52014PC0267

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi  tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji ta’ annimali selvaġġi fil-kuntest tal-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet /* COM/2014/0267 final - 2014/0139 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. L-għan tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi (magħrufa wkoll bħala s-CMS jew il-Konvenzjoni ta’ Bonn) hu li jiġu kkonservati l-ispeċijiet migratorji tal-art, tal-baħar u avjarji matul il-medda migratorja kollha tagħhom. Huwa trattat intergovernattiv, konkluż taħt il-patroċinju tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, li jittratta l-konservazzjoni tal-ħajja selvaġġa u l-ħabitats fuq skala dinjija. L-Unjoni Ewropea ilha Parti mis-CMS mill-1 ta’ Novembru 1983[1].

2. L-ispeċijiet migratorji li għandhom jiġu kkonservati huma elenkati fl-Appendiċi I (speċijiet fil-periklu li jinqerdu ) u II (speċijiet li għandhom ikunu s-suġġetti ta' ftehimiet) tal-Konvenzjoni.

3. Il-Konferenza tal-Partijiet (Conference of the Parties) korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni.

4. F'konformità mal-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista' tressaq proposti għal emenda. Emenda tal-Appendiċi tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha disgħin jum wara l-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li fiha tiġi adottata, ħlief għal dawk il-Partijiet li jagħmlu xi riżerva.

5. Il-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet fil-Konvenzjoni se ssir fi Quito (l-Ekwador) mill-4 sad-9 ta' Novembru 2014. Għal din il-laqgħa, qed jiġi propost li l-Unjoni tagħmel proposti biex temenda l-Appendiċi I tal-Konvenzjoni biex iżżid il-protezzjoni tal-ispeċi ta' baleni tas-subpopolazzjoni Mediterranea Ziphius cavirostris u l-speċi ta' għasafar Coracias garrulus, matul il-medda migratorja kollha tagħhom, inkluż barra mill-Unjoni Ewropea, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċijiet hija xjentifikament soda; (2) din l-inklużjoni hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE; u (3) l-Unjoni hija impenjata f'kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Dawn il-proposti ma jeħtieġu l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni, minħabba li jikkonċernaw speċijiet li diġà jibbenefikaw minn protezzjoni xierqa mil-liġi tal-Unjoni, inklużi d-Direttivi dwar l-Għasafar[2] u dwar il-Ħabitats. [3]

6. Għal din il-laqgħa, qed jiġi wkoll propost li l-Unjoni tagħmel proposti biex temenda l-Appendiċi II tal-Konvenzjoni biex iżżid il-protezzjoni ta' tliet speċijiet ta' pixxivolpi, jiġifieri l-Alopias superciliosus, l-Alopias vulpinus u l-Alopias pelagicus, matul il-medda migratorja kollha tagħhom, inkluż barra mill-Unjoni Ewropea, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (1) l-inklużjoni ta' dawn l-ispeċijiet hija xjentifikament soda; (2) din l-inklużjoni hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni tal-UE u (3) l-Unjoni hija impenjata f'kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità. Mingħajr ma teħtieġ l-ebda bidla fil-liġi tal-Unjoni, il-proposta tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-introduzzjoni ta’ ġestjoni kollaborattiva ta’ dawn l-ispeċijiet permezz tas-CMS innifsu u permezz tal-inklużjoni possibbli tal-ispeċi fil-Memorandum ta’ Ftehim (MoU) tas-CMS globali dwar il-konservazzjoni tal-klieb il-baħar migratorji, li tagħha l-Unjoni hija Parti. Se tikkomplementa u tinkoraġġixxi wkoll sforzi aħjar għall-ġestjoni tas-sajd fi ħdan Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

7. Għalhekk huwa meħtieġ li l-Kunsill jieħu deċiżjoni bl-għan li tkun stabbilta l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-kuntest tal-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet rigward il-proposti għal emenda;

8. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni, f'konformità mal-Artikolu XI (3), stabbilixxa d-data tas-6 ta' Ġunju 2014 bħala l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-proposti għal emenda.

9. Qabel il-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jista' jikkomunika proposti li jkunu saru minn Partijiet oħrajn sabiex jiġu emendati l-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni, li jistgħu jirrikjedu wkoll deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tkun adottata f'isem l-Unjoni rigward dawk il-proposti.

2014/0139 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għal emendi tal-Appendiċi tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji ta’ annimali selvaġġi fil-kuntest tal-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Bħala Parti mill-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' speċijiet migratorji ta' annimali selvaġġi ("Il-Konvenzjoni") kif approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE[4], l-Unjoni tista' tipproponi emendi tal-Appendiċi tal-Konvenzjoni li jelenkaw l-ispeċijiet li għandhom ikunu kkonservati.

(2)       Il-Konferenza tal-Partijiet korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Konvenzjoni u għandha s-setgħat li tivvaluta l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji u, sussegwentement, li temenda l-Appendiċi I u II tal-Konvenzjoni.

(3)       Jidher li l-inklużjoni tal-ispeċijiet Coracias garrulus u s-subpopolazzjoni Mediterranea tal-ispeċi Ziphius cavirostris fl-Appendiċi I għandha bażi xjentifka soda f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

(4)       Jidher li l-inklużjoni tal-ispeċijiet Alopias superciliosus, Alopias vulpinus u Alopias pelagicus fl-Appendiċi II għandha bażi xjentifka soda f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-impenn tal-Unjoni fil-kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tal-bijodiversità.

(5)       Fil-kuntest tal-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet li se ssir fi Quito (l-Ekwador) mill-4 sad-9 ta' Novembru 2014, l-Unjoni għandha tagħmel proposti biex temenda l-Appendiċi I biex iżżid l-ispeċi Coracias garrulus u s-subpopolazzjoni Mediterranea tal-ispeċi Ziphius cavirostris, u temenda l-Appendiċi II biex iżżid l-ispeċijiet Alopias superciliosus, Alopias vulpinus u Alopias pelagicus.

(6)       Dawn il-proposti se jkunu kkomunikati lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu Waħdieni

Fil-kuntest tal-ħdax-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċijiet migratorji tal-annimali selvaġġi, il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata biex tissottometti, f’isem l-Unjoni Ewropea, proposta għal emenda tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta’ speċijiet migratorji ta’ annimali selvaġġi sabiex jinkludi l-ispeċijiet Coracias garrulus u s-subpopolazzjoni Mediterranea tal-ispeċi Ziphius cavirostris u proposta għal emenda tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni sabiex jinkludi l-ispeċijiet Alopias superciliosus, Alopias vulpinus u Alopias pelagicus.

Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dawn il-proposti lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni ta' l-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi, ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10.

[2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

[3]               Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

[4]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/461/KEE tal-24 ta’ Ġunju 1982, li tirrigwarda l-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-ispeċje migratorji tal-annimali selvaġġi, (ĠU L 210, 24.6.1982, p. 10).