52014PC0140

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti [riformulazzjoni] 2010/0207 (COD) /* COM/2014/0140 final - 2010/0207 (COD) */


2010/0207 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb li tiġi adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti [riformulazzjoni] 2010/0207 (COD)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

1.           Sfond

Data meta l-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2010) 368 final – 2010/0207(COD): || 12/07/2010.

Data tal-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew || 17/02/2011.

Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: || ----

Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari: || 16/02/2012.

Data meta ntbagħtet il-proposta emendata: || Mhux applikabbli.

Data ta’ approvazzjoni tal-ftehim politiku fil-COREPER: Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill: || 20 ta' Diċembru 2013. 3 ta' Marzu 2014.

2.           L-għan tal-proposta tal-Kummissjoni

L-Iskemi ta’ Garanzija tad-Depożiti (SGD) bħalissa jeżistu fl-Istati Membri kollha skont id-Direttiva 94/19/KE (id-Direttiva SGD). L-SGD iridu jikkumpensaw lid-depożitanti sa EUR 100 000 għal depożiti tal-bank li ma jkunux disponibbli. L-SGD huma strument importanti biex tiġi ppreżervata l-fiduċja fis-sistema bankarja u jiġu evitati assalti bankarji.

F’Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat il-proposta leġiżlattiva tagħha dwar ir-riformulazzjoni tad-Direttiva SGD. Il-proposta għandha l-għan li:

– ittejjeb l-aċċess tad-depożitanti għall-garanzija, bi skadenzi tal-ħlas lura mnaqqsa, punti ta’ kuntatt uniċi għal fallimenti transfruntieri, u informazzjoni tad-depożitant individwali mtejba;

– tintroduċi regoli ta’ finanzjament għall-SGD, b’mod partikolari dawk li jeħtieġu finanzjament ex ante obbligatorju mis-settur bankarju;

– tarmonizza iktar l-ambitu tal-kopertura;

– tispeċifika r-rwol tal-SGD fil-qafas tal-ġestjoni tal-kriżijiet.

3.           Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

3.1.        Kummenti Ġenerali

Intlaħaq ftehim politiku bejn il-koleġiżlaturi fil-laqgħa tat-trilogi tas-17 ta’ Diċembru 2013. Il-COREPER approva l-ftehim politiku fl-20 ta’ Diċembru 2013. Il-Kumitat ECON bagħat ittra tal-ebda oġġezzjoni lill-Coreper fl-10 ta’ Jannar 2014.

3.2.        Is-segwitu tal-emendi introdotti mill-Parlament Ewropew

(1) L-ambitu tal-kopertura: Il-Parlament Ewropew immira li jżomm kopertura ogħla tad-depożiti magħmula qabel il-31 ta’ Diċembru 2010 u li kienu miżmuma minn depożitanti li joqogħdu fi Stat Membru li, qabel l-1 ta’ Jannar 2008, kellhom SGD statutorju b'livell ta’ kopertura sa EUR 300 000. Il-ftehim politiku jiċċara din l-emenda. Bħala riżultat tal-kompromess, l-Istati Membri b’livell ta’ kopertura sa EUR 300 000 japplikaw din il-kopertura ogħla sal-31 ta’ Diċembru 2018. Il-Kummissjoni tqis li din il-kjarifika hija ta’ benefiċċju u tirrispetta l-essenza tal-emenda tal-Parlament Ewropew.

(2) Skadenzi għall-ħlas lura: Il-Parlament Ewropew issuġġerixxa li l-Istati Membri jistgħu jżommu l-perjodu ta' ħlas lura attwali ta’ għoxrin jum ta’ xogħol sal-aħħar tal-2016 meta jiġi mqassar għal ħamest ijiem ta' xogħol. Matul il-perjodu tranżizzjonali, "ħlas lura ta’ emerġenza" sa EUR 5 000 se jkun disponibbli meta jintalab. Skont il-ftehim politiku, l-iskadenzi tal-ħlas lura se jitnaqqsu fi tliet fażijiet:

– ħmistax-il jum ta' xogħol mill-1 ta’ Jannar 2019;

– għaxart ijiem ta' xogħol mill-1 ta’ Jannar 2021; u eventwalment

– sebat ijiem ta' xogħol mill-1 ta’ Jannar 2024.

(3) Finanzjament: Il-Parlament Ewropew kien talab livell ta’ mira tal-fondi tal-SGD ta’ 1,5 % tad-depożiti koperti li għandu jintlaħaq matul ħmistax-il sena (minflok 1,5 % tad-depożiti eleġibbli[1] fi żmien 10 snin proposti mill-Kummissjoni). Il-ftehim politiku jipprevedi livell ta’ mira ta’ 0,8 % tad-depożiti koperti li għandu jintlaħaq fi żmien 10 snin. Is-sehem ta’ impenji ta’ ħlasijiet li jista' jingħadd lejn il-livell ta' mira jiżdied minn 10 % kif issuġġerit mill-Parlament, għal 30 %. F’każ li ma jkunx hemm biżżejjed fondi ex ante, l-SGD jiġbru kontribuzzjonijiet ex post mis-settur bankarju, u, bħala l-aħħar rimedju, iġibu aċċess għal arranġamenti ta’ finanzjament alternattivi bħal self minn entitajiet pubbliċi jew privati. Il-ftehim politiku japprova l-prinċipju propost oriġinarjament li l-kontribuzzjonijiet bankarji jridu jiġu ponderati għar-riskju. Madankollu l-anness propost oriġinarjament dwar il-kalkolu ta' ponderazzjonijiet għar-riskju jiġi sostitwit b'linji gwida mill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE).

(4) Użu tal-fondi: Il-ftehim politiku jżomm il-prinċipju, kif propost mill-Kummissjoni u approvat mill-Parlament, li fondi tal-SGD għandhom ikunu primarjament użati biex jitħallsu lura d-depożitanti iżda jistgħu jintużaw ukoll għall-prevenzjoni ta' fallimenti jew miżuri ta' riżoluzzjoni taħt ċerti kundizzjonijiet.

Fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ fallimenti, huma maħsuba kundizzjonijiet kwalitattivi simili għal dawk introdotti mill-Parlament, b’mod partikolari billi jiżguraw li:

– l-iskema tkun mgħammra b’sistemi u proċeduri xierqa għall-għażla u l-implimentazzjoni ta’ miżuri alternattivi u l-monitoraġġ ta' riskji affiljati;

– il-miżuri jkunu marbuta ma' kundizzjonijiet imposti fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed tiġi appoġġata, inkluż minimu ta’ monitoraġġ tar-riskju aktar strett u ta' drittijiet akbar ta' verifika għall-SGD; kif ukoll

– il-miżuri stabbiliti mill-SGD ikunu marbuta ma’ impenji magħmula mill-istituzzjoni ta’ kreditu li tkun qed tiġi appoġġata, bil-ħsieb li jinkiseb aċċess għad-depożiti koperti.

Madankollu, il-ftehim politiku jintroduċi aktar salvagwardji sabiex jiġi evitat periklu morali u biex jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-iskema, bħal rekwiżit li ma kienet ittieħdet l-ebda miżura ta' riżoluzzjoni fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu.

3.3.        Miżuri ġodda introdotti permezz tal-ftehim politiku

(1) Finanzjar: il-ftehim politiku jintroduċi żewġ elementi ewlenin li ma kinux jidhru fir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament fl-ewwel qari.

L-ewwel, il-kompromess jallinja d-Direttiva SGD mal-ftehim politiku dwar il-proposta għal Direttiva dwar ir-Riżoluzzjoni u l-Irkupru tal-Banek[2] billi tiġi introdotta l-possibbiltà li jinġabru kontribuzzjonijiet lil SGD eżistenti għall-iskop li jiġu koperti l-ispejjeż relatati mar-riskju sistemiku, il-falliment u r-riżoluzzjoni. Dawn il-fondi jippermettu l-imposti bankarji biex jgħoddu mal-livell ta' mira, sakemm ma jkunux diġà magħduda mal-fondi ta’ riżoluzzjoni, u sakemm l-SGD tkun effettivament intitolata għal dawn is-somom.

Barra minn hekk, il-ftehim politiku jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-Istati Membri jkollhom livell ta’ mira bejn 0,5 u 0,8 % ta’ depożiti koperti taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) It-tnaqqis huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li mhux probabbli li sehem sinifikanti tal-mezzi disponibbli jintuża għal miżuri oħrajn ħlief biex jiġi ppreżervat l-aċċess tad-depożitanti għad-depożiti f’riżoluzzjoni jew fi proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza; kif ukoll

(b) Is-settur bankarju f’dak l-Istat Membru huwa ferm ikkonċentrat bi kwantità kbira ta’ assi miżmuma minn għadd żgħir ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew gruppi bankarji. Dawn huma suġġetti għal superviżjoni fuq bażi kkonsolidata u, minħabba d-daqs tagħhom, x’aktarx li jkunu suġġetti għal proċedimenti ta' riżoluzzjoni f’każ ta’ falliment.

(2) Użu tal-fondi: Il-ftehim politiku jipprevedi wkoll għażla nazzjonali li jintużaw fondi tal-SGD fil-kuntest ta’ proċedimenti nazzjonali ta’ insolvenza sakemm l-ispejjeż imġarrba mill-SGD ma jaqbżux l-ammont nett tal-kumpens tad-depożitanti koperti fl-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata.

4.           Konklużjoni

Minkejja li l-ftehim politiku jitbiegħed mill-proposta tal-Kummissjoni b’mod konsiderevoli, huwa jikseb l-għanijiet wara l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tappoġġa l-pożizzjoni tal-Kunsill li tirrifletti l-ftehim politiku tas-17 ta’ Diċembru 2013 sabiex il-koleġiżlaturi jistgħu jadottaw it-test finali kmieni fit-tieni qari qabel it-tmiem tal-leġiżlatura.

[1]               Depożiti koperti huma depożiti eliġibbli taħt il-livell ta’ kopertura ta’ EUR 100 000.

[2]               Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 77/91/KEE u 82/891/KE, id-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/KE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, COM(2012) 280 final, 6.6.2012.