52014PC0118

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/463/UE li tapprova l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru /* COM/2014/0118 final - 2014/0063 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Wara talba minn Ċipru għal assistenza finanzjarja mill-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES), fl-24 ta' April 2013 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn ta’ stabbiltà lil Ċipru u approva l-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika (minn hawn ’il quddiem “MtQ") u l-iffirmar tiegħu mill-Kummissjoni f’isem il-MES. Fit-8 ta’ Mejju 2013 il-Bord tad-Diretturi tal-MES approva ftehim dwar faċilità ta’ assistenza finanzjarja. Il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għandu l-għan li terġa' tinkiseb il-fiduċja fis-suq finanzjarju, jiġu stabbiliti mill-ġdid bilanċi makroekonomiċi sodi u li l-ekonomija tkun tista' terġa’ lura għal tkabbir sostenibbli.

Il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru kien adottat inizjalment mill-Kunsill skont id-Deċiżjoni 2013/236/UE tal-25 ta’ April 2013. Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) Nru 472/2013, il-programm kien reġa' ġie adottat abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 billi permezz tad-Deċizjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/463/UE. Fl-istess ħin, id-Deċiżjoni 2013/236/UE ġiet irrevokata.

F’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2013/463/UE, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u fejn meħtieġ, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għamlet it-tielet rieżami biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom. B'riżultat ta' dan, il-programm ġie aġġornat fl-oqsma tar-riforma tas-settur finanzjarju, il-politika fiskali u r-riformi strutturali. Għas-settur finanzjarju, l-MtQ rivedut jistipula li l-istrateġija ta’ komunikazzjoni dwar il-pjan ta' direzzjoni tiffaċilita l-kontrolli tal-kapital u dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-settur bankarju huwa li jitfasslu minn task force konġunta mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (BĊĊ) u l-Ministeru tal-Finanzi. Barra minn hekk, l-MtQ rivedut jitlob ir-rappurtar fil-ħin tal-istimi tal-banek tal-impatt potenzjali tar-regoli li għadhom kemm ġew introdotti u futuri tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar ir-rekwiżiti tal-kapital u s-self mhux produttiv (non-performing loans, NPLs) fuq il-kapital, il-profittabilità u l-proporzjon ta’ kopertura. Fl-aħħar nett, tiżdied taqsima ġdida dwar ir-riforma tal-qafas ġuridiku ta’ ristrutturar tad-dejn privat. Skont dawn il-pariri dwar il-politika, tiġi stabbilita task force biex issir stima tal-kobor tal-kuntratt ta' bejgħ ta' art bla titlu, u jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet dwar din il-kwistjoni. Se jiġi stabbilit qafas xieraq għal riforma komprensiva li tistabbilixxi proċeduri ta’ insolvenza korporattivi u personali. Fl-aħħar nett, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u r-Regoli tal-Qorti se jiġu rieżaminati biex jiġi żgurat funzjonament mingħajr intoppi u effikaċi tal-oqfsa tal-esklużjoni riveduta u ta’ insolvenza. Fir-rigward tal-politika fiskali, il-mira ġenerali tad-defiċit primarju tal-gvern fl-2014 hija riveduta għal 1,8 % tal-PDG. Fil-qasam tar-riformi strutturali, il-MtQ rivedut se jinkludi impenn biex jiġi implimentat l-ewwel stadju tas-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa (NHS) wara li l-ewwel jiġi definit u addottat pjan ta' direzzjoni sħiħ għall-NHS. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu riveduti l-politiki dwar l-ipprezzar u r-rimbors ta’ oġġetti u servizzi mediċi, inkluż dawk relatati man-nefqa farmaċewtika. Barra minn hekk, jeħtieġ tiġi stabbilita Unità ta’ Privatizzazzjoni. Barra minn hekk, il-MtQ rivedut se jinkludi impenn li Ċipru tippreżenta pjan ta’ azzjoni biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fil-Fażi 2 tar-rieżami bejn il-pari mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Raġunijiet ta’ Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD). Fl-aħħar nett, il-MtQ il-ġdid jinkludi rekwiżit għall-iżvilupp ta’ strateġija ta’ tkabbir ibbażata fuq vantaġġi kompetittivi li jgħinu lill-awtoritajiet ta' Ċipru jagħtu spinta lill-ekonomija.

Id-Deċiżjoni proposta tiżgura konsistenza sħiħa bejn il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali tal-Unjoni stabbilit mit-TFUE u l-kundizzjonalità ta’ politika li tirfed il-programm ta’ aġġustament ekonomiku. B'mod partikolari, l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 jipprovdi għal konsistenza fir-rapportar u l-obbligi ta' monitoraġġ.

2014/0063 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/463/UE li tapprova l-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għal Ċipru

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-Ewro li tesperjenza jew tkun mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(2) u (5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), fil-mument tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(2)       Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi r-regoli għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu għajnuna finanzjarja, li jeħtieġ li jkunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES).

(3)       Wara t-talba tal-25 ta’ Ġunju 2012 minn Ċipru għal assistenza finanzjarja mill-MES, fil-25 ta’ April 2013 il-Kunsill iddeċieda permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE[2] li Ċipru kellu jimplimenta b’mod rigoruż programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

(4)       Fl-24 ta’ April 2013 il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES iddeċieda li jagħti, fil-prinċipju, sostenn ta’ stabbiltà lil Ċipru u approva l-Memorandum ta’ Qbil dwar il-Kundizzjonalità Speċifika tal-Politika Ekonomika (minn hawn ’il quddiem “MtQ") u l-iffirmar tiegħu mill-Kummissjoni f’isem il-MES.

(5)       F’konformità mal-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/463/UE, il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u fejn meħtieġ, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), għamlet it-tielet rieżami biex tevalwa l-progress fl-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma kif ukoll l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tagħhom.

(6)       Bħala riżultat, id-Deċiżjoni 2013/463/UE għandha tiġi aġġornata fl-oqsma tar-riforma tas-settur finanzjarju, il-politika fiskali u r-riformi strutturali, b’mod speċjali fir-rigward ta’ (i) it-tfassil ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni minn task force  konġunta mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru (CBC) u l-Ministeru tal-Finanzi dwar il-pjan ta' direzzjoni biex jiġu ffaċilitati l-kontrolli tal-kapital u dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-settur bankarju; (ii) ir-rappurtar fil-ħin tal-istimi tal-banek tal-impatt potenzjali tar-regoli tal-UE li għadhom kemm ġew introdotti u futuri dwar ir-rekwiżiti tal-kapital u s-self mhux produttiv (non-performing loans, NPLs) fuq il-kapital, il-profittabilità u l-proporzjon ta’ kopertura; (iii) tiġi stabbilita task force  biex issir stima tal-kobor tal-kuntratt ta' bejgħ ta' art bla titlu, u jiġu pprovduti rakkomandazzjonijiet dwar din il-kwistjoni; (iv) ir-riforma tal-proċeduri ta' insolvenza personali u korporattiva; (v) ir-rieżami tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u r-Regoli tal-Qorti biex jiġi żgurat funzjonament mingħajr intoppi u effikaċi tal-oqfsa tal-esklużjoni riveduta u ta’ insolvenza; (vi) reviżjoni tal-mira għad-defiċit primarju għall-2014 għal 1,8 % tal-PDG; (viii) l-implimentazzjoni tal-ewwel stadju tas-Sistema Nazzjonali tas-Saħħa (National Health Scheme, NHS) wara li l-ewwel jiġi definit u addottat pjan ta' direzzjoni sħiħ għall-NHS; (viii) ir-reviżjoni tal-politiki dwar l-ipprezzar u r-rimbors ta’ oġġetti u servizzi mediċi, inkluż dawk relatati man-nefqa farmaċewtika; (ix) l-istabbiliment ta' Unità ta' Privatizzazzjoni; (x) il-preżentazzjoni ta' pjan ta’ azzjoni biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fil-Fażi 2 tar-rieżami bejn il-pari mill-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta’ Informazzjoni għal Raġunijiet ta’ Taxxa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD). (xi) l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ tkabbir ibbażata fuq vantaġġi kompetittivi li jgħinu lill-awtorijatiet ta' Ċipru jagħtu spinta lill-ekonomija. L-implimentazzjoni ta’ riformi komprensivi u ambizzjużi f’oqsma finanzjarji, fiskali u strutturali għandha tissalvagwardja s-sostenibbiltà, fuq perjodu ta' żmien medju, tad-dejn pubbliku Ċiprijott.

(7)       Matul l-implimentazzjoni tal-pakkett komprensiv ta’ politika ta’ Ċipru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi. Stat Membru soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku li jesperjenza kapaċità amministrattiva insuffiċjenti għandu jfittex assistenza teknika mill-Kummissjoni, li tista’ tikkostitwixxi, għal dak l-iskop, gruppi ta’ esperti.

(8)       L-awtoritajiet Ċiprijotti jfittxu l-opinjonijiet, skont ir-regoli u l-prattika nazzjonali attwali, tal-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/463/UE huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)        Il-paragrafu 5 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"5.     Bil-għan li tiġi rrestawrata l-istabbiltà tas-settur finanzjarju tiegħu, Ċipru (i) ikompli jimplimenta r-ristrutturar tas-settur bankarju u s-setturi tal-istituzzjoni ta’ kreditu kooperattiv, (ii) ikompli jsaħħaħ is-sorveljanza u r-regolamentazzjoni, (iii) ikompli r-riforma tal-qafas ta’ ristrutturazzjoni tad-dejn u (iv) gradwalment ineħħi restrizzjonijiet kapitali skont li-pjan ta' direzzjoni tiegħu, filwaqt li jħares l-istabbiltà finanzjarja. Il-programm jipprevedi dawn il-miżuri u r-riżultati:

(a) li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-likwidità tas-settur bankarju tiġi ssorveljata mill-qrib. Restrizzjonijiet temporanji fuq il-moviment ħieles tal-kapital (inter alia, limiti fuq il-ġbid ta’ flus kontanti, fuq il-pagamenti u fuq it-trasferimenti) jiġu mmonitorjati mill-qrib. L-għan huwa li l-kontrolli jibqgħu fis-seħħ biss sakemm ikunu strettament meħtieġa sabiex jipprevjenu riskji serji u immedjati għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-implimentazzjoni tal-pjan ta' direzzjoni għal rilassament gradwali ta’ miżura restrittiva tkompli, b’kont meħud ukoll tas-sitwazzjoni tal-likwidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Titfassal strateġija ta’ komunikazzjoni mmirata tajjeb bl-għan li jikkomunikaw regolarment informazzjoni dwar il-pjan ta' direzzjoni msemmi hawn fuq, u l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-settur bankarju. Il-finanzjament u l-pjanijiet kapitali mingħand il-banek domestiċi li jiddependu fuq il-finanzjament mill-bank ċentrali jew li jirċievu għajnuna mill-istat għandhom jirriflettu b’mod realistiku t-tnaqqis antiċipat fl-ingranaġġ finanzjarju fis-settur bankarju, u jnaqqsu d-dipendenza fuq is-self mill-banek ċentrali, filwaqt li jiġu evitati bejgħ taħt emerġenza ta’ assi u kriżi tal-kreditu;

(b) l-adattament tar-rekwiżiti ta’ kapital minimu, filwaqt li jitqiesu l-parametri ta’ valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ u tal-ittestjar tal-istress madwar l-UE;

(c) jiġi żgurat li kwalunkwe pjan ta’ ristrutturar jiġi formalment approvat taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, qabel tiġi pprovduta xi għajnuna mill-Istat. Banek b’defiċit ta’ kapital jistgħu, jekk miżuri oħrajn ma jkunux biżejjed, jitolbu għajnuna għar-rikapitalizzazzjoni mill-Istat skont il-proċeduri ta’ għajnuna mill-Istat. Banek bi pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni jirrapportaw il-progress fl-implimentazzjoni tagħhom tal-pjanijiet;

(d) jiżguraw li jinħoloq reġistru ta’ kreditu u li jkun operazzjonali, li l-qafas regolatorju kurrenti fuq l-indeboliment u l-forniment tal-assi, u dwar it-trattament ta’ kollateral fi provvedimenti jiġi emendat, kif meħtieġ, u li l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar ir-rekwiżiti ta’ kapital u self mhux produttiv jiġu adottati f'waqthom;

(e) it-tħaffif tal-limitazzjonijiet fuq il-qbid ta’ kollateral. Dan jinkludi tħejjija ta’ leġiżlazzjoni abbażi tar-riforma komprensiva li jistabbilixxi qafas xieraq għall-proċeduri ta’ insolvenza korporattiva u personali, kif ukoll jiżgura t-tħaddim korrett u effettiv tal-oqfsa ta' esklużjoni riveduta u ta’ insolvenza. Barra minn hekk, ladarba riformat, jiġi rivedut qafas ġuridiku ġdid għar-ristrutturar tas-settur privat tad-dejn u jiġu definiti miżuri addizzjonali kif meħtieġ;

(f) l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-istruttura futura, il-funzjonament u l-vijabbiltà tas-settur tal-istituzzjonijiet kooperattivi ta’ kreditu, kif imfassla mill-Bank Ċentrali ta’ Ċipru f’konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI;

(g) it-tisħiħ tal-monitoraġġ fuq id-djun tas-settur korporattiv u dak domestiku u li jiġi stabbilit qafas ta’ ristrutturar immirat lejn id-dejn tas-settur privat sabiex ikun iffaċilitat self ġdid u jitnaqqsu l-limiti fuq il-kreditu; Il-politiki u l-prattiċi għall-ġestjoni tal-arretrati tal-banek jiġu riveduti u d-Direttiva għall-Ġestjoni tal-Arretrati u l-Kodiċi ta’ Kondotta jiġu emendati, kif meħtieġ. Miżuri amministrattivi li jistgħu jfixklu l-iffissar ta’ rati ta’ self bankarju ma jiġux introdotti;

(h) jitkompla t-tisħiħ tal-qafas kontra‑l-ħasil tal-flus u jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni li jiżgura l-applikazzjoni ta’ prattiċi mtejba fir-rigward tad-diliġenza dovuta tal-klijent u trasparenza tal-entitajiet, f’konformità mal-aħjar prattika;

(i) l-integrazzjoni tal-ittestjar‑tal-istress f'superviżjoni regolari ta' banek mhux‑fil-post;

(j) l-introduzzjoni ta' rekwiżiti obbligatorji ta’ divulgazzjoni biex jiġi żgurat li l-banek jikkomunikaw regolarment lill-awtoritajiet u lis-swieq il-progress fir-ristrutturar tal-operazzjonijiet tagħhom;

(k) l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar li jsaħħu il-vijabilità tas-settur ta' tal-kreditu tal-kooperattivi, wara l-istabbiliment tal-qafas ġuridiku għall-istruttura l-ġdida ta’ governanza għall-ġestjoni tas-sehem tal-Istat fis-settur; u

(l) l-iżgurar tar-reviżjoni tad-Direttiva għall-Governanza, li tispeċifika, fost l-oħrajn, l-interazzjoni bejn l-unitajiet ta’ verifika interna tal-banek u s-superviżuri tal-bank

(2)        Il-paragrafu 7 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"7.     Matul l-2014, l-awtoritajiet Ċiprijotti jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri permanenti inklużi fil-Liġi tal-Baġit tal-2014 li jammontaw għal mill-inqas EUR 270 miljun. Huwa jiżguraw ukoll l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri ta’ konsolidazzjoni adottati sa minn Diċembru 2012."

(3)        Jiżdied il-paragrafu li ġej:

"7a.    Għall-politika fiskali fl-2015-2016, l-awtoritajiet Ċiprijotti jsegwu bilanċ ġenerali tal-gvern f’konformità mat-triq ta’ aġġustament li tirrispetta r-rakkomandazzjoni tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (PDE)."

(4)        Il-paragrafu 8 jiġi emendat kif ġej:

(a)      Is-subparagrafu (a) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(a)    jekk ikun meħtieġ, aktar riformi fis-sistema tal-pensjonijiet tas-settur ġenerali u pubbliku biex tiġi żgurata fit-tul il-vijabilità tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li tiġi indirizzata l-adegwatezza tal-pensjonijiet.

(b)     Is-subparagrafu (e) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"(e)    it-tfassil ta’ programm biex tinkiseb sistema ta’ governanza korporattiva solida għal intrapriżi li huma proprjetà‑tal-Istat u semi‑pubbliċi u l-bidu ta’ pjan ta’ privatizzazzjoni bħala għajnuna biex tittejjeb l-effiċjenza ekonomika u tiġi restawrata s-sostenibbiltà tad-dejn;"

(5)        Il-paragrafi minn 10 sa 13 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

"10.   Ċipru jiżgura l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati f’politiki ta’ attivazzjoni tiegħu. Ċipru jieħu azzjoni rapida biex joħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ u jtejjeb il-prospetti tagħhom li jsibu impjieg, skont l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ[3]. Id-disinn, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri mmirati lejn iż-żgħażagħ ikunu integrati sewwa fis-sistema usa' ta’ politiki ta’ attivazzjoni u jkunu koerenti mar-riforma tas-sistema ta' assistenza soċjali u l-miri baġitarji miftiehma.

"11.   Ċipru jkun lest li jadotta kull emenda oħra meħtieġa għal leġiżlazzjoni speċifika għas-settur sabiex tiġi implimentata bis-sħiħ id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4]. L-awtoritajiet Ċiprijotti jsaħħu aktar it-tħaddim ta’ professjonijiet regolati. Il-qafas tal-kompetizzjoni jittejjeb billi jitjieb l-iffunzjonar tal-awtorità kompetenti għall-kompetizzjoni u billi jiġu msaħħa l-indipendenza u s-setgħat tal-Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali.

12.     Ċipru jiżgura li jitnaqqas id-dewmien fil-ħruġ ta’ titoli ta’ proprjetà li għadhom pendenti, jieħu azzjoni biex iżid il-pass tal-tneħħija ta’ piżijiet fuq it-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu trasferiti għal xiri ta’ proprjetà immobbli, u jimplimenta skedi ta’ żmien garantiti għall-ħruġ ta’ ċertifikati tal-bini u t-titoli tal-proprjetà.

13.     Ċipru jemenda r-regoli dwar il-bejgħ sfurzat ta’ proprjetà ipotekata u jippermetti l-bejgħ bl-irkant privat fl-iqsar perjodu ta’ żmien possibbli. Il-pass ta’ pproċessar ta' każijiet fil-qorti jitħaffef u l-ammont ta' kawżi pendenti fil-qorti jkun eliminat sa tmiem il-programm. Ċipru jieħu inizjattivi biex isaħħaħ il-kompetittività fis-settur tat-turiżmu, billi jipprovdi pjan ta’ azzjoni konkret li jwassal għall-implimentazzjoni ta’ miri kwantifikati identifikati, inter alia fl-Istrateġija tat-Turiżmu għall-2011‑2015 riveduta riċentament. Ċipru jimplimenta strateġija aero-politika li twassal għall-adattament tal-politika tal-avjazzjoni esterna ta' Ċipru, b’kont meħud tal-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-UE u ftehimiet tal-UE b'rabta mal-avjazzjoni, filwaqt li tiġi żgurata biżżejjed il-konnettività tal-ajru.”

(6)        Il-paragrafu 14, subparagrafu (b) jinbidel b'li ġej:

"(b)    sinteżi komprensiva tas-sistema regolatorja u l-organizzazzjoni tas-suq għas-settur ristrutturat tal-enerġija u tal-gass, inkluż qafas tal-bejgħ adatt għall-forniment tal-gass lil hinn mill-kosta mmirat biex jiġi massimizzat id-dħul; u"

(7)        Il-paragrafu 15 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

"15.   Ċipru jressaq talba aġġornata lill-Kummissjoni għal assistenza teknika matul il-perjodu tal-programm. It-talba tidentifika u tispeċifika l-oqsma ta’ assistenza teknika jew ta' servizzi ta’ konsulenza li l-awtoritajiet Ċiprijotti jqisu essenzjali għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tiegħu."

(8)        Jiżdied il-paragrafu li ġej:

"16.   Fl-iżvilupp ta’ strateġija ta’ tkabbir komprensiv u koerenti li jippermetti r-rilanċ tal-eknomija, Ċipru jintegraha fil-qafas istituzzjonali nazzjonali tiegħu billi jsaħħaħ l-amministrazzjoni pubblika kontinwa, ir-riformi fil-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, impenji oħra fil-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ta' Ċipru u inizjattivi rilevanti tal-UE billi jieħu kont tal-ftehim ta' Sħubija għall-implimentazzjoni tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tal-25 ta’ April 2103 indirizzata lil Ċipru dwar miżuri speċifiċi għall-kisba mill-ġdid ta’ stabbiltà finanzjarja u tkabbir sostenibbli (ĠU L 141, 28.05.2013, p. 32).

[3]               Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ April 2013 dwar l-Istabbiliment ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1).

[4]               Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).