52014PC0208

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1, 2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, 2/20-1, 2/29, tal-kapitolu III, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011 /* COM/2014/0208 final - 2014/0119 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           INTRODUZZJONI

Din il-proposta tal-Kummissjoni tikkonċerna l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fit-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI (l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) relatata mas-seba' emendi stabbiliti b'mod individwali fis-subintestaturi li ġejjin:

1.1.        Emendi tar-regolamenti SOLAS II-2/3 u II-2/9.7 li jikkonċernaw ir-reżistenza għan-nar tat-tubi ta' vetilazzjoni għal bastimenti ġodda

Dawn l-emendi tal-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni SOLAS jintroduċu rekwiżiti ġodda għas-sistemi ta' ventilazzjoni fil-bastimenti. Dawn għandhom l-għan li jikkjarifikaw ir-rekwiżiti għall-immuntar ta' umidifikaturi tan-nirien u tad-duħħan u għall-umidifikaturi tan-nirien ikkontrollati mill-bogħod. Barra minn hekk, żdiedu xi definizzjonijiet ġodda għall-umidifikaturi tan-nirien u tad-duħħan.

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 13 tad-dokument MSC 92/26/Add.1. Il-Paragrafu 8.6 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

1.2.        Emendi tar-regolament SOLAS II-2/13.4 li jikkonċernaw mezzi addizzjonali ta' evakwazzjoni minn spazji tal-makkinarju għal bastimenti ġodda tal-passiġġieri u tal-merkanzija

Il-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni SOLAS jinkludi rekwiżiti għall-mezzi ta' evakwazzjoni f'każ ta' nirien. Dawn l-emendi tar-rekwiżiti tas-SOLAS għandhom l-għan li jiżguraw li s-slielem u t-turġien ta' skalapiżi fl-ispazji tal-makkinarju li huma parti minn passaġġ tas-salvataġġ u li ma jinsabux fi spazju magħluq protett, ikunu magħmula mill-azzar. Barra minn hekk, ġew introdotti rekwiżiti għall-passaġġi tas-salvataġġ minn bini fejn isir ix-xogħol fl-ispazji tal-makkinarju.

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 13 tad-dokument MSC 92/26/Add.1. Il-Paragrafu 8.17 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

1.3.        Emendi tar-regolament SOLAS II-2/18 li jikkonċernaw żoni għall-inżul ta' ħelikopter fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro għal bastimenti ġodda

Il-Kapitolu II-2 tal-Konvenzjoni SOLAS jinkludi rekwiżiti għall-faċilitajiet tal-ħelikopter. Dawn l-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS għandhom l-għan li mit-22 ta' Ġunju 2012 jintroduċu ċ-Ċirkolari tal-OMI MSC.1/Circ.1431 - Linji gwida għall-approvazzjoni ta' tagħmir għat-tifi tan-nar bir-ragħwa għall-ħelikopters. Għaldaqstant, jeħtieġ li s-sistema ta' applikazzjoni tar-ragħwa tkun f'konformità ma' dawn il-linji gwida.

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 13 tad-dokument MSC 92/26/Add.1. Il-Paragrafu 8.30 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

1.4.        Emendi tal-kapitolu III ta' SOLAS u tar-rekwiżiti assoċjati għar-reviżjoni u l-manutenzjoni perjodika tad-dgħajjes ta' salvataġġ u d-dgħajjes ta' emerġenza għall-bastimenti kollha

Il-Kapitolu III tal-Konvenzjoni SOLAS jinkludi rekwiżiti għat-tagħmir ta' salvataġġ. Dawn l-emendi tal-Konvenzjoni SOLAS għandhom l-għan li jagħmlu obbligatorji r-reviżjoni u l-manutenzjoni perjodika tad-dgħajjes ta' salvataġġ u d-dgħajjes ta' emerġenza.

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 31 f’MSC 92/26/Add.2. Il-Paragrafu 13.16 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

1.5.        Emendi tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ (LSA) li jikkonċernaw l-Apparat tal-Ittestjar ta' Referenza (RTDs) tal-ġgieget ta' salvataġġ - b'Rakkomandazzjonijiet Riveduti assoċjati dwar l-ittestjar ta' tagħmir ta' salvataġġ u Linji Gwida għall-ivvalidar tal-kostruzzjoni ta' apparat tal-ittestjar ta' referenza komplut ta' adult

Il-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ tal-OMI (LSA) jinkludi rekwiżiti għat-tagħmir ta' salvataġġ. Dawn l-emendi tal-Kodiċi tal-LSA jintroduċu rekwiżiti ġodda għall-Apparat tal-Ittestjar ta' Referenza tal-ġgieget ta' salvataġġ.

