52014PC0116

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/004 ES/Grupo Santana minn Spanja) /* COM/2014/0116 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

L-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1], jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fil-limitu massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011) minbarra l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG għall-applikazzjonijiet imressqa sal-31 ta' Diċembru 2013 huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fis-16 ta' Mejju 2012, Spanja ressqet applikazzjoni EGF/2012/004 ES/Grupo Santana għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ammont ta' ħaddiema ngħataw is-sensja mill-Grupo Santana[3] u minn 15-il fornitur u produttur fl-istadju aħħari tal-produzzjoni fi Spanja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI

Dejta ewlenija: ||

Nru ta’ Referenza tal-FEG || EGF/2012/004

Stat Membru || Spanja

Artikolu 2 || (c)

Intrapriża primarja || Grupo Santana

Fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 15

Perjodu ta’ referenza || 15.11.2011 – 15.3.2012

Data tal-bidu għas-servizzi personalizzati || 1.8.2011

Data tal-applikazzjoni || 16.5.2012

Sensji waqt il-perjodu ta' referenza || 330

Sensji qabel u wara l-perjodu ta’ referenza || 689

Total ta’ sensji eliġibbli || 1 019

Ħaddiema li ngħataw is-sensja u li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 285

Nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 3 729 815

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[4] (EUR) || 199 000

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 5,07

Baġit totali (EUR) || 3 928 815

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (EUR) || 1 964 407

1.           L-applikazzjoni tressqet quddiem il-Kummissjoni fis-16 ta’ Mejju 2012 u kienet sostnuta b'tagħrif addizzjonali sat-28 ta’ Novembru 2013.

2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi żmien il-perjodu stipulat ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

3.           Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, Spanja targumenta li t-tkabbir fil-manifattura tal-karozzi fl-UE għadu lura ħafna meta mqabbel ma' kompetituri ewlenin tagħha, u dan iwassal għal telf f'dan is-settur tas-sehem fis-suq tal-UE. Globalment, il-produzzjoni tal-karozzi żdiedet bi 22,4 % fl-2010, wara tnaqqis ta' 9,6 % fl-2009[5]. Iċ-Ċina b'13,9 miljun unità prodotta, rat il-prestazzjoni tagħha tikber b'erba' darbiet aktar mit-tkabbir fil-produzzjoni tal-Ewropa, espansjoni ta' 33,8 % meta mqabbla mat-tkabbir ta' 8,3 % tal-Ewropa fl-2010. Il-Ġappun, it-tielet l-akbar produttur fid-dinja, żied il-manifaturra ta' karozzi b'21,1 % mill-2009, segwit mill-Korea t'Isfel (+22,4 %), il-Brażil (+9,8 %), l-Indja (+29,4 %) u l-Istati Uniti (+24,4 %).

4.           L-applikant jirreferi wkoll għall-istatistika tal-produzzjoni tal-karozzi[6] biex juri t-tnaqqis tas-sehem fis-suq tal-UE. Fl-2001, is-sehem fis-suq tal-UE-27 fil-produzzjoni dinjija ta' vetturi bil-mutur kien għadu ta' 33,7 %. Fl-2004, dan naqas għal 28,4 % u kompla jonqos fl-2010 għal 26,3 %. Matul il-perjodu 2004-2010, il-produzzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri, f'termini assoluti, żdiedet b'6,7 % fl-UE-27, meta mqabbla mar-rata ta' tkabbir ta' 32,2 % fid-dinja kollha. Dan it-tnaqqis tas-sehem fis-suq tal-UE kien osservat mill-Kummissjoni f'valutazzjoni preċedenti tal-FEG dwar is-settur tal-karozzi li kienet ibbażata fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ[7].

Is-sehem li beda jonqos tas-suq Ewropew bħala proporzjon tas-suq dinji għall-karozzi tal-passiġġieri huwa wkoll rifless fir-rapport finali ta' Cars 21, ippubblikat fis-6 ta’ Ġunju 2012[8].

5.           L-ixprunatur ewlieni tad-distribuzzjoni mill-ġdid tal-ishma tas-suq dinji huwa x-xejriet ġeografiċi ta' konsum, b'mod partikolari t-tkabbir rapidu fis-swieq Ażjatiċi li l-produtturi tal-UE huma anqas kapaċi li jibbenefikaw minnu, peress li tradizzjonalment, il-pożizzjoni tagħhom f'dawn is-swieq hija anqas tajba milli fi swieq oħra.

