52014PC0139

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea /* COM/2014/0139 final - 2014/0079 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Matul in-negozjati għal protokoll ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-UE u r-Repubblika tas-Seychelles, li saru f’Mejju 2013, is-Seychelles qajmet il-ħtieġa li jiġi nnegozjat ftehim ta’ aċċess għal bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet ta’ Mayotte, li se jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UE mill-1 ta’ Jannar 2014. Dan jippermetti li bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles jibqa' jkollhom aċċess għall-ilmijiet ta' Mayotte mill-1 ta’ Jannar 2014.   

Il-bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles attwalment jistgħu jistadu fl-ilmijiet ta' Mayotte fuq il-bażi ta’ ftehim bejn il-Prefett ta' Mayotte u s-sidien ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tas-Seychelles. Sal-lum medja ta’ 8 bastimenti tas-sajd bit-tartarun tas-Seychelles operaw fl-ilmijiet ta' Mayotte skont il-ftehim privat, li jipprevedi li l-bastimenti jħallsu tariffa għal liċenzja direttament lil Mayotte.  

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Dan il-Ftehim huwa ta’ importanza strateġika għall-flotta tas-Seychelles minħabba n-natura migratorja tar-riżorsi tat-tonn. Dan se jkompli jenfasizza u jsaħħaħ ir-relazzjoni tagħna tas-Seychelles. Dan il-Ftehim jissupplimenta u jirrifletti l-Ftehim eżistenti li għandna għal bastimenti tal-UE biex ikollhom aċċess għar-riżorsi fl-ilmijiet tas-Seychelles, u b’hekk jissaħħaħ is-sinjal politiku li qed jingħata lis-Seychelles bħala l-aktar pajjiż sieħeb importanti tagħna fir-reġjun.

Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill, bil-kunsens tal-Parlament, jadotta d-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta' dan il-Ftehim.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni li temenda l-istatus ta’ Mayotte biex fl-1 ta’ Jannar 2014 ikun jista’ jsir reġjun l-aktar imbiegħed (ĠU L 204, tal-31.7.2012), minflok ma jżomm l-istatus attwali ta’ pajjiż jew territorju extra-Ewropew. Bħala konsegwenza, iż-ŻEE attwali ta’ Mayotte mill-1 ta’ Jannar 2014, saru ilmijiet tal-UE.

Fl-14 ta’ Ottubru ġie miftiehem mandat għall-Kummissjoni biex twettaq dawn in-negozjati u ftit wara dan saru negozjati mas-Seychelles li kienu konklużi fil-15 ta’ Novembru 2013.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Billi dan huwa dwar l-aċċess ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għal-ilmijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-UE, ma hemm l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji permezz ta’ nfiq mill-baġit tal-UE.

5.           ELEMENTI MHUX OBBLIGATORJI

Dan il-Ftehim jipprevedi aċċess għal għadd limitat ta’ bastimenti għal perjodu ta’ sitt snin għall-ilmijiet ta' Mayotte li mill-1 ta’ Jannar 2014 se jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-UE. Dan jirrifletti l-opportunitajiet attwali offruti permezz tal-Ftehim attwali bejn Mayotte u s-sidien tal-bastimenti. Dawn l-opportunitajiet se jsegwu l-gwida tal-konsulenza xjentifika tal-IOTC dwar il-kapaċità u l-konservazzjoni tar-riżorsi.

Għal dan l-aċċess, is-sidien tal-bastimenti tas-Seychelles se jkollhom iħallsu għal awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-ħlasijiet għal dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jirriflettu rati li kienu miftehma reċentement mas-Seychelles fil-Protokoll il-ġdid mal-FPA bejn l-UE u s-Seychelles. Il-ħlas tal-liċenzji jkun l-uniku kumpens finanzjarju li jiġi previst skont dan il-Ftehim il-ġdid u se jingħata direttament lil Mayotte biex jippermetti t-tiswir tal-kapaċità ta’ ġestjoni u l-kontroll tiegħu kif ukoll l-iżvilupp ta’ governanza tas-sajd u t-tiswir tal-kapaċità. Mhux se jkun hemm implikazzjonijiet finanzjarji għall-Gvern tas-Seychelles.

2014/0079 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tas-Seychelles għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar ta’ Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) u 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew[1],

Billi:

(1)       Il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (2012/419/UE) tal-11 ta’ Lulju 2012[2] li temenda, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, l-istatus ta' Mayotte fir-rigward tal-Unjoni Ewropea,

(2)       Il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea, Ftehim mar-Repubblika tas-Seychelles dwar l-aċċess, għal bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tar-Repubblika tas-Seychelles, għall-ilmijiet u r-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri fiż-żona ekonomika esklussiva ’l barra mill-kosta ta’ Mayotte.

(3)       Bħala riżultat ta' dawn in-negozjati, inbeda Protokoll ġdid fil-15 ta' Novembru 2013.

(4)       Huwa fl-interess tal-Unjoni li timplimenta l-Ftehim fis-settur tas-sajd mar-Repubblika tas-Seychelles, li jistipula l-opportunitajiet għas-sajd tas-Seychelles u li jiddefinixxi l-kondizzjonijiet biex jitrawwem sajd sostenibbli u responsabbli fl-ilmijiet ta’ Mayotte, taħt il-ġurisdizzjoni tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk huwa xieraq li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(5)       Fl-Artikolu 8 tiegħu, il-Ftehim stabbilixxa  Kumitat Konġunt responsabbli mis-sorveljanza tal-applikazzjoni tal-Ftehim. Barra minn hekk, skont il-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova ċerti modifiki għal dan il-Ftehim. Bl-iskop li jiġu implimentati dawn il-modifiki, huwa xieraq li l-Kummissjoni Ewropea tingħata s-setgħa biex tapprovahom skont proċedura ssimplifikata.

