52014PC0205

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill /* COM/2014/0205 final - 2011/0398 (COD) */


2011/0398 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ regoli u proċeduri fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju f’ajruporti tal-Unjoni fi ħdan l-Approċċ Bilanċjat u li jħassar id-Direttiva 2002/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Sfond

Data tat-trażmissjoni tal-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2011) 828 finali – 2011/398 COD): || fl-1 ta’ Diċembru 2011

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || it-28 ta’ Marzu 2012

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || it-12 ta’ Diċembru 2012

Data tat-trażmissjoni tal-proposta emendata: || Mhux Disponibbli

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || l-24 ta' Marzu 2014

2.           L-objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

L-għan tal-proposta huwa li tiżgura applikazzjoni konsistenti fl-UE tas-sett ta’ prinċipji u gwida tal-ICAO magħrufa bħala "l-Approċċ Bilanċjat” dwar il-ġestjoni tal-istorbju. Hija tieħu post u tirrevoka d-Direttiva 2002/30/KE, l-att bażiku attwali li jistabbilixxi regoli u proċeduri fir-rigward l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet operattivi relatati mal-istorbju fl-ajruporti tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda se jarmonizzaw id-diversi passi tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni, mill-ġbir ta’ provi fuq il-bażi ta’ dejta u metodi rikonoxxuti internazzjonalment, il-konsultazzjoni f’waqtha u sostanzjali tal-partijiet interessati kollha, sal-għoti ta' żmien ta' notifika twil biżżejjed għall-operaturi milquta. B'hekk, proċess b'saħħtu se jwassal biex jinstabu l-aktar soluzzjonijiet kosteffettivi biex itaffu l-impatt tal-istorbju.

Element ieħor tal-proposta huwa d-definizzjoni ta’ “inġenji tal-ajru marġinalment konformi”, li huma inġenji tal-ajru fil-flotta li jagħmlu l-iżjed storbju. L-eliminazzjoni gradwali ta' tali inġenji tal-ajru tista' tkun miżura pjuttost kosteffettiva biex jittaffa' l-istorbju: l-eliminazzjoni tagħhom tkun ta' ġid għaċ-ċittadini li jgħixu viċin l-ajruporti, filwaqt li tibqa' tippermetti ċertu spazju għat-tkabbir tat-traffiku tal-ajru.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fis-27 ta’ Jannar 2014. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim. Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni waħda bħala kontribut għal dan il-Ftehim.

L-emendi ewlenin tal-Kunsill jikkonċernaw iż-żieda fil-viżibbiltà tal-importanza tas-saħħa, l-introduzzjoni ta’ proċess ta’ medjazzjoni speċifiku biex isiru l-konsultazzjonijiet, l-ittardjar tal-eliminazzjoni gradwali tal-"inġenji tal-ajru marġinalment konformi", l-għoti aktar speċifiku ta' informazzjoni dwar l-istorbju, it-tħassir ta’ delegazzjoni sabiex jiġu emendati d-definizzjonijiet ta’ inġenji tal-ajru u inġenji tal-ajru marġinalment konformi, u kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni, inkluż klawżola ta’ anterjorità, miżura ta' tranżizzjoni u dewmien tad-dħul fis-seħħ. Dwar id-dritt ta’ skrutinju tal-Kummissjoni, il-pożizzjoni tal-Kunsill tobbliga lill-Awtorità Kompetenti biex teżamina n-notifika tal-Kummissjoni u tinforma lill-Kummissjoni dwar l-intenzjonijiet tagħha.

B'mod ġenerali, il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprovdi proċess robust għall-valutazzjonijiet tal-istorbju. L-emendi jiċċaraw aktar il-valutazzjoni tal-istorbju u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni u huma kważi kollha konformi mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. L-emendi jistgħu jiġu aċċettati kollha.

4.           Dikjarazzjonijiet mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni għamlet dikjarazzjoni waħda li tiffaċilita l-ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament li tinsab fl-anness.

5.           Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista' taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

DIKJARAZZJONI

Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad- Direttiva 2002/49/KE

“Il-Kummissjoni qed tiddiskuti mal-Istati Membri l-Anness II tad-Direttiva 2002/49/KE (metodi ta’ kalkolu tal-istorbju) bil-għan li tadattaha fix-xhur li ġejjin.

Il-Kummissjoni biħsiebha tirrevedi l-Anness III tad-Direttiva 2002/49/KE (stima tal-impatt fuq is-saħħa, kurvi ta’ doża-rispons) skont ix-xogħol li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qiegħdha attwalment twettaq rigward il-metodoloġija għall-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet tas-saħħa tal-impatt tal-istorbju"