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 34 f’MSC 92/26/Add.2. Il-Paragrafu 13.27.1 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

1.6.        Emendi tar-regolament SOLAS II-1/29 li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għall-provi tal-apparat ta' tmexxija

Il-Kapitolu II-1 tal-Konvenzjoni SOLAS jinkludi rekwiżiti għall-apparat ta' tmexxija u jistabbilixxi l-mezzi li bihom tista' tintwera l-konformità. Dawn l-emendi tas-SOLAS jipprovdu mezz alternattiv biex tintwera l-konformità, meta ma jkunx prattiku li din issir bi provi fil-baħar bil-bastiment fil-fundar l-aktar profond meta jkun qed ibaħħar. .

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 35 f’MSC 92/26/Add.2. Il-Paragrafu 13.29 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

1.7.        Emendi tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011 (Enhanced Survey Programme - ESP), b'mod partikolari biex dan ikun konformi mal-prattiki tas-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni/tal-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti.

L-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kondizzjoni (Condition Assessment Scheme - CAS) tistabbilixxi l-qafas għal spezzjoni intensifikata ta’ bastimenti aktar qodma. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet matul stħarriġ ta’ Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u ta’ Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) jispeċifika kif issir l-ispezzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP biex tikseb l-għan tagħha, il-CAS tirreferi għall-ESP bħala għodda biex tagħmel dan. Dawn l-emendi tal-Kodiċi ESP għandhom l-għan li l-ESP jikkonforma mal-prattiki attwali.

Dawn il-bidliet huma stipulati fl-Anness 36 f’MSC 92/26/Add.2. Il-Paragrafu 13.33 tar-rapport MSC 92 (MSC 92/26) jindika li dawn l-emendi se jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC.

2.           ADOZZJONI TAL-EMENDI TAL-OMI

2.1.        Adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1, 2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, 2/20-1, 2/29, tal-kapitolu III, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011

Dawn l-emendi ġew approvati waqt it-92 Sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima li saret bejn it-12 u l-21 ta’ Ġunju 2013 u għandhom jitressqu għall-adozzjoni fit-93 sessjoni ta’ dik il-laqgħa tal-Kumitat li se ssir bejn l-14 u t-23 ta' Mejju 2014.

2.2.        Aċċettazzjoni u dħul fis-seħħ.

Ladarba jiġu approvati u adottati minn dan il-Kumitat, l-emendi msemmija hawn fuq se jitressqu quddiem il-partijiet kontraenti rispettivi sabiex dawn jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu bl-emendi msemmija.

3.           LEĠIŻLAZZJONI U KOMPETENZI RILEVANTI TAL-UE

3.1.        Emendi tar-regolamenti SOLAS II-2/3 u II-2/9.7 li jikkonċernaw ir-reżistenza għan-nar tat-tubi ta' ventilazzjoni għal bastimenti ġodda

L-Unjoni diġà adottat rekwiżiti dwar il-protezzjoni, id-detezzjoni u t-tifi tan-nar permezz tal-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE[1] dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri. Ir-Regolament 12 tal-parti A ta' dan il-Kapitolu jistipula rekwiżiti speċifiċi għat-tubi ta' ventilazzjoni, li huma derivati mill-istess dispożizzjonijiet SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati. Barra minn hekk, ir-Regolament 9 tal-Kapitolu II-2, il-parti B, tal-Anness imsemmi hawn fuq, jistipula rekwiżiti komprensivi u dettaljati li jikkonċernaw il-materjali ta' kostruzzjoni li jridu jintużaw għat-tubi ta' ventilazzjoni f'partijiet differenti tal-bastiment tal-passiġġieri skont il-klassi tiegħu.  Dawn l-emendi tar-Regolament 9 SOLAS tal-Kapitolu II-2, il-parti C, jibdlu l-paragrafu 7 kollu dwar is-sistemi ta' ventilazzjoni, billi jkopru kemm id-definizzjoni kif ukoll l-ittestjar għall-penetrazzjonijiet ta' tubi, li jinkludu arranġamenti speċjali għall-bastimenti tal-passiġġieri li jġorru aktar minn 36 passiġġier.

