Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha /* COM/2014/0338 final - 2014/0172 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill proposta hija maħsuba biex tistabbilixxi l-pożizzjoni
tal-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF
li se ssir bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014 rigward ċerti emendi
fil-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) kif
ukoll emendi tal-Appendiċi B (Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt
tal-Ġarr Internazzjonali ta' Prodotti bil-Ferrovija – CIM),
l-Appendiċi D (Regoli Uniformi għall-Kuntratti tal-Użu
tal-Vetturi fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali – CUV), l-Appendiċi E
(Regoli Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Użu tal-Infrastruttura fit-Traffiku
Ferrovjarju Internazzjonali – CUI), l-Appendiċi F (Regoli Uniformi li
jirrigwardsw il-Validazzjoni ta' Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta'
Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi applikabbli għall-Materjal
tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali –
APTU) u l-Appendiċi G tiegħu (Regoli Uniformi li jirrigwardaw
l-Ammissjoni Teknika ta' Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku
Internazzjonali – ATMF), li se jiddeċiedi dwarhom il-kumitat imsemmi. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT L-emendi tal-Appendiċi G
(ATMF) u tal-Appendiċi D (CUV) ġew diskussi f'għadd ta'
laqgħat ta' gruppi ta' ħidma speċifiċi fi ħdan
l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għall-Ġarr Internazzjonali
bil-Ferrovija (OTIF). Il-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll l-Aġenzija
Ferrovjarja Ewropea (ERA) ħadu sehem attiv fil-laqgħat kollha,
flimkien ma' għadd ta' Stati Membri. B'danakollu, proposti oħrajn ma
ġewx diskussi waqt laqgħa ta' tħejija fl-OTIF qabel ma tressqu
quddiem il-Kumitat tar-Reviżjoni. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA L-Unjoni ngħaqdet
mal-COTIF f’Lulju tal-2011 bis-saħħa tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2013/103/UE[1].
Il-COTIF, huwa ftehim imħallat fejn l-Unjoni u l-Istati Membri kollha li
għandhom netwerk ferrovjarju huma partijiet kontraenti. L-Anness III
tad-Deċiżjoni jistabbilixxi l-arranġamenti interni għall-Kunsill,
l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi proċedimenti skont l-OTIF. Fi
kwistjonijiet ta’ kompetenza esklussiva tal-UE, l-UE tivvota bl-għadd ta’
voti tal-Istati Membri kollha li huma assoċjati mal-COTIF. Hemm 26 Stat
Membru tal-UE li huma wkoll Stati Membri tal-COTIF. Iżda tliet Stati
Membri tal-UE ma rratifikawx il-COTIF 1999 filwaqt li tliet Stati Membri tal-UE
ma rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas tal-applikazzjoni
tal-Appendiċijiet E (CUI) u F (APTU) u erba' Stati Membri tal-UE ma
rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas tal-applikazzjoni
tal-Appendiċi G (ATMF) li kienu saru meta dawn l-Appendiċijiet kienu
għadhom mhux kumpatibbli mal-liġi tal-UE. B'konsegwenza ta' dan, dawn
l-Istati Membri tal-UE ma jistgħux jivvutaw dwar emendi li
jikkonċernaw dispożizzjonijiet li huma ma japplikawx. Hemm 46 Stat
Membru attiv mal-OTIF (is-sħubija ta' żewġ membri oħra
ġiet sospiża sakemm jerġa' jitwaqqaf it-traffiku internazzjonali
tal-ferrovija). Skont l-Artikolu 35
tat-Titolu VI tal-COTIF, ladarba jiġu deċiżi mill-Kumitat
tar-Reviżjoni, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ
għall-partijiet kontraenti kollha fl-ewwel jum tat-tnax-il xahar wara dak
li fih is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF ikun avża dwarhom
lill-partijiet kontraenti. Parti Kontraenti tista’ tifformula
oġġezzjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika. F'każ
ta’ oġġezzjoni minn kwart tal-Partijiet Kontraenti, l-emenda ma
għandhiex tidħol fis-seħħ. Fil-partijiet kontraenti li
fformulaw oġġezzjonijiet kontra deċiżjoni fi żmien il-perjodu
previst, l-applikazzjoni tal-Appendiċi kkonċernata għandha
tiġi sospiża kollha kemm hi, mill-mument li jidħlu
fis-seħħ id-deċiżjonijiet, f'dak li għandu x'jaqsam
mat-traffiku ma’ dawk il-partijiet u bejniethom. Madankollu, f'każ ta’
oġġezzjoni għall-validazzjoni ta’ standard tekniku jew
għall-adozzjoni ta’ preskrizzjoni teknika uniformi, dak l-istandard jew
dik il-preskrizzjoni biss għandhom jiġu sospiżi fir-rigward ta’
traffiku mal-Istati Membri u bejniethom minn meta jidħlu
fis-seħħ id-deċiżjonijiet; l-istess għandu japplika
f'każ ta’ oġġezzjoni parzjali. Sakemm ma jitqajmux
biżżejjed oġġezzjonijiet mill-partijiet, l-emendi
kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija li jidħlu
fis-seħħ fit-tnax-il xahar wara li jkun innotifika lill-partijiet
kontraenti dwarhom is-Segretarju Ġenerali tal-OTIF. Minn dik id-data 'l
quddiem, dawn isiru vinkolanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri u
jiffurmaw parti integrali mill-acquis tal-Unjoni. L-Artikolu 38 tat-Titolu VII tal-COTIF jistabbilixxi
li għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u d-dritt li
wieħed joġġezzjona, stipulati fl-Artikolu 35(2) u 35(4),
l-organizzazzjoni reġjonali, b’mod partikolari l-Unjoni Ewropea,
għandu jkollha għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-membri
tagħha li huma wkoll Stati Membri tal-Organizzazzjoni. Il-proposta ġiet
żviluppata abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni
tal-Kunsill dwar l-adeżjoni tal-UE mal-COTIF (id-Deċiżjoni
2013/103/UE). Il-bażi legali tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta hija
l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Fl-Anness tal-proposta ta'
Deċiżjoni tal-Kunsill tinsab lista dettaljata tal-emendi previsti, li
fiha hemm speċifikat liema emendi mressqin mis-Segretarju Ġenerali
jistgħu jiġu aċċettati mill-Unjoni u liema emendi għandhom
jitwarrbu f'din il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni, billi
għandhom bżonn ta' aktar ħsieb u/jew aktar miżuri biex
jinġabu konformi mal-liġi tal-UE. Għadd kbir tal-emendi previsti
huma meqjusa xierqa għat-trasport internazzjonali ferrovjarju sikur u
affidabbli, fid-dawl tal-progress teknoloġiku, u għaldaqstant
jistgħu jiġu appoġġati, filwaqt li xi emendi (b'mod
partikolari dawk dwar il-finanzjament tal-OTIF jew dwar il-kuntratti
tal-ġarr tal-prodotti) ma għandhom ebda impatt fuq il-liġi
tal-UE. Meta l-emendi adottati
mill-Kumitat tar-Reviżjoni ma jkunux skont il-pożizzjoni tal-Unjoni
stabbilita fl-Anness għall-abbozz tad-Deċiżjoni, l-Unjoni
għandha tifformula oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita
fl-Artikolu 35.4 tat-Titolu VI tal-COTIF biex jiġi evitat li din
l-emenda tidħol fis-seħħ. 2014/0172 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat
tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar
il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet
tagħha IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Unjoni iffirmat
il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija
tad-9 ta' Mejju 1980 kif emendat mill-Protokoll ta’ Vilnius
tat-3 ta’ Ġunju 1999 (minn issa ’l quddiem “il-Konvenzjoni
COTIF”), bis-saħħa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE
tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva
għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) dwar l-adeżjoni
tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni msemmija[2]. (2) L-Istati Membri kollha,
bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, japplikaw il-Konvenzjoni COTIF. (3) Waqt il-25 seduta
tal-Konvenzjojni COTIF, li se ssir bejn il-25 u
s-27 ta' Ġunju 2014, il-Kumitat tar-Reviżjoni
stabbilit bi qbil mal-Artikolu 13.1(c) tal-Konvenzjoni COTIF, huwa
mistenni li jiddeċiedi dwar ċerti emendi tal-Konvenzjoni COTIF u
tal-Appendiċijiet tiegħu: l-Appendiċi B (Regoli Uniformi dwar
il-Kuntratt tal-Ġarr Internazzjonali ta' Prodotti bil-Ferrovija – CIM),
l-Appendiċi D (Regoli Uniformi għall-Kuntratti tal-Użu tal-Vetturi
fit-Traffiku Ferrovjarju Internazzjonali – CUV), l-Appendiċi E (Regoli
Uniformi dwar il-Kuntratt tal-Użu tal-Infrastruttura fit-Traffiku
Ferrovjarju Internazzjonali – CUI), l-Appendiċi F (Regoli Uniformi li
jirrigwardaw il-Validazzjoni ta' Standards Tekniċi u l-Adozzjoni ta'
Preskrizzjonijiet Tekniċi Uniformi Applikati għall-Materjal
tal-Ferroviji bl-intenzjoni li jintużaw mit-Traffiku Internazzjonali –
APTU) u l-Appendiċi G (Regoli Uniformi li jirrigwardaw l-Ammissjoni
Teknika ta' Materjal tal-Ferroviji użat fit-Traffiku Internazzjonali – ATMF). (4) L-emendi fil-Konvenzjoni
COTIF jimmiraw li: (a) jaġġornaw il-kompiti tal-Kumitat tal-Esperti
Tekniċi u jaslu għal definizzjoni ta' "detentur" bi qbil
mal-liġi tal-UE, u (b) jibdlu ċerti regoli dwar il-finanzjament tal-OTIF,
il-monitoraġġ tiegħu u r-rappurtar dwaru, kif ukoll jagħmlu
xi bidliet amministrattivi żgħar. (5) L-emendi tal-Appendiċi B
(CIM) għandhom l-għan li jagħtu preferenza lill-forma
elettronika tan-nota ta' konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha, u li
jiċċaraw ċerti dispożizzjonijiet tal-kuntratt
tal-ġarr. (6) L-emendi tal-Appendiċi D
(CUV) imressqin mis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF għandhom l-għan
li jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli
għall-manutenzjoni fil-kuntratti tal-użu tal-vetturi fit-traffiku
internazzjonali ferrovjarju. Franza ressqet proposta separata dwar
ir-responsabbiltà għall-ħsara li tista' tikkawża vettura. (7) L-emendi fl-Appendiċi G
(ATMF) huma mmirati biex jaġġornaw id-dispożizzjonijiet dwar
il-permissibbiltà teknika tal-materjali ferrovjarji li jintużaw
fit-traffiku internazzjonali, biex jiċċaraw il-funzjonijiet tal-Istat
Kontraenti, l-awtorità kompetenti u l-entità tal-valutazzjoni u
r-relazzjonijiet ta' bejniethom, kif ukoll biex jarmonizzaw it-termini bi qbil
mal-liġi tal-UE. (8) L-emendi fl-Appendiċi F
(APTU) huma mmirati biex tinżamm konsistenza mal-Appendiċi G emendat. (9) L-emendi fl-Appendiċi E
(CUI) proposti mis-CIT huma mmirati biex jestendu l-kamp ta' applikazzjoni
tar-regoli uniformi dwar il-kuntratt tal-użu tal-infrastruttura għat-trasport
ferrovjarju domestiku, biex tinħoloq bażi legali għat-termini u
l-kundizzjonijiet ġenerali tal-użu tal-infrastruttura ferrovjarja, u
biex tiġi estiża r-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura
għal xi ħsarat jew telf li jistgħu jiġu kkawżati
mill-infrastruttura. (10) Is-Segretarju Ġenerali
tal-OTIF ippropona wkoll xi tibdiliet editorjali biex jissostitwixxu t-terminu
"Komunitajiet Ewropej" bit-terminu "Unjoni Ewropea"
fil-Konvenzjoni COTIF u l-Appendiċijiet tiegħu kollha. (11) Il-maġġoranza tal-emendi
proposti jaqblu mal-liġi u mal-għanijet strateġiċi
tal-Unjoni Ewropea, u għaldaqstant għandhom jiġu
appoġġati mill-Unjoni. Xi emendi ma għandhomx impatt fuq
il-liġi tal-UE u ma jeħtieġux li jkun hemm qbil dwar
pożizzjoni fil-livell tal-UE. Fl-aħħar nett, ċerti emendi
jeħtieġ li jkun hemm aktar diskussjoni dwarhom fl-Unjoni Ewropea, u
għandhom jitwarrbu f'din il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni.