6.           Sal-lum, is-settur tal-karozzi kien is-suġġett ta' ħafna mill-bosta applikazzjonijiet tal-FEG, b’16-il każ, li minnhom sebgħa huma bbażati fuq il-globalizzazzjoni marbuta mal-kummerċ, filwaqt li d-disgħa l-oħra huma marbuta mal-kriżi[9].

7.           L-apprezzament tas-servizzi tal-Kummissjoni huwa li s-sensji fil-Grupo Santana u l-fornituri tiegħu jistgħu jkunu marbuta, kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, ma' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija, b'mod partikolari minħabba tnaqqis tas-sehem tal-UE fil-produzzjoni dinjija tal-vetturi bil-mutur.

Turija tal-għadd ta' sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(c)

8.           Spanja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-applikanti jidderogaw mir-rekwiżiti tal-Artikoli 2(a) u 2(b) fi swieq tax-xogħol żgħar jew f'każijiet eċċezzjonali fejn is-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali. F'dan il-każ l-applikant irid jispeċifika liema wieħed mir-rekwiżiti ewlenin ta' eliġibbiltà ma tissodisfax l-applikazzjoni tiegħu, u għalhekk mil-liema wieħed qed jitlob deroga.

L-awtoritajiet Spanjoli speċifikaw li l-applikazzjoni tfittex deroga mill-Artikolu 2(a), fejn il-limitu normali huwa ta’ mill-inqas 500 sensja fuq perjodu ta’ erba' xhur.

9.           L-applikazzjoni ssemmi 330 sensja fl-intrapriża Grupo Santana u fi 15-il fornitur matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-15 ta' Novembru 2011 sal-15 ta' Marzu 2012 u 689 sensja oħra barra l-perjodu ta' referenza, iżda relatati mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi. Dawn is-sensji kollha ġew ikkalkulati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

10.         L-intrapriżi kollha kkonċernati minn din l-applikazzjoni jinsabu f'Linares, belt fir-reġjun ta' Jaen tal-livell NUTS III (ES 616). Il-katina itwal ta' sensji hija deskritta fl-applikazzjoni kif ġej: 670 ħaddiem ingħataw is-sensja bejn il-31 ta' Marzu u l-14 ta' Novembru 2011 filwaqt li 330 ħaddiem ingħataw is-sensja fil-perjodu ta' referenza ta' 4 xhur, mill-15 ta' Novembru sal-15 ta' Marzu 2012. 19-il ħaddiem addizjonali ngħataw is-sensja wara l-perjodu ta' referenza. Flimkien dawn jammontaw għal 1019-il sensja fuq perjodu ta' ħdax-il xahar u nofs (jiġifieri madwar 90 sensja fix-xahar). Is-sensji ngħataw gradwalment biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq it-territorju affettwat u b'hekk kien impossibbli li jintlaħaq l-ammont minimu ta' sensji ta' 500 ħaddiem f'perjodu ta' erba' xhur, kif inhu meħtieġ mir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

11.         Skont l-awtoritajiet Spanjoli, Jaen tinsab f’sitwazzjoni diffiċli ħafna. Il-prodott reġjonali gross (PDG) per capita ta' Jaen huwa ta' 69,8 % tal-medja tal-UE. Ir-rata ta' impjiegi f'Jaen ta' persuni ta' etajiet bejn is-16 u l-64 sena naqset minn 56,1 % fl-2007 għal 48,8 % fl-2011 meta l-għadd ta' persuni impjegati naqas minn 235 767 għal 209 047. Matul l-istess perjodu, ir-rata tal-qgħad żdiedet minn 13 % għal 27,9 % (minn 21,13 % għal 48,6 % għal dawk li għandhom inqas minn 25 sena) u l-għadd assolut ta' ħaddiema qiegħda żdied minn 35 567 għal 81 153.

12.         Spanja targumenta li s-sensji fil-Grupo Santana għandhom impatt sinifikanti fuq ir-reġjun ta' Jaen tal-livell NUTS III u b'mod partikolari f'Linares fejn jinsab il-Grupo Santana, peress li s-suq ma joffrix biżżejjed għażliet ta' impjiegi għall-ħaddiema. Fl-2011 meta mqabbel mal-2008, l-għadd ta' impjiegi disponibbli fl-industrija, fil-kostruzzjoni u fis-servizzi naqas b'29,1 %, 45,3 % u 5,1 % rispettivament.

