52014PC0358

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 966/2012 rigward ir-regoli finanazjarji applikabbli ghall-bagit generali tal-Unjoni /* COM/2014/0358 final - 2014/0180 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE[1] (“id-Direttiva”) u tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni[2], għandha ssir dispożizzjoni għar-regoli li jinsabu f’dawn id-Direttivi li japplikaw għall-kuntratti mogħtija mill-istituzzjonijiet Ewropej fuq il-kont tagħhom stess.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Kif din il-proposta sempliċiment timplimenta direttivi ġodda dwar l-akkwist pubbliku u dwar l-għoti ta’ kuntratti ta' konċessjoni , ma saret l-ebda konsultazzjoni pubblika.

3.           ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Il-modifiki li saru fit-test tar-Regolament Finanzjarju (FR) jistgħu jiġu kklassifikati fi tliet gruppi ewlenin.

L-ewwel serje ta’ bidliet hija marbuta mal-allineament mad-Direttiva. Qed jiġu introdotti dispożizzjonijiet ġodda, bħal konsultazzjoni tas-suq, sħubija ġdida għall-innovazzjoni bħala proċedura, l-introduzzjoni ta’ konformità ma’ obbligi ambjentali, soċjali u l-liġi tax-xogħol bħala rekwiżit ewlieni, l-evalwazzjoni tal-kriterji fl-ebda ordni partikolari, metodoloġija tal-għoti bbażata fuq l-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża. Barra minn hekk, konċessjonijiet għal xogħlijiet u servizzi huma introdotti għall-ewwel darba fir-RF u li huma suġġetti għall-istess tipi ta’ proċeduri bħala kuntratti pubbliċi.

It-tieni grupp ta’ tibdiliet jikkonċernaw l-artikoli dwar l-esklużjoni. Ir-raġunijiet għall-esklużjoni huma ċċarati u allinjati mad-Direttiva kif ukoll il-possibbiltà għall-operatur ekonomiku kkonċernat sabiex jieħu miżuri ta’ rimedju. L-esklużjoni hija separata b’mod ċar mir-rifjut minn proċedura partikolari biex tiġi evitata l-konfużjoni. Hija stabbilita sistema unika għal żieda tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tqis Il-Bażi tad-Dejta Ċentrali eżistenti tal-Esklużjoni. L-għan tas-sistema huwa li tiżgura l-individwazzjoni bikrija u l-prevenzjoni tar-riskju kif ukoll il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni relatata ma’ operaturi ekonomiċi esklużi. Jitwaqqaf bord tal-esklużjoni biex jieħu deċiżjonijiet tal-esklużjoni wara li janalizza l-każ u jiggarantixxi d-dritt ta’ difiża ta’ operaturi ekonomiċi.

It-tielet grupp ta’ bidliet huwa marbut ma' kjarifiki fit-test u simplifikazzjonijiet. Fil-limiti tad-Direttiva u taħt il-limiti fejn tapplika din id-Direttiva, id-dispożizzjonijiet dwar l-akkwisti huma reveduti sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-vokabbolarju użati f’dan it-Titolu u biex jiġu ċċarati ċerti regoli. Dawn il-kjarifiki u simplifikazzjonijiet jikkonċernaw miżuri ta’ pubbliċità fuq u taħt il-limiti, rekwiżiti għal ftuħ u ta’ evalwazzjoni, rifjut ta’ offerti mhux konformi, garanziji bankarji għal xogħlijiet u kuntratti ta’ servizzi kumplessi, il-fatt li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma kkunsidrati bħala awtoritajiet kontraenti ċentrali skont id-Direttiva, ir-referenza għal limiti applikabbli tad-Direttiva, proċeduri elettroniċi u li jinfetaħ l-akkwist pubbliku mill-istituzzjonijiet għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

2014/0180 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 966/2012 rigward ir-regoli finanazjarji applikabbli ghall-bagit generali tal-Unjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 322 tieghu, flimkien mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri[3],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4] jistabbilixxi r-regoli għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, jinkludi wkoll ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Fis-26 ta’ Frar 2014, id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5] dwar l-akkwist pubbliku u d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[6] dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ġew adottati. Għalhekk hu neċesssarju li jiġi adattat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 sabiex jiġu kkunsidrati dawk id-Direttivi għall-kuntratti mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’isimhom stess.

(2)       Xi definizzjonijiet għandhom jiżdiedu u għandhom isiru ċerti kjarifikazzjonijiet tekniċi sabiex jiġi żgurat li t-terminoloġija tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 huwa konformi ma’ dak tad-Direttivi 2014/24/UE u 2014/23/UE.

(3)       Il-miżuri ta' pubbliċità ex-ante u ex-post meħtieġa biex titnieda l-proċedura tal-akkwisti għandhom ikunu ċċarati f’każijiet ta’ kuntratti 'l fuq u 'l isfel mil-limiti stabbiliti fid-Direttiva 2014/24/UE.

(4)       Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jinkludi lista eżawrjenti tal-proċeduri kollha tal-akkwisti disponibbli lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni irrispettivament mil-limitu.

(5)       Skont id-Direttiva 2014/24/UE, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tippermetti l-konsultazzjoni tas-suq qabel it-tnedija ta’ proċedura tal-akkwisti.

(6)       Għandha tiġi stabbilita sistema unika għal żieda tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni li tikkunsidra l-Bażi tad-Dejta Ċentrali eżistenti tal-Esklużjoni. L-għan tas-sistema għandu jkun li tiżgura l-individwazzjoni bikrija tar-riskju kif ukoll iċ-ċentralizzazzjoni tal-operaturi ekonomiċi esklużi.

(7)       Filwaqt li l-operazzjoni tal-individwazzjoni bikrija u s-sistema tal-esklużjoni hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra għandhom jipparteċipaw direttament fl-individwazzjoni bikrija tar-riskji.

(8)       Ir-regoli tal-esklużjoni mill-pareteċipazzjoni fi proċeduri tal-akkwisti għandhom ukoll jittejbu sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(9)       Id-deċiżjoni ta’ esklużjoni ta’ operatur ekonomiku, b’mod partikolari, mill-pareteċipazzjoni fi proċeduri tal-akkwisti, u l-impożizzjoni ta’ penalitajiet finanzjarji għandhom ikunu meħuda mil-bord ċentralizzat ġdid imwaqqaf mill-Kummissjoni. Dan għandu jkun magħmul mill-atturi kkonċernati ewlenin tal-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet, korpi jew uffiċċji tal-Unjoni involuti.

(10)     Skont id-Direttiva 2014/24/UE, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandha tispeċifika lista ta’ attivitajiet illegali li tikkostitwixxi bażi għall-esklużjoni li tikkonċerna b’mod partikolari xogħol tat-tfal jew forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin. Għandu jiġi ċċarat li ksur serju ta’ kuntratt huwa raġuni għall-esklużjoni.

