Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2014/0201 final - 2014/0110 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Bħala parti mill-Politika Ewropea
tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji
tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi sħab tal-PEV hija waħda
minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma,
il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni espandiet fuq dan fil-Komunikazzjoni tagħha ta'
Diċembru 2006 “dwar l-approċċ ġenerali biex
il-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jkunu
jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi
Komunitarji”[1].
Il-Kunsill approva dan l-approċċ
fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2007[2]. B'segwitu għal din il-Komunikazzjoni u
dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007,
ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas
mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu,
il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja,
il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji
ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi
Komunitarji[3].
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid
l-importanza suprema tal-PEV u approva r-Rapport tal-Progress tal-Presidenza[5] li kien
ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill fit-18 u
fid-19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll il-konklużjonijiet
tal-Kunsill relatati[6].
Dan ir-rapport fakkar id-direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati
protokolli addizzjonali rilevanti. Il-Komunikazzjoni
Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà "Risposta
ġdida għal Viċinat li qed jinbidel"[7], approvata
mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2011,
enfasizzat aktar l-intenzjoni tal-UE li tiffaċilita l-parteċipazzjoni
tal-pajjiżi sħab fil-programmi tal-UE. Sa issa, ġew
iffirmati Protokolli mal-Armenja[8],
mal-Ġeorġja[9],
mal-Iżrael[10],
mal-Ġordan[11],
mal-Moldova[12],
mal-Marokk[13]
u mal-Ukraina[14].
F’Diċembru 2013,
ir-Repubblika tal-Libanu esprimiet l-interess tagħha li tipparteċipa
fil-firxa wiesgħa ta’ programmi miftuħa għall-pajjiżi
sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. It-test tal-protokoll li
ġie nnegozjat mar-Repubblika tal-Libanu huwa mehmuż hawnhekk. Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni
tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim ta’ Qafas dwar il-prinċipji
ġenerali għall-parteċipazzjoni tal-Libanu fil-programmi
tal-Unjoni. Fih stipulazzjonijiet standard li huma maħsuba li jiġu
applikati għall-pajjiżi sħab kollha tal-Politika Ewropea
tal-Viċinat li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn
il-protokolli. Skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat
dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill għandu jikseb
il-kunsens tal-Parlament Ewropew qabel ma jikkonkludi dan il-Protokoll. B’mod parallel, il-Kummissjoni
tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll imsemmi. Il-Kunsill huwa mistieden jadotta
d-Deċiżjoni proposta li ġejja. 2014/0110 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni ta' Protokoll
għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda,
u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali
għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi
tal-Unjoni IL-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212,
flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u l-Artikolu 218(7), tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament
Ewropew, Billi: (1) Il-Protokoll
għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda,
u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali
għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fi programmi
tal-Unjoni ("il-Protokoll") ġie ffirmat f’isem l-Unjoni nhar il-
… (2) L-objettiv tal-Protokoll huwa
li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu
lir-Repubblika tal-Libanu li tipparteċipa f'ċerti programmi tal-UE.
Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi l-prinċipji
għal kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika u jippermettu
lir-Repubblika tal-Libanu tirċievi għajnuna, b’mod partikolari
għajnuna finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea skont il-programmi tal-Unjoni
Ewropea. Dan il-qafas japplika biss għal dawk il-programmi tal-Unjoni li
għalihom l-atti legali kostitwivi rilevanti jipprovdu
għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu.
Il-konklużjoni tal-Protokoll għalhekk ma tinvolvix
l-eżerċizzju tas-setgħat taħt id-diversi politiki
settorjali segwiti mill-programmi, li huma eżerċitati meta jiġu
stabbiliti l-programmi. (3) Il-Protokoll għandu
jiġi approvat f’isem l-Unjoni, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Protokoll
għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda,
u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali
għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi
tal-Unjoni (“il-Protokoll”) ġie b’dan approvat f’isem l-Unjoni[15]. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu
jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni
Ewropea, għan--notifika prevista fl-Artikolu 10 tal-Protokoll[16], sabiex tesprimi
l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta mill-Protokoll. Id-data tad-dħul fis-seħħ
tal-Protokoll tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni
Ewropea. Artikolu 3 Il-Kummissjoni hija awtorizzata li
tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet
speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Libanu fi
kwalunkwe programm partikolari, inkluż il-kontribut finanzjarju pagabbli.
Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti
tal-Kunsill infurmat. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħfil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] COM(2006) 724 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006. [2] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet
Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE)
tal-5 ta’ Marzu 2007. [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li
tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Protokolli […],
Dok 10412/07. [4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, il-21
u t-22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07. [5] Ir-Rapport ta' Progress mill-Presidenza dwar
it-“Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07. [6] Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet
Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni) fit-18 ta’ Ġunju 2007,
Dok 11016/07. [7] COM(2011) 303 finali tal-25 ta’ Mejju 2011. [8] [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza
tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni] [9] [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza
tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni] [10] ĠUUE L 129/39 tas-17.5.2008. [11] [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza
tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni] [12] ĠUUE L 14/5 tad-19.01.2011, ĠUUE
L 131/1 tat-18.05.2011, dħul fis-seħħ fl-01.05.2011. [13] ĠUUE L273/1 tad-19.10.2010, ĠUUE L90/1
tat-28.03.2012, dħul fis-seħħ fl-01.10.2012; [14] ĠUUE L18/1-5 tal-21.01.2011, ĠUUE L133/1
tal-20.05.2011, dħul fis-seħħ fl-01.11.2011. [15] Il-Protokoll ġie ppubblikat fi [ĠU…] flimkien
mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar. [16] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Protokoll se
tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.