B'riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar it-tubi ta' ventilazzjoni se jkollhom bżonn li jiġu riveduti sabiex jiġu adottati l-emendi msemmija hawn fuq. Dan jikkonċerna, pereżempju, id-dispożizzjonijiet dwar il-penetrazzjoni ta' tubi fil-parti A tar-Regolament 12 tal-Anness 1 tal-Kapitolu II-2, u s-sistemi ta' ventilazzjoni għall-bastimenti li jġorru aktar minn 36 passiġġier fil-parti B tar-Regolament 9.

Għalhekk, l-emendi ta' SOLAS li jridu jiġu adottati jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar it-tubi ta' ventilazzjoni.

3.2.        Emendi tar-regolament SOLAS II-2/13.4 li jikkonċernaw mezzi addizzjonali ta' evakwazzjoni minn spazji tal-makkinarju għal bastimenti ġodda tal-passiġġieri u tal-merkanzija

L-Unjoni, permezz tal-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE, diġà adottat rekwiżiti dwar il-mezzi ta' evakwazzjoni minn spazji tal-makkinarju għal bastimenti tal-passiġġieri, b'mod partikolari r-Regolament 6 tal-Parti B (Miżuri tas-Sikurezza Kontra n-Nirien) ta' dan il-kapitolu, li huma derivati mill-istess dispożizzjonijiet SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati.

B'riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar il-mezzi ta' evakwazzjoni, se jkollhom bżonn li jiġu riveduti sabiex jiġu adottati l-emendi msemmija hawn fuq, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-gverta tal-paratija u dwar l-evakwazzjoni mill-kmamar ta' kontroll tal-makkinarju.

Għalhekk, l-emendi ta' SOLAS li jridu jiġu adottati jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar il-mezzi ta' evakwazzjoni minn spazji tal-makkinarju għal bastimenti ġodda tal-passiġġieri.

3.3.        Emendi tar-regolament SOLAS II-2/18 li jikkonċernaw żoni għall-inżul ta' ħelikopter fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro għal bastimenti ġodda

L-Unjoni, permezz tal-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE, diġà adottat rekwiżiti dwar id-dispożizzjoni ta' żoni għall-inżul ta' ħelikopters. B'mod partikolari, ir-Regolament 18, il-parti B ta' dan il-kapitolu tistipula li "vapuri mgħammra bil-pjattaforma għall-ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-Regolament 18 ta’ Parti G tas-SOLAS il-Kapitolu II-2, kif rivedut fl-1 ta’ Jannar 2003". Dawn ir-rekwiżiti issa huma mistennija li jiġu emendati.

B'riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar żoni għall-inżul ta' ħelikopter fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro għal bastimenti ġodda se jkollhom bżonn li jiġu riveduti sabiex jiġu adottati l-emendi msemmija hawn fuq.

Għalhekk, l-emendi ta' SOLAS li jridu jiġu adottati jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar iż-żoni għall-inżul ta' ħelikopters, billi titfassal kwalunkwe reviżjoni ta' dawn ir-regoli.

3.4.        Emendi tal-kapitolu III ta' SOLAS u tar-rekwiżiti assoċjati għar-reviżjoni u l-manutenzjoni perjodika tad-dgħajjes ta' salvataġġ u d-dgħajjes ta' emerġenza għall-bastimenti kollha

L-Unjoni, permezz tar-Regolament 12 tal-Kapitolu III tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, diġà adottat rekwiżiti dwar il-prontezza għat-tħaddim, il-manutenzjoni u l-ispezzjonijiet tat-tagħmir ta' salvataġġ. Ir-Regolament 12.2 jistipula li "il-manutenzjoni u l-ispezzjonijiet tat-tagħmir tas-salvataġġ għandhom isiru f’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolament III/20 SOLAS." Għaldaqstant, id-Direttiva teħtieġ li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati u li kwalunkwe bidla se jkollha effett dirett fuq il-liġi tal-UE.

Għalhekk, l-emenda proposta tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta' SOLAS se taffettwa r-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE dwar il-prontezza għat-tħaddim, il-manutenzjoni u l-ispezzjonijiet tat-tagħmir ta' salvataġġ.

