Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova /* COM/2014/0359 final - 2014/0181 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
r-Repubblika tal-Moldova (minn hawn 'il quddiem il-Moldova), min-naħa
l-oħra, (“il-Ftehim”) kien iffirmat fit-28 ta' Novembru 1994
u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 1998. Huwa
bbażata fuq impenn għal valuri kondiviżi u l-implimentazzjoni
effettiva ta’ riformi politiċi, ekonomiċi u istituzzjonali. Pjan ta’ Azzjoni konġunt tal-Politika
Ewropea tal-Viċinat bejn l-UE u l-Moldova, ibbażat fuq il-Ftehim ta’
Sħubija u Koperazzjoni, jistabbilixxi għanijiet strateġiċi
u jħeġġeġ u jappoġġja l-objettiv tal-Moldova li
tintegra aktar fl-istrutturi ekonomiċi u soċjali Ewropej. Il-Moldova huwa pajjiż sieħeb
fil-Politika Ewropea tal-Viċinat. Dan bidel il-kuntest tar-relazzjonijiet
bejnha u l-Unjoni Ewropea b'mod sinifikanti u pożittiv. L-UE u l-Moldova
issa ffinalizzaw in-negozjati għal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni li se
jieħu post il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni. Dawn in-negozjati
kienu sostantivament lesti fil-25 ta’ Ġunju 2013, u
l-Ftehim ġie inizjalat fid-29 ta’ Novembru 2013 matul
s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnius, il-Litwanja. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni se
japprofondixxi b’mod sinifikanti l-assoċjazzjoni politika u
l-integrazzjoni ekonomika tal-Moldova mal-UE. Huwa jinkludi l-implimentazzjoni
gradwali ta’ żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva. L-implimentazzjoni b’suċċess ta'
pjan ta’ azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża rriżultat fi
vjaġġar mingħajr viża bejn l-UE u l-Moldova, u hija element
fundamentali li jsejjes l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni
ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova mal-UE. Dan it-tisħiħ
sostanzjali fil-mobbiltà u kuntatti diretti bejn in-nies kien previst
fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Il-Kapijiet ta’ Stat u Gvern tal-UE
inizjalment ippjanaw li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
fil-ħarifa tal-2014. Minħabba l-iżviluppi inkwetanti fl-Ukraina,
li jistgħu wkoll ikollhom impatt fuq pajjiżi oħra fir-reġjun,
il-firma tal-ftehim tresseqt għal Awwissu u mbagħad għal
Ġunju. L-istituzzjonijiet qed jaħdmu qatigħ biex iqassru
ż-żmien li hemm bżonn biex jiffinalizzaw it-testi tal-Ftehim, u
biex jiżguraw li dan l-objettiv jintlaħaq. Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jista’
jidħol fis-seħħ biss ladarba jkun ġie rratifikat
mill-partijiet kollha (jiġifieri l-UE, l-Istati Membri tagħha u
l-Moldova). Dan x'aktarx li jkun proċess twil, li possibbilment idum
is-snin. Għalhekk, il-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja
ta’ ċerti partijiet minnu hekk malli l-Moldova tkun lestiet
il-proċeduri meħtieġa (ta' min jinnota li l-Kostituzzjoni
tal-Moldova tippermetti l-applikazzjoni provviżorja direttament,
mingħajr ratifika) u ladarba l-UE tkun innotifikat li tkun lesta biex
tibda l-applikazzjoni provviżorja. L-għan tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni huwa li titħejja u tiġi ffaċilitata
l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Hija toħloq qafas
prattiku li permezz tiegħu jistgħu jintlaħqu l-objettivi
primarji tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika. Hija
tieħu post il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn
l-UE u l-Moldova. Abbażi tal-istruttura tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tistabbilixxi lista
ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta fil-perjodu 2014-16.
Il-fatt li l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tiffoka fuq għadd limitat
ta’ prijoritajiet ma jeffettwax l-ambitu jew il-mandat tad-djalogu attwali li
qed isir skont il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni jew ftehimiet
oħra. Lanqas ma jippreġudika l-implimentazzjoni tal-impenji li saru
skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ladarba dan jidħol
fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament. B’differenza
mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
mhijiex strument legalment vinkolanti skont il-liġi internazzjonali. Il-proposta għal Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni
UE-Moldova fir-rigward tal-adozzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
tinsab hawn taħt. Il-Kummissjoni titlob li l-Kunsill jadotta dan
l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill. 2014/0181 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill
ta’ Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni
ta’ Rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 217,
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u
Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn
naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, (“il-FSK”) u
b’mod partikolari l-Artikolu 82 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-FSK ġie ffirmat
fit-28 ta’ Novembru 1994 u daħal fis-seħħ
fl-1 ta’ Lulju 1998. (2) Il-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn
naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim
ta’ Assoċjazzjoni”), ġie inizjalat fid-29 ta’ Novembru 2013
matul s-Samit tas-Sħubija tal-Lvant f’Vilnius, il-Litwanja. (3) Sakemm jidħol
fis-seħħ, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiġi applikat b’mod
provviżorju hekk malli jkun possibbli għall-partijiet involuti. (4) B'sostenn
għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-partijiet
qablu li jinnegozjaw Aġenda ta' Assoċjazzjoni li se tinkludi lista
ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta fil-perjodu 2014-16. (5) Il-Partijiet qablu dwar
Aġenda ta’ Assoċjazzjoni li se tiġi adottata mill-Kunsill ta’
Kooperazzjoni stabbilit skont il-FSK, sakemm jiġi stabbilit il-qafas
istituzzjonali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. (6) Il-pożizzjoni tal-Unjoni
li għandha titqies fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni dwar l-adozzjoni
tar-rakkomandazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova trid tiġi adottata mill-Kunsill, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’
Kooperazzjoni stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, rigward l-implimentazzjoni
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta'
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni anness ma’ din
id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President ANNESSI tal- Proposta tal-Kummissjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Kooperazzjoni stabbilit
mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u
l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova
min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Rakkomandazzjoni dwar
l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova ANNESS 1 Abbozz RAKKOMANDAZZJONI Dwar
l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova IL-KUNSILL
TA’ KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U L-MOLDOVA, Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija u
Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova li jistabbilixxi sħubija bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem
“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 82 tiegħu, Billi: Skont l-Artikolu 82 tal-Ftehim,
il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni ġie stabbilit biex jwettaq superviżjoni
tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet
xierqa, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Il-partijiet għall-Ftehim qablu dwar
it-test tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, li għandu l-għan
iħejji u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni futur billi joħloq qafas prattiku li jgħin biex
jintlaħqu l-miri prevalenti ta’ assoċjazzjoni politika u
integrazzjoni ekonomika. L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
għandha skop doppju: li tistabbilixxi passi speċifiċi biex
jiġi żgurat li l-partijiet jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont
il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, u li tipprovdi qafas usa’ għal aktar
tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Moldova, u speċifikament
li tiffaċilita integrazzjoni ekonomika u kooperazzjoni politika aktar
approfonditi, skont l-objettivi kumplessivi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. ADOTTA R-RAKKOMANDAZZJONI LI ĠEJJA: Artikolu
Uniku Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni
jirrakkomanda li l-partijiet jimplimentaw l-Aġenda tal-Assoċjazzjoni
bejn l-UE u l-Moldova stabbilita fl-Anness, sakemm din l-implimentazzjoni
jkollha l-għan li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, li stabbilixxa Assoċjazzjoni
bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u
r-Repubblika tal-Moldova min-naħa l-oħra. Magħmul fi […] Għall-Kunsill ta’ Kooperazzjoni Il-President ANNESS
2 Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika
tal-Moldova L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova
(“il-partijiet”) jirrikonoxxu li l-kuntest tar-relazzjonijiet tagħhom
inbidel b’mod sinifikanti u pożittiv minn meta daħlu fis-Sħubija
tal-Lvant. Il-partijiet bdew negozjati dwar Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
fl-2010, u dwar żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u
komprensiva li tkun parti integrali minn dak il-Ftehim, fl-2012. Huma
żviluppaw u niedew ukoll pjan ta’ azzjoni għal-liberalizzazzjoni
tal-viża, li l-implimentazzjoni b’suċċess tiegħu hija
element fundamentali li jsejjes l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni
ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova mal-Unjoni Ewropea. Dan
it-tisħiħ sostanzjali fil-mobbiltà u kuntatti diretti bejn in-nies
kien previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. In-negozjati
dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tlestew
fil-25 ta’ Ġunju 2013, u l-Ftehim ġie inizjalat
fid-29 ta’ Novembru 2013. Qabel ma l-Ftehim sħiħ
jidħol fis-seħħ, iridu jittieħdu miżuri li
jiżguraw li l-partijiet ikunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji
kollha tiegħu; l-applikazzjoni provviżorja parzjali tal-Ftehim hija
l-ewwel waħda minn dawn il-miżuri. L-għan tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni huwa li titħejja u tiġi ffaċilitata
l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, billi jinħoloq qafas
prattiku li permezz tiegħu jkunu jistgħu jinkisbu l-objettivi
primarji tal-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika. Hija
tieħu post il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat bejn
l-UE u l-Moldova. L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
tistabbilixxi lista ta’ prijoritajiet għal ħidma konġunta
fil-perjodu 2014-16, ibbażata fuq l-istruttura tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni. Il-fatt li l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni tiffoka fuq għadd limitat ta’ prijoritajiet ma jeffettwax
l-ambitu jew il-mandat tad-djalogu attwali li jsir skont il-Ftehim ta’
Sħubija u Kooperazzjoni jew ftehimiet rilevanti oħra jew il-perkors
multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant. Huwa ma jippreġudikax
l-implimentazzjoni tal-impenji li ssir skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
meta dan jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat
provviżorjament. 1. Prinċipji,
strumenti u riżorsi għall-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni se tiġi ggwidata mill-prinċipji komuni li ġejjin:
Azzjonijiet imwettqa bħala parti
mill-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni għandhom jiġu implimentati
fl-ispirtu tal-objettivi kumplessivi tal-assoċjazzjoni politika u
l-integrazzjoni ekonomika; Il-prijoritajiet tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni jirriflettu r-responsabbiltà tal-UE u r-Repubblika
tal-Moldova biex jimplimentaw kompletament id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim
ta’ Assoċjazzjoni tagħhom, meta dan jidħol fis-seħħ; L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
għandha tiġi implimentata b’rispett sħiħ tal-prinċipji
tat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-inklużjoni; Iż-żewġ partijiet iridu jkunu
involuti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni; L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni
għandha l-għan li tikseb riżultati tanġibbli u definiti
permezz tal-implimentazzjoni progressiva ta’ miżuri prattiċi; Il-partijiet jirrikonoxxu l-importanza li
jsostnu l-prijoritajiet miftiehma permezz ta’ mezzi politiċi, tekniċi
u finanzjarji xierqa u suffiċjenti; u L-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni ser tkun soġġetta għal rappurtar, monitoraġġ
u valutazzjoni annwali. Il-progress li sar se jiġi rieżaminat,
inkluż skont il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u ftehimiet
rilevanti oħrajn. L-Unjoni Ewropea se tappoġġa
lir-Repubblika tal-Moldova fl-implimentazzjoni tal-objettivi u l-prijoritajiet
stabbiliti fl-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Biex tagħmel hekk, ser:
tuża s-sorsi kollha disponibbli ta' għajnuna mill-UE; tipprovdi
għarfien espert u konsulenza; tiffaċilita l-kondiviżjoni
tal-aħjar prassi, għarfien u informazzjoni; u tappoġġja
l-bini tal-kapaċità u t-tisħiħ istituzzjonali. Se
tinkoraġġixxi wkoll u tfittex il-koordinazzjoni tal-appoġġ
mis-sħab l-oħra tar-Repubblika tal-Moldova. Se tuża l-istrumenti
finanzjarji rilevanti tagħha biex tgħin fl-implimentazzjoni
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni. Madankollu, l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni mhijiex dokument tal-ipprogrammar finanzjarju u mhijiex
sostitut għall-ipprogrammar finanzjarju mwettaq mill-partijiet. L-UE se tipprovdi appoġġ fil-kuntest
tal-prijoritajiet kumplessivi għall-għajnuna lir-Repubblika tal-Moldova,
kif spjegat fil-qafas ta’ appoġġ uniku (SSF) tal-Istrument Ewropew
ta’ Viċinat (ENI) u l-ipprogrammar multinazzjonali ppreparati
għar-Repubblika tal-Moldova permezz tal-ENI. Hija se tagħmel dan
f’konformità sħiħa mar-regoli tal-implementazzjoni u l-proċeduri
li jirregolaw l-għajnuna esterna tal-UE. L-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni se tkun
applikabbli mill-mument tal-adozzjoni tagħha, għal perjodu inizjali
ta’ tliet snin, li jista’ jiġi estiż bi ftehim reċiproku.
