Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma u l-applikazzjoni proviżorja, fl-isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterran li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni /* COM/2014/0200 final - 2014/0109 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI Bħala parti mill-Politika Ewropea
tal-Viċinat (PEV), il-ftuħ gradwali ta’ xi programmi u aġenziji
tal-Unjoni Ewropea għall-pajjiżi sħab tal-PEV hija waħda
minn bosta miżuri maħluqa biex jippromwovu r-riforma,
il-modernizzazzjoni u t-tranżizzjoni fil-viċinat tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni espandiet fuq dan fil-Komunikazzjoni tagħha ta'
Diċembru 2006 “dwar l-approċċ ġenerali biex
il-pajjiżi sħab tal-Politika Ewropea tal-Viċinat jkunu
jistgħu jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u fil-programmi
Komunitarji”[1]. Il-Kunsill approva dan l-approċċ
fil-konklużjonijiet tiegħu tal-5 ta’ Marzu 2007[2]. B'segwitu għal din il-Komunikazzjoni u
dawk il-konklużjonijiet, il-Kunsill, fit-18 ta’ Ġunju 2007,
ħareġ direttivi lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim Qafas
mal-Alġerija, l-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu,
il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldovja,
il-Marokk, l-Awtorità tal-Palestina, it-Tuneżija u l-Ukraina, dwar il-prinċipji
ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programmi
Komunitarji[3].
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2007[4] afferma mill-ġdid
l-importanza suprema tal-PEV u approva r-Rapport tal-Progress mill-Presidenza[5] li kien
ippreżentat fil-laqgħa tal-Kunsill fit-18 u
fid-19 ta’ Ġunju 2007 kif ukoll il-konklużjonijiet
tal-Kunsill relatati[6].
Dan ir-rapport fakkar id-direttivi tal-Kunsill biex jiġu nnegozjati
protokolli addizzjonali rilevanti. Il-Komunikazzjoni
Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni
Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Risposta
ġdida għal Viċinat li qed jinbidel[7], approvata
mill-Konklużjonijiet tal-Kunsill fl-20 ta' Ġunju 2011,
enfasizzat aktar l-intenzjoni tal-UE li tiffaċilita l-parteċipazzjoni
tal-pajjiżi sħab fil-programmi tal-UE. Sa issa, ġew
iffirmati Protokolli mal-Armenja[8],
mal-Ġeorġja[9],
mal-Iżrael[10],
mal-Ġordan[11],
mal-Moldova[12],
mal-Marokk[13]
u mal-Ukraina[14]. F’Diċembru 2013,
il-Libanu esprima l-interess tiegħu li jipparteċipa fil-firxa
wiesgħa ta’ programmi miftuħa għall-pajjiżi sħab
tal-PEV. It-test tal-protokoll li ġie nnegozjat mar-Repubblika tal-Libanu
huwa mehmuż hawnhekk. Hawnhekk, il-Kummissjoni qed tippreżenta
proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar
tal-Protokoll. Dan il-Protokoll fih Ftehim Qafas dwar il-prinċipji
ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu
fil-programmi tal-Unjoni Ewropea. Fih stipulazzjonijiet standard li
għandhom jiġu applikati għall-pajjiżi sħab kollha
tal-PEV li magħhom għandhom jiġu konklużi dawn il-protokolli.