3.5.        Emendi tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ (LSA) li jikkonċernaw l-Apparat tal-Ittestjar ta' Referenza (RTDs) tal-ġgieget ta' salvataġġ - b'Rakkomandazzjonijiet Riveduti assoċjati dwar l-ittestjar ta' tagħmir ta' salvataġġ u Linji Gwida għall-ivvalidar tal-kostruzzjoni ta' apparat tal-ittestjar ta' referenza komplut ta' adult

L-Unjoni, permezz tal-Kapitolu III tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri, diġà adottat rekwiżiti dwar it-tagħmir ta' salvataġġ. B'mod partikolari, ir-Regolament 2.2 ta' dan il-kapitolu jindika li dan it-tagħmir kollu "għandu jikkonforma...mal-Kodiċi LSA".

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/98/KE[2] dwar it-tagħmir marittimu jistipula li "It-tagħmir imniżżel fl-Anness A.1 li jitqiegħed abbord bastiment tal-Komunità ...għandu jħares ir-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali msemmija f'dan l-Anness". Il-punt A.1.1.4 fit-tabella tal-Anness A.1, l-istandard applikabbli għall-ġgieget tas-salvataġġ huwa r-Riżoluzzjoni tal-OMI MSC 48(66) (il-Kodiċi LSA) u l-istandards ta' ttestjar applikabbli huma dawk stipulati fir-Riżoluzzjoni tal-OMI A.689(17) kif emendati.

Għaldaqstant, iż-żewġ Direttivi jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet ta' SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati u li kwalunkwe bidla f'dawn ir-regoli se jkollha effett dirett fuq il-liġi tal-UE.

Għalhekk, l-emendi proposti tal-Kodiċi LSA se jaffettwaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE u d-Direttiva 96/98/KE.

3.6.        Emendi tar-regolament SOLAS II-1/29 li jikkonċernaw ir-rekwiżiti għall-provi tal-apparat ta' tmexxija

L-Unjoni, permezz tar-Regolamenti 6 u 7 tal-Kapitolu II-1, il-Parti C tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE, diġà adottat rekwiżiti għall-provi tal-apparat ta' tmexxija, li huma derivati minn u jirreplikaw l-istess dispożizzjonijiet ta' SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati.

B'riżultat ta' dan, ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/45/KE dwar l-apparat ta' tmexxija prinċipali u awżiljarji se jkollhom bżonn li jiġu riveduti sabiex jiġu adottati l-emendi msemmija hawn fuq, filwaqt li jitqiesu id-dispożizzjonijiet il-ġodda ta' SOLAS.

Għalhekk, l-emendi ta' SOLAS li jridu jiġu adottati jistgħu jaffettwaw ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 2009/45/KE.

3.7.        Emendi tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011 (ESP), b'mod partikolari biex dan ikun konformi mal-prattiki tas-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni/tal-Organizzazzjonijiet Rikonoxxuti.

Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012[3] dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed għandu l-għan li jistabbilixxi skema aċċellerata għall-applikazzjoni ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti ta’ MARPOL 73/78, kif definiti fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament, għat-tankers taż-żejt li għandhom buq wieħed, u li jiġi pprojbit it-trasport lejn u minn portijiet tal-Istati Membri ta’ żejt tqil f’tankers taż-żejt b’buq wieħed.

Dan ir-Regolament jagħmel obbligatorju l-applikazzjoni ta’ Skema ta' Valutazzjoni tal-Kondizzjoni tal-IMO (CAS) għat-tankers taż-żejt b’buq wieħed li għandhom aktar minn ħmistax-il sena. L-Artikolu 5 jeħtieġ li dawn it-tankers jikkonformaw mal-CAS, li mbagħad hija ddefinita fl-Artikolu 6 bħala l-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kondizzjoni adottata permezz tar-Riżoluzzjoni MEPC 94(46) tas-27 ta’ April 2001 kif emendata bir-Riżoluzzjoni MEPC 99(48) tal-11 ta’ Ottubru 2002 u bir-Riżoluzzjoni MEPC 112(50) tal-4 ta’ Diċembru 2003. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet matul stħarriġ ta’ Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u ta’ Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) jispeċifika kif issir l-ispezzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP bħala għodda biex tikseb l-għan tagħha, kwalunkwe bidla fl-ispezzjonijiet ESP se tkun applikabbli direttament u awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

Għaldaqstant, l-emendi li jridu jiġu adottati f'MSC 93, li jintroduċu bidliet fil-Kodiċi ESP, se jaffettwaw il-liġi tal-UE, permezz tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

3.8.        Sommarju

Fid-dawl tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-adozzjoni tas-seba' emendi msemmija hawn fuq u li mistennija jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tal-UE, li l-Unjoni kisbet permezz tal-Artikolu 3(2) tat-TFUE, sakemm l-adozzjoni tal-istrumenti internazzjonali kkonċernati tista' taffettwa r-regoli komuni jew tibdel l-iskop tagħhom.