Ladarba tiġi adottata, hija se tissostitwixxi l-Pjan ta’ Azzjoni
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) bħala mod ta’
monitoraġġ tal-progress tar-Repubblika tal-Moldova fil-qafas tal-PEV.
Is-soċjetà ċivili se tkun imħeġġa wkoll biex torjenta
l-ħidma tagħha ta’ monitoraġġ fuq l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni. L-UE se tkun responsabbli għar-rappurtar dwar
l-implimentazzjoni tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni; hija se tkun
appoġġjata mis-sistemi ta' rappurtar tar-Repubblika tal-Moldova
stess. Jekk meħtieġ, l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni tista' tiġi emendata jew aġġornata fi
kwalunkwe ħin, bil-qbil tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni (Kunsill ta'
Assoċjazzjoni) tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, b’mod
partikolari meta l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jidħol
fis-seħħ. 2. Prijoritajiet
tal-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni 2.1 Djalogu
u riforma politiċi Id-djalogu u l-kooperazzjoni politiċi
dwar ir-riformi li għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ din l-Aġenda ta’
Assoċjazzjoni għandhom l-għan li jsaħħu r-rispett
għall-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-governanza
tajba, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi
d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi kif imħaddna
mill-Konvenzjonijiet tan-NU u tal-Kunsill tal-Ewropa u l-protokolli relatati.
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għandu jitqies waqt id-djalogu
politiku u fl-implimentazzjoni tar-riformi fl-oqsma li ġejjin:[1] (i) It-tisħiħ
tal-istabbilità, l-indipendenza u l-effettività tal-istituzzjonijiet li
jiggarantixxu d-demokrazija u l-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Moldova, u
b’mod partikolari: il-kjarifika tal-kompetenzi tal-qorti
kostituzzjonali u l-proċeduri tal-ħatra tal-membri tagħha,
b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni ta’ Venezja; ir-rieżami tal-proċess li bih
jiġi elett il-President (l-Artikolu 78 tal-Kostituzzjoni), biex
jiġi żgurat li jkun inklużiv u jiggarantixxi s-separazzjoni
tal-poteri. Għadha meħtieġa reviżjoni aktar komprensiva
tal-kostituzzjoni fuq terminu twil, biex ma jerġax ikun hemm impass
istituzzjonali; jiġi żgurat li l-elezzjonijiet
parlamentari u lokali jitwettqu b’mod demokratiku, f’konformità mal-istandards
Ewropej, u li dawn jindirizzaw kull nuqqas identifikat mill-Organizzazzjoni
għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa/Uffiċċju
għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem
(OSCE/ODIHR); titkompla l-implimentazzjoni
tal-istrateġija ta’ deċentralizzazzjoni, skont il-Karta Ewropea dwar
l-Awtonomija Lokali tal-Kunsill tal-Ewropa (it-Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa
Serje Nru 122); jitjieb il-qafas legali
għall-finanzjament tal-partiti politiċi u l-kampanji elettorali
fid-dawl tal-opinjonijiet konġunti tal-OSKE/ODIHR u l-Kummissjoni ta’
Venezja u r-rakkomandazzjoni li saret mill-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni
(GRECO) dwar it-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti. (ii) Ikompli
jiġi riformat is-settur tal-ġustizzja, b’mod partikolari tiġi
żgurata l-indipendenza, l-imparzjalità, il-professjonaliżmu u
l-effiċjenza tal-ġudikatura, tal-prosekuzzjoni, u l-aġenziji
tal-infurzar tal-liġi, li għandhom ikunu ħielsa minn indħil
politiku jew minn kwalunkwe interferenza mhux dovuta oħra, u tiġi
intensifikata l-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-forom u l-livelli kollha
tagħha u l-ġlieda kontrihom. Xi elementi tar-riforma komprensiva
tas-settur tal-ġustizzja jistgħu jeħtieġu emendi
kostituzzjonali: jiġi żgurat il-funzjonament
sħiħ taċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni,
inkluż billi jiġi żgurat baġit u persunal suffiċjenti,
u l-parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali kontra l-korruzzjoni; tiġi żgurata l-indipendenza
taċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni, inkluż il-ħatra
u t-tkeċċija tad-direttur u l-viċi diretturi tiegħu permezz
ta’ proċedura miftuħa, trasparenti u msejsa fuq il-mertu, definita
b’mod ċar mil-liġi, u s-sorveljanza u r-responsabbiltà
fl-operazzjonijiet tiegħu; isir rieżami tal-leġiżlazzjoni
attwali li tikkunsidra l-ħatra permanenti tal-imħallfin bħala
estensjoni tal-ewwel ħatra, li għaliha l-imħallfin għandhom
jissodisfaw kriterji stabbiliti minn qabel; issir ħidma lejn it-tisħiħ
tal-indipendenza tal-istituzzjonijiet tas-settur tal-ġustizzja, ħalli
ma jkunux soġġetti għal pressjoni politika jew ta' kwalunkwe
forma oħra mill-amministrazzjoni, il-gvern jew il-parlament; tiġi
implimentata sistema ġdida ta’ responsabbiltà dixxiplinari
għall-imħallfin, biex jiġi żgurat li dawn jissodisfaw
ir-responsabbiltajiet tagħhom lejn is-soċjetà; isir rieżami tal-leġiżlazzjoni
attwali dwar l-imħallfin, il-prosekuturi, l-avukati u professjonisti
legali oħrajn, biex tiġi promossa tolleranza żero
għall-korruzzjoni u l-prevenzjoni ta’ kull tip ta’ imġiba korrotta; isir progress fil-ħidma biex
ir-responsabbiltà taċ-ċentri ta’ detenzjoni preventiva tiġi
ttrasferita mill-Ministeru tal-Intern għall-Ministeru tal-Ġustizzja; isir rieżami tal-leġiżlazzjoni
attwali biex il-Kunsill Superjuri tal-Maġistrati jingħatalu rwol
ewlieni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’
riżorsi lill-qrati; isir progress lejn riforma komprensiva
tal-prosekuzzjoni; isir rieżami tal-qafas legali dwar
l-Istitut Nazzjonali tal-Ġustizzja, biex tiġi modernizzata s-sistema
fis-seħħ ta’ taħriġ għall-imħallfin u
l-prosekuturi u titjieb l-effiċjenza tal-attivitajiet tagħha; tiġi implimentata riforma
tal-istituzzjoni tal-Ombudsman, skont il-Liġi dwar l-Ombudsman approvata
mill-gvern fl-4 ta’ Settembru 2013. (iii)
Jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u
l-libertajiet fundamentali permezz ta’ kooperazzjoni komprensiva dwar
il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Din
il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma fl-oqsma li ġejjin: Drittijiet tal-bniedem u libertajiet
fundamentali Jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni
Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (2011-14), b’enfasi fuq l-aktar
gruppi vulnerabbli, u l-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-proċessi
baġitarji biex jiġu allokati biżżejjed riżorsi
għal implimentazzjoni effettiva; Tiġi żgurata l-applikazzjoni
sħiħa tal-liġijiet u r-regolamenti kontra d-diskriminazzjoni fuq
kwalunkwe bażi, inkluż il-Liġi dwar l-Iżgurar
tal-Ugwaljanza, u t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Kunsill għall-Prevenzjoni
u l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni (“il-Kunsill għall-Ugwaljanza”); Jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet li saru
mill-istrutturi tal-Kunsill tal-Ewropa u l-esperti dwar il-konformità
mal-Konvenzjoni Qafas għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali, u
l-implimentazzjoni tagħhom bi qbil ma’ dawn l-istrutturi u l-esperti; Tiġi żgurata l-implimentazzjoni
tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità; Tiġi żgurata l-eżekuzzjoni
effettiva tas-sentenzi mogħtija mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet
tal-Bniedem; Jinżammu mekkaniżmi effettiv
preġudizzjali u nonġudizzjali għas-soluzzjoni tat-tilwim,
inkluż fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; Ikompli jingħata aċċess
għal informazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u
soluzzjonijiet legali adegwati; Jiġu promossi u tinħoloq
sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u kontra d-diskriminazzjoni
fil-ġudikatura, l-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni. Libertà tal-espressjoni Titkompla l-ħidma fuq l-iżgurar
tal-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja, skont
ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa; Jiġi stabbilit djalogu regolari biex
jiġu skambjati l-aħjar prattiki fil-libertà tal-midja,
il-pluraliżmu tal-midja, id-dekriminalizzazzjoni tal-malafama,
il-protezzjoni tas-sorsi tal-ġurnalisti, u d-diversità kulturali
fil-midja. Kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili Jiġu involuti l-organizzazzjonijiet
tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari organizzazzjonijiet
rappreżentattivi ta’ min iħaddem u t-trejdjunjins, fil-ġbir ta’
informazzjoni u l-politika tal-monitoraġġ. Traffikar tal-bnedmin Jiġi approvat u implimentat il-Pjan ta’
Azzjoni Nazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar
tal-bnedmin (2014-16); Isir approfondiment tal-kooperazzjoni dwar
it-traffikar, fil-qafas ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti
(OSCE, UN). Trattament ħażin u tortura Tiġi stabbilita politika komprensiva
għall-prevenzjoni tal-impunità u biex din tiġi miġġielda,
abbażi tal-linji gwida biex tinqered l-impunità għal ksur serju tad-drittijiet
tal-bniedem (il-Kunsill tal-Ewropa, 2011); Jiġi indirizzat b'mod effettiv kull
rapport ta’ trattament ħażin tad-detenuti minn uffiċjali
tal-infurzar tal-liġi, b’mod partikolari fid-detenzjoni preventiva. Drittijiet tat-tfal Jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet
rilevanti tal-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem,
inkluż ħidma biex id-drittijiet tat-tfal jiġi infurzati u biex
jinqered il-faqar tat-tfal. Vjolenza domestika Tiġi żgurata l-implimentazzjoni
sħiħa tal-qafas leġiżlattiv eżistenti dwar il-vjolenza
domestika. Trattament ugwali Titjieb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri,
jiġi żgurat trattament ugwali bejn in-nisa u l-irġiel
fil-ħajja soċjali u ekonomika, inkluż fis-settur tal-infurzar
tal-liġi, u l-introduzzjoni ta' miżuri prattiċi sabiex tiġi
indirizzata d-differenza fil-ħlas bejn il-ġeneri; Tiġi żgurata l-armonizzazzjoni
mal-istandards Ewropej fir-rigward tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà,