(11)     L-operatur ekonomiku ma għandux ikun soġġett għal deċiżjoni ta’ esklużjoni meta jkun jista’ juri l-affidabilità tiegħu billi jieħu miżuri ta’ rimedju. Din il-possibbiltà m’għandhiex tapplika fil-każ tal-biċċa l-kbira tal-attivitajiet kriminali serji.

(12)     Il-bord ġdid li għadu kif inħoloq għandu jeskludi l-operatur ekonomiku f’każ ta’ kondotta professjonali ħażina, frodi, korruzzjoni, parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ħasil tal-flus, iffinanzjar tat-terroriżmu, reati terroristiċi, tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin, u ksur serju ta’ kuntratt fuq il-bażi ta’ evidenza.

(13)     Il-bord għandu jiggarantixxi d-dritt ta’ difiża ta’ operaturi ekonomiċi. Fil-każijiet ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li mhumiex suġġett għal sentenza finali, il-Bord għandu jingħata l-possibbiltà li jipposponi l-opportunità mogħtija lill-operatur ekonomiku li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Dan id-differiment għandu jkun ġustifikat biss fejn ikun hemm raġunijiet leġittimi serji li tkun ippreservata l-konfidenzjalità tal-investigazzjoni.

(14)     L-operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż ukoll mill-awtorità kontraenti meta tittieħed deċiżjoni amministrattiva finali jew ġudizzju finali f’każ ta’ kondotta professjonali ħażina, nuqqas ta’ konformità mal-obbligi marbuta mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jew il-ħlas tat-taxxi, frodi, korruzzjoni, parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, ħasil tal-flus, iffinanzjar tat-terroriżmu, reati terroristiċi, tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin.

(15)     Il-kriterji għall-esklużjoni għandhom jkun separat b’mod ċar mill-kriterji li jwasslu għal rifjut possibbli ta' proċedura partikolari.

(16)     Kwalunkwe entità involuta fl-implimentazzjoni tal-baġit għandha taqsam l-informazzjoni dwar operatur ekonomiku meta tieħu deċiżjoni ta’ esklużjoni taħt ir-responsabbiltà tagħha stess sabiex tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

(17)     It-tul tal-esklużjoni għandu jkun limitat fiż-żmien, f’konformità mad-Direttiva 2014/24/UE.

(18)     Sabiex ittejjeb id-deterrenza ta’ esklużjoni u regoli ta' penali finanzjarji, informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi f’esklużjoni għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit tal-Internet tal-Kummissjoni f’konformità mal-obbligi tal-protezzjoni tad-dejta stabbiliti fir-Regolament Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7] u fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[8].

(19)     Skont id-Direttiva 2014/24/UE, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jippermetti li ssir verifika tal-esklużjoni, jiġu applikati l-kriterji tal-għażla u tal-għoti, kif ukoll biex tiġi vverifikata l-konformità mad-dokumenti tal-akkwisti fi kwalunkwe ordni. Bħala riżultat, għandu jkun possibbli li offerti jiġu rrifjutati fuq il-bażi tal-kriterji tal-għoti mingħajr kontroll minn qabel dwar il-kriterji tal-esklużjoni jew l-għażla ta’ offerent korrispondenti.

(20)     L-għoti ta’ kuntratti għandu jkunu imwettaq fuq il-bażi tal-offerta l-aktar vantaġġuża ekonomikament, f’konformità mad-Direttiva 2014/24/UE.

(21)     Għandu jiġi ċċarat li l-offerti kollha għandhom jinfetħu u jiġu evalwati għal kwalunkwe proċedura u irrispettivament minn jekk il-kumitat tal-ftuħ speċifiku jew kumitat ta’ evalwazzjoni jkunx ġie maħtur. Deċiżjoni tal-għotja għandha dejjem ikun ir-riżultat ta’ evalwazzjoni.

(22)     Minħabba li l-kriterji jiġu applikati mingħajr ebda ordni partikolari, huwa meħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà li l-offerenti miċħuda li ppreżentaw offerti ta' lment biex jirċievu l-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta li ntagħżlet jekk huma jitolbu dan.

(23)     Għandha tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu rikjesti garanziji kuntrattwali fil-każ ta’ xogħlijiet, provvisti u servizzi kumplessi sabiex tiġi garantita l-konformità ma’ obbligi kuntrattwali sostanzjali skont il-prattika tas-soltu f’dawn is-setturi biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-kuntratti tul id-dewmien kollu tagħha.

(24)     Huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt sabiex wieħed jaċċerta jekk l-iżbalji, l-irregolaritajiet jew il-frodi jkunux seħħew.

(25)     Sabiex wieħed jiddetermina liema limiti u proċeduri huma applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġi ċċarat li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet ċentrali kontraenti kif definit fid-Direttiva 2014/24/UE.

(26)     Huwa xieraq li tiġi inkluża referenza għaż-żewġ limiti previsti fid-Direttiva 2014/24/UE applikabbli għal xogħlijiet, provvisti u servizzi. Dawn il-limiti għandhom ikunu applikabbli wkoll għal kuntratti ta’ konċessjoni għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, kif ukoll ġestjoni finanzjarja soda, meta jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-ħtiġijiet kontraenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-aġġornament ta’ dawn il-limiti kif previst fid-Direttiva 2014/24/UE għandu għalhekk jiġi direttament applikabbli għall-akkwist mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(27)     Huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-perijodu sospensiv.

(28)     Huwa meħtieġ li jiġi ċċarat liema operaturi ekonomiċi għandhom aċċess għall-akkwisti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni skont il-post ta’ stabbiliment tagħhom u jipprovdu espliċitament għall-possibbiltà ta’ tali aċċess ukoll għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

(29)     L-applikazzjoni tar-raġunijiet ta’ esklużjoni għandhom jiġu estiżi għal strumenti oħra ta’ eżekuzzjoni tal-baġit bħal għotjiet, premjijiet, strumenti finanzjarji u esperti remunerati kif ukoll fil-każ ta’ ġestjoni indiretta.

(30)     Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012 hu emendat kif ġej:

(1) Fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 60(2), il-punt (d) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(d) japplikaw regoli u proċeduri xierqa sabiex jipprovdu finanzjament mill-fondi tal-Unjoni permezz ta’ għotjiet, premji, akkwist u strumenti finanzjarji inklużi l-obbligi stipulati fl-Artikolu 108(5);";

(2) L-intestatura ta' titolu V Parti Wieħed hi sostitwita b’dan li ġej:

"TITOLU V

L-AKKWISTI PUBBLIĊI U L-KONĊESSJONIJIET”;

(3) Fil-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Parti Wieħed, taqsimiet 1, 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Ambitu u prinċipji tal-aġġudikazzjoni

Artikolu 101

Definizzjonijiet għall-iskop ta' dan it-Titolu

1. 'Akkwist' tfisser l-akkwist permezz ta’ kuntratt ta' bini, xogħlijiet, provvisti jew servizzi minn awtorità kontraenti waħda jew aktar mingħand atturi ekonomiċi magħżula minn dawk l-awtoritajiet kontraenti.