Jekk dawn l-aħħar emendi jiġu approvati b'tibdiliet li ma jkunux
aċċettabbli għall-Unjoni, din għandha tifformula
oġġezzjoni skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 35.4
tal-Konvenzjoni COTIF. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1
Il-Pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea 1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed
mill-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni fil-kuntest
tal-Konvenzjoni dwar il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija għandha
tkun skont l-Anness ta' din id-Deċiżjoni. 2. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat
tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma' xi tibdiliet żgħar
fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr
Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Artikolu 2 Wara li tiġi adottata,
id-Deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni se tiġi ppubblikata
f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 3
Id-dħul fis-seħħ Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ
fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill
tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva
għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni
tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li jirrigwarda t-Trasport Internazzjonali
bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata
mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU
L 51, 23.2.2013, p. 1. [2] ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1. ANNESSI tal-proposta tad- Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tiġi adottata mill-Unjoni waqt il-25 seduta tal-Kumitat
tar-Reviżjoni tal-OTIF dwar ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar
il-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet
tiegħu
1.
Daħla
Is-Segretarjat Ġenerali tal-OTIF
sejjaħ il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-COTIF 99 f'Berne
bejn il-25 u s-27 ta' Ġunju 2014. L-għan ta' dan id-dokument ta' ħidma
hu li tiġi żviluppata pożizzjoni kkoordinata tal-UE li
għandha titressaq waqt il-laqgħa tal-Kumitat tar-Reviżjoni.
Id-dokument tħejja mid-DĠ MOVE bl-għajnuna tas-servizzi
l-oħrajn involuti tal-Kummissjoni (TAXUD, SANCO, SJ, SG).
2.
Dokumenti ta' referenza
Fil-25 ta' April 2014 tqassmu
d-dokumenti dwar il-punti fl-aġenda lill-Istati Membri tal-OTIF, u dawn
huma disponibbli fil-websajt tal-OTIF fil-link li tidher taħt: http://otif.org/en/law/revision-committee/working-documents.html.
3.