ir-regoli dwar il-liv tal-maternità, u r-regoli dwar ir-rikonċiljazzjoni
tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri u dawk professjonali; Tiġi promossa l-parteċipazzjoni
tan-nisa fit-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-ħajja pubblika u
politika, u jitwettqu attivitajiet speċifiċi f’dawn l-oqsma. Drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards
ewlenin tax-xogħol Tkompli l-ħidma biex jiġi
żgurat li d-drittijiet tat-trejdjunjins u l-istandards ewlenin
tax-xogħol jiġu rispettati skont l-istandards Ewropej u
l-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO). Riforma kontra l-korruzzjoni u amministrattiva Tiġi indirizzata l-ġlieda kontra
l-korruzzjoni fil-livelli kollha tas-soċjetà, b’mod speċjali
l-korruzzjoni f’livell għoli, u jiġu implimentati
r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni
tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO); Tiġi implimentata l-Istrateġija
Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni 2011-15 u l-Pjan ta’ Azzjoni
għall-2014-15, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u
l-organizzazzjonijiet internazzjonali; Tkompli r-riforma tal-amministrazzjoni
pubblika, bil-ħsieb li jinbena servizz ċivili responsabbli,
effiċjenti, trasparenti u professjonali; Tissaħħaħ il-koordinazzjoni u
l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli
għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inkluż billi jiġu
stabbiliti arranġamenti ta’ ħidma ċari bejn iċ-Ċentru
Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kummissjoni Nazzjonali
għall-Integrità; Jitwaqqfu unitajiet speċjalizzati
taċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni biex jiġu indirizzati
każijiet li jinvolvu uffiċjali ta’ livell għoli jew ħsara
fuq skala kbira, bil-għan li l-korruzzjoni f’livell għoli tiġi
affrontata aħjar; Tissaħħaħ il-kapaċità
operattiva tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Integrità. Jitwaqqaf qafas
funzjonali għat-twettiq effiċjenti ta’ investigazzjonijiet
finanzjarji u rkupru tal-assi; Tiġi implimentata sistema operazzjonali u
affidabbli għat-trasparenza u l-verifika tal-ġid u l-interessi
tal-uffiċjali pubbliċi, għall-prevenzjoni u biex tiġi
indirizzata l-kwistjoni ta’ ġid mhux ġustifikat u kunflitti ta’
interess potenzjali, billi jissaħħaħ ir-rwol tal-Kummissjoni
Nazzjonali għall-Integrità; Issir ħidma biex jissaħħaħ
l-istatus tal-istituzzjonijiet kontra l-korruzzjoni permezz tal-involviment
tas-soċjetà ċivili u hotlines reklamati u sservizzjati sew
għall-ilmenti taċ-ċittadini. 2.2 Politika
estera u ta’ sigurtà Id-djalogu u l-kooperazzjoni fil-qasam
tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) jimmiraw lejn konverġenza
gradwali, inkluż fil-politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK).
B’mod partikolari, huma se jindirizzaw kwistjonijiet ta' sigurtà, prevenzjoni
tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet, l-istabilità
reġjonali, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni, il-kontroll tal-armi u
l-kontroll tal-esportazzjoni. Il-kooperazzjoni f'dan il-qasam se tkun
ibbażata fuq valuri komuni u interessi reċiproċi, u se timmirali
żżid l-armonizzazzjoni u l-effikaċja politika, bl-użu ta'
fora bilaterali, internazzjonali u reġjonali. Hija se tinkludi ħidma
biex: tippromwovi r-riżoluzzjoni paċifika
tal-kunflitti u l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali abbażi ta'
multilateraliżmu effettiv; tiżviluppa kooperazzjoni dwar
is-sanzjonijiet tal-UE; tippromwovi r-rispett
għall-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali,
l-invjolabilità tal-fruntieri, u l-indipendenza, kif stipulati fil-Karta tan-NU
u l-Att Finali ta’ Ħelsinki tal-OSKE; issaħħaħ il-kooperazzjoni
prattika fil-prevenzjoni tal-kunflitti u l-ġestjoni tal-kriżijiet,
billi tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tar-Repubblika
tal-Moldova fl-operazzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ kriżi ċivili u
militari mmexxija mill-UE, u tingħata konsulenza u attivitajiet ta’
taħriġ fil-qasam tal-PSDK (fuq il-bażi tal-Qafas ta’ Ftehim ta’
Parteċipazzjoni li daħal fis-seħħ
mill-1 ta’ Lulju 2013 u l-qafas multilaterali tal-Panil
tas-Sħubija tal-Lvant dwar PSDK); jitnedew u jitlestew negozjati dwar il-Ftehim
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova dwar il-proċeduri ta’
sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata dwar kwistjonijiet
relatati mal-PSDK, bħala segwitu għall-Ftehim bejn ir-Repubblika
tal-Moldova u l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi qafas
għall-partiċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova f’operazzjonijiet
ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE, fis-seħħ
mill-1 ta’ Lulju 2013.
It-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni
tal-armi ta’ qerda massiva (AQM) u l-esportazzjonijiet illegali tal-armi jissaħħaħ il-kunsens
internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu bbażata fuq
id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-definizzjoni legali ta’ atti
terroristiċi, billi jiġi promoss ftehim dwar il-Konvenzjoni
Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali, u jkompli jittejjeb
il-qafas nazzjonali leġiżlattiv u regolatorju fil-qasam
tal-ġlieda kontra t-terroriżmu; isir skambju ta' informazzjoni dwar
organizzazzjonijiet u gruppi terroristiċi, l-attivitajiet tagħhom u
n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom, skont il-liġi
internazzjonali u leġiżlazzjoni adottata mill-partijiet; jiġu implimentati l-istandards stabbiliti
fir-rakkomandazzjonijiet dwar il-finanzjament tat-terroristi ippreparat
mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja (FATF); jiġu żviluppati modi ta' kif issir
ħidma flimkien fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-armi u l-qerda
tal-ħażniet; jiġu żviluppati modi kif issir
ħidma flimkien u tiġi skambjata informazzjoni dwar id-detezzjoni u
l-ittraċċar tal-armi illegali; ikun hemm kooperazzjoni u kontribut
għall-ġlieda kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u materjali relatati,
kif ukoll il-mezzi tal-kunsinna tagħhom permezz ta’ konformità
sħiħa mal-obbligi eżistenti tal-partijiet u l-implimentazzjoni
nazzjonali tagħhomskont trattati u ftehimiet internazzjonali dwar
id-diżarm u n-nonproliferazzjoni u skont obbligi internazzjonali rilevanti
oħra; titwaqqaf sistema effettiva ta’ kontroll
nazzjonali tal-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ oġġetti relatati
mal-AQM, inkluż il-kontroll tal-użu aħħari tal-AQM
fir-rigward ta' teknoloġiji b'użu doppju, b’penali effettivi
għall-ksur tal-kontrolli tal-esportazzjoni; issir kooperazzjoni fir-rigward ta' kontrolli
doganali abbażi tar-riskju li jiżguraw is-sikurezza u s-sigurtà
tal-oġġetti importati, esportati, jew fi tranżitu; jiġi indirizzat il-kummerċ illegali
ta’ armi żgħar u armamenti ħfief, inkluż il-munizzjon
tagħhom, skont il-ftehimiet internazzjonali attwali u
r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u l-impenji skont strumenti
internazzjonali oħrajn applikabbli f’dan il-qasam; tkompli tissaħħaħ
il-kapaċità istituzzjonali billi jiġu adottati l-aħjar prattiki
u esperjenzi internazzjonali fil-qasam tal-ġlieda kontra
t-terroriżmu; tkompli l-kooperazzjoni fil-qasam tal-kontroll
tal-esportazzjoni tal-armi konvenzjonali, fid-dawl tal-pożizzjoni komuni
tal-UE dwar il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u
tagħmir militari. Il-kunflitt Transnistrijan tinżamm il-parteċipazzjoni
kostruttiva tal-partijiet fil-proċess tan-negozjati mmexxi mill-OSCE
mmirat lejn is-soluzzjoni tal-kunflitt tat-Transnistrija; tinżamm il-kooperazzjoni effettiva bejn
l-UE u r-Repubblika tal-Moldova dwar is-soluzzjoni tal-kunflitt
tat-Transnistrija, fil-format miftiehem '5+2', inklużi konsultazzjonijiet
dwar arranġamenti ta' wara s-soluzzjoni; jissaħħaħ id-djalogu,
bil-għan li jiġu spjegati l-benefiċċji tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni, u tiġi żgurata l-applikabbiltà tiegħu
fit-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova; jitkompla d-djalogu kostruttiv mal-kontropartijiet
rilevanti kollha dwar il-kwistjonijiet tal-fruntiera fil-konflitt
tat-Transnistrija. Il-Qorti Kriminali Internazzjonali jiġi implimentat l-Istatut ta’ Ruma
tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-istrumenti relatati tiegħu,
b’kunsiderazzjoni xierqa sabiex tinżamm l-integrità tiegħu. 2.3 Kooperazzjoni
dwar il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà Il-partijiet se jaħdmu flimkien fl-oqsma
li ġejjin: Protezzjoni tad-dejta personali ikomplu jimplimentaw il-qafas
leġiżlattiv u jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni
tad-dejta personali, f’konformità ma’ strumenti u standards Ewropej; ikomplu jsaħħu l-bini
tal-kapaċità tal-awtorità għall-protezzjoni tad-dejta
(iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali) u
jsegwu l-applikazzjoni tal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta fis-setturi
kollha, speċjalment rigward l-infurzar tal-liġi. Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni,
l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri Migrazzjoni ikomplu jiġu implimentati b’mod effettiv
il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, u
l-miżuri għar-riintegrazzjoni ta’ ċittadini tal-Moldova; tissaħħa l-infrastruttura
eżistenti (inklużi ċ-ċentri ta’ detenzjoni) u l-persunal
ta’ korpi responsabbli biex jiġi żgurat ir-ritorn effettiv ta’
ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qed jgħixu u/jew fi
tranżitu illegali fit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova, jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet
tal-bniedem tal-immigranti fid-detenzjoni amministrattiva, u jiġi
żviluppat il-qafas tal-integrazzjoni; ikompli jissaħħaħ
l-Uffiċċju għall-Migrazzjoni u l-Ażil (BMA) bħala
koordinatur għal ġestjoni tajba tal-flussi migratorji, u għat-titjib tal-kondizzjonijiet ta’
akkoljenza u għar-reġistrazzjoni tal-barranin, b’mod speċjali