It-test innegozjat jistipula wkoll li l-partijiet japplikaw b’mod
provviżorju d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll mid-data ta'
meta jiġi ffirmat. B’mod parallel, il-Kummissjoni
tippreżenta proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar
il-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi. Il-Kunsill huwa mistieden jadotta
d-Deċiżjoni proposta li ġejja. 2014/0109 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-firma u l-applikazzjoni
proviżorja, fl-isem l-Unjoni, tal-Protokoll għall-Ftehim
Ewro-Mediterran li jistabilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati
Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Libanu,
min-naħa l-oħra, dwar Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u
r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali
għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi
tal-Unjoni IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212 flimkien
mal-Artikolu 218(5) u 218(7) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Fit-18 ta’ Ġunju 2007
il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Protokoll
għall-Ftehim Ewro-Mediterannju li jistabilixxi Assoċazzjoni bejn
il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda,
u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra[15], dwar Ftehim Qafas
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji
ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu
fil-programmi tal-Unjoni ("il-Protokoll"), (2) In-negozjati ġew
konklużi. (3) L-objettiv tal-Protokoll huwa
li jistabbilixxi r-regoli finanzjarji u tekniċi li jippermettu
lir-Repubblika tal-Libanu li tipparteċipa f'ċerti programmi tal-UE.
Il-qafas orizzontali stabbilit bil-Protokoll jistabbilixxi prinċipji għal
kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika u jippermetti r-Repubblika
tal-Libanu li tirċievi għajnuna, b’mod partikolari għajnuna
finanzjarja, mill-Unjoni Ewropea skont il-programmi. Dan il-qafas japplika biss
għal dawk il-programmi li għalihom l-atti legali kostitwivi rilevanti
jipprovdu għall-possibbiltà tal-parteċipazzjoni tar-Repubblika
tal-Libanu. L-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll
għalhekk ma jinvolvux l-eżerċizzju tas-setgħat taħt
id-diversi politiki settorjali, li huma eżerċitati meta jiġu stabbiliti
l-programmi. (4) Il-Protokoll jiġi
ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea u jiġi applikat fuq bażi
provviżorja mid-data tal-iffirmar tiegħu sa meta jitlestew
il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-iffirmar
tal-Protokoll għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi
Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn
naħa waħda, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra,
fir-rigward ta’ Ftehim Qafas bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu
dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni
tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi tal-Unjoni (minn hawn 'il quddiem
imsejjaħ “il-Protokoll”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni,
suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll. It-test
tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ lill-persuna/i
indikata/i min-negozjatur tal-Protokoll biex jiffirma(w) il-Protokoll,
suġġett għall-konklużjoni tiegħu.. Artikolu 3 Il-Protokoll jiġi applikat fuq bażi
proviżorja, f'konformità mal-Artikolu 10(2), mill-firma tiegħu,
sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. Id-data tal-firma ta' dan il-Protokoll tkun
ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Il-Kummissjoni hija awtorizzata li
tistabbilixxi, f'isem l-Unjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet
speċifiċi applikabbli għall-parteċipazzjoni tal-Libanu fi
kwalunkwe programm partikolari, inkluż il-kontribut finanzjarju pagabbli.
Il-Kummissjoni żżomm lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill
infurmat. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni tidħol
fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] COM(2006) 724 finali tal-4 ta’ Diċembru 2006. [2] Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet
Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni (KAĠRE)
tal-5 ta’ Marzu 2007. [3] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (ristretta) li
tawtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja l-Protokolli […],
Dok 10412/07; [4] Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza – Brussell, il-21
u t-22 ta’ Ġunju 2007, Dok 11177/07. [5] Ir-Rapport tal-Progress mill-Presidenza dwar
it-“Tisħiħ tal-Politika Ewropea tal-Viċinat”, Dok 10874/07. [6] Il-Konklużjonijiet dwar it-Tisħiħ
tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, adottati mill-Kunsill (Affarijiet
Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni)
fit-18 ta’ Ġunju 2007, Dok 11016/07. [7] COM(2011) 303 finali tal-25 ta’ Mejju 2011. [8] [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza
tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni] [9] [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza
tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni] [10] ĠUUE L129/39 tas-17.5.2008. [11] [għad trid tiġi kkompletata bir-referenza
tal-ĠU wara l-pubblikazzjoni] [12] ĠUUE L 14/5 tad-19.1.2011, ĠUUE
L 131/1 tat-18.5.2011, dħul fis-seħħ fl-01.5.2011. [13] ĠUUE L273/1 tad-19.10.2010, ĠUUE L90/1
tat-28.03.2012, dħul fis-seħħ fl-01.10.2012. [14] ĠUUE L18/1-5 tal-21.1.2011, ĠUUE L133/1
tal-20.5.2011, dħul fis-seħħ fl-01.11.2011. [15] ANNESS
PROTOKOLL
fuq Ftehim Qafas bejn
l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Libanu dwar il-prinċipji ġenerali
għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Libanu fil-programmi
tal-Unjoni
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”, min-naħa
l-waħda, u IR-REPUBBLIKA
TAL-LIBANU, minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Libanu” min-naħa
l-oħra, minn hawn 'il
quddiem imsejħa konġuntament “il-Partijiet” Billi: (1) Il-Ftehim Ewro-Mediterranju
li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri
tagħha, fuq naħa, u r-Repubblika tal-Libanu, fuq in-naħa
l-oħra, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim Ewro-Mediterranju”[1], kien iffirmat fi
Brussell fl-1 ta’ April 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta'
April 2006. (2) Il-Kunsill Ewropew tas-17 u
tat-18 ta’ Ġunju 2004 laqa’ l-proposti tal-Kummissjoni
Ewropea għal Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u approva
l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2004. (3) F’ħafna
okkażjonijiet oħrajn, il-Kunsill approva dik il-politika
fil-konklużjonijiet tiegħu. (4) Il-Kunsill, fil-5 ta’
Marzu 2007, esprima appoġġ għall-approċċ
ġenerali deskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-4 ta’
Diċembru 2006 sabiex il-pajjiżi sħab tal-PEV jingħataw
il-possibbiltà li jipparteċipaw fl-aġenziji Komunitarji u
fil-programmi Komunitarji skont il-merti tagħhom u meta l-bażijiet
ġuridiċi jippermettu li jsir dan. (5) Il-Libanu esprima x-xewqa li
jipparteċipa f’għadd ta’ programmi tal-Unjoni. (6) It-termini u
l-kondizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-parteċipazzjoni
tal-Libanu f’kull programm tal-Unjoni partikolari, b’mod partikolari
l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha tittħallas mil-Libanu kif
ukoll il-proċeduri ta’ rapportar u ta’ evalwazzjoni, għandhom
jiġu ddeterminati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet
kompetenti tal-Libanu, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Il-Libanu jkun jista' jipparteċipa fil-programmi
kollha tal-Unjoni attwali u futuri li huma miftuħa
għall-parteċipazzjoni tal-Libanu skont id-dispożizzjonijiet
rilevanti li jadottaw dawk il-programmi. Artikolu 2 Il-Libanu jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji
għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea li jikkorrispondu
mal-programmi speċifiċi tal-Unjoni li fihom jipparteċipa
l-Libanu. Artikolu 3 Ir-rappreżentanti tal-Libanu jkunu jistgħu jieħdu
sehem, bħala osservaturi u, għall-punti li jikkonċernaw
lil-Libanu, fil-kumitati ta' ġestjoni responsabbli
għall-monitoraġġ tal-programmi tal-Unjoni li l-Libanu
jagħmel kontribuzzjonijiet finanzjarji għalihom. Artikolu 4 Il-proġetti u l-inizjattivi mressqa minn
parteċipanti mil-Libanu, kemm jista’ jkun, ikunu suġġetti
għall-istess kundizzjonijiet, regoli u proċeduri li għandhom
x’jaqsmu mal-programmi kkonċernati kif huma applikati lill-Istati Membri. Artikolu 5 1. It-termini u
l-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni
tal-Libanu f’kull programm tal-Unjoni partikolari, b'mod partikolari
l-kontribuzzjoni finanzjarja li għandha titħallas mil-Libanu kif
ukoll il-proċeduri tar-rappurtar u tal-evalwazzjoni, għandhom
jiġu determinati bi ftehim bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet
kompetenti tal-Libanu, abbażi tal-kriterji stabbiliti mill-programmi
kkonċernati. 2. F'każ li
l-Libanu japplika għall-assistenza esterna tal-Unjoni biex
jipparteċipa fi programm tal-Unjoni partikolari abbażi tal-Artikolu 3
tar-Regolament (KE) Nru 232/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-11 ta’ Marzu 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet
ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u
Sħubija jew skont kwalunkwe Regolament simili li jipprovdi għall-assistenza
esterna tal-Unjoni lil-Libanu li jista' jiġi adottat fil-futur,
il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu mil-Libanu tal-assistenza esterna
tal-Unjoni jiġu determinati fi ftehim ta' finanzjament. Artikolu 6 1. Kull ftehim konkluż skont l-Artikolu 5 jistipula,
f'konformità mar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill[2],
li l-kontrolli jew l-awditi finanzjarji jew verifiki oħra, inklużi
l-investigazzjonijiet amministrattivi għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni
Ewropea, mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi u mill-Qorti
tal-Awdituri, jew taħt l-awtorità tagħhom. 2. Ikun hemm dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-kontroll u
l-awditjar finanzjarju, il-miżuri amministrattivi, il-penali u l-irkupru
li jagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Uffiċċju Ewropew ta’
Kontra l-Frodi u lill-Qorti tal-Awdituri setgħat ekwivalenti
għas-setgħat tagħhom fir-rigward tal-benefiċjarji jew
tal-kuntratturi stabbiliti fl-Unjoni. Artikolu 7 1. Dan il-Protokoll
japplika għall-perjodu li matulu jkun fis-seħħ il-Ftehim
Ewro-Mediterranju. 2. Dan
il-Protokoll jiġi ffirmat u approvat mill-Partijiet f'konformità
mal-proċeduri rispettivi tagħhom. 3. Kull Parti
tista’ tiddenunzja dan il-Protokoll permezz ta’ notifika bil-miktub lill-Parti
l-oħra. Dan il-Protokoll jintemm sitt xhur wara d-data li fiha ssir din
in-notifika. It-terminazzjoni tal-Protokoll minħabba d-denunzja minn xi
waħda mill-Partijiet ma għandhiex taffettwa l-verifiki u l-kontrolli
li għandhom jitwettqu, kif xieraq, f'konformità mal-Artikoli 5 u 6. Artikolu 8 Mhux aktar tard minn
tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, u wara
kull tliet snin sussegwenti, iż-żewġ Partijiet jistgħu
jirrevedu l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll abbażi tal-parteċipazzjoni
effettiva tal-Libanu fi programmi tal-Unjoni. Artikolu 9 Dan il-Protokoll għandu japplika, min-naħa
l-waħda, għat-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak it-Trattat,
u min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Libanu. Artikolu 10 1. Dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ fl-ewwel
jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin permezz
ta’ mezzi diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri tagħhom meħtieġa
biex dan jidħol fis-seħħ. 2.
Sakemm jidħol fis-seħħ, il-Partijiet jaqblu li japplikaw
provviżorjament dan il-Protokoll mid-data ta' meta jiġi ffirmat,
sakemm tintlaħaq il-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Artikolu 11 Dan il-Protokoll jifforma parti integrali
mill-Ftehim. Artikolu 12 Dan il-Protokoll għandu jitfassal
f'żewġ kopji bl-Għarbi, bil-Bulgaru, bil-Kroat,
biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż,
bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż,
bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti,
bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven,
bl-Ispanjol, bl-Isvediż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa
ugwalment awtentiku. Magħmul fi Brussell,
Għall-Unjoni Ewropea
Għar-Repubblika tal-Libanu [1] Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi
Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn
naħa, u r-Repubblika tal-Libanu, min-naħa l-oħra. (ĠUUE L
143, 30.05.2006, p.2) [2] Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli
għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament
tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠUUE L 298, 26.10.2012,
p. 1).