B'konsistenza ma’ ġurisprudenza konsolidata b’mod tajjeb, anke jekk l-Unjoni mhijiex membru tal-IMO, l-Istati Membri mhumiex awtorizzati li jieħdu obbligi li x’aktarx se jaffettwaw regoli tal-UE li ġew adottati għall-ksib tal-għanijiet tat-Trattati, sakemm dawn ma jkunux awtorizzati li jagħmlu dan permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni.

4.           KONKLUŻJONI

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi msemmija fil-paragrafi 1.1 sa 1.7 ta' hawn fuq u li għandhom jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima rispettivament.         

2014/0119 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali matul it-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima dwar l-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1, 2/3, 2/9.7, 2/13.4, 2/18, 2/20-1, 2/29, tal-kapitolu III, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       L-azzjoni mill-Unjoni Ewropea fis-settur tat-trasport marittimu għandu jkollha l-għan li ttejjeb is-sikurezza marittima.

(2)       Waqt it-92 sessjoni tal-laqgħa tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima (MSC) tal-OMI ġew approvat emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/1, 2/3 2/9.7, 2/13.4, 2/18, 2/20-1, 2/29, tal-Kapitolu III, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011. Dawk l-emendi huma mistennija li jiġu adottati fit-93 sessjoni tal-MSC, li se ssir f’Mejju 2014.

(3)       L-emendi tar-regolamenti SOLAS II-2/3 u II-2/9.7 li jikkonċernaw ir-reżistenza għan-nar tat-tubi ta' ventilazzjoni għal bastimenti ġodda se jintroduċu rekwiżiti ġodda għas-sistemi ta' ventilazzjoni fil-bastimenti, inklużi dawk il-bastimenti tal-passiġġieri li jġorru aktar minn 36 passiġġier. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 12, il-Parti A u tar-Regolament 9, il-Parti B tal-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE[4] dwar regoli u standards ta' sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri dwar dispożizzjonijiet għall-penetrazzjoni tat-tubi ta' ventilazzjoni u dwar is-sistemi ta' ventilazzjoni għal bastimenti li jġorru aktar minn 36 passiġġier ikopru dawn il-kwistjonijiet u huma derivati minn dawn id-dispożizzjonijiet SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati.

(4)       L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/13.4 se jintroduċu mezzi addizzjonali ta' evakwazzjoni minn spazji tal-makkinarju għal bastimenti ġodda tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Id-dispożizzjonijeit tar-Regolament 6, il-Parti B, il-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE (Mezzi ta' evakwazzjoni) ikopru dawn il-kwistjonijiet u huma derivati mid-dispożizzjonijiet SOLAS li issa huma mistennija li jiġu emendati.

(5)       L-emendi tar-Regolament SOLAS II-2/18 li jikkonċernaw żoni għall-inżul ta' ħelikopter fuq bastimenti tal-passiġġieri ro-ro għal bastimenti ġodda se jinkludu rekwiżit għal sistemi ta' applikazzjoni tat-tifi tan-nar bir-ragħwa li jkunu konformi maċ-Ċirkolari tal-OMI MSC.1/Circ.1431 tat-22 ta' Ġunju 2012 dwar Linji Gwida għall-approvazzjoni ta' tagħmir għat-tifi tan-nar bir-ragħwa għall-ħelikopters. Ir-Regolament 18, il-Parti B, il-Kapitolu II-2 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE jistipula li bastimenti mgħammra bil-pjattaforma għall-ħelikopters għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tar-regolament SOLAS kif rivedut fl-1 ta’ Jannar 2003 li issa huma mistennija li jiġu emendati.

(6)       L-emendi tal-kapitolu III ta' SOLAS, ir-Regolament 20 u r-rekwiżiti assoċjati għar-reviżjoni u l-manutenzjoni perjodika tad-dgħajjes ta' salvataġġ u d-dgħajjes ta' emerġenza għall-bastimenti kollha għandhom l-għan li jagħmlu dawn ir-rekwiżiti ddettaljati obbligatorji. Il-Kapitolu III tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE jistipula li l-manutenzjoni u l-ispezzjonijiet tat-tagħmir ta' salvataġġ iridu jitwettqu f'konformità mal-istess rekwiżiti tar-Regolament III/20 SOLAS, li issa huma mistennija li jiġu emendati.