2. 'Kuntratt pubbliku' tfisser kuntratt għal interess tal-flus konkluż bil-kitba bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar skont it-tifsira ta’ l-Artikoli 117 u 190, sabiex tinkiseb, bi ħlas ta’ prezz imħallas totalment jew parzjalment mill-baġit, il-provvista ta’ assi mobbli jew immobbli, l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi.

Kuntratti pubbliċi jinkludu:

(a) kuntratti ta’ bini;

(b) kuntratti ta’ forniment;

(ċ) kuntratti ta’ xogħlijiet;

(d) kuntratti ta’ servizz.

3. 'Kuntratt ta’ konċessjoni' tfisser kuntratt għal interess pekunjarju konkluż bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar skont it-tifsira tal-Artikoli 117 u 190, sabiex l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew il-ġestjoni ta’ servizzi tiġi fdata lil operatur ekonomiku. Ir-rimunerazzjoni għandha tikkonsisti jew biss fid-dritt li jiġu sfruttati xogħlijiet jew servizzi jew f’dak id-dritt flimkien ma’ pagament. L-għoti ta’ konċessjoni ta’ xogħlijiet jew servizzi għandu jinvolvi t-trasferiment lill-konċessjonarju ta’ riskju operattiv fl-isfruttament ta’ dawk ix-xogħlijiet jew servizzi, li jinkludi riskju ta’ domanda jew ta’ disponibbiltà jew tat-tnejn. Il-konċessjonarju għandu jitqies li jassumi r-riskju operattiv, f’kondizzjonijiet ta’ operazzjoni normali, meta ma jkunx garantit li jirkupra l-investimenti magħmula jew l-ispejjeż imġarrba fl-operat tax-xogħlijiet jew is-servizzi in kwistjoni.

4. 'Kuntratt' tfisser kuntratt pubbliku jew kuntratt ta’ konċessjoni.

5. 'Kuntratt qafas' tfisser kuntratt pubbliku konkluż bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar, li l-iskop tagħhom huwa li jiġu stabbiliti t-termini li jirregolaw il-kuntratti li għandhom jiġu aġġudikati matul perjodu speċifiku, b'mod partikolari fir-rigward tal-prezz u, fejn xieraq, il-kwantità prevista.

6. 'Operatur ekonomiku' tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika li toffri li tforni prodotti, twettaq xogħlijiet jew tipprovdi.

7. 'Dokument ta' akkwist' tfisser kull dokument prodott jew imsemmi mill-awtorità kontraenti biex jiddeskrivi jew jiddetermina l-elementi tal-proċedura inklużi miżuri ta’ pubbliċità stipulati fl-Artikolu 103, l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti jew dokument deskrittiv, l-abbozz tal-kuntratt u stedina għal offerti.

8. Bla ħsara għall-Artikoli 106 sa 108, dan it-Titolu ma għandux japplika għall-għotjiet, jew għal kuntratti għall-assistenza teknika kif definit skont l-Artikolu 125(8) konklużi bejn mal-BEI jew mal-Fond Ewropew tal-Investiment.

9. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar id-definizzjoni u l-ambitu tal-kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, kif ukoll kuntratti qafas u l-kuntratti speċifiċi.

Artikolu 102

Il-prinċipji applikabbli għal proċeduri tal-akkwisti pubbliku u kuntratti

1. Il-proċeduri kollha tal-akkwisti u l-kuntratti għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza, il-proporzjonalità, it-trattament ugwali u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni.

2. Il-kuntratti kollha għandhom ikunu ppreżentati għal kompetizzjoni fuq il-bażi l-aktar wiesgħa, apparti milli meta jsir użu mill-proċedura nnegozjata msemmija f'punt (d) tal-Artikolu 104(1).

L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jużaw kuntratti qafas b'mod mhux xieraq jew b'mod li l-għan jew l-effett ikun il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew it-tfixkil tal-kompetizzjoni.

Taqsima 2

Pubbliċità

Artikolu 103

Il-miżuri ta’ pubbliċità

1. Għal proċeduri daqs jew akbar mil-limiti skont l-Artikolu 118(1) jew l-Artikolu 190, l-awtorità kontraenti għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a) avviż ta’ kuntratt biex tniedi l-proċedura, ħlief fil-każ tal-proċedura skont l-Artikolu 104(1)(d).

(b) avviż ta' għoti ta' kuntratt fuq ir-riżultati tal-proċedura.

2. Proċeduri b’valur taħt il-limiti massimi stipulati fl-Artikolu 118 jew l-Artikolu 190 għandhom ikunu rreklamati b’mezzi xierqa.

3. Il-pubblikazzjoni ta' ċerta informazzjoni fuq l-għoti ta' kuntratt tista' titwaqqaf meta r-rilaxx tagħha jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew inkella tmur kontra l-interess pubbliku, tkun ta’ ħsara għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ atturi ekonomiċi, jew tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejniethom.

4. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar ir-rekwiżiti għar-reklamar ta’ proċeduri u l-pubblikazzjoni tal-avviżi.

Taqsima 3

Proceduri tal-akkwisti

Artikolu 104

Proceduri tal-akkwisti

1. Il-proċeduri tal-akkwisti għall-għoti ta’ konċessjoni jew kuntratti pubbliċi inklużi kuntratti qafas għandhom jieħdu waħda mill-forom li ġejjin:

(a) proċedura miftuħa;

(b) proċedura ristretta anki permezz ta’ sistema ta’ xiri dinamiku;

(c) kompetizzjonijiet ta’ disinn;

(d) proċedura nnegozjata;

(e) djalogu kompetittiv;

(f) proċedura kompetittiva permezz ta' negozjar;

(g) sħubija għall-innovazzjoni;

(h) proċeduri li jinvolvu sejħa għall-espressjonijiet ta’ interess.

2. Meta kuntratt jew kuntratt ta’ qafas huwa ta’ interess għal żewġ istituzzjonijiet jew aktar, l-aġenziji eżekuttivi jew il-korpi msemmija fl-Artikolu 208 u 209, u fejn hemm possibilità li jkun realizzat gwadann ta’ effiċjenza, l-awtoritajiet kontraenti kkonċernati jistgħu jwettqu l-proċedura u l-ġestjoni tal-kuntratt qafas dirett sussegwenti fuq bażi interistituzzjonali taħt it-tmexxija ta' waħda mill-awtoritajiet kontraenti.