Kummenti dwar kull punt fl-aġenda
Il-punt nru 1. Il-ftuħ tal-laqgħa u l-istabbiliment ta'
kworum Dokumenti:
mhemmx. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
mhemmx. Għandu jkun hemm kworum fis-seduta
tal-Kumitat tar-Reviżjoni meta l-maġġoranza tal-Istati Membri li
għandhom id-dritt li jivvutaw ikunu rappreżentati meta ssir
il-votazzjoni. Madankollu, jeħtieġ li jitqies l-Artikolu 13(3)
tal-Konvenzjoni, li jistipula li l-Istati Membri li jkunu għamlu
dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta' xi Appendiċijiet ma
għandhomx dritt jivvutaw dwar l-emendi li jsiru f'dik l-Appendiċi. L-Istati Membri elenkati hawn taħt ma
rtirawx id-dikjarazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni ta'
ċerti Appendiċijiet: il-Pakistan, ir-Russja (dwar is-CIV, l-RID,
is-CUV, is-CUI, l-APTU u l-ATMF), Ġeorġja (dwar is-CUV, is-CUI,
l-APTU u l-ATMF), ir-Repubblika Ċeka, in-Norveġja, is-Slovakkja,
ir-Renju Unit (dwar is-CUI, l-APTU u l-ATMF), Franza (dwar l-ATMF). Meta jkunu qegħdin jiġu diskussi
l-emendi fl-Appendiċijiet rilevanti, l-għadd ta' Stati Membri li
jkunu għamlu dikjarazzjoni dwar in-nuqqas ta' applikazzjoni
tal-Appendiċi kkonċernata jrid jitnaqqas mill-għadd tal-membri
attivi tal-OTIF (46) biex jiġi stabbilit il-kworum għall-votazzjoni
dwar l-Appendiċi kkonċernata. F'każ fejn il-kompetenza tkun tal-UE, l-UE
tista' tivvota f'isem il-membri kollha tagħha li jkollhom id-dritt li
jivvutaw, mingħajr bżonn tal-preżenza fiżika ta' dawk
il-membri meta tkun qed issir il-votazzjoni; b'hekk, il-kworum jista' jkun
differenti f'każi fejn l-UE tirrappreżenta lill-Istati Membri
tagħha u f'każi fejn l-Istati Membri jivvutaw huma. Il-punt nru 2. L-elezzjoni tal-president u l-viċi president Dokumenti:
mhemmx. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
mhemmx. Il-punt nru 3. L-adozzjoni tal-aġenda Dokumenti:
CR 25/3. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
mhemmx. Il-punt nru 4. Ir-reviżjoni parzjali tal-Konvenzjoni
Bażika – COTIF Dokumenti: CR 25/4, CR 25/4
Add. 1. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: L-emendi fl-Artikolu 3 (Il-kooperazzjoni
internazzjonali) għandhom jiġu appoġġati (tibdil editorjali
biex ir-referenzi għall-"Komunitajiet Ewropej" jinbidlu
għal referenzi għall-"Unjoni Ewropea"). L-emendi fl-Artikolu 12 (L-eżekuzzjoni
tas-sentenzi. Hemża) għandha tiġi appoġġata peress li
temenda d-definizzjoni ta' "detentur" bi qbil mal-liġi tal-UE. L-emendi fl-Artikolu 20 (Il-Kumitat
tal-Esperti Tekniċi) għandhom jiġu appoġġati billi
dawn huma meħtieġa biex jiġu aġġornati r-Regoli
Uniformi APTU u ATMF biex jibqgħu jaqblu mal-liġi tal-UE. Emendi oħra: mhijiex meħtieġa
pożizzjoni tal-UE billi dawn l-emendi huma marbutin mal-finanzjament
tal-organizzazzjoni, jew mal-awditjar, jew jinkludu bidliet amministrattivi li
għandhom x'jaqsmu mal-programm ta' ħidma, mar-rapport annwali u
mal-listi tal-linji jew tas-servizzi li ma għandhomx impatt fuq
il-liġi tal-UE. Il-punt nru 5. Ir-reviżjoni Parzjali tal-Appendiċi B (CIM
UR) Dokumenti: CR 25/5, CR
25/5 Add. 1, CR 25/5 Add. 2, CR 25/5.1. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: l-UE fuq l-Artikoli 6 u 6a; l-Istati Membri