(7)       L-emendi għall-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ (LSA) li jikkonċernaw l-Apparat tal-Ittestjar ta' Referenza (RTDs) tal-ġgieget ta' salvataġġ se jintroduċu rekwiżiti ġodda għall-RTDs. Ir-Regolament 2.2 tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2009/45/KE jindika li dan it-tagħmir kollu ta' salvataġġ jikkonforma mal-Kodiċi LSA. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/98/KE[5] dwar it-tagħmir marittimu jistipula li t-tagħmir imniżżel fl-Anness A.1 tiegħu u li jitqiegħed abbord bastiment tal-Komunità għandu jħares ir-rekwiżiti applikabbli tal-istrumenti internazzjonali msemmija f'dak l-Anness. Fit-tabella tal-Anness A.1, l-annotazzjoni A.1.1.4, l-istandard applikabbli għall-ġgieget tas-salvataġġ huwa r-Riżoluzzjoni tal-OMI MSC 48(66) - il-Kodiċi LSA, li issa huwa mistenni li jiġi emendat.

(8)       L-emendi tar-regolament SOLAS II-1/29 jikkonċernaw ir-rekwiżiti għall-provi tal-apparat ta' tmexxija se jintroduċu aktar rekwiżiti biex juru konformità matul il-provi fil-baħar. Ir-Regolamenti 6 u 7, il-Parti C, il-Kapitolu II-1 tal-Anness 1 tad-Direttiva 2009/45/KE huma derivati minn u jirreplikaw l-istess dispożizzjonijiet ta' SOLAS fil-Kapitolu II-1, il-Parti C tar-Regolament 29 dwar ir-rekwiżiti għall-apparat ta' tmexxija prinċipali u awżiljarji li issa huma mistennija li jiġu emendati.

(9)       L-emendi tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011 (ESP) jikkonformaw mal-prattiki tas-soċjetajiet ta' klassifikazzjoni. L-Artikoli 5 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 530/2012[6] dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed jagħmlu obbligatorja l-applikazzjoni tal-Iskema ta' Valutazzjoni tal-Kondizzjoni tal-OMI (CAS) għat-tankers taż-żejt b’buq wieħed li għandhom aktar minn ħmistax-il sena. Il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet matul stħarriġ ta’ Bastimenti ta' Tagħbija bl-Ingrossa u ta’ Tankers taż-Żejt jew il-Programm Imtejjeb ta’ Stħarriġ (ESP) jispeċifika kif issir l-ispezzjoni intensifikata. Peress li l-CAS tuża l-ESP bħala għodda biex tikseb l-għan tagħha, kwalunkwe bidla fl-ispezzjonijiet ESP se tkun applikabbli awtomatikament permezz tar-Regolament (UE) Nru 530/2012.

(10)     L-Unjoni la hija Membru tal-OMI u lanqas parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet konċernati. Huwa għalhekk meħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri biex jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni u biex jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu b’dawn l-emendi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.           Il-pożizzjoni tal-Unjoni fit-93 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti II-2/3, 2/9.7, 2/13.4 u 2/18 SOLAS kif stipulati fl-Anness 13 tad-dokument tal-OMI MSC 92/26.Add.1 u mal-adozzjoni tal-emendi tar-Regolamenti SOLAS II-2/20-1 u 2/29, tal-kapitolu III, tal-Kodiċi tat-Tagħmir ta' Salvataġġ u tal-Kodiċi tal-Programm Imtejjeb ta' Stħarriġ tal-2011 kif stipulati fl-Annessi 31, 34, 35 u 36 rispettivament tad-dokument tal-OMI MSC 92/26/Add.2.

2.           Il-pożizzjoni tal-Unjoni kif stipulata fil-paragrafu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OMI, billi jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

3.           Jista’ jsir qbil dwar bidliet formali u minuri għal din il-pożizzjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi emendata dik il-pożizzjoni.

Artikolu 2

L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati li jagħtu l-kunsens tagħhom li jintrabtu, fl-interess tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1

[2]               ĠU L 46, 17.2.97, p.25

[3]               ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3

[4]               ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1

[5]               ĠU L 46, 17.2.97, p.25

[6]               ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3