Il-korpi stabbiliti mill-Kunsill taħt il-PESK skont it-Titolu V tat-TUE jistgħu jipparteċipawe ukoll fi proċeduri interistituzzjonali.

It-termini ta’ kuntratt qafas jistgħu japplikaw biss bejn dawk l-awtoritajiet kontraenti li huma identifikati għal dan l-għan mit-tnedija tal-proċedura tal-akkwist u dawk l-operaturi ekonomiċi parti għall-kuntratt qafas.

3. Meta kuntratt jew kuntratt qafas huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ azzjoni konġunta bejn istituzzjoni u awtorità kontraenti waħda jew aktar minn Stat Membru, il-proċedura tal-akkwisti tista' titwettaq konġuntament mill-istituzzjoni u mill-awtoritajiet kontraenti, f'ċerti sitwazzjonijiet, li għandhom ikunu speċifikati fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament.

Jista' jsir akkwist konġunt mal-istati tal-EFTA, u mal-pajjiżi kandidati tal-Unjoni, jekk din il-possibbiltà kienet espressament prevista fi Trattat bilaterali jew multilaterali.

4. L-awtorità kontraenti tista’ tuża l-proċedura nnegozjata biss fil-każi stipulati fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament.

5. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar it-tipi ta’ proċeduri tal-akkwisti, sistema dinamika tal-akkwistii, akkwist konġunt, kuntratti ta’ valur baxx u l-ħlas fuq preżentazzjoni ta’ fatturi.

Artikolu 105

Preparazzjoni ta’ Proċedura

1. Qabel it-tnedija ta’ proċedura, l-awtorità kontraenti tista’ twettaq konsultazzjoni preliminari tas-suq bil-ħsieb li tħejji l-akkwist.

2. Fid-dokumenti tal-akkwisti, l-awtorità kontraenti għandha tidentifika s-suġġett tal-akkwist billi tipprovdi deskrizzjoni tal-ħtiġijiet tagħha u l-karatteristiċi mitluba mix-xogħlijiet, il-provvisti, jew is-servizzi li għandhom jinxtaw u tispeċifika l-kriterji applikabbli. Hija għandha tindika wkoll liema elementi tad-deskrizzjoni jiddefinixxu r-rekwiżiti minimimi li għandhom jintlaħqu mill-offerenti kollha.

3. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-kontenut tad-dokumenti tal-akkwist u fuq il-konsultazzjoni preliminari tas-suq.

Artikolu 106

Kriterji ta’ esklużjoni

1. Operatur ekonomiku għandu jkun eskluż milli jipparteċipa fil-proċeduri tal-akkwisti f’każijiet ta’:

(a) falliment, insolvenza jew proċeduri ta’ stralċ, l-assi jkunu amministrati mill-qrati jew likwidatur, arranġament mal-kredituri, sospensjoni tal-attivitajiet kummerċjali, jew kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili prevista fil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali;

(b) kondotta professjonali ħażina gravi fuq il-bażi ta’ evidenza kif stabbilit b’deċiżjoni tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 108 jew minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva finali;

(c) nonkonformità mal-obbligi relatati mal-pagament tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali jew mal-ħlas tat-taxxi skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih huwa stabbilit jew ma’ dawk tal-pajjiż tal-awtorità kontraenti jew ma’ dawk tal-pajjiż ta’ fejn il-kuntratt ikun sejjer jiġi eżegwit kif stabbilit permezz ta' sentenza finali jew deċiżjoni amministrattiva;

(d) frodi, korruzzjoni, parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, il-ħasil tal-flus, l-iffinanzjar tat-terroriżmu, reati terrorist-related, it-tħaddim tat-tfal jew forom oħra ta’ traffikar tal-bnedmin fuq il-bażi ta’ evidenza stabbilita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 108 jew kif stabbilit b’sentenza finali;

(e) ksur serju ta’ kuntratt iffinanzjat mill-baġit tal-Unjoni wara deċiżjoni tal-Bord imsemmija fl-Artikolu 108;

(b) irregolarità fuq il-bażi ta’ evidenza stabbilita b’deċiżjoni tal-Bord imsemmi fl-Artikolu 108 jew minn sentenza jew deċiżjoni amministrattiva finali;

2. L-operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż fejn persuna li hija membru ta’ korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ superviżjoni ta’ dak l-attur ekonomiku, jew li għandha poteri ta’ rappreżentazzjoni, deċiżjoni jew kontroll tkun f’sitwazzjoni elenkata fil-paragrafu 1.

3. Ħlief għall-każijiet previsti fil-punt (d) tal-paragrafu 1, l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li ma teskludix lill-operatur ekonomiku kkonċernat meta tkun ħadet il-miżuri ta’ rimedju li juru l-affidabilità tiegħu.

Għal perjodu limitat, u fl-istennija tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ rimedju msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi li ma teskludix lill-operatur ekonomiku kkonċernat meta dan ikun indispensabbli sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tas-servizz. F'tali każijiet, l-awtorità kontraenti għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha.

4. Punt (a) ta' paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każ ta’ xiri ta’ provvisti b'termini partikolarment vantaġġjużi jew mingħand fornitur li definittivament ikun se jtemm l-attivitajiet tan-negozju tiegħu jew il-likwidaturi fi proċedura ta' insolvenza, arranġament mal-kredituri, jew permezz ta’ proċedura simili skont il-liġi nazzjonali.

5. L-operatur ekonomiku għandu jiddikjara li mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jew li jkun f’wieħed mill-każijiet msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Fejn xieraq, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi l-istess dikjarazzjoni għal entità li jkun fi ħsiebu jserraħ fuq li l-kapaċità tagħha. Madankollu, l-awtorità kontraenti tista' tneħħi dawn ir-rekwiżiti għal kuntratti ta’ valur baxx ħafna.

6. Kulmeta jintalab mill-awtorità kontraenti, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi evidenza xierqa li mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafu 1.

Kull meta l-awtorità kontraenti jkollha dubji li jkun hemm konformotà mal-paragrafu 2, l-operatur ekonomiku għandu, fuq talba, jipprovdi informazzjoni dwar persuni li huma membri tal-korp amministrattiv, maniġerjali jew ta’ superviżjoni tiegħu jew li għandhom setgħat ta’ rappreżentanza, ta’ deċiżjoni jew ta’ kontroll. Huwa għandu jipprovdi wkoll, meta jintalab, evidenza xierqa li waħda jew diversi minn dawn il-persuni ma jkunux f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafu 1.