l-ħidma ta’ one-stop-shops responsabbli għar-reġistrazzjoni ta’
barranin fuq livell ċentrali u lokali; ikomplu jissaħħu s-servizzi
reġjonali tad-Direttorat tal-Migrazzjoni Illegali tal-BMA, tiġi
żgurata l-preżenza tal-BMA fil-livell reġjonali, u jitwaqqfu
stabbilimenti fil-livell lokali li jkunu distinti mill-pulizija nazzjonali; ikompli jiġi aġġornat il-Profil
Migratorju Estiż wara l-pubblikazzjoni inizjali b’suċċess
tiegħu, u fejn possibbli jiġi integrat fit-tieħed
tad-deċiżjonijiet tal-politika migratorja; tibda l-organizzazzjoni ta’ kampanji ta’
informazzjoni kontinwi u mmirati bl-għan li jiġu ċċarati
d-drittijiet u l-obbligi tal-ivjaġġar mingħajr viża,
inkluż informazzjoni dwar ir-regoli li jirregolaw l-aċċess
għas-suq tax-xogħol fl-UE (inkluż permezz tal-Portal
tal-immigrazzjoni tal-UE) u r-responsabbiltà għal kwalunkwe abbuż
tad-drittijiet taħt ir-reġim ħieles mill-viża. Ażil tkompli tiġi implimentata l-liġi
tal-2009 dwar l-ażil, li tipprovdi qafas solidu għall-protezzjoni ta'
dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u l-emendar ta' din il-liġi biex tkompli tiġi
allinjata mal-istandards internazzjonali u Ewropej; tinżamm proċedura
tad-Determinazzjoni tal-Istatus ta’ Refuġjat effiċjenti; jitkompla t-tħariġ
tal-imħallfin u l-maġistrati dwar kwistjonijiet ta’ ażil u
migrazzjoni u b’mod aktar speċifiku dwar kif jiġu ttrattati
l-proċeduri ta’ appell legali f’dawn l-oqsma; jitkompla l-iżvilupp qafas ta’
integrazzjoni; jiġu attivati dokumenti tal-identità
bijometriċi u jibdew jinħarġu dokumenti tal-ivvjaġġar
lir-refuġjati. Ġestjoni tal-fruntieri tkompli tissaħħaħ
il-ġestjoni tal-fruntieri u jinżamm il-livell għoli ta’ verifiki
fuq il-fruntieri u ta' sorveljanza mal-fruntieri, u jiġu estiżi u
mtejba l-faċilitajiet ta’ sorveljanza bil-vidjow, fissi u mobbli; titjieb l-istampa tas-sitwazzjoni fil-livell
nazzjonali u lokali billi jiġu rfinuti aktar l-analiżi tar-riskji,
l-intelligence u l-ġestjoni tal-fluss tad-dejta; tkompli tiġi pprovduta infrastruttura
adegwata, tagħmir tekniku, sistemi tal-IT, u riżorsi finanzjarji u
umani, skont l-istrateġija u l-pjanijiet ta’ azzjoni għal
Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM) tar-Repubblika tal-Moldova; jinżammu u jiġu estiżi
l-programmi ta’ taħriġ u l-miżuri kontra l-korruzzjoni; tkompli tittieħed l-opportunità biex
jitwettqu proġetti konġunti, taħriġ u pariri esperti
mill-Missjoni ta’ Assistenza tal-Fruntiera tal-UE lill-Ukraina u lir-Repubblika
tal-Moldova (EUBAM), il-Frontex u l-Istati Membri tal-UE; tintuża l-opportunità pprovduta
mill-preżenza tal-EUBAM biex tiżdied u tiġi żviluppata
kooperazzjoni mas-Servizz tal-Gwardja tal-Fruntiera tal-Ukraina, inkluż
dwar l-iskambju awtomatiku ta' dejta nominali; jiġu esplorati opportunitajiet
mas-sħab Ukreni għal aktar Punti ta' Qsim tal-Fruntiera (BCPs)
kondiviżi u sorveljanza konġunta tal-fruntieri, inkluż fil-parti
ċentrali tal-fruntiera komuni bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina. Ir-riforma tal-pulizija, il-prevenzjoni
tal-kriminalità u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata tiġi żgurata l-konformità mal-istat
tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem billi tiġi
żviluppata forza tal-pulizija aċċessibbli, responsabbli,
effikaċi, trasparenti u professjonali, jiġi introdott
approċċ tal-pulizija bbażat fuq id-drittijiet, l-użu ta’
ħidma tal-pulizija abbażi tal-intelligence, u l-ġlieda kontra
l-kriminalità, inkluża l-kriminalità ċibernetika; tissaħħaħ il-kooperazzjoni
operazzjonali internazzjonali tal-pulizija, inkluż bl-istabbiliment u
l-użu ta’ timijiet konġunti ta’ investigazzjoni, u t-tisħiħ
tal-kooperazzjoni transfruntiera billi jwettqu operazzjonijiet konġunti; tiġi stabbilita kooperazzjoni iktar
mill-qrib mal-Europol, inkluż permezz tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’
kooperazzjoni operazzjonali. Indirizzar tad-drogi illegali tkompli l-implimentazzjoni
tal-istrateġija u l-pjanijiet ta’ azzjoni rilevanti, u jsir abbozz ta’
pjan ta’ azzjoni ġdid; ikompli jiġi żgurat
approċċ bilanċjat u integrat lejn il-kwistjonijiet tad-droga,
sabiex ikunu maniġġati l-konsegwenzi fuq is-saħħa u
soċjali tal-abbuż mid-drogi, tiġi żgurata prevenzjoni aktar
effettiva, u ssir ħidma biex titnaqqas il-provvista, it-traffikar u
d-domanda għad-drogi illegali; jissaħħu l-istrutturi istituzzjonali
biex jiġu indirizzati d-drogi illegali; ikompli d-djalogu regolari fil-qafas
tad-Djalogu tas-Sħubija tal-Lvant dwar id-Drogi; tiġi żviluppata aktar il-kooperazzjoni
u l-iskambju ta’ informazzjoni, u tkompli l-ħidma maċ-Ċentru
Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga
(EMCDDA) u fil-Grupp ta’ Pompidou tal-Kunsill tal-Ewropa. Kooperazzjoni legali titkompla tissaħħaħ
il-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili u
kummerċjali billi: taderixxi u timplimenta konvenzjonijiet
multilaterali dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u, b'mod
partikolari, il-Konvenzjonijiet tal-Konferenza tal-Aja dwar il-Liġi
Internazzjonali Privata fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, taderixxi u timplimenta konvenzjonijiet
multilaterali dwar il-protezzjoni tat-tfal, speċjalment il-Konvenzjoni
tal-1970 dwar it-Teħid ta’ Evidenza Barra mill-Pajjiż f’Materji
Ċivili jew Kummerċjali, u tħejji t-triq għall-adeżjoni u
l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni,
il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni
fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri
għall-Protezzjoni tat-Tfal, b’mod partikolari billi tivvaluta
l-kapaċitajiet u r-riżorsi nazzjonali; issaħħaħ il-kooperazzjoni
ġudizzjarja f’materji kriminali billi taderixxi mal-konvenzjonijiet
rilevanti u timplimenthom i, speċjalment dawk tal-Kunsill tal-Ewropa; tistabbilixxi kooperazzjoni eqreb mal-Europol,
inkluż billi tiffirma u timplimenta ftehim ta’ kooperazzjoni
operazzjonali. 2.4 Kooperazzjoni
ekonomika Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex
jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova biex tistabbilixxi ekonomija
tas-suq li taħdem kompletament u biex b'mod gradwali ġġib
il-politiki tagħha aktar konformi mal-politiki tal-UE, f’konformità
mal-prinċipji gwida tal-istabbiltà makroekonomika, finanzi pubbliċi
sodi, sistema finanzjarja b’saħħitha u bilanċ tal-pagamenti
sostenibbli. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: tiżviluppa l-kapaċità tar-Repubblika
tal-Moldova, fit-tbassir makroekonomiku, inkluż bit-titjib
tal-metodoloġija użata biex jinbnew xenarji tal-iżvilupp,
il-monitoraġġ tal-proċessi ekonomiċi, u t-titjib tal-kwalità
tal-analiżi mwettqa fuq fatturi ta’ impatt billi jsir skambju ta'
informazzjoni dwar l-aħjar prattiki; tissaħħaħ l-indipendenza u
s-setgħat regolatorji u ta’ superviżjoni tal-Bank Nazzjonali
tal-Moldova (NBM), inkluż billi tiġi rieżaminata
l-leġiżlazzjoni tal-bank ċentrali biex jiġi żgurat li
ssegwi l-aħjar prassi tal-UE, bl-appoġġ tal-għarfien espert
tal-UE, inkluż mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE); issir kondiviżjoni tal-esperjenza tal-UE,
inkluż mill-BĊE, fuq ir-rati tal-kambju monetarju u l-politika ta'
regolamentazzjoni u superviżjoni tas-settur finanzjarja u bankarju u
tingħata għajnuna biex jiġu żviluppati u msaħħa
l-kapaċitajiet tar-Repubblika tal-Moldova f’dawn l-oqsma; tissaħħaħ is-sostenibbiltà u
l-governanza tal-finanzi pubbliċi, bl-implimentazzjoni ta' riformi fiskali
u fl-infiq; jiġu żviluppati regoli u
proċeduri tal-privatizzazzjoni miftuħa, kompetittivi u trasparenti u
jiġu implimentati skont l-aħjar prassi tal-UE. Liġi tal-kumpaniji, kontabbiltà u
awditjar u governanza korporattiva Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju lir-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni
tal-liġi tal-UE u l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness
tal-abbozz ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, b’mod partikolari biex: tiġi żviluppata l-kapaċità
amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-istat tar-Repubblika tal-Moldova; jiġu ssimplifikati aktar ir-regoli u
l-proċeduri għar-reġistrazzjoni ta’ persuni legali, inklużi
l-kumpaniji, u ta' persuni naturali, inklużi imprendituri, biex
jistabbilixxu u jillikwidaw negozji; tiġi żviluppata l-politika tagħha
tal-governanza korporattiva u tiġi promossa l-konformità mal-kodiċi
tal-governanza korporattiva f’konformità mal-istandards internazzjonali u
r-regoli tal-UE u rakkomandazzjonijiet f’dan il-qasam; isir skambju f’waqtu, rilevanti u
preċiż ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali
tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-konformità tagħha
mal-liġi tal-UE, abbażi ta' format miftiehem bejn il-partijiet, u
jiġi ppreżentat pjan ta’ azzjoni aktar dettaljat għall-implimentazzjoni
tal-liġi tal-UE skont l-iskeda miftiehma; jiġu identifikati l-oqsma fejn
għandhom jingħataw taħriġ, bini tal-kapaċità u
għarfien espert. Impjiegi, politika soċjali u
opportunitajiet indaqs Il-partijiet se jaħdmu flimkien fl-oqsma
li ġejjin biex: iħejju għall-implimentazzjoni
tal-liġi tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post
tax-xogħol, il-liġijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet
tax-xogħol, kif imsemmija fl-annessi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
futur, u b’mod partikolari biex: tissaħħaħ il-kapaċità
amministrattiva u tal-infurzar fl-oqsma tas-saħħa u s-sigurtà fuq
il-post tax-xogħol u l-liġi tax-xogħol, notevolment l-ispettorat
tax-xogħol u l-korpi ġudizzjarji rilevanti, tinbena l-kapaċità tas-sħab
soċjali (pereżempju taħriġ dwar il-leġiżlazzjoni
u l-istandards tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà, u dwar il-liġi
tax-xogħol); jiġi żviluppat approċċ
strateġiku għall-impjiegi, li jimmira għal aktar impjiegi u
aħjar, b’kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, it-tlaqqigħ
aħjar tal-ħiliet u l-impjiegi fis-suq tax-xogħol u l-promozzjoni
ta’ appoġġ attiv u servizzi tal-impjieg effiċjenti; jiġu