13.         L-applikant jirreferi wkoll għall-fatt li l-qgħad fl-Andalucía (il-livell NUTS II) huwa ogħla mill-medja nazzjonali u mill-medja tal-UE (33,9 %, 24,63 % u 11,2 % rispettivament). L-Andalucía hija reġjun eliġibbli skont l-Objettiv ta' Konverġenza u l-PDG huwa ta' 76,6% tal-medja tal-UE.

14.         L-Andalucía kienet ukoll affettwata minn sensji oħra bil-massa li għalihom tressqet applikazzjoniji tal-FEG quddiem il-Kummissjoni: 1 589 sensja f'perjodu ta' erba' xhur relatati għal darba oħra mas-settur tal-karozzi (EGF/2008/002 ES Delphi, approvat mill-Awtorità Baġitarja fl-2008, 2008/818/KE, ĠU L 285/13 (29/10/2008)).

15.         Is-servizzi tal-Kummissjoni jqisu li, it-330 sensja inkwistjoni u s-689 sensja minħabba l-istess kawża li seħħew qabel u wara l-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur, li għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija fil-livell lokali u ta' NUTS III, flimkien mas-sitwazzjoni ekonomika partikolarment fraġli tat-territorju affettwat, jingħaqdu flimkien biex jilħqu l-kriterji tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. In-natura eċċezzjonali tal-każ tikkonsisti fil-kumbinazzjoni ta’ dawn il-fatturi, li flimkien isarrfu f’sitwazzjoni mhux tas-soltu u diffiċli għall-ħaddiema u t-territorju kkonċernati.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta’ dawk is-sensji

16.         L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li minkejja l-problemi mġarrba minn Santana wara tnaqqis fil-bejgħ bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, il-falliment u l-għeluq ma kinux previsti.

17.         Il-mudell tan-negozju ta' Santana kien taħlita ta' produzzjoni ta' vetturi tal-marka proprja, bħall-jeep "Anibal Santana" li nbiegħet lil diversi armati Ewropej bħall-armata Franċiża u dik Ċeka, u l-manifattura u l-immuntar ta' vetturi għal manifatturi oħra, bħall-grupp Taljan Iveco jew il-Ġappuniżi Suzuki.

18.         Ittieħdu deċiżjonijiet strateġiċi mill-konsumaturi ewlenin ta' Santana li waslu għall-kanċellazzjoni jew għall-ebda tiġdid tal-kuntratti li għaddejjin bħalissa peress li dawn taw prijorità lill-produzzjoni li ssir qrib is-swieq emerġenti ġodda, b'mod partikolari fl-Indja jew fiċ-Ċina.

19.         Il-kombinazzjoni ta' tnaqqis fid-domanda għall-prodotti tagħhom stess flimkien mal-bidla fil-pjanijiet strateġiċi tal-klijenti ewlenin ta' Santana ma kinux faċli li wieħed jipprevedihom.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema fil-mira tal-għajnuna

20.         L-applikazzjoni tikkonċerna 1 019-il sensja fi tliet intrapriżi li jiffurmaw il-Grupo Santana u 15-il fornitur.

Intrapriżi u għadd ta' sensji

Grupo Santana || 392 || Fundiciones Mecacontrol SL || 4

Alstom || 2 || Iturri Santana SA || 3

Capgemini || 77 || Pintados Garley || 5

Casarubio Elevadores SL || 85 || Prosegur Cia de seguridad || 4

Cofely España || 44 || Servicios Logísticos Integrados || 67

Dictesa Jaén SL || 54 || Técnicas de tiempos y métodos || 3

Faescom 92 || 97 || Urbina SL || 1

FASUR || 151 || Windar logistic || 30

Total ta' intrapriżi: 16 || Total ta' sensji: 1 019 ||

21.         It-tqassim tal-ħaddiema li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa kif ġej:

Kategorija || Numru || Perċentwal

Irġiel || 234 || 82,10

Nisa || 51 || 17,90

Ċittadini tal-UE || 285 || 100,00

Ċittadini mhux tal-UE || 0 || 0

Età bejn il-15 u l-24 sena || 4 || 1,14

Età bejn il-25 u l-54 sena || 265 || 92,99

Età bejn il-55 u l-64 sena || 16 || 5,61

'il fuq minn 64 sena || 0 || 0

22.         L-awtoritajiet Spanjoli jargumentaw li minkejja l-isforzi li għamlu biex jiġbru l-informazzjoni dwar il-kategoriji okkupazzjonali tal-ħaddiema, l-informazzjoni ma għadhiex disponibbli minħabba li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi diġà lestew il-proċessi tagħhom ta' likwidazzjoni u għalhekk ma għadhomx jeżistu.

23.         Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, Spanja kkonfermat li ġiet applikata u se tkompli tiġi applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, għall-aċċess għall-FEG.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

24.         L-intrapriżi kollha kkonċernati minn din l-applikazzjoni jinsabu f'Linares, it-tieni l-akbar belt fir-reġjun ta' Jaen tal-livell NUTS III. Skont l-aħħar ċensiment (fl-2011) din il-belt għandha popolazzjoni ta' 61 116-il persuna.

25.         Sa minn nofs is-seklu dsatax, meta Linares saret ċentru importanti tal-minjieri sal-aħħar tas-seklu għoxrin, Linares kienet involuta ħafna fit-tħaffir u fit-tidwib taċ-ċomb u fil-produzzjoni tal-porvli; id-dinamite u l-ħbula kienu pilastri tal-ekonomija lokali. Meta għalqet l-aħħar minjiera fl-1991, l-ekonomija lokali serrħet fuq Grupo Santana u xi ftit anqas, anke fuq Azucareras Reunidas[10]. F'dawn l-aħħar snin, f'Linares twaqqaf impjant ta' produzzjoni għall-komponenti tat-turbini eoliċi kif ukoll impjant tal-immuntar tal-manifattur tal-ferroviji jew tat-trams CAF. Madankollu, Grupo Santana baqa' sal-għeluq tiegħu l-impjegatur ewlieni f'Linares.

26.         Il-partijiet interessati ewlenin huma Junta de Andalucía (il-gvern awtonomu tal-Andalucía) u b'mod partikolari l-Ministeru reġjonali tal-Ekonomija, l-Innovazzjoni u x-Xjenza; u t-trejdjunjins MCA-UGT Andalucía uFederación de la industria de CCOO-Andalucía.

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

27.         Il-qgħad irreġistrat f'Linares żdied b'270 % fl-aħħar tal-2011 meta mqabbel mal-2007 u għalkemm il-popolazzjoni ta' Linares ta' bejn is-16 u l-64 sena tirrappreżenta biss 9,4 % tal-popolazzjoni totali tar-reġjun ta' Jaen tal-livell NUT III, il-persuni qiegħda minn Linares jikkontribwixxu bi 15,7 % għat-total tal-qgħad f'Jaen. Barra minn hekk, nofs il-ħaddiema li qed ifittxu impjieg ilhom għal żmien twil qiegħda (>minn 12-il xahar). L-għeluq ta' Santana Group u s-sensji diretti u indiretti li jirriżultaw minn dan għandhom impatt sinifikanti fuq l-impjiegi lokali u reġjonali u jsarrfu f'sitwazzjoni mhux tas-soltu u diffiċli għall-ħaddiema u għat-territorju kkonċernat.

28.         Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-belt ta' Linares hija dgħajfa u s-sensji tal-Grupo Santana u tal-15-il fornitur li kollha huma bbażati fl-eks park tan-negozju ta' Santana (li issa ngħata l-isem ġdid ta' park ta' negozju ta' Linares) se jkollhom impatt fuq id-dħul fiskali tal-muniċipalità. Bħala impjegatur, il-belt wisq probabbli se jkollha tkeċċi għadd ta' impjegati minn tagħha stess, u mhux se tkun tiflaħ tgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja ta' Grupo Santana billi toffrilhom xi impjieg ieħor.

29.         F'ċirkostanzi bħal dawn, wieħed jista’ jikkonkludi, li s-sensji għandhom effett negattiv sinifikanti fuq is-suq tax-xogħol lokali u reġjonali.

Pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

30.         Meta titqies is-sitwazzjoni partikolarment fraġli tas-suq tal-impjiegi fit-territorju affettwat (Linares), l-awtoritajiet reġjonali flimkien mal-partijiet interessati ewlenin iddeċidew li jżidu l-miżuri standard ipprovduti mill-uffiċċji pubbliċi tal-impjieg b'pakkett ad hoc ta' miżuri mfassla biex jittrattaw kemm in-nuqqas ta' offerti ta' xogħol kif ukoll in-nuqqas ta' ħiliet vokazzjonali tal-ħaddiema, minbarra l-ħiliet relatati mal-industrija tal-karozzi.