fuq l-Artikoli l-oħrajn. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: L-emendi fl-Artikolu 6 u fl-Artikolu
l-ġdid 6a jikkonċernaw il-liġi tal-UE minħabba l-użu
tan-nota ta' konsenja u d-dokumenti li jakkumpanjawha għad-dwana u
minħabba l-proċeduri sanitarji u fitosanitarji (SPS). L-UE taqbel
mal-ħsieb tal-OTIF li tingħata prijorità lill-forma elettronika
tan-noti tal-konsenja. Iżda fil-preżent, l-adozzjoni ta' dawn l-emendi
tista' twassal għal konsegwenzi mhux mixtieqa. Il-proċedura
ssimplifikata attwali għat-tranżitu mid-dwana bil-ferrovija hija
possibbli li ssir biss b'dokumenti f'forma ta' karti. Għaldaqstant, jekk
il-ferroviji jagħżlu li jużaw in-nota ta' konsenja elettronika,
ikollhom jużaw il-proċedura standard għat-tranżitu u
s-Sistema ta' Tranżitu Komputerizzata l-Ġdida (NCTS). Il-Kummissjoni
bdiet tħejji grupp ta' ħidma biex jiddiskuti l-użu ta' dokumenti
tat-trasport elettroniċi għat-tranżitu skont il-Kodiċi Doganali
tal-Unjoni. L-ewwel laqgħa ta' dan il-grupp ta' ħidma se ssir bejn
l-4 u l-5 ta' Ġunju 2014. L-UE taq«»bel ukoll
mal-ħsieb li d-dokumenti ta' akkumpanjament ikunu f'format elettroniku.
Iżda fil-liġi preżenti tal-UE ma hemmx bażi legali biex
id-dokumenti (bħad-Dokument Veterinarju Komuni tad-Dħul, id-Dokument
Komuni tad-Dħul) li jridu jakkumpanjaw il-prodotti marbutin mal-SPS
jingħataw f'format elettroniku, u għaldaqstant jeħtieġ li
dawn jingħataw f'forma ta' karti. Il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta'
Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni elettronika, u fil-preżent
l-abbozz qed jiġi diskuss fil-Kunsill u fil-Parlament. Huwa previst li dak
ir-Regolament (Ir-Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) jiġi
adottat sa tmiem l-2015 jew sal-bidu tal-2016, madankollu se jkun hemm perjodu
ta' tranżizzjoni għall-infurzar. Għalhekk, l-UE tipproponi li fis-seduta
preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni ma jittieħdux
deċiżjonijiet dwar dawn il-punti u li l-OTIF jibqa' jikkoopera mal-UE
dwar din il-kwistjoni biex tinstab soluzzjoni maħsuba tajjeb
sar-reviżjoni li ġejja tas-CIM, li idealment tkun issinkronizzata
mal-UCC il-ġdid u d-dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni
tiegħu li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Mejju2016.
Ċerti proċeduri elettroniċi jistgħu jiddaħħlu
ftit ftit bejn l-2016 u l-2020 bi qbil mal-Artikolu 278 tal-UCC. Emendi oħrajn: mhijiex meħtieġa
pożizzjoni tal-UE, billi dawn id-dispożizzjonijiet ma għandhomx
impatt fuq il-liġi tal-UE. Il-punt nru 6 Dokumenti elettroniċi li jikkonċernaw
il-ġarr ta' oġġetti perikolużi – informazzjoni dwar
il-ħidma tal-Kumitat ta' Esperti tal-RID Dokumenti: CR 25/6. Kompetenza:
UE. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax. Il-pożizzjoni
kkoordinata rakkomandata: osservazzjoni tal-informazzjoni. Il-punt nru 7 Ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi D (CUV
UR) Dokumenti:
CR 25/7, CR 25/7 Add. 1, CR 25/7 Add. 2. Kompetenza:
kondiviża L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE. Il-pożizzjoni tal-UE rakkomandata:
il-bidliet fl-Artikoli 2 u 9 għandhom jiġu appoġġati