implimentati programmi nazzjonali għal xogħol deċenti miftiehma
bejn l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u r-Repubblika
tal-Moldova; tissaħħaħ il-kapaċità
tal-amministrazzjoni inkarigata mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni
tal-politiki tal-impjieg u soċjali, notevolment is-servizzi tal-impjiegi u
s-servizzi soċjali; jitjieb il-livell ta’ protezzjoni soċjali
u jiġu żgurati l-effiċjenza u s-sostenibbiltà finanzjarja
tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali; ikompli jiġi promoss id-djalogu
soċjali, inkluż permezz tal-bini tal-kapaċità tas-sħab
soċjali. Protezzjoni tal-konsumaturi Biex iħejju għall-implimentazzjoni
tal-liġi tal-UE u l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur, il-partijiet se jaħdmu flimkien
biex: issaħħu l-kapaċità
amministrattiva għall-infurzar tal-protezzjoni tal-konsumatur
fir-Repubblika tal-Moldova, b’mod partikolari permezz ta’ taħriġ
għall-uffiċjali tal-gvern u rappreżentanti oħra tal-interessi
tal-konsumatur dwar it-traspożizzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u
l-implimentazzjoni u l-infurzar sussegwenti tagħha. Statistika Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex
iġibu l-leġiżlazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova aktar konformi
mal-liġi tal-UE fil-qasam tal-istatistika. Din il-kooperazzjoni se
tinkludi ħidma biex: jitwettaq ċensiment tal-popolazzjoni,
jitqassmu r-riżultati fil-qosor u dettaljati tiegħu, u
l-iżvilupp ta' strateġija biex titjieb l-istatistikta tal-istima
tal-migrazzjoni; tiġi rivedita l-liġi tal-istatistika
skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni globali (jiġifieri
tissaħħaħ il-pożizzjoni u l-indipendenza tad-Direttur
Ġenerali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika billi jiġi
introdott terminu fiss u kriterji ta’ reklutaġġ u tkeċċija
ċari), tissaħħaħ il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità
tal-istatistika fil-proċessi tal-produzzjoni u d-disseminazzjoni, u
jerġa’ jiddaħħal il-Kunsill tal-Istatistika; titjieb il-kwalità tar-Reġistru
tal-Istatistika tal-Kummerċ billi jiġu żviluppati u implimentati
proċeduri ċari għall-aġġornament tal-unitajiet
ekonomiċi, inklużi s-sorsi amministrattivi disponibbli kollha,
titjieb il-kopertura tal-unitajiet lokali u intraprendituri individwali, u r-ristrutturar
tal-istħarriġ relatat man-negozju f’konformità mal-istandards tal-UE; tiġi implimentata l-Klassifikazzjoni
tal-2008 tal-Prodotti skont l-attività (CPA), il-Lista tal-Prodotti tal-2010
tal-Komunità Ewropea (PRODCOM) u s-Sistema tal-Kontijiet Nazzjonali tal-2008
(SNA), u t-tħejjija għall-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea
tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali tal-2010 (ESA); jiġi żviluppat qafas kumplessiv ta’
garanzija tal-kwalità, inkluż il-politika tar-riżorsi umani u
t-taħriġ. Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u
l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex
jiżguraw l-iżvilupp ta’ settur tal-amministrazzjoni pubblika li
jiffunzjona tajjeb, politiki sodi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u
kontroll finanzjarju intern u awditjar estern. Din il-kooperazzjoni se tinkludi
ħidma biex: tissaħħaħ il-kapaċità
istituzzjonali u tar-riżorsi umani tal-amministrazzjonijiet pubbliċi
ċentrali u lokali, biex titjieb u tiġi implimentata l-politika u
jiġi żgurat l-għoti ta’ servizzi pubbliċi ta’ kwalità
għolja, effiċjenti u effikaċi; tissaħħaħ it-trasparenza,
is-sorveljanza u r-responsabbiltà tal-politika u l-ġestjoni tal-finanzi
pubbliċi; titjieb il-ġestjoni finanzjarja pubblika
(PFM) u tiġi implimentata l-istrateġija tal-PFM tar-Repubblika
tal-Moldova għall-2013-20; titjieb is-sistema ta’ kontroll intern
taħt responsabbiltà maniġerjali deċentralizzata, inklużi
awditi interni funzjonalment indipendenti fl-awtoritajiet tal-Istat billi
tiġi żgurata l-armonizzazzjoni ma’ standards internazzjonali ġeneralment
aċċettati u metodoloġiji u l-aħjar prassi tal-UE; jiġi żgurat aktar żvilupp
tal-funzjoni tal-awditjar estern tal-Qorti tal-Kontijiet, f’konformità ma’
standards internazzjonali ġeneralment aċċettati (INTOSAI); jiġu żgurati kooperazzjoni effettiva
ma’ u assistenza lill-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, inkluż
l-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi għal kontrolli u spezzjonijiet
fuq il-post relatati mal-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi mill-UE, li
għandhom jingħataw f’konformità mar-regoli u l-proċeduri
applikabbli. Tassazzjoni Il-partijiet għandhom isaħħu
l-kooperazzjoni bil-għan li jtejbu u jiżviluppaw is-sistema u
l-amministrazzjoni tat-taxxa tar-Repubblika tal-Moldova fuq il-bażi
tal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali. Dan se jinkludu t-tħejjija
biex gradwalment il-leġiżlazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova
tinġieb aktar konformi mal-liġi tal-UE u l-istrumenti internazzjonali
msemmija fl-anness tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur, u b’mod partikolari
ħidma biex: titjieb u tiġi ssimplifikata
l-leġiżlazzjoni tat-taxxa; titjieb il-kooperazzjoni internazzjonali dwar
it-taxxa biex titjieb il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa, jiġifieri
billi jiġu implimentati l-prinċipji tat-trasparenza, l-iskambju
tal-informazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta fit-tassazzjoni; titjieb il-kapaċità tal-amministrazzjoni
tat-taxxa, b’mod partikolari billi jsir progress lejn sistema aktar iffukata,
abbażi tar-riskji, għal kontroll u l-awditi tat-taxxa; jittieħdu miżuri biex tiġi
armonizzata l-politika għall-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu
ta’ prodotti soġġetti għas-sisa; tiġi żviluppata kooperazzjoni
mal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri tal-UE billi jiġu
skambjati esperjenzi ġodda u tendenzi fil-qasam tat-tassazzjoni. Servizzi finanzjarji Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex iħejju
lir-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE
elenkata fl-anness tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur u tal-istandards
internazzjonali elenkati fl-artikolu rilevanti tad-DCFTA. Din il-kooperazzjoni
se tinkludi ħidma biex: titjieb il-kapaċità amministrattiva
tal-awtoritajiet superviżorji f’konformità mal-liġi tal-UE; jiġu stabbiliti kuntatti u skambju ta’
informazzjoni mas-superviżuri finanzjarji tal-UE; tiġi żviluppata
leġiżlazzjoni nazzjonali għall-prevenzjoni u l-ġlieda
kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu,
partikolarment permezz ta': l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
tal-UE f'dawn l-oqsma; it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn it-Task Force
ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF), il-Kunsill tal-Ewopea, MONEYVAL, kwalunkwe awtorità
rilevanti oħra fl-Istati Membri tal-UE; u l-iffirmar ta' Memorandi ta'
Qbil bejn l-awtoritajiet tal-intelligence finanzjarja tar-Repubblika
tal-Moldova u l-Istati Membri tal-UE; l-għoti f’waqtu ta' informazzjoni
rilevanti u preċiża dwar is-sitwazzjoni attwali
tal-leġiżlazzjoni eżistenti tar-Repubblika tal-Moldova u
l-konformità tagħha mal-liġi tal-UE, abbażi ta' format miftiehem
bejn il-partijiet, u s-sottomissjoni ta' pjan ta’ azzjoni dettaljat
għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE skont l-iskeda miftiehma; l-identifikazzjoni tal-oqsma fejn
għandhom jingħataw it-taħriġ, il-bini tal-kapaċità u
l-għarfien espert. Politika industrijali u tal-intrapriżi Il-Partijiet se jaħdmu flimkien biex
itejbu l-ambjent kummerċjali u regolatorju fir-Repubblika tal-Moldova,
speċjalment għall-intrapriżi żgħar u medji (SMEs),
inklużi l-mikrointrapriżi. Din il-kooperazzjoni se tinkludi
ħidma biex: jiġi żgurat li r-Repubblika
tal-Moldova tipparteċipa fil-Valutazzjoni tal-Att dwar in-Negozji
ż-Żgħar għall-Ewropa (SBA), u timplimenta
r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jiġi żgurat li r-Repubblika
tal-Moldova tipparteċipa fi proġetti relatati fir-rigward
tat-tisħiħ tal-kompetittività tal-SMEs, bħal pereżempju
l-Programm dwar il-Kompetittività tal-Impriżi u l-SMEs (COSME) u n-Netwerk
Ewropew għall-Intrapriżi (EEN); jiġi żgurat li r-Repubblika
tal-Moldova tqis il-bżonnijiet tas-settur tal-SMEs u l-infrastruttura
relatata u l-kompetittività tal-SMEs meta tfassal u timplimenta programmi
rurali u/jew ta’ żvilupp reġjonali fil-futur; isir progress fl-implimentazzjoni
tal-Istrateġija tal-SMEs 2012-20 (pereż. billi jkomplu jiġu
żviluppati parks għax-xjenza u t-teknoloġija, kif ukoll
inkubaturi tan-negozju, kif inkluż fl-Istrateġija) u fl-Istrateġija
tal-Kompetittività tal-pajjiż, li hija parti mill-Istrateġija
Nazzjonali għall-Iżvilupp “Moldova 2020”; jiġi żgurat li r-Repubblika
tal-Moldova tipparteċipa b’mod attiv fil-bord tal-SMEs u f’fora relatati
li jittrattaw l-iżvilupp u l-analiżi tal-politika għall-SMEs; isir progress fil-ħolqien u l-implimentazzjoni
ta’ qafas kunċettwali, leġiżlattiv u operazzjonali li jistimula
l-iżvilupp ta’ raggruppamenti ta’ SMEs fir-Repubblika tal-Moldova. Minjieri u materja prima Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur
fil-qasam tal-minjieri u l-materja prima. Din il-kooperazzjoni se tinkludi
ħidma biex: jinbeda djalogu dwar l-industriji tal-minjieri
u l-kummerċ tal-materja prima; issir ħidma flimkien fuq is-sigurtà u
l-iżvilupp sostenibbli tal-industriji tal-minjieri. Turiżmu Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: joħolqu pjan direzzjonali dwar
it-tisħiħ tal-iżvilupp ta’ industrija tat-turiżmu
kompetittiva u sostenibbli u biex jiġu stipulati l-passi
meħtieġa biex tiġi approfondita l-kollaborazzjoni bejn
ir-Repubblika tal-Moldova u l-UE fil-qasam tat-turiżmu; ikomplu jiġu skambjati l-aħjar
prassi u l-kondiviżjoni tal-għarfien, it-taħriġ u
l-edukazzjoni fil-qasam tat-turiżmu. Agrikoltura
u l-iżvilupp rurali Il-partijiet se jaħdmu flimkien
