproku għas-setturi marittimi differenti
u/jew għall-politiki settorjali; jiġi stabbilit grupp ta' ħidma
interistituzzjonali dwar l-affarijiet (integrati) marittimi bejn il-ministeri u
s-servizzi rilevanti; jiġu identifikati oqsma ta’ interess komuni
għal kooperazzjoni futura fil-Baħar l-Iswed, fil-kuntest tal-Politika
Marittima Integrata tal-UE. Kooperazzjoni fir-Riċerka,
l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Innovazzjoni Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex: ·
jiffaċilitaw l-integrazzjoni
tal-Ġeorġja fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA); ·
isaħħu l-parteċipazzjoni
Ġeorġjana fil-programm Orizzont 2020; ·
isaħħu r-riżorsi umani, materjali u
istituzzjonali sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet ta’ riċerka u
innovazzjoni; ·
isaħħu l-parteċipazzjoni
Ġeorġjana fl-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie. Politika dwar il-Konsumatur Bil-għan li jħejju
għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE u tal-istrumenti
internazzjonali msemmija fl-Anness rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
previst, il-Partijiet se jikkooperaw biex: ·
isaħħu l-protezzjoni tal-konsumatur fil-Ġeorġja,
speċjalment permezz ta’ taħriġ għall-uffiċjali
tal-gvern u rappreżentanti oħra tal-interess tal-konsumatur dwar
l-approssimazzjoni mal-leġiżlazzjoni tal-UE u l-implimentazzjoni
sussegwenti tagħha. Impjiegi, Politika Soċjali u
Opportunitajiet Indaqs Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex: ·
iħejju għall-implimentazzjoni tal-acquis
tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol,
il-liġi tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ugwaljanza
bejn il-ġeneri u kontra d-diskriminazzjoni kif imsemmi fl-annessi
rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst, u b’mod partikolari: –
tiġi stabbilita sistema effikaċi ta’
spezzjoni tax-xogħol f'konformi mal-istandards tal-ILO sabiex tiġi
żgurata l-kapaċità amministrattiva u ta’ infurzar fil-qasam
tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, il-liġi
tax-xogħol, u t-tisħiħ tal-korpi ġuridiċi rilevanti; –
tinbena l-kapaċità tas-sħab soċjali
(pereż. taħriġ dwar il-leġiżlazzjoni u l-istandards
tas-saħħa u tas-sigurtà tal-UE u l-leġiżlazzjoni u l-istandards
tal-UE dwar il-liġi tax-xogħol); ·
jiġi żviluppat approċċ
strateġiku għal impjiegi, li jimmira għal aktar impjiegi u
aħjar, b’kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, it-tlaqqigħ
aħjar tal-ħiliet u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni
ta’ miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u servizzi tal-impjieg
effiċjenti; ·
jissaħħu l-kapaċitajiet
tal-amministrazzjoni inkarigata mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni
tal-politiki tal-impjieg u soċjali, l-aktar tas-servizzi tal-impjiegi u
s-servizzi soċjali. Jitjieb il-livell tal-protezzjoni soċjali,
inkluż permezz tal-implimentazzjoni ta' kura tas-saħħa
universali li tinkludi programmi ta’ assigurazzjoni; u jiġu żgurati
l-effiċjenza u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-protezzjoni
soċjali; ·
jitħeġġeġ id-djalogu soċjali,
permezz tal-bini tal-kapaċità tas-sħab soċjali. Saħħa Pubblika Il-Partijiet se jibdew jikkooperaw sabiex: ·
jgħinu lill-Ġeorġja tħejji
għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE dwar is-saħħa,
kif imsemmi fl-annessi rilevanti tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni previst,
b’mod partikolari rigward il-leġiżlazzjoni fl-oqsma tal-kontroll
tat-tabakk, il-kwalità u s-sikurezza ta’ sustanzi li joriġinaw
mill-bniedem (demm, organi, tessuti, ċelloli) u mard li jittieħed; ·
jiskambjaw l-aħjar prattiki
fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk u
r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa; ·
Tissaħħaħ il-preparazzjoni,
it-taħriġ u s-sorveljanza epidemjoloġika ta’ mard li
jittieħed b’mod partikolari l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi,
infezzjonijiet trażmessi sesswalment, u l-epatite C u B. Kooperazzjoni fil-Qasam Kulturali Il-Partijiet se: ·
jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni
tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità
tal-Espressjonijiet Kulturali; ·
jikkooperaw dwar l-iżvilupp ta’ politika
kulturali inklużiva fil-Ġeorġja u dwar il-preservazzjoni u
l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali u naturali bil-għan li jrawmu
l-iżvilupp soċjoekonomiku; ·
jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-atturi
kulturali Ġeorġjani fi programmi ta’ kooperazzjoni kulturali,
inkluż Ewropa Kreattiva. Kooperazzjoni fil-Qasam Awdjoviżiv u
fil-Qasam tal-Midja Il-Partijiet se jikkooperaw biex jippreparaw
għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE msemmi fl-Annessi
relevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni previst u li jappoġġjaw
lill-Ġeorġja fi: ·
l-ħidma biex tissaħħaħ
l-indipendenza u l-professjonaliżmu tal-midja f’konformità ma’ standards
Ewropej rilevanti u l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni
awdjoviżiva mal-acquis tal-UE kif previst mill-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, inter alia permezz tal-iskambju ta’ fehmiet dwar
il-politika awdjoviżiva u l-istandards internazzjonali rilevanti,
inkluża l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra r-razziżmu u
l-ksenofobija; ·
l-iskambju tal-aħjar prattiki u dwar
il-libertà tal-midja, il-pluraliżmu tal-midja, id-dekriminalizzazzjoni
tal-malafama, il-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti u l-aspetti
tad-diversità kulturali tal-midja permezz ta’ djalogu regolari; ·
it-tisħiħ il-kapaċità u
l-indipendenza tal-awtoritajiet/korpi regolatorji tal-midja. Żvilupp Reġjonali, u
l-Kooperazzjoni fil-Livell Reġjonali Il-Partijiet se jikkooperaw fil-qafas
tal-politiki tal-iżvilupp reġjonali, fid-dawl tal-isforzi
tal-Ġeorġja biex: ·
tħejji programm strateġiku tal-istat
għall-iżvilupp reġjonali għall-2015-2017 (PŻR) sabiex
timplimenta politika effettiva fuq diversi livelli, inkluż permezz
tal-koordinazzjoni interistituzzjonali; ·
tħejji pjanijiet ta’ azzjoni
għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġiji tal-iżvilupp
speċifiku għar-reġjuni, adottati f’Settembru 2013; ·
tħarreġ lill-amministrazzjonijiet
ċentrali u lokali dwar il-politiki tal-iżvilupp reġjonali biex
tkompli bl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-programmi
fir-reġjuni; ·
ittejjeb l-involviment tal-partijiet interessati
lokali u tikkonsolida s-sħubija bejn il-partijiet kollha involuti
fl-iżvilupp reġjonali; ·
tippromwovi t-tisħiħ tan-netwerks
kummerċjali u ekonomiċi reġjonali u interreġjonali
fil-Ġeorġja. [1] 'Georgia in Transition – Report on the human rights
dimension: background, steps taken and remaining challenges. Assessment and
recommendations' minn Thomas Hammarberg, il-Konsulent Speċjali tal-UE dwar
ir-riforma Kostituzzjonali u Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem
fil-Ġeorġja, Settembru 2013 [2] Xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet diġà
huma riflessi fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni