Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) /* COM/2014/0135 final - 2014/0070 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill
tad-9 ta' Ġunju 1986[1]
il-Komunità Ewropea approvat il-Konvenzjoni Internazzjonali
għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni), li
stabbiliet il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn
tal-Atlantiku (ICCAT). L-ICCAT hija Organizzazzjoni Reġjonali
tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) responsabbli mill-konservazzjoni tat-tonn u
speċijiet bħat-tonn fl-Oċean Atlantiku u l-ibħra ta'
madwaru. L-Unjoni Ewropea saret parti kontraenti fil-ICCAT fl-1997. Skont l-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward tal-RFMOs, bħall-ICCAT meta
dawn ikollhom jadottaw atti b'effetti legali, bl-eċċezzjoni ta' atti
li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tagħhom, trid
tiġi adottata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, skont proposta
mill-Kummissjoni. Bħalissa, pożizzjoni bħal din
fi ħdan l-RFMOs hija stabbilita skont approċċ fuq żewġ
livelli. Deċiżjoni tal-Kunsill tistipula l-prinċipji ta' gwida u
l-orjentazzjonijiet tal-pożizzjoni tal-Unjoni fuq bażi multiannwali,
filwaqt li minn hemm 'il quddiem, din tiġi aġġustata għal
kull laqgħa annwali permezz tad-dokumenti informali tal-Kummissjoni li
jridu jiġu diskussi mill-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill. Fir-rigward tal-ICCAT, id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 14863/08, kif kienet emendata mid-Deċiżjoni
tal-Kunsill 11625/13 tipprovdi għal valutazzjoni tal-pożizzjoni
tal-Unjoni qabel il-laqgħa annwali tal-2014. Għalhekk, din
il-proposta għandha l-għan li tistipula l-pożizzjoni tal-Unjoni
fi ħdan il-ICCAT għall-perjodu 2014-2019 u b'hekk tieħu post
id-Deċiżjoni tal-Kunsill 14863/08 li tkopri l-perjodu 2008-2013. Din ir-reviżjoni għandha l-għan
li tinkorpora l-prinċipji u l-orjentazzjonijiet tal-Politika Komuni
tas-Sajd (PKS) il-ġdida, kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2],
u tqis ukoll l-objettivi tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar id-dimensjoni
esterna tal-PKS[3].
Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni ġiet aġġustata
skont it-Trattat ta' Lisbona. Finalment, il-pożizzjoni nġiebet
konformi sal-limitu possibbli u tqis l-ispeċifiċitajiet tal-RFMOs
differenti. Bħalma huwa l-każ
għall-pożizzjonijiet kurrenti, il-pożizzjoni li ġejja fiha
prinċipji u orjentazzjonijiet. Barra minn hekk, il-proċess standard
għall-ispeċifikazzjoni minn sena għal sena tal-pożizzjoni
tal-Unjoni ġie inkorporat kif kien mitlub mill-Istati Membri għal
pożizzjonijiet li, aktar riċenti, inġiebu konformi. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Id-dimensjoni esterna tal-PKS kienet
tagħmel parti mill-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti tar-riforma
tal-PKS. Il-prinċipji u l-orjentazzjonijiet miftiehma għall-PKS
il-ġdida sempliċiment qed jiġu trasposti fil-pożizzjonijiet
riveduti. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA Id-Deċiżjoni li ġejja hija
bbażata fuq it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod
partikolari fuq l-Artikolu 43(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) li
jipprovdi li, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu
jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjonijiet li
għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'korp stabbilit minn ftehim
meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta atti b'effetti legali. Din
għandha tapplika għall-pożizzjoni li għandha tiġi
adottata mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni dwar il-ICCAT. Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huwa l-bażi legali li tistipula
l-prinċipji li għandhom jiġu riflessi f'dan il-mandat ta'
nnegozjar. Id-Deċiżjoni li jmiss għandha
tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kunsill 14863/08 li tkopri
l-perjodu 2008-2013 u għandha tkopri l-perjodu 2014-2019. 2014/0070 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kummissjoni Internazzjonali
għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2)
flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Artikolu 38
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien
mal-Artikolu 39 tiegħu, jistipula li wieħed mill-għanijiet
tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li tiżgura d-disponibbiltà
tal-provvisti. (2) Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[4]
jipprovdi li l-Unjoni għandha tiżgura li l-attivitajiet tas-sajd u
l-akkwakultura jkunu sostenibbli ambjentalment għal żmien twil u
jiġu ġestiti b'mod li jkun konsistenti mal-objettivi li jinkisbu
benefiċċji ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi u li jsir kontribut
għall-provvisti tal-ikel. Ir-Regolament jipprovdi wkoll li l-Unjoni
għandha tapplika l-approċċ prekawzjonarju
għall-ġestjoni tas-sajd, u għandha tfittex li tiżgura li
l-isfruttament ta' riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar
jirripristina l-popolazzjoni tal-ispeċijiet mistada u jżommhom 'il
fuq minn livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu
sostenibbli. Ir-Regolament jipprovdi wkoll li l-Unjoni għandha jkollha
l-għan li timxi fuq miżuri ta' ġestjoni u konservazzjoni
abbażi tal-aħjar pariri xjentifiċi disponibbli, li tippromwovi
metodi ta' sajd li jikkontribwixxu għal sajd iktar selettiv u, kemm jista'
jkun, l-evitar jew it-tnaqqis ta' qabdiet ta' ħut mhux mixtieqa, li s-sajd
isir b'impatt baxx fuq l-ekosistema tal-baħar u fuq ir-riżorsi
tas-sajd u li gradwalment jiġi eliminat ir-rimi lura ta' ħut. Barra
minn hekk, ir-regolament jipprovdi speċifikament li dawn il-prinċipji
għandhom jiġu applikati mill-Unjoni fil-politika esterna tagħha.
(3) Permezz
tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 1986[5] il-Komunità Ewropea
approvat il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn
tal-Atlantiku (il-Konvenzjoni), li stabbiliet il-Kummissjoni Internazzjonali
għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Il-ICCAT hija
responsabbli għall-adozzjoni ta' miżuri mfasslin biex jiżguraw
il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli fuq medda twila ta' żmien
tar-riżorsi ta' ħut fiż-Żona ta' Konvenzjoni u biex
tissalvagwardja l-ekosistemi marittimi li fihom ikunu jinsabu dawn
ir-riżorsi. Miżuri bħal dawn jistgħu jsiru vinkolanti
għall-Unjoni. (4) Skont l-Artikolu 218(9)
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-pożizzjoni li
għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fir-rigward
tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd meta dawn
ikollhom jadottaw atti b'effetti legali, bl-eċċezzjoni ta' atti li
jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tagħhom, trid
tiġi adottata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, skont proposta
mill-Kummissjoni. (5) Fid-dawl tan-natura li dejjem
qed tevolvi tar-riżorsi tas-sajd fiż-Żona tal-Konvenzjoni u
l-ħtieġa sussegwenti li l-pożizzjoni tal-Unjoni tqis
żviluppi ġodda, inkluż informazzjoni ġdida statistika,
bijoloġika u ta' natura oħra ppreżentata qabel jew waqt
il-Laqgħa annwali tal-ICCAT, iridu jiġu stabbiliti proċeduri,
f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera qalb
l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minqux fl-Artikolu 13(2) TUE,
għall-ispeċifikazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena
għal sena; ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea
fil-Laqgħa annwali tal-ICCAT meta dak il-korp jissejjaħ biex jadotta
deċiżjonijiet li għandhom effetti legali, hija stipulata
fl-Anness għal din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 L-ispeċifikazzjoni
tal-pożizzjoni tal-Unjoni minn sena għal sena li għandha tittieħed
fil-Laqgħa annwali tal-ICCAT għandha ssir b'konformità
mal-Anness II ta' din id-Deċiżjoni. Artikolu 3 Il-pożizzjoni tal-Unjoni stipulata fl-Anness I
tad-Deċiżjoni preżenti għandha tiġi vvalutata u, fejn
xieraq, riveduta mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni, sa mhux aktar tard
mil-Laqgħa annwali tal-ICCAT fl-2019. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni tieħu post
id-Deċiżjoni tal-Kunsill 14863/08 tal-10 ta' Novembru 2008
u tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 16466/1/10Rev 1 tat-18 ta' Novembru 2010. Artikolu 5 Din
id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi XXX Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill, Il-President [1] ĠU L 162 taT-18.06.1986, p. 33. [2] Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda
r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u
li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE)
Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU
L 354 tat-28/12/2013, p. 22). [3] COM(2011) 424 tal-13.7.2011. [4] Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda
r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u
li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004
u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354 tat-28/12/2013,
p. 22). [5] ĠU L 162 tat-18/06/1986, p. 33.