fit-tħejjija għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u
l-istrumenti internazzjonali msemmija fl-anness tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni futur biex: jiżviluppaw u jimplimentaw il-politika,
il-qafas legali u istituzzjonali (inkluż ir-rekwiżiti tas-sikurezza
tal-ikel u l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni) fil-qasam
tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali; jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’
azzjoni ġdid li jġib lis-settur aktar konformi mal-politiki tal-UE u
l-leġiżlazzjoni dwar il-politika agrikola u l-iżvilupp rurali; l-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali
jitħarrġu dwar il-politiki tal-iżvilupp rurali; jitjiebu l-kompetittività tal-produzzjoni
agrikola u d-diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi
fiż-żoni rurali; tissaħħaħ il-kapaċità
tal-Aġenzija tal-Pagamenti li tiżgura t-trasparenza,
l-effiċjenza u l-prevedibbiltà tal-għajnuna mill-Istat żborzata; jitjieb l-użu sostenibbli
tar-riżorsi tal-art u tal-ilma fis-settur agroalimentari. Żvilupp reġjonali Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jiżviluppaw qafas legali u istituzzjonali
biex titwettaq b'mod effikaċi l-politika tal-iżvilupp reġjonali
fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż f’reġjuni bi status speċjali; tissaħħaħ il-kapaċità
istituzzjonali u operazzjonali tal-istituzzjonijiet nazzjonali, reġjonali
u lokali fil-qasam tal-iżvilupp reġjonali u tal-koeżjoni
territorjali, inkluż issir ħidma fuq l-iżvilupp ta’ sistema
effettiva ta’ governanza f’diversi livelli u diviżjoni ċara
tar-responsabbiltajiet; jiġi żgurat żvilupp uniformi
fit-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova, ibbażat fuq
l-approċċ strateġiku stipulati fid-dokumenti ta’ ppjanar
territorjali u implimentat permezz ta’ programm operazzjonali territorjali,
inkluż id-diversifikazzjoni tal-attività ekonomika fl-ibliet
iż-żgħar u r-reġjuni li qed jiżviluppaw; tissaħħaħ l-infrastruttura
soċjali u teknika fir-reġjuni li qed jiżviluppaw billi jiġu
implimentati proġetti ta’ żvilupp ibbażati fuq strateġiji
ta’ żvilupp reġjonali konsistenti u marbuta biż-żmien, filwaqt
li jitqies il-bżonn li jiġi appoġġjat żvilupp
territorjali bilanċjat fit-territorju kollu; jiġi żviluppat u implimentat pjan
ta’ azzjoni ġdid dwar il-politika ta’ żvilupp reġjonali
bbażat fuq programm operazzjonali derivat mill-istrateġija nazzjonali
tal-aġenda “Moldova 2020”; l-amministrazzjonijiet ċentrali u lokali
jitħarrġu dwar il-governanza tajba u l-aħħar
metodoloġiji fil-politika tal-iżvilupp urban u rurali, inkluż
fir-rigward tal-interrelazzjonijiet bejn dak li hu urban u dak li hu rurali
biex jiġi appoġġjat żvilupp iktar bilanċjat
tal-pajjiż kollu. Politika tas-sajd u marittima Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jistabbilixxu kooperazzjoni u ħidma lejn
li joħolqu sajd sostenibbli fil-Baħar l-Iswed,fil-kuntest tal-oqfsa
kemm bilaterali kif ukoll multilaterali, abbażi ta’ approċċ
ekosistematiku għall-ġestjoni tas-sajd; iżidu l-kooperazzjoni xjentifika u
teknika biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-monitoraġġ
tas-sajd u l-evalwazzjoni tal-istat tal-istokkijiet tar-riżorsi
tal-baħar u l-ambjent tal-baħar; irawmu approċċ integrat lejn
l-affarijiet marittimi, speċjalment billi li tiġi kkunsidrata
l-possibbiltà li jinħoloq punt ta’ kuntatt nazzjonali fir-Repubblika
tal-Moldova; jidentifikaw oqsma ta’ interess komuni
għal kooperazzjoni futura fil-Baħar l-Iswed, fil-kuntest tal-Politika
Marittima Integrata tal-UE. Enerġija Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jieħdu passi lejn l-integrazzjoni tas-suq
tal-enerġija tar-Repubblika tal-Moldova ma’ dak tal-UE, inkluż billi
jiġi implimentat it-“tielet pakkett” tal-elettriku u tal-miżuri
legali li jirregolaw il-gass, filwaqt li titqies id-deċiżjoni
tal-Kunsill Ministerjali tal-Komunità tal-Enerġija dwar l-għażla
taż-żmien għas-separazzjoni fis-settur tal-gass, u billi
jiġi implimentat il-pjan direzzjonali għat-titjib tal-interkonnessjonijiet
tal-gass u tal-elettriku bejn ir-Repubblika tal-Moldova u r-Rumanija,
inkluż l-estensjoni tal-pajplajn tal-gass Iaşi-Ungheni biex isir
possibbli li jintuża biex jitwassal gass lir-Repubblika tal-Moldova; jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-UE
dwar riżervi strateġiċi ta’ prodotti taż-żejt u ż-żieda
fil-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq in-naħa tal-lemin tax-xmara
Nistru, u jkompli jitnaqqas it-telf mit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni
fin-netwerks tal-elettriku, il-gass u s-sħana; implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni
nazzjonali dwar l-enerġija rinnovabbli, biex jiżdied għal
17 % is-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum gross
totali tal-enerġija sal-2020, u l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta'
liġijiet li jittrasponu d-Direttivi tal-UE dwar l-effiċjenza
enerġetika, speċjalment dwar il-prestazzjoni enerġetika tal-bini
u dwar l-ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum
tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin
mal-enerġija. Trasport Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE msemmija fl-anness
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur u biex jgħinu lir-Repubblika
tal-Moldova. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: tiġi implimentata strateġija
żviluppata ġdida u komprensiva għat-trasport u l-loġistika
għall-2013-22; jiddaħħlu r-riformi
meħtieġa sabiex ir-Repubblika tal-Moldova tkun tista’
titneħħa mil-lista s-sewda tal-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi; titħejja riforma u programm ta’
ristrutturar fis-settur ferrovjarju; jiżdiedu l-isforzi sabiex tiġi
implimentata l-liġi tal-avjazzjoni tal-UE sabiex jiġu sfruttati
l-vantaġġi kollha tal-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni
bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova; tiġi żviluppata l-infrastruttura,
b’mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ prijorità
għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport tas-Sħubija tal-Lvant,
skont proposti ta’ proġetti bankabbli minn istituzzjonijiet finanzjarji
internazzjonali li huma adattati għal finanzjament mill-Faċilità ta’
Investiment tal-Viċinat. Ambjent Il-Partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-istandards
internazzjonali, b’mod partikolari biex: jiżguraw li r-Repubblika tal-Moldova
tadotta strateġija ambjentali nazzjonali u pjan ta’ azzjoni biex tiġi
implimentata; tadotta u timplimenta leġiżlazzjoni
nazzjonali u taħtar awtoritajiet kompetenti fl-oqsma tal-valutazzjoni
tal-impatt ambjentali, il-valutazzjoni ambjentali strateġika,
l-immaniġġjar tal-iskart u tar-riżorsi, il-kwalità u l-ġestjoni
tal-ilma, il-kwalità tal-arja, il-ħarsien tan-natura, l-emissjonijiet
industrijali u l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi; tkompli timplimenta ftehimiet ambjentali
multilaterali, b’mod partikolari l-Konvenzjonijiet ta’ Espoo, ta’ Aarhus u ta’
Rotterdam; tiżviluppa pjan ta’ azzjoni li joffri
pjan direzzjonali għat-traspożizzjoni, l-implimentazzjoni u
l-infurzar tad-direttivi ambjentali stipulati fil-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni; twettaq ir-riformi istituzzjonali
neċessarji biex timplimenta l-liġijiet u l-politika ambjentali
ġodda. Azzjoni klimatika Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex
isaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni dwar it-tibdil fil-klima, biex: iħejju u jiffirmaw ftehim kumplessiv
ġdid dwar it-tibdil fil-klima; jistipulaw pjan strateġiku u
jiżviluppaw miżuri li jimmitigaw u li jadattaw għat-tibdil fil-klima; iġibu l-leġiżlazzjoni
fir-Repubblika tal-Moldova aktar konformi ma’ atti applikabbli tal-UE u ma'
strumenti internazzjonali. Soċjetà tal-informazzjoni Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE msemmi fl-annessi
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur biex b'mod partikolari: iġibu l-leġiżlazzjoni fil-qasam
tal-komunikazzjonijiet elettroniċi aktar konformi mal-liġi tal-UE; iwettqu attivitajiet biex isaħħu
l-indipendenza u l-kapaċità amministrattiva tar-regolatur nazzjonali
fil-qasam tal-komunikazzjonijiet , sabiex tiġi żgurata
l-kapaċità tiegħu li jieħu miżuri regolatorji xierqa u
jinforza d-deċiżjonijiet tiegħu stess u r-regolamenti kollha
applikabbli, u li jiggarantixxi l-kompetizzjoni ġusta fis-swieq; isaħħu s-settur billi jiskambjaw
informazzjoni u esperjenza dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva
Ewropa 2020 “L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa”. Saħħa pubblika Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jgħinu lir-Repubblika tal-Moldova
tħejji għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE dwar
is-saħħa, kif imsemmi fl-annessi tal-Ftehim ta'
Assoċjazzjoni futur, b’mod partikolari rigward
il-leġiżlazzjoni fl-oqsma tal-kontroll tat-tabakk, il-kwalità u
s-sikurezza ta’ sustanzi li joriġinaw mill-bniedem (demm, organi, tessuti
u ċelloli) u mard li jittieħed; jiskambjaw l-aħjar prassi
fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk u
r-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa; isaħħu l-preparazzjoni,
it-taħriġ u s-sorveljanza epidemjoloġika ta’ mard li jittieħed,
b’mod partikolari l-HIV/AIDS, it-tuberkulożi, infezzjonijiet
trażmessi sesswalment, u l-epatite C u B, inklużi permezz
tal-interazzjoni maċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u
l-Kontroll tal-Mard; isostnu l-parteċipazzjoni tar-Repubblika
tal-Moldova fin-netwerks u gruppi ta’ ħidma marbuta mas-saħħa
pubblika fl-UE, bħal-laqgħa annwali tan-netwerk dwar l-informazzjoni
dwar is-saħħa u t-Think Tank dwar l-HIV/AIDS u l-laqgħat
tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili fuq l-HIV/AIDS. Protezzjoni ċivili Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jiżguraw komunikazzjoni effettiva 24
siegħa kuljum, inkluż l-iskambju ta’ twissijiet bikrija u
informazzjoni dwar emerġenzi fuq skala kbira li jaffettwaw lill-UE u
lir-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll pajjiżi terzi li fihom xi waħda
mill-partijiet tkun involuta fir-rispons għad-diżastri; jiffaċilitaw l-għajnuna
reċiproka f’każ ta’ emerġenzi maġġuri, kif ikun xieraq
u skont id-disponibbiltà ta’ riżorsi suffiċjenti; jippromwovu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni
ta’ linji gwida tal-UE dwar is-sostenn tan-nazzjon ospitanti; itejbu l-bażi tal-għarfien dwar
ir-riskji tad-diżastri u t-telf ekonomiku billi jsaħħu
l-kooperazzjoni fl-aċċessibbiltà u l-komparabbiltà tad-dejta; jagħmlu progress fl-iżvilupp
tal-valutazzjoni u l-immappjar għall-pajjiż kollu tar-riskji ta’
diżastri, u jagħtu appoġġ għall-iżvilupp
tal-Atlas Elettroniku tar-Riskji Reġjonali (AERR) u jiżguraw
l-użu effettiv tiegħu fil-livell nazzjonali; itejbu l-prevenzjoni ta' diżastri
industrijali jew “natech” (naturali u teknoloġiċi); jibdew djalogu dwar l-aspetti tal-politika
dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri billi
jsir skambju tal-aħjar prassi, jiġi organizzat taħriġ
konġunt, eżerċizzji, żjarat ta’ studju u workshops u
ġbir fil-qosor tat-tagħlimiet li ttieħdu waqt operazzjonijiet u
eżerċizzji ta' emerġenza reali; ikomplu jiżviluppaw attivitajiet ta’
prevenzjoni, permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ u l-informazzjoni
għall-popolazzjoni ġenerali, b’mod partikolari
ż-żgħażagħ, fil-qasam tal-protezzjoni min-nirien. Edukazzjoni, taħrig u
żgħażagħ Il-partijiet se jaħdmu flimkien fuq
il-modernizzazzjoni u r-riforma kumplessiva tas-sistemi tal-edukazzjoni,
it-taħriġ u ż-żgħażagħ fir-Repubblika
tal-Moldova. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: jitwettqu proġetti konġunti u ta’
skambji li jippromwovu aktar l-integrazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova
fiż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja, fil-kuntest
tas-sħubija tagħha fil-proċess ta’ Bologna, inkluż permezz
tar-riforma tal-edukazzjoni tat-tielet ċiklu (dottorat) u t-twaqqif ta’
Aġenzija Nazzjonali għall-Iżgurar tal-Kwalità u
ż-żieda fl-opportunitajiet ta’ mobbiltà għall-istudenti u
l-persunal universitarju; jiġi żviluppat qafas nazzjonali
tal-kwalifiki biex jitjiebu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki u
l-kompetenzi; issir promozzjoni tal-kooperazzjoni
akkademika, il-bini tal-kapaċità u l-mobilità tal-istudenti u tal-persunal
permezz tal-programm il-ġdid Erasmus+ u l-azzjonijiet Marie
Skłodowska-Curie għall-mobbiltà u t-taħriġ tar-riċerkaturi; jiġi implimentat u jingħata
appoġġ għal approċċ strateġiku
għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) bl-għan li
s-sistema tal-VET tar-Repubblika tal-Moldova tinġieb f'konformità
mal-modernizzazzjoni tal-istrutturi tal-VET tal-UE, kif segwita permezz
tal-Proċess ta’ Kopenħagen u l-istrumenti tiegħu; jitħeġġeġ
approċċ strateġiku għall-politika
taż-żgħażagħ u jitjiebu l-iskambji u l-kooperazzjoni
fil-qasam tal-edukazzjoni mhux formali
għaż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu
maż-żgħażagħ, bħala mezzi li jippromwovu d-djalogu
interkulturali u l-appoġġ għas-soċjetà ċivili,
inkluż permezz ta’ programmi tal-UE fil-qasam
taż-żgħażagħ. Riċerka u innovazzjoni Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jiffaċilitaw l-integrazzjoni
tar-Repubblika tal-Moldova fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ERA); tissaħħaħ
il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-programm
Orizzont 2020; isir progress fl-implimentazzjoni
tal-Istrateġija tal-Innovazzjoni 2013-20, “Innovazzjoni
għall-Kompetittività”; jissaħħu r-riżorsi umani,
materjali u istituzzjonali sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet ta’ riċerka
u innovazzjoni; tissaħħaħ
il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova fl-azzjonijiet Marie
Skłodowska-Curie. Kultura, politika awdjoviżiva u
l-midja Kultura Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex: jippromwovu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni
tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità
tal-Espressjonijiet Kulturali; jikkooperaw fl-iżvilupp ta’ politika
kulturali inklużiva fir-Repubblika tal-Moldova u dwar il-preservazzjoni u
l-promozzjoni tal-wirt kulturali u naturali; jissaħħu l-kapaċitajiet
għall-iżvilupp tal-intraprenditorija kulturali fl-industriji
kreattivi u kulturali u l-wirt kulturali; jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-atturi
kulturali mir-Repubblika tal-Moldova fi programmi ta’ kooperazzjoni kulturali,
inkluż Ewropa Kreattiva. Politika awdjoviżiva u midja Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE msemmija
fl-annessi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur. Din il-koperazzjoni se
tinkludi appoġġ għar-Repubblika tal-Moldova biex: taħdem lejn l-adozzjoni ta'
leġiżlazzjoni awdjoviżiva f’konformità ma’ standards Ewropej,
inkluż bl-iskambju ta’ opinjonijiet dwar il-politika awdjoviżiva,
standards internazzjonali applikabbli inkluż il-kooperazzjoni fil-ġlieda
kontra r-razziżmu u l-ksenofobija; issaħħaħ il-kapaċità u
l-indipendenza tal-awtoritajiet/korpi regolatorji għall-midja u b’mod
partikolari ssir ħidma lejn l-indipendenza sħiħa tal-Kunsill
tal-Koordinazzjoni Awdjoviżiva; temenda l-leġislazzjoni sabiex
jiżguraw li l-għajnuna finanzjarja pubblika għall-midja
tiġi allokata skont kriterji oġġettivi u stretti, applikabbli
bl-istess mod għall-midja kollha. Parteċipazzjoni fi programmi u
aġenziji tal-UE Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, tesplora
l-possibbiltajiet li tipparteċipa fi programmi u attivitajiet
magħżula tal-aġenziji tal-UE li jiffukaw fuq pajjiżi
tal-ENP. 2.5 Kummerċ
u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ (DCFTA) Kummerċ ta' prodotti Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju l-implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet dwar
l-aċċess għas-suq għal prodotti, inkluża
l-enerġija, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur, b’mod partikolari
permezz ta’ konsultazzjonijiet konġunti, biex: tiżdied il-kapaċità
tal-esportazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova; isir aktar titjib fil-qasam tal-istatistika
dwar il-kummerċ sabiex il-partijiet japplikaw b’mod korrett
il-mekkaniżmu kontra ċ-ċirkomvenzjoni; jiżguraw li ma jkunx hemm żieda
fid-dazji applikabbli attwalment fuq l-importazzjonijiet fiż-żmien
ta' qabel jidħol fis-seħħ il-ftehim (waqfien); jiżguraw il-kwalità
tal-leġiżlazzjoni li r-Repubblika tal-Moldova tista’ tħejji fuq
l-aċċess għas-suq jew kwistjonijiet oħra relatati; jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-pjan
direzzjonali għat-titjib tal-kompetittività tar-Repubblika tal-Moldova; jiskambjaw informazzjoni dwar żviluppi
marbuta mal-aċċess għas-suq fir-Repubblika tal-Moldova u
l-politika tagħha dwar l-aċċess għas-suq. Regolamenti tekniċi,
l-istandardizzazzjoni u l-infrastruttura relatata Il-partijiet se jaħdmu flimkien fuq
it-tħejjijiet sabiex tinkiseb konformità mar-regolamenti tekniċi
tal-UE, l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni,
il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità u s-sistema tas-sorveljanza
tas-suq kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur. Din it-tħejjija se tinkludi ħidma
biex: isir skambju tal-informazzjoni dwar
l-iżvilupp u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni, li r-Repubblika
tal-Moldova ntrabtet li timplimenta qabel ma jidħol fis-seħħ
il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur, kif speċifikat f’anness
tal-Ftehim, u f’konformità mal-liġi tal-UE; tiġi żviluppata infrastruttura
relatata mal-amministrazzjoni tar-regolamenti tekniċi,
l-istandardizzazzjoni, il-metroloġija, l-akkreditazzjoni,
il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità u s-sistema tas-sorveljanza
tas-suq, inkluż il-ħolqien ta’ sistema ta’ informazzjoni nazzjonali; jiġi pprovdut aktar taħriġ
lill-persunal fuq l-amministrazzjoni fil-korpi u aġenziji governattivi
responsabbli; tiġi skambjata informazzjoni dwar aspetti
rilevanti oħra tal-pjanijiet tar-Repubblika tal-Moldova fil-qasam
tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ, u dwar il-perjodi ta’
żmien applikabbli; issir kooperazzjoni fil-proċess ta’
tħejjija għall-Ftehim dwar il-Valutazzjoni tal-Konformità u
l-Aċċettazzjoni tal-Prodotti Industrijali (ACAA). Kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji
(SPS) Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju lir-Repubblika tal-Moldova biex iġib l-istandards sanitarji u
fitosanitarji tal-ikel u tal-għalf, il-leġiżlazzjoni u l-prassi
fis-saħħa tal-pjanti u s-saħħa u l-benessri tal-annimali,
f’konformità eqreb ma’ dawk tal-UE, kif stipulati fl-annessi tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni futur. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: titlesta l-implimentazzjoni
tal-Istrateġija dwar is-Sikurezza tal-Ikel attwali tar-Repubblika
tal-Moldova, b’enfasi partikolari fuq il-kwalità tal-leġiżlazzjoni u
l-kapaċità tal-infurzar, u l-indirizzar ta' kwalunkwe nuqqas identifikat; jiġu stabbiliti prijoritajiet settorjali
għar-Repubblika tal-Moldova, sabiex l-istandards jinġiebu iktar
konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE f’setturi ekonomikament rilevanti
tal-agrikoltura tagħha, u biex ikopru l-oqsma kollha speċifikati
fl-annessi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur; tissaħħaħ il-kapaċità
amministrattiva permezz ta' taħriġ tal-persunal fil-korpi u
l-aġenziji governattivi u eżekuttivi responsabbli biex iħejju u
jimplimentaw leġiżlazzjoni konformi mal-liġi tal-UE; tkompli titjieb l-infrastruttura u
l-kapaċità relatati meħtieġa għall-implimentazzjoni
tal-leġiżlazzjoni, b’mod partikolari s-saħħa tal-annimali,
is-saħħa tal-pjanti, il-laboratorji tas-sikurezza tal-ikel u
l-Postijiet ta’ Spezzjoni fuq il-Fruntiera, f'konformità mar-rekwiżiti
tal-UE; issir ħidma biex titwaqqaf sistema ta’
twissija bikrija għas-sikurezza tal-ikel u l-għalf,
is-saħħa tal-annimali u s-saħħa tal-pjanti; jiġu organizzati kampanji ta’
informazzjoni, ma’ aġenziji, negozji u l-NGOs relatati, dwar
ir-rekwiżiti għall-aċċess tas-suq tal-UE, u
mas-soċjetà ċivili dwar l-aspetti tal-konsumatur fis-sikurezza
tal-ikel u l-għalf. Faċilitazzjoni doganali u
kummerċjali Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju lir-Repubblika tal-Moldova ġġib
il-leġiżlazzjoni tagħha aktar konformi mal-liġi tal-UE u
l-istandards internazzjonali elenkati fl-anness tal-abbozz tal-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni futur. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: tkompli l-implimentazzjoni tal-qafas
strateġiku għall-kooperazzjoni doganali; tallinja s-sistema tal-Operatur Ekonomiku
Awtorizzat tar-Repubblika tal-Moldova ma' dik tal-UE, bil-prospett ta’
rikonoxximent reċiproku; tkompli timmodernizza s-servizz doganali
tar-Repubblika tal-Moldova, u l-infrastruttura tiegħu, u tkompli
torganizza taħriġ għall-persunal; tkompli tissimplifika u timmodernizza
l-proċeduri doganali amministrattivi; tfassal pjan direzzjonali
għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Moldova fil-Konvenzjoni dwar
il-Proċedura Komuni tat-Tranżitu; issir kooperazzjoni fuq il-kontroll doganali
bbażat fuq ir-riskju u l-qsim ta’ informazzjoni rilevanti li
tikkontribwixxi għal ġestjoni aħjar tar-riskji u s-sigurtà
tal-katini tal-provvista, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ
leġittimu u s-sikurezza u s-sigurtà tal-prodotti importati, esportati jew
fi tranżitu. jiżdied id-djalogu dwar il-ġlieda
kontra l-frodi għall-prevenzjoni tal-kummerċ illegali, inkluż
ta' prodotti soġġetti għas-sisa, b’mod partikolari permezz ta’
kooperazzjoni msaħħa skont il-Protokoll dwar l-Assistenza
Amministrattiva Reċiproka fi Kwistjonijiet Doganali; il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika
tal-Moldova dwar l-infurzar doganali tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali
(IPR) tiġi allinjata mal-liġi tal-UE. Regoli ta' oriġini Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex
iħejju għall-implimentazzjoni tar-regoli tal-oriġini li
għandhom ikunu applikabbli skont il-protokoll rilevanti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
futur. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: tgħin lir-Repubblika tal-Moldova
fl-adeżjoni tagħha fil-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji; tipprovdi taħriġ dwar
iċ-ċertifikazzjoni u l-verifika tal-oriġini preferenzjali
lis-servizzi doganali tar-Repubblika tal-Moldova; jiġu diskussi u, jekk meħtieġ,
jiġu analizzati l-proċeduri attwali applikati mis-servizz doganali
tar-Repubblika tal-Moldova biex jiċċertifikaw u jivverifikaw
l-oriġini tal-prodotti. Stabbiliment, kummerċ fis-servizzi u
kummerċ elettroniku Il-partijiet se jkomplu d-djalogu tagħhom
dwar l-istabbiliment, il-kummerċ fis-servizzi u l-kummerċ elettroniku
skont id-dispożizzjonijiet speċifikati fil-Ftehim ta’
Assoċjazzjoni futur. huma se jippreparaw għall-implimentazzjoni
tal-impenji li saru fl-oqsma tas-servizzi, kif previst fl-annessi tal-Ftehim
ta’ Assoċjazzjoni futur. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: jingħata taħriġ u kapaċità
amministrattiva suffiċjenti biex jitrattaw mal-approssimazzjoni ppjanata
tal-leġiżlazzjoni; jiġu diskussi l-oqsma fejn għandhom
jingħataw taħriġ, bini tal-kapaċità u għarfien espert; jiġi żgurat skambju regolari ta’
informazzjoni dwar il-ħidma leġiżlattiva prevista jew
fis-seħħ f’oqsma magħżula għall-approssimazzjoni u
jidħlu fi djalogu għal dan l-għan. Pagamenti kurrenti u moviment tal-kapital Il-partijiet se jkomplu d-djalogu tagħhom
dwar il-movimenti tal-kapital u l-pagamenti, b’mod partikolari, bil-għan
li jimmonitorjaw il-konformità mal-impenji eżistenti kollha u
għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni
futur. Akkwist pubbliku Il-partijiet se jaħdmu flimkien fuq
il-preparazzjonijiet tar-Repubblika tal-Moldova għall-implimentazzjoni
tal-Kapitolu dwar l-Akkwist tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur u r-riformi
relatati. Din il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: jiġu żviluppati l-kompetenzi
meħtieġa u l-kapaċità amministrattiva fil-korpi responsabbli
biex jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-politika tal-akkwist biex iġibu
l-leġiżlazzjoni aktar konformi mal-liġi tal-UE; tibda titħejja l-istrateġija
tal-akkwist pubbliku tar-Repubblika tal-Moldova; jiġi żgurat li l-korp indipendenti
ta' rieżami jkollu kapaċità amministrattiva suffiċjenti biex
jipprovdi rimedji effettivi skont id-Direttivi 89/665 u 92/13, kif
emendati bid-Direttiva 2007/66; tiġi pprovduta informazzjoni
preċiża u f’waqtha dwar l-iżviluppi fil-leġiżlazzjoni
tar-Repubblika tal-Moldova, b’mod partikolari l-ħidma
leġiżlattiva ppjanata li taffettwa l-politika tal-akkwist u l-infurzar. Drittijiet tal-proprjetà intellettwali
(DPI) Il-partijiet se jaħdmu flimkien sabiex
iħejju biex il-leġiżlazzjoni fir-Repubblika tal-Moldova
tinġieb aktar konformi mal-liġi tal-UE u l-istandards internazzjonali
dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, kif
speċifikat fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur. Din il-kooperazzjoni
se tinkludi ħidma biex: jiġi żgurat li d-detenturi tad-dritt
miż-żewġ partijiet ikollhom livell adegwat u effettiv ta’
protezzjoni tad-DPI tagħhom u li jkunu fis-seħħ miżuri
adegwati sabiex jinfurzaw dawn id-drittijiet; tissaħħaħ il-kapaċità ta’
infurzar tal-korpi governattivi u tal-aġenziji eżekuttivi
responsabbli, inkluż is-servizz doganali tar-Repubblika tal-Moldova, u
rapportar regolari dwar is-sitwazzjoni tal-kapaċità amministrattiva; jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb
tas-sistema ġudizzjarja biex jiggarantixxi l-aċċess
għall-ġustizzja tad-detenturi tad-drittijiet u d-disponibbiltà u
l-implimentazzjoni effettivi ta’ sanzjonijiet; jiġu kkonsolidati l-istrutturi
istituzzjonali rilevanti, kif ukoll l-uffiċċji tad-drittijiet
tal-proprjetà industrijali, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u
s-soċjetajiet kolletturi; tissaħħaħ il-kooperazzjoni
mal-awtoritajiet u l-assoċjazzjonijiet tal-industrija ta’ pajjiżi
terzi; jittieħdu miżuri biex tiżdied
is-sensibilizzazzjoni pubblika fil-qasam tal-protezzjoni tal-proprjetà
intellettwali u jiġi żgurat djalogu effikaċi mad-detenturi
tad-drittijiet; jitħejja pjan ta’ azzjoni
għall-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-istandards rilevanti f’dan
il-qasam, u jiġu żviluppati għodod ta’ monitoraġġ
għall-implimentazzjoni u l-infurzar tad-DPI biex jiġu applikati skont
l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur; jiġu implimentati l-istandards
inkorporati fid-Direttiva tal-Infurzar 2004/48/KE, u fir-Regolament (UE)
Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-infurzar doganali
tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; jittieħdu miżuri effettivi kontra
l-falsifikazzjoni u l-piraterija u tiġi żgurata implimentazzjoni
effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-infurzar u tas-sanzjonijiet
għall-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali fuq il-bażi ta’
Strateġija Nazzjonali għad-DPI sal-2020, u jiġu prodotti
rapporti regolari bbażati fuq miri u dejta tanġibbli u li jistgħu
jitkejlu. Kompetizzjoni Il-partijiet se jaħdmu flimkien biex
iħejju għall-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kompetizzjoni
tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur u r-riformi relatati. Din
il-kooperazzjoni se tinkludi ħidma biex: jiġi żgurat li l-qafas
istituzzjonali tar-Repubblika tal-Moldova u l-kapaċità amministrattiva
tagħha jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva
tal-leġiżlazzjoni dwar il-kompetizzjoni; jissaħħaħ id-djalogu fuq
l-esperjenza tal-infurzar tal-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam, kif ukoll
fuq żviluppi leġiżlattivi oħra relatati mal-kompetizzjoni,
inkluż billi jingħata taħriġ lill-awtoritajiet u pariri
esperti ad hoc dwar l-infurzar ġenerali tar-regoli
tal-għajnuna mill-Istat. Transparenza Il-partijiet se jagħtu attenzjoni
speċjali lil ħidma li għandha l-għan li: tħejji għall-implimentazzjoni
tal-impenji dwar it-trasparenza fit-tfassil tal-politika b'rabta
mal-kummerċ u jitqiesu l-mekkaniżmi neċessarji li jistgħu
jkollhom bżonn jiġu stabbiliti biex isir dan; jiġu diskussi l-aħjar prassi u esperjenzi
fit-tfassil tal-politika trasparenti; tiġi skambjata informazzjoni u
jingħata taħriġ rilevanti, inkluż dwar il-mekkaniżmi
ta’ komunikazzjoni u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati; isiru seminars u avvenimenti oħra
għall-pubbliku inġenerali, bil-għan li tiġi spjegata
l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur u l-proċess
tal-approssimazzjoni. Kummerċ u żvilupp sostenibbli Il-partijiet se jidħlu fi djalogu dwar
il-kwistjonijiet koperti mill-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp
sostenibbli tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni futur. Dan se jinkludi ħidma
biex: tiġi skambjata informazzjoni dwar
l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika domestika rilevanti jew tal-impenji
internazzjonali relatati mal-iżvilupp sostenibbli; tiġi diskussa l-implimentazzjoni futura
tal-impenji skont dan il-kapitolu fir-rigward tal-involviment tal-partijiet
interessati u d-djalogu mas-soċjetà ċivili; jiġu skambjati l-aħjar prassi u
l-esperjenza rilevanti. Il-partijiet se jżommu
f’moħħhom li l-prijoritajiet dwar id-drittijiet tal-unjins u
l-istandards tax-xogħol ewlenin fit-taqsima 2.1 u l-ewwel prijorità
identifikata fit-taqsima 2.6 huma rilevanti ħafna
għall-implimentazzjoni tal-kapitolu “Kummerċ u Żvilupp
Sostenibbli”, u għalhekk għandhom jiġu indirizzati b’rabta ma’
din il-parti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. [1] Pjan ta’ Azzjoni għas-sostenn tar-riformi
demokratiċi fir-Repubblika tal-Moldova 2013-16,
20 ta’ Novembru 2013.