billi dawn jiċċaraw ir-rwoli tad-detentur u tal-entità responsabbli
mill-manutenzjoni bi qbil mal-liġi tal-UE. Madankollu, l-emenda proposta
minn Franza fl-Artikolu 7 dwar ir-responsabbiltà tal-persuna li jkun
ipprovda l-vettura biex tintuża bħala mezz ta' trasport, f'każ
ta' ħsara li tiġi kkawżata minn difett fil-vettura,
teħtieġ analiżi ulterjuri billi l-impatt li jista' jkollha fuq
strumenti oħra tal-COTIF, li mbagħad jistgħu wkoll jaffettwaw
il-leġiżlazzjoni tal-UE, ma jistax ikun li ġie vvalutat
biżżejjed fid-dettall. Il-Kummissjoni hija tal-fehma wkoll li
l-proposti tal-Istati Membri tal-UE li jista' jkollhom impatt fuq il-liġi
tal-UE, għandhom jiġu diskussi fi ħdan l-UE qabel ma jitressqu
quddiem l-OTIF. Għaldaqstant, l-UE mhijiex f'pożizzjoni li
tappoġġa din il-proposta għal emenda waqt is-seduta
preżenti tal-Kumitat tar-Reviżjoni. Il-punt nru 8. Ir-reviżjoni tal-Appendiċi G (ATMF UR) Dokumenti: CR 25/8, CR
25/8 Add. 1, CR 25/8 Add. 2. Kompetenza:
UE. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata: ara
d-Dokument ta' Ħidma dwar il-COTIF-CTE7. Il-pożizzjoni jkollha
tiġi aġġornata skont ir-riżultati tal-laqgħa tas-CTE
li se ssir bejn l-4 u l-5 ta' Ġunju 2014. Il-punt nru 9. Ir-reviżjoni parzjali tal-Appendiċi F
(APTU UR) Dokumenti:
Ref.: CR 25/9, CR 25/9 Add. 1. Kompetenza:
UE. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
l-emendi editorjali għandhom jiġu appoġġati. Il-punt nru 10. Il-mandat għall-konsolidazzjoni tar-Rapport
ta' Spjegazzjoni Dokumenti: CR 25/10. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: SM. Il-pożizzjoni tal-UE rakkomandata:
għandu jiġi appoġġat. Il-punt nru 11. L-emendi editorjali Dokumenti: CR 25/11. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
għandhom jiġu appoġġati. Il-punt nru 12. Ir-reviżjoni parzjali tal-Apppendiċi E
(CUI UR) Dokumenti:
CR 25/12. Kompetenza:
UE. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
l-emendi għandhom jiġu rifjutati. Dawn l-emendi proposti mis-CIT
jinkludu l-estenzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tas-CUI biex jinkludi
l-operazzjoniijiet domestiċi, l-introduzzjoni ta' Termini u
Kundizzjonijiet Ġenerali li jkunu vinkolanti, u l-estenzjoni
tar-responsabbiltà tal-maniġer tal-infrastruttura għal xi ħsara
li tista' ssir. Minkejja li dawn għandhom jingħataw aktar ħsieb,
billi ma ġew diskussi f'ebda forum intern tal-OTIF qabel is-seduta
tal-Kumitat tar-Reviżjoni, l-impatt tagħhom ma jistax ikun li
ġie vvalutat biżżejjed fid-dettall. Huwa daqsxejn prematur li
s-CUI (li fil-preżent jaqbel mal-liġi tal-UE) jiġi emendat f'din
is-seduta mingħajr tħejjija xierqa. Il-punt nru 13. Ir-Regoli ta' Proċedura għall-Gruppi ta'
Ħidma tal-Kumitat tar-Reviżjoni fejn jikkonċerna
l-Appendiċijiet A, B, D, u E Dokumenti:
CR 25/13. Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: UE. Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
għandhom jiġu appoġġati. Il-punt nru 14. L-informazzjoni dwar xogħol fil-ġejjieni. Dokumenti:
CR 25/14 (għadu mhux disponibbli). Kompetenza:
kondiviża. L-eżerċitar
tad-drittijiet tal-votazzjoni: ma japplikax. «»Il-pożizzjoni kkoordinata rakkomandata:
għandha tiġi deċiża dak il-ħin.