Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja, fl-isem tal-Unjoni, ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2014/0202 final - 2014/0117 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Bħala parti mill-Politika Ewropea
tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji
tal-Unjoni għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi sħab tal-PEV
jirrappreżenta waħda minn bosta miżuri maħluqa biex
jippromwovu r-riforma, il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni
fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ssottolineat dan l-aspett
ta’ politika b’mod aktar estensiv fil-Komunikazzjoni tagħha ta’
Diċembru 2006 “dwar l-approċċ ġenerali
għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-Politika
Ewropea tal-Viċinat fl-aġenziji u l-programmi Komunitarji”[1]. Il-Kunsill approva dan l-approċċ
fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2007[2]. Abbażi ta' din il-Komunikazzjoni u ta'
dawn il-konklużjonijiet, fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill
ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet Qafas
mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu,
il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja,
il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar
il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom
fil-programmi Komunitarji[3].
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid
l-importanza suprema tal-PEV u approva Rapport dwar il-Progress mill-Presidenza[5] li kien
ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u
Relazzjonijiet Esterni fit-18/19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll
il-Konklużjonijiet tal-Kunsill relatati[6].
Dan ir-rapport fakkar id-direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati
protokolli addizzjonali relevanti. Il-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni
u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet
Barranin u ta’ Sigurtà Politika “Risposti ġodda għal Viċinat fi
trasformazzjoni”[7],
approvat mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011,
enfasizza aktar l-intenzjoni tal-UE biex tiffaċilita
l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi msieħba fil-programmi tal-UE. F’Settembru 2011, il-parteċipanti
tas-Summit ta’ Varsavja tas-Sħubija tal-Lvant qablu li jiffaċilitaw
il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi sħab fi programmi u aġenziji
tal-UE. Sa issa, ġew iffirmati Protokolli
mal-Armenja, mal-Ġeorġja, mal-Iżrael, mal-Ġordan,
mal-Moldova, mal-Marokk u mal-Ukraina. F’Diċembru 2013, it-Tuneżija
esprimiet l-interess tagħha li tipparteċipa fil-firxa wiesgħa
ta’ programmi miftuħa għall-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea
tal-Viċinat. It-test tal-protokoll li ġie nnegozjat mat-Tuneżija
huwa anness hawnhekk. Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar
tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim Qafas dwar il-prinċipji ġenerali
għall-parteċipazzjoni tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni. Fih
stipulazzjonijiet standard li huma maħsuba li jiġu applikati
għall-pajjiżi sħab kollha tal-PEV li magħhom għandhom
jiġu konklużi dawn il-protokolli. It-test innegozjat jipprevedi wkoll
li l-Partijiet japplikaw b’mod provviżorju d-dispożizzjonijiet ta'
dan il-Protokoll mid-data ta' meta jiġi ffirmat. B'mod parallel, il-Kummissjoni tressaq
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni
tal-imsemmi Protokoll. Il-Kunsill huwa mistieden biex jadotta
d-Deċiżjoni proposta li ġejja. 2014/0117 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma u l-applikazzjoni provviżorja,
fl-isem tal-Unjoni, ta’ Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li
jistabilixxi assoċazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri
tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija,
min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u
r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni
tar-Repubblika tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari
l-Artikolu 212 flimkien mal-Artikolu 218(5) u (7) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fit-18 ta’ Ġunju 2007
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll
għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi assoċazzjoni bejn
il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda,
u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tat-Tuneżija dwar il-prinċipji
ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Tuneżija
fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ
"il-Protokoll"),
(2) In-negozjati ġew konklużi. (3) L-objettiv tal-Protokoll huwa
li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu
lit-Tuneżija tipparteċipa f'ċerti programmi tal-Unjoni. Il-qafas
orizzontali stabbilit mill-Protokoll jikkostitwixxi miżura ta' kooperazzjoni
ekonomika, finanzjarja u teknika li tippermetti li l-aċċess
għall-għajnuna, b'mod partikolari għajnuna finanzjarja,
jiġi pprovdut mill-Unjoni skont il-programmi tal-Unjoni. Dan il-qafas
japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li għalihom l-atti legali
rilevanti kostituttivi jipprevedu l-possibbiltà ta' parteċipazzjoni
tat-Tuneżija. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll
għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt
id-diversi politiki settorjali segwiti mill-programmi, li huma
eżerċitati meta jiġu stabbiliti l-programmi. (4) Il-Protokoll għandu
jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u għandu jiġi applikat fuq
bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sa meta jitlestew
il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Protokoll għall-Ftehim
Ewro-Mediterranju bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom,
min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa
l-oħra, li jikkonċerna Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija,
dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni
tat-Tuneżija fil-programmi tal-Unjoni ("il-Protokoll") huwa
b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi
Protokoll. It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ biex jiġi
ffirmat it-Trattat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu,
għall-persuna/i indikata(i) mill-Kummissjoni Ewropea Artikolu 3 Il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi
provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu, skont l-Artikolu 10,
sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. Id-data
tal-firma tal-Protokoll ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Artikolu 4 Il-Kummissjoni hija awtorizzata li
tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni,
it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli
għall-parteċipazzjoni tat-Tuneżija fi kwalunkwe programm
partikolari, inkluż il-kontribut finanzjarju pagabbli. Il-Kummissjoni
se taġġorna l-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha
tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] COM(2006) 724 final tal-4 ta’
Diċembru 2006. [2] Il-Konklużjonijiet ta’ KAĠRE tal-5 ta’ Marzu 2007. [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li
tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-protokolli […],
Dok 10412/07. [4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, il-21
u t-22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07. [5] Ir-Rapport tal-Presidenza dwar il-Progress dwar
“Insaħħu l-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07. [6] Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet
Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni)
fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok 11016/07. [7] COM (2011) 303 final,
tal-25 ta’ Mejju 2011.