(6)       Sabiex l-awtoritajiet f’Mayotte jimplimentaw ir-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, mid-data li fiha Mayotte ssir reġjun imbiegħed, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti qafas amministrattiv xieraq, attivitajiet ta’ kontroll, infrastruttura fiżika u l-provvediment ta' tiswir ta’ kapaċità xierqa. Dan se jassisti wkoll fir-rekwiżit ta’ konformità ma’ obbligi ta’ rappurtar internazzjonali tal-Unjoni. Għalhekk, għandhom jiġu pprovduti lill-awtoritajiet tas-sajd ta' Mayotte l-mezzi finanzjarji neċessarji permezz tal-użu tal-finanzjament ipprovdut permezz tat-tariffi mħallsa mis-sidien direttament lil Mayotte.

(7)       Il-flotta li ttajjar il-bandiera tas-Seychelles operat fl-ilmijiet ta' Mayotte għal diversi snin permezz ta’ arranġament bejn Mayotte u s-sidien tal-bastimenti, fejn is-sidien tal-bastimenti jħallsu t-tariffa tal-liċenzja lil Mayotte biex jistadu f'ilmijietha. B'hekk, żviluppat relazzjoni qawwija bejn il-flotta tas-Seychelles u l-komunità lokali fir-reġjun l-aktar imbiegħed ta’ Franza ta’ Mayotte. Għalhekk, biex tinżamm din il-kontinwità tal-operazzjonijiet tas-sajd u l-benefiċċji sussegwenti, huwa xieraq li l-ħlasijiet kollha relatati ma’ awtorizzazzjonijiet u qabdiet taħt dan il-Ftehim jibbenefikaw direttament lill-komunità lokali f'Mayotte.

(8)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni[3].

Artikolu 2

1.           Franza għandha tingħata s-setgħa li tiġbor, għall-kont tar-reġjun l-aktar imbiegħed tagħha ta' Mayotte, il-ħlasijiet relatati mal-awtorizzazzjonijiet u l-qabdiet u tariffi oħra dovuti minn operaturi ta' bastimenti tas-Seychelles b’konsiderazzjoni tal-għoti ta’ aċċess għas-sajd fl-ilmijiet tal-UE madwar Mayotte skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, it-Taqsima 1, paragrafi 8 u 9 u t-Taqsima 2 tal-Anness tal-Ftehim. Dawn l-irċevuti għandhom jintużaw minn Franza għall-iffissar fis-seħħ ta’ qafas amministrattiv xieraq, attivitajiet ta’ kontroll, infrastruttura fiżika u l-provvediment ta' żvilupp ta’ kapaċità xierqa sabiex l-amministrazzjoni f’Mayotte tissodisfa r-rekwiżiti tas-CFP.

2.           Dettalji tal-kont tal-bank għandhom jiġu pprovduti lill-Kummissjoni minn Franza.

3.           Fl-aħħar ta’ kull sena ta’ implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni rapport dettaljat dwar il-ħlasijiet li jkunu saru mill-bastimenti awtorizzati li jistadu u l-utilizzazzjoni ta’ dawn il-ħlasijiet.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jagħti, f’isem l-Unjoni, in-notifika prevista fl-Artikolu 19 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbliti fl-Anness, il-Kummissjoni Ewropea hija b'dan mogħtija s-setgħa biex tapprova, f'isem l-Unjoni, l-aġġustamenti magħmula għall-Ftehim fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[4].

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU C , , p. .

[2]               ĠU L 204 of 31.7.2012

[3]               Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU... b'referenza flimkien mad-Deċiżjoni mal-iffirmar tiegħu.

[4]               Id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim ser tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

ANNESS

Kamp ta' applikazzjoni tal-għoti tas-setgħa u l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

1. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mar-Repubblika tas-Seychelles u, fejn adegwat u sakemm tkun konformi mal-paragrafu 3 ta' dan l-Anness, taqbel mal-modifiki tal-Ftehim fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a) reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd b'konformità mal-Artikolu 9 tal-Ftehim;

(b) reviżjoni tar-regoli tekniċi dwar il-VMS skont il-punt 10 tal-Appendiċi 6 tal-Anness għall-Ftehim u d-dispożizzjonijiet tekniċi simili skont l-Artikolu 8(1) tal-Ftehim.

2. Fil-Kumitat Konġunt stabbilit fil-Ftehim, l-Unjoni għandha:

(a) taġixxi f'konformità mal-għanijiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tal-Politika Komuni tas-Sajd,

(b) tkun konformi mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad- 19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd;

(c) tippromwovi pożizzjonijiet li huma konsistenti mar-regoli rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd.

3. Meta deċiżjoni dwar il-modifiki għall-Ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 hija prevista li tiġi adottata waqt Laqgħa tal-Kumitat Konġunt, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li għandha tiġi espressa f'isem l-Unjoni, tieħu kont tal-informazzjoni l-aktar reċenti dwar l-istatistika, dik bijoloġika u informazzjoni rilevanti oħra mibgħuta lill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dan il-għan u abbażi ta' dik l-informazzjoni, dokument preparatorju li jistabbilixxi d-dettalji tal-pożizzjoni prevista tal-Unjoni għandu jintbagħat mis-servizzi tal-Kummissjoni, fi żmien suffiċjenti qabel il-Laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt, lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu għall-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni.

Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inkluż dawk fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tieħu kont ta' elementi ġodda, il-kwistjoni għandha tiġi rreferuta lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-passi meħtieġa, fi żmien debitu, bħala segwitu għad-‑deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn adegwat, tippubblika d-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u tippreżenta kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-deċiżjoni.