7. L-awtorità kontraenti tista' tivverifika wkoll jekk subkuntrattur ma jkunx f'sitwazzjoni ta' esklużjoni elenkata fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew ikunx f'wieħed mill-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

8. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar id-definizzjoni tas-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, miżuri ta' rimedju u dwar dikjarazzjoni u evidenza li operatur ekonomiku ma jkunx f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 107

Rifjut minn proċedura partikolari

1. Kuntratt m’għandux jingħata għal proċedura partikolari lil operatur ekonomiku li:

(a) ikun f'waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni, imsemmija fl-Artikolu 106(1) u (2);

(b) ikun irrappreżenta ħażin l-informazzjoni meħtieġa bħala kondizzjoni ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura;

(c) kien involut qabel fit-tħejjija tad-dokumenti tal-akkwisti fejn tkun involuta distorsjoni tal-kompetizzjoni li ma tistax tiġi rrimedjata mod ieħor.

2. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-miżuri sabiex tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni u dwar dikjarazzjoni u evidenza li operatur ekonomiku mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 108

Is-sistema ta' individwazzjoni u ta’ esklużjoni bikrija

1. Il-Kummissjoni għandha twaqqaf u topera sistema li tħares l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din is-sistema tinkludi individwazzjoni bikrija tar-riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 106(1) u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja ta’ operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni elenkati fil-punti (b), (d) u (e) tal-Artikolu 106(1).

2. L-individwazzjoni bikrija tar-riskji li jheddu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni hija bbażata fuq it-trażmissjoni ta’ informazzjoni minn kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(a) mill-OLAF skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* fejn investigazzjoni tal-OLAF li tkun għaddejja turi li jista’ jkun xieraq li jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni biex ikunu protetti l-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

(b) minn uffiċjal awtorizzanti tal-Kummissjoni jew ta’ aġenzija eżekuttiva f’każ ta’ kondotta ħażina professjonali gravi, preżunta irregolarità, frodi jew ksur serju tal-kuntratt;

(c) minn istituzzjoni oħra jew minn uffiċċju Ewropew f'każ ta' kondotta ħażina professjonali gravi, preżunta irregolarità, frodi jew ksur serju tal-kuntratt;

L-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu għandhom ikunu trażmessi mingħajr dewmien permezz tas-sistema tal-kontabilità tal-Kummissjoni lill-uffiċjali awtorizzanti tal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, l-istituzzjonijiet l-oħrajn kollha, il-korpi u l-uffiċċji Ewropej sabiex ikunu jistgħu jieħdu miżuri konservatorji preventivi u temporanji fl-implimentazzjoni tal-baġit. Dawk il-miżuri m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu previst fit-termini u l-kundizzjonijiet tad-dokumenti tal-akkwist.

3. Għas-sitwazzjonijiet imsemmija f’punti (b), (d) u (e) tal-Artikolu 106(1), għandu jiġi stabbilit bord mill-Kummissjoni fuq talba ta’ uffiċjal awtorizzanti tal-Kummissjoni jew ta’ aġenzija eżekuttiva jew bord konġunt fuq talba ta’ istituzzjoni, korp jew uffiċċju Ewropew ieħor. Il-bord, f’isem il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi tagħha, l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-uffiċċji Ewropej, għandu japplika l-proċedura li ġejja:

(a) min jagħmel it-talba għandu jirreferi l-każ lill-bord bl-informazzjoni meħtieġa u s-sitwazzjoni ta’ esklużjoni;

(b) il-bord għandu jinnotifika mingħajr dewmien lill-operatur ekonomiku dwar il-fatti inkwistjoni u l-klassifikazzjoni preliminari tagħhom fil-liġi, li jistgħu jikkwalifikaw bħala sitwazzjoni ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 106(1) u/jew li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ penali finanzjarja;

(c) fejn it-talba tal-uffiċjal awtorizzanti tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq l-informazzjoni mogħtija mill-OLAF, l-Uffiċċju għandu jikkopera mal-bord skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013;

(d) Il-bord jista’ jiddeċiedi li jeskludi l-operatur ekonomiku provviżorjament għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt (6) xhur;

(e) qabel ma tittieħed xi deċiżjoni provviżorja jew finali, il-bord għandu jagħti lill-operatur ekonomiku l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu;

(f) il-bord jista’ jieħu deċiżjoni ta’ esklużjoni inkluż fir-rigward tat-tul tal-esklużjoni u/jew jista’ jimponi penali finanzjarja fuq il-bażi ta’ evidenza u informazzjoni mibgħuta b’kont meħud tal-prinċipju tal-proporzjonalità;

(g) il-bord jista’ jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu matul il-perjodu ta’ esklużjoni fuq talba ta’ operatur ekonomiku eskluż fejn dan l-operatur ikun ħa l-miżuri ta’ rimedju suffiċjenti sabiex juri l-affidabilità tiegħu jew jipprovdi elementi ġodda li juru li s-sitwazzjoni tal-esklużjoni kif imsemmi fl-Artikolu 106(1) ma tibqax teżisti;

(h) sabiex titjieb id-deterrenza tal-esklużjoni jew tal-penali finanzjarja, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni marbuta mad-deċiżjoni tal-bord fuq is-sit tagħha fuq l-internet;

(i) id-deċiżjoni tal-bord għandha tiġi kkomunikata lill-operatur ekonomiku.

Fil-każijiet stipulati fil-punti (d) u (f) tal-Artikolu 106(1), in-notifika msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u l-opportunità msemmija fil-punt (e) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jistgħu jiġu eċċezzjonalment differiti fejn ikun hemm raġunijiet leġittimi serji biex tkun ippreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew proċedimenti ġudizzjarji nazzjonali.

F’każijiet eċċezzjonali, inkluż fejn ikunu kkonċernati persuni fiżiċi jew fejn huwa neċessarju li tkun ippreservata l-kunfidenzjalità tal-investigazzjoni jew ta’ proċediment ġudizzjarju nazzjonali, il-bord jista’ jiddeċiedi li ma jippubblikax l-esklużjoni jew il-penali finanzjarja kif stipulat fil-punt (h) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, b’kunsiderazzjoni xierqa tad-dritt għall-privatezza u b’rispett għad-drittijiet stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

L-operatur ekonomiku li kien eskluż bid-deċiżjoni tal-bord jew soġġett għal piena finanzjarja jista’ jressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew u jfittex rieżami ġudizzjarju.

4. It-tul ta’ żmien ta’ esklużjoni m’għandux jaqbeż xi wieħed minn dan li ġej:

(a) it-tul taż-żmien stabbilit jekk ikun hemm stabbilit bis-sentenza finali;

(b) ħames snin għall-każ imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 106(1).

(c) tliet snin għall-każijiet imsemmija fil-punti (b), (e) u (f) tal-Artikolu 106(1).

Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż sakemm ikun f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 106(1)

L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux japplika fejn l-esklużjoni hija kkomunikata minn awtoritajiet u entitajiet imsemmija fil-paragrafu 5 li mhumiex soġġetti għad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill **.

5. L-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi kif ukoll il-BĊE, il-BEI, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-entitajiet li jipparteċipaw fl-implimentazzjoni tal-baġit skont l-Artikoli 58 u 61 għandhom:

(a) jikkomunikaw mingħajr dewmien lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-operaturi ekonomiċi, biss għal sentenzi finali jew deċiżjonijiet amministrattivi li jittieħdu taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess, li huma f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 106(1) inkluż it-tul ta’ żmien ta’ esklużjoni;

(b) jivverifikaw jekk hemmx esklużjoni fis-sistema u jieħdu kont tagħha fl-għoti tal-kuntratti assoċjati mal-implimentazzjoni tal-baġit.

Bħala parti mill-miżuri msemmija taħt punt (c) tal-Artikolu 60(1), il-Kummissjoni tista’ teskludi wkoll operatur ekonomiku u/jew timponi penali finanzjarji taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6. Il-Kummissjoni għandha tippubblika informazzjoni dwar l-esklużjoni ta’ operaturi ekonomiċi, li waslet mill-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 5, fuq is-sit tal-internet tagħha. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika l-esklużjonijiet riċevuti minn sorsi oħra.

7. Il-Kummissjoni għandha tinforma annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar in-numru totali ta’ esklużjonijiet kontinwi ta’ deċiżjonijiet ġodda.

8. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar is-sistema tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inklużi proċeduri standardizzati u d-dettalji suġġetti għall-pubblikazzjoni, il-limiti ta’ żmien għall-esklużjoni, l-organizzazzjoni tal-bord, it-tul tal-esklużjoni u l-pieni finanzjarji.

Artikolu 110

Għoti tal-kuntratti

1. Il-kuntratti għandhom jingħataw abbażi ta’ kriterji għall-għoti sakemm l-awtorità kontraenti tkun ivverifikat il-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

(a) l-offerta tikkonforma mar-rekwiżiti minimi speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist;

(b) il-kandidat jew l-offerent ma jkunux esklużi taħt l-Artikolu 106 jew miċħuda skont l-Artikolu 107;

(c) il-kandidat jew l-offerent jissodisfa l-kriterji tal-għażla speċifikat fid-dokumenti tal-akkwisti.

2. L-awtorità kontraenti għandha tibbaża l-għoti ta’ kuntratti fuq l-aktar offerta ekonomikament vantaġġjuża.

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward id-dettalji dwar il-kriterji ta’ selezzjoni, il-kriterji ta’ aġġudikazzjoni u l-offerta l-aktar ekonomikament vantaġġjuża. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward id-dokumenti li jagħtu evedinza tal-kapaċità legali, ekonomika u finanzjarja u prova tal-kapaċità teknika u professjonali u regoli dettaljati dwar il-bejgħ bl-irkant elettroniku u l-offerti anormalment baxxi.

Artikolu 111

Sottomissjoni u evalwazzjoni

1. L-arranġamenti sabiex jintefgħu l-offerti għandhom ikunu tali li jiżguraw li jkun hemm kompetizzjoni ġenwina u li l-kontenut tal-offerti jibqa' kunfidenzjali sakemm jinfetħu kollha simultanjament.

2. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi b'mezzi xierqa u b'applikazzjoni tal-Artikolu 95 li l-offerenti jkunu jistgħu jdaħħlu l-kontenuti tal-offerti u kull prova dokumentarja f'format elettroniku ("akkwist elettroniku").

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

3. L-awtorità kontraenti tista', jekk dan jitqies xieraq u proporzjonat, titlob lill-offerenti jippreżentaw garanzija bil-quddiem biex jiżguraw li l-offerti ppreżentati ma jiġux irtirati.

4. L-awtorità kontraenti għandha tiftaħ it-talbiet kollha għall-parteċipazzjoni u għall-offerti. Għandha tirrifjuta:

(a) talbiet għal parteċipazzjoni li ma jikkonformawx mal-iskadenza tar-riċevuta;

(b) offerti li ma jikkonformawx mal-limitu ta’ żmien tar-riċevuta jew li waslu diġà miftuħa mill-awtorità kontraenti.

5. L-awtorità kontraenti għandha tevalwa t-talbiet għal parteċipazzjoni jew l-offerti kollha li ma kinutx irrifjutati fil-fażi tal-bidu stabbilita fil-paragrafu 4 abbażi tal-kriterji speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist bil-għan li jingħata l-kuntratt jew li jsir irkant elettroniku.

6. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-limiti ta’ żmien biex jintlaqgħu l-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni, l-aċċess għad-dokumenti tal-akkwist, il-limiti ta’ żmien biex tiġi pprovduta l-informazzjoni addizzjonali, limiti ta’ żmien f’każi urġenti kif ukoll dwar l-arranġamenti għas-sottomissjoni tal-offerti u l-katalgi elettroniċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 dwar il-possibilità li titlob garanzija ta’ offerta, il-ftuħ u l-evalwazzjoni tal-offerti u talbiet għall-parteċipazzjoni u t-twaqqif ta’ kumitati ta’ ftuħ u ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 112

Kuntatti matul il-proċedura

1. Waqt li l-proċedura tal-aġġudikazzjoni tkun għaddejja, il-kuntatti kollha bejn l-awtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jassiguraw trasparenza u trattament ugwali. Wara ż-żmien għar-riċevuta ta’ offerti, dawn il-kuntatti ma għandhomx iwasslu għal bidliet fid-dokumenti tal-akkwist jew għal tibdil sostanzjali fit-termini tal-preżentazzjoni tal-offerti, ħlief fejn proċedura stabbilita fl-Artikolu 104(1) tippermetti b’mod speċifiku dawn il-possibbiltajiet.

2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward il-kuntratti li huma permessi bejn l-awrtorità kontraenti u l-kandidati jew l-offerenti waqt il-proċedura tal-akkwist.

Artikolu 113

Id-deċiżjoni tal-għotja u l-informazzjoni lill-kandidati u lil dawk li jagħmlu l-offerta

1. L-uffiċjal awtorizzanti responsabbli għandu jiddeċiedi lil min għandu jingħata l-kuntratt, b’konformità mal-kriterji tas-selezzjoni u l-aġġudikazzjoni speċifikati fid-dokumenti tal-akkwist.

2. L-awtorità kontraenti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-offerenti kollha li t-talbiet għall-parteċipazzjoni jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-perjodu ta’ pawsa msemmi fl-Artikolu 118(2).

Għall-għoti ta’ kuntratti speċifiċi taħt kuntratt qafas bi ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni, l-awtorità kontraenti għandha tinforma lill-offerenti bir-riżultat tal-evalwazzjoni.