Deskrizzjoni ġenerali tal-pakkett ta' miżuri "Plan Linares Futuro[11]"

Sabiex tiġi indirizzata l-ewwel kwistjoni (jiġifieri n-nuqqas ta' offerti ta' xogħol) tfasslu żewġ miżuri: (1) Ir-Rinnovazzjoni tal-eks park ta' negozju ta' Santana[12] (modernizzazzjoni tan-netwerks tal-enerġija, tal-vuċi u tad-dejta, riabilitazzjoni ta' madwar għoxrin unità li kienu jiffurmaw il-fabbrika, titjib tal-konnessjoni ferrovjarja li taqdi l-park, eċċ.), sabiex ikun jista' jilqa' l-intrapriżi b'valur miżjud għoli. L-ispiża tar-riabilitazzjoni tal-eks park ta' negozju ta' Santana hija stmata għal EUR 6,2 miljun. Din il-miżura ilha titwettaq minn Jannar 2011 u hija mistennija li tispiċċa f'Mejju 2014. (2) Jitwaqqaf uffiċċju li min-naħa waħda se jippromwovi l-park ta' negozju fost intrapriżi b'valur miżjud għoli fid-dawl tal-istabbiliment tagħhom fil-park, u min-naħa l-oħra, se jkun inkarigat ukoll mill-għajnuna attiva fit-tiftix ta' xogħol u mill-attivitajiet ta' kollokazzjoni ta' xogħol b'appoġġ għall-eks ħaddiema ta' Santana billi jippromwovi dawn il-ħaddiema fost in-negozji l-ġodda li jistabbilixxu ruħhom fil-park. L-ispiża totali tal-uffiċċju hija stmata għal EUR 525 000 (EUR 150 000 fis-sena għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Lulju 2011 u l-31 ta' Diċembru 2014). Ma ntalab l-ebda finanzjament mill-FEG għal dawn iż-żewġ miżuri.

Sabiex jiġi ttrattat in-nuqqas ta' ħiliet vokazzjonali tal-ħaddiema, dawn se jingħataw taħriġ vokazzjonali 'fuq il-lant tax-xogħol'. Din il-miżura għandha l-għan li tipprovdi ħiliet vokazzjonali lill-ħaddiema li jew se jieħdu ħsieb il-ħtieġa identifikata tal-intrapriżi li jistabbilixxu ruħhom fil-park ta' negozju, jew dawk il-ħiliet se jintalbu, bħal pereżempju l-ġestjoni amministrattiva tal-SMEs, il-liċenzjar vokazzjonali bħaċ-ċertifikati meħtieġa għall-ġestjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-trasport tal-passiġġieri CPC[13], l-għassiesa tas-sigurtà privata, eċċ. Il-karatteristika distintiva ta' din l-attività ta' taħriġ hija li t-taħriġ fil-klassi se jkun ikkumplimentat b'taħriġ fuq il-lant tax-xogħol u anke bit-tul tat-taħriġ (madwar 840 siegħa). Permezz tal-attivitajiet ta' taħriġ fuq il-lant tax-xogħol, il-parteċipanti se jkollhom l-opportunità li jiksbu xi ftit tal-esperjenza permezz tat-taħriġ fuq il-post tax-xogħol filwaqt li fl-istess ħin jirċievu 'paga tat-taħriġ' li hija ekwivalenti għal 150 % tal-paga minima Spanjola flimkien ma' parti prorata tal-paga tat-13 u l-14-il xahar[14]. Il-kontribuzzjonijiet soċjali rilevanti huma inklużi wkoll fl-ispiża totali ta' din il-paga ta' taħriġ li hija stmata għal EUR 1 483 fix-xahar għal kull ħaddiem.

31.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-attivitajiet preparatorji, ta’ ġestjoni u ta’ kontroll kif ukoll it-tagħrif u l-pubbliċità.

32.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Spanjoli huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Spanjoli jikkalkolaw li l-ispejjeż totali huma ta’ EUR 3 928 815, li EUR 3 729 815 minnhom huma nefqa għas-servizzi personalizzati filwaqt li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 199 000 (5,07 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 1 964 407 (50 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || L-għadd ta' ħaddiema li huma stmati li qegħdin fil-mira || Stima tal-ispiża għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) (*) || Spejjeż totali (FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR) (**)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Taħriġ vokazzjonali fuq il-lant tax-xogħol (Cursos de formación) || 285 || 4 191 || 1 194 295

Pagi tat-taħriġ (Contratación beneficiarios) || 285 || 8 897 || 2 535 520

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 3 729 815

Nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet preparatorji || || 60 000

Ġestjoni || || 104 000

Tagħrif u pubbliċità || || 15 000

Attivitajiet ta’ kontroll || || 20 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 199 000

Total stmat tal-ispejjeż || || 3 928 815

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-ispejjeż totali) || || 1 964 407

(*) Biex jiġu evitati d-deċimali, l-ispejjeż stmati għal kull ħaddiem ġew imqarrba. Madankollu t-tqarrib ma għandu l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’ kull miżura li tibqa' l-istess kif inhi fl-applikazzjoni mressqa minn Spanja.

