52014PC0206

Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għat-tiġdid tal-protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Możambik /* COM/2014/0206 final - 2014/ () */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik iffirmaw protokoll tal-Ftehim dwar is-Sajd li japplika mill-1 ta' Frar 2012. Il-protokoll, li jagħti opportunitajiet tas-sajd lil bastimenti tal-UE u li jistipula l-kontribuzzjoni finanzjarja, se jiskadi fil-31 ta' Jannar 2015.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi nnegozjat protokoll ġdid li jkun jissodisfa l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet reali tal-flotta tal-Istati Membri u li jkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Il-Kunsill qed jintalab jadotta l-linji gwida għan-negozjati mehmuża ma' din ir-rakkomandazzjoni.

2.           RAKKOMANDAZZJONI

Fid-dawl tal-punti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

- il-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ u twettaq negozjati għat-tiġdid tal-protokoll fil-qafas tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mar-Repubblika tal-Możambik;

- il-Kummissjoni tinħatar bħala n-negozjatur tal-Unjoni f’dan il-qasam;

- il-Kummissjoni għandha twettaq dawn in-negozjati f'konsultazzjoni mal-kumitat speċjali f'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

- il-Kunsill japprova l-linji gwida għan-negozjati mehmuża ma' din ir-rakkomandazzjoni. Rakkomandazzjoni għal

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għat-tiġdid tal-protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Możambik

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi għandhom jinfetħu n-negozjati bil-għan li jiġi konkluż Protokoll ġdid tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mar-Repubblika tal-Możambik,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni b’dan hija awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea, bil-għan li jiġġedded il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mar-Repubblika tal-Możambik.

Artikolu 2

Dawn in-negozjati għandhom jitwettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Politika Esterna tas-Sajd, u f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati f'isem l-Unjoni Ewropea għat-tiġdid tal-protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Możambik

Direttivi ta' negozjati

– L-għan tan-negozjati hu li jiġġedded il-Protokoll tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Możambik f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2011 dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

– Bil-għan li jiġi żgurat, permezz ta' dan il-Protokoll il-ġdid, it-trawwim ta' sajd sostenibbli u responsabbli, l-għanijiet tal-Kummissjoni għan-negozjati għandhom ikunu bbażati fuq dan li ġej:

· l-iżgurar tal-aċċess għaż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) tar-Repubblika tal-Możambik u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa għall-bastimenti tal-flotta tal-Unjoni Ewropea biex dawn iwettqu attivitajiet tas-sajd f'dik iż-ŻEE;

· il-konsiderazzjoni kif dovut tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u tal-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO), sabiex tiġi żgurata u mtejba s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd, li jkunu diretti esklussivament lejn ir-riżorsi disponibbli, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali, u filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-fatt li l-istokkijiet ikkonċernati jpassu ħafna;

· it-tiftix ta' sehem xieraq tar-riżorsi tas-sajd, li jkun proporzjonat bis-sħiħ mal-interessi tal-flotot tal-UE, meta juru interess fihom anki flotot oħra barranin;

· l-iżgurar ta' sitwazzjoni fejn l-aċċess għas-sajd ikun ibbażat fuq kriterji simili għal dawk li japplikaw għall-Protokoll attwali, filwaqt li jitqiesu l-bidliet li ġew osservati f’dawn l-aħħar snin u fid-dawl tal-aktar valutazzjonijiet xjentifiċi aġġornati disponibbli;

· djalogu kontinwu sabiex tissaħħaħ il-politika settorjali bil-għan li tiġi mħeġġa l-implimentazzjoni ta’ politika responsabbli tas-sajd, b’rabta mal-miri tal-pajjiż rigward l-iżvilupp, b’mod partikolari fir-rigward tat-tmexxija, is-segwitu, il-kontroll u l-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd u tal-pariri xjentifiċi;

· l-inklużjoni ta' klawżola dwar il-konsegwenzi li jkun hemm f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi; u

· il-konsiderazzjoni, sa fejn hu possibbli, tal-interessi tar-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE li huma ekonomikament u soċjalment relatati mal-attivitajiet tas-sajd fil-Możambik.

– Sabiex tiġi evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, il-Protokoll il-ġdid għandu jinkludi klawżola ta' applikazzjoni provviżorja mill-jum ta' wara d-data ta' skadenza tal-Protokoll attwali.

– B'mod partikolari, il-Protokoll għandu jinkludi:

· l-opportunitajiet tas-sajd, skont il-kategorija, li għandhom jingħataw lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea,

· il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tiegħu, u

· il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

·