3. L-awtorità kontraenti għandha tinforma lil kull offerent li ma jkunx f’sitwazzjoni ta’ esklużjoni, li l-offerta tiegħu tkun konformi mad-dokumenti tal-akkwisti u li jagħmel talba bil-miktub ta’ xi wieħed minn dan li ġej:

(a) il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula u l-isem tal-offerent li lilu jingħata l-kuntratt, ħlief fil-każ ta’ kuntratt speċifiku skont kuntratt qafas bil-ftuħ mill-ġdid tal-kompetizzjoni;

(b) il-progress tan-negozjati u d-djalogu mal-offerenti.

Madankollu, l-awtorità kontraenti tista' tiddeċiedi li żżomm ċerta informazzjoni fejn ir-rilaxx tagħha jimpedixxi l-infurzar tal-liġi jew tmur kontra l-interess pubbliku, jew tkun ta’ preġudizzju għall-interessi kummerċjali leġittimi ta’ atturi ekonomiċi, jew tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni ġusta bejniethom.

4. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar ir-rapport tal-valutazzjoni, id-deċiżjoni dwar l-aġġudikazzjoni u l-informazzjoni lill-kandidati u l-offerenti.

Artikolu 114

Tħassir tal-proċedura tal-akkwist

L-awtorità kontraenti tista', qabel mal-kuntratt ikun iffirmat, tikkanċella l-proċedura tal-aġġudikazzjoni mingħajr ma l-kandidati jew l-offerenti jkunu intitolati għal talba għal xi kumpens.

Id-deċiżjoni għandha tkun ġustifikata u mwassla għall-attenzjoni tal-kandidati jew l-offerenti malajr kemm jista' jkun.

__________________

* Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

** Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 65).";

(4) Fil-kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Parti Wieħed, Taqsima 4 hi sostitwita b’dan li ġej:

“Artikolu 4

L-eżekuzzjoni tal-kuntratt, il-garanziji u l-azzjonijiet korrettivi

Artikoli 114a

L-eżekuzzjoni u l-modifiki tal-kuntratt

1. Il-kuntratt ma jistax jibda jitwettaq qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt.

2. L-awtorità kontraenti tista’ timmodifika kuntratt jew qafas ta’ kuntratt b’mod sostanzjali mingħajr proċedura tal-akkwisti biss fil-każi stipulati fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament u sakemm il-modifika sostanzjali ma tibdilx is-suġġett tal-kuntratt jew il-kuntratt qafas.

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-firma u l-modifiki tal-kuntratti.

Artikolu 115

Garanziji

1. Ħlief fil-każ ta’ kuntratti b'valur baxx, l-awtorità kontraenti tista', jekk tqis xieraq u proporzjonat, fuq bażi ta’ każ b'każ u soġġett għal analiżi tar-riskji, titlob lill-kuntratturi jippreżentaw garanzija sabiex jagħmlu kwalukwe waġda minn dawn li ġejjin:

(a) tillimita r-riskji finanzjarji konnessi mal-ħlas ta’ prefinanzjament;

(b) jiżguraw konformità ma’ obbligi kuntrattwali sostanzjali fil-każ ta’ xogħlijiet, provvisti jew servizzi kumplessi;

(c) jiżguraw rendiment sħiħ tal-kuntratt wara l-ħlas tal-bilanċ.

2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati, inklużi l-kriterji għall-analiżi tar-riskju, dwar il-garanziji meħtieġa mill-kuntratturi.

Artikolu 116

Żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi

1. Meta l-proċedura tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-awtorità kontraenti għandha tissospendiha u tista' tieħu kwalunkwe miżuri meħtieġa, inkluża l-kanċellazzjoni tagħha.

2. Meta, wara l-firma tal-kuntratt, il-proċedura jew l-eżekuzzjoni tal-kuntratt tkun soġġetta għal żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi, l-awtorità kontraenti tista' tissospendi l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, jew , fejn xieraq, titterminaha.

L-eżekuzzjoni tal-kuntratti tista' tiġi sospiża wkoll sabiex jiġi vverifikat jekk żbalji sostanzjali, irregolaritajiet jew frodi preżunti jkunux seħħew.

Meta tali żbalji, irregolaritajiet jew frodi sostanzjali jkunu attribwiti lill-kuntrattur, l-awtorità kontraenti tista' wkoll tirrifjuta li tħallas jew tirkupra ammonti mħallsa b'mod indebitu, skont il-proporzjon tas-serjetà ta' l-iżbalji, l-irregolaritajiet jew frodi sostanzjali.

3. L-OLAF għandu jeżerċita s-setgħa konferita lill-Kummisssjoni mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (1) biex iwettaq spezzjonijiet u verifiki fuq il-post fl-Istati Membri u, skont il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni u ta’ assistenza reċiproka fis-seħħ, f'pajjiżi terzi u fil-bini ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

4. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar is-sospensjoni ta’ kuntratt fil-każ ta’ żbalji, irregolaritajiet jew frodi sostanzjali u d-definizzjoni tal-iżball jew l-irregolarità sostanzjali.

__________________

(5) (1) ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2. ",L-Artikoli 117 u 118 huma emendati kif ġej:

‘Artikolu 117

L-awtorità kontraenti

1. L-istituzzjonijiet għandhom ikunu meqjusa li huma l-awtoritajiet kontraenti ċentrali fit-tifsira tal-punt (2) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE fil-każ ta’ kuntratti mogħtija f'isimhom stess. Dawn għandhom jiddelegaw il-poteri meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ awtorità kontraenti skont l-Artikolu 65 ta' dan ir-Regolament.

2. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar id-delegazzjoni tal-funzjoni tal-awtorità kontraenti.

Artikolu 118

Limiti applikabbli u perjodu sospensiv

1. Biex tagħti kuntratti pubbliċi u ta’ konċessjoni, l-awtorità kontraenti għandha tqis il-limiti preskritti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE meta tagħżel proċedura stabbilita fl-Artikolu 104(1) ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-limiti għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti tal-pubblikazzjoni stabbilita fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 103 ta’ dan ir-Regolament.

2. Bla ħsara għall-eċċezzjonijiet u l-kundizzjonijiet speċifikati fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament, l-awtorità kontraenti ma għandhiex, fil-każ ta’ kuntratti ’il fuq mil-limiti stabbiliti fil-paragrafu 1, tiffirma l-kuntratt jew il-kuntratt qafas mal-offerent li jkun rebħu qabel ma jgħaddi perjodu ta’ pawsa.

3. Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-kuntratti separati u kuntratti b'lottijiet, l-istima tal-valur ta’ kuntratti pubbliċi u ta' konċessjoni, u l-perjodu ta’ pawsa qabel l-iffirmar tal-kuntratt.";

(6) L-Artikolu 119 u l-Artikolu 120 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 ‘Artikolu 119

Regoli dwar l-aċċess għal kuntratti,

 Parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-akkwisti għandha tkun miftuħha fuq termini ugwali għall-persuni kollha, fiżiċi u ġuridiċi, li jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha stabbiliti f'pajjiż terz li jkollu ftehim speċjali mal-Unjoni fil-qasam tal-akwist pubbliku permezz tal-kondizzjonijiet stabbiliti f'dak il-ftehim. Għandha wkoll tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-provi li għandhomk jiġu pprovduti fir-rigward tal-aċċess għall-akkwisti.

 Artikolu 120

Regolament tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-akkwisti

Meta l-Ftehim Pluriennali dwar l-Akkwisti Pubbliċi konkluż fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ ikun applikabbli, il-proċedura tal-akkwisti għandha tkun miftuħa wkoll għal operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Istati li jkunu rratifikaw dak il-ftehim, permezz tal-kundizzjonijiet stabbiliti fih.";

(7) fl-Artikolu 131, paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-paragrafu 1, 2, 3 u 6 tal-Artikolu 106 u l-Artikoli 107 u 108 japplikaw ukoll għall-applikanti għall-għotjiet. L-applikanti għandhom jiddikjaraw li mhumiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 106(1) u l-Artikolu 107 jew li jkunu f’wieħed mill-każijiet msemmija fl-Artikolu 106(3). Il-Artikolu 108 għandu japplika wkoll għal benefiċjarji.”;

(8) fl-Artikolu 131, għandu jitħassar il-paragrafu 5.

(9) fl-Artikolu 131, il-paragrafu 6 huwa mibdul b’dan li ġej:

“6. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 210 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw l-arranġamenti għall-applikazzjonijiet ta’ għotja, prova ta’ nuqqas ta’ esklużjoni, applikanti mingħajr personalità legali, persuni legali li jiffurmaw applikant wieħed, deċiżjonijiet ta' esklużjoni u pieni finanzjarji, kriterji ta’ eliġibilità u għotjiet b'valur baxx.";

(10) fil-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 138, it-tielet sottoparagrafu huwa ssostitwit bit-test li ġej:

“Ir-regoli tal-konkors għandhom għall-inqas jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni, il-kriterji għall-esklużjoni provveduti fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-Artikolu 106 u l-Artikolu 107, il-kriterji għall-għotja, l-ammont tal-premju, l-arranġamenti ta’ pagament u d-dritt li jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-esklużjoni u biex jiġu imposti l-pieni finanzjarji.";

(11) Fl-Artikolu 139, jiddaħħal il-paragrafu 5a li ġej:

“5a. Ma għandu jingħata l-ebda appoġġ finanzjarju lil strumenti ta’ investiment iddedikati, lil intermedjarji finanzjarji u lil benefiċjarji finali fejn dawn ikunu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (d) tal-Artikolu 106(1) u fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 107(1).",

(12) fl-Artikolu 183, paragrafu 4 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“4. Meta jkun qed jieħu sehem fi proċeduri ta’ għotjiet jew offerti f'konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-JRC ma għandux ikun soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 106 punti (a) u (b) tal-Artikolu 107(1), Artikolu 108 u l-Artikolu 131(4) dwar dispożizzjonijiet li jirrigwardaw esklużjoni u sanzjonijiet fir-rigward tal-akkwist u l-għotjiet.";

(13) L-Artikoli 190 u 191 jinbidlu b’dan li ġej:

‘Artikolu 190

Akkwisti fl-azzjonijiet esterni

1. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar l-akkwist pubbliku ta’ azzjoni esterna.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu V tal-Ewwel Parti relatati mad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-akkwist għandhom ikunu applikabbli għal-kuntratti koperti b'dan it-Titolu bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali li jirrigwardjaw il-limiti massimi u l-arranġamenti għall-għoti ta’ kuntratti esterni li għandhom jiġu stabbiliti fl-atti delegati adottati skont dan ir-Regolament. L-Artikoli 117 sa 120 ma għandhomx ikunu applikabbli għall-akkwist stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Dan il-Kapitolu għandu japplika għal:

(a) l-akkwist meta l-Kummissjoni ma tagħtix kuntratti f’isimha stess;

(b) l-akkwist minn entitajiet jew persuni fdati skont il-punt (c) tal-Artikolu 58(1) fejn previst fil-ftehim ta’ finanzjament imsemmija fl-Artikolu 189.

3. Il-proċeduri għall-akkwisti għandhom jkunu stabbiliti fil-ftehimiet ta’ finanzjament previsti fl-Artikolu 189.

4. Dan il-Kapitolu ma għandhux japplika għall-azzjonijiet taħt l-atti bażiċi speċifiċi għas-setturi li jirrigwardaw l-għajnuna għall-ġestjoni tal-kriżijiet umanitarji, l-operazzjonijet tal-protezzjoni ċivili u l-operazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja.

Artikolu 191

Regoli dwar l-aċċess għal kuntratti,

1. Il-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-akkwisti għandha tkun miftuħa fuq termini ugwali għall-persuni kollha fi ħdan l-ambitu tat-Trattati u għal kwalunkwe persuna fiżika jew legali oħra f'konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-istrumenti bażiċi li jirregolaw is-settur tal-koperazzjoni kkonċernat. Għandha wkoll tkun miftuħa għal organizzazzjonijiet internazzjonali.

2. Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 54(2), jista' jkun deċiż, f'ċirkostanzi eċċezzjonali debitament ġustifikati mill-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi apparti minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti.

3. Meta jkun japplika ftehim dwar it-twessigħ tas-suq għall-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi li tiegħu l-Unjoni hija parti, il-kuntratti għall-akkwisti ffinanzjati mill-baġit għandhom ukoll ikunu miftuħa persuni fiżiċi u ġuridiċi stab biliti f'pajjiż terz għajr dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak il-ftehim.

4. Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa tadotta atti delegati skont l-Artikolu 210 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-proċeduri tal-aċċuss sal-akkwist.";

(14) fl-Artikolu 204 jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“Esperti għandhom ikunu soġġetti għall-paragrafi 1, 3 u 5 tal-Artikolu 106, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 106(6), il-Artikolu 106(7), u l-Artikoli 107 u 108.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 65).

[2]               Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.03.2014, p.1)

[3]               ĠU C , , p. .

[4]               Ir-Regolament (UE, EURATOM) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298. 26.10.2012, p-1).

[5]               Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 65).

[6]               Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.03.2014, p.1).

[7]               Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta' Diċembru 2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji u dwar il-moviment ħieles ta’ tali dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p.1)

[8]               Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali dejta, (ĠU L 281, 23/11/1995 p. 31).