(**) It-total ma jaqbilx minħabba li ċ-ċifri huma mqarrba.

33.         Spanja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li mhux se jitħalla jsir iffinanzjar doppju. Spanja se tistabbilixxi l-proċeduri ta' kontroll meħtieġa biex telimina r-riskju ta' finanzjament doppju u se tassigura wkoll li jkun hemm rekord ċar tal-verifiki għall-attivitajiet ta' finanzjament mill-FEG.

34.         Il-kumplimentarjetà bejn il-FEG u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) tinsab, b'mod partikolari, fil-possibbiltà li tiġi ttrattata l-kwistjoni tas-sensji minn żewġ perspettivi: Il-FEG jipprovdi appoġġ individwali ta' malajr, ta' darba u limitat fiż-żmien, immirat biex jgħin lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja bħala riżultat tal-globalizzazzjoni filwaqt li l-FSE jwettaq objettivi strateġiċi fuq perjodu twil ta' żmien u ġeneralment ir-riżorsi ma jkunux jistgħu jiġu allokati mill-ġdid sabiex jindirizzaw kriżi li tkun ikkawżata minn sensji bil-massa minħabba l-globalizzazzjoni. Il-miżuri ta' taħriġ b'appoġġ għall-eks ħaddiema ta' Santana tfasslu sabiex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-intrapriżi li jistabbilixxu ruħhom fil-park ta' negozju ta' Linares filwaqt li tqiesu wkoll il-profili tal-ħaddiema. Dawn il-korsijiet ta' taħriġ ad hoc la huma parti mit-taħriġ ipprovdut skont il-programmi operazzjonali tal-FSE għall-Andalucía tal-2007-2013 u lanqas mhuma parti mill-Programm dwar l-Impjiegi u l-Adattabilità tal-2007-2013. Madankollu, jekk il-ħtiġijiet partikolari ta' ħaddiem jistgħu jiġu sodisfatti aħjar billi jipparteċipa f'waħda mill-attivitajiet ta' taħriġ kofinanzjati mill-FSE, il-ħaddiem se jiġi pprovdut bit-taħriġ rilevanti tal-FSE.

35.         Sabiex tiġi evitata duplikazzjoni tal-miżuri tal-FSE u dawk tal-FEG għandu jkun hemm prosegwiment kontinwu tal-azzjonijiet tal-FSE u tal-FEG li għandhom l-istess għanijiet, u tal-ħaddiema kkonċernati.

Id-data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

36.         Spanja bdiet toffri s-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament fl-1 ta' Awwissu 2011. Għalhekk, din id-data tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta’ eliġibbiltà għal kull għajnuna li tista’ tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

37.         Il-gvern awtonomu tal-Andalucía kkonsulta mat-trejdjunjins MCA-UGT Andalucía u Federación de la industria de CCOO-Andalucía dwar il-pakkett sħiħ ta' miżuri kemm fil-waqt tan-negozjati qabel l-għeluq tal-Grupo Santana kif ukoll  wara, matul il-proċess ta' applikazzjoni. Barra minn hekk, dawn it-trejdjunjins qed jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-FEG.

38.         L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

Tagħrif dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

39.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Spanjoli fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabbiltà ta' kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi,

· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ għall-ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturazzjoni ta' kumpaniji jew setturi,

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra.

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

40.         Spanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li jiġġestixxu u jikkontrollaw lill-FSE. Is-Servicio Andaluz de Empleo se jkun il-korp intermedjarju għall-awtorità ta' ġestjoni.

Finanzjament

41.         Abbażi tal-applikazzjoni minn Spanja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-FEG) hija ta' EUR 1 964 407, li tirrappreżenta 50 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq it-tagħrif li ngħata minn Spanja.

42.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, kif ukoll l-ambitu tal-allokazzjoni mill-ġdid ta’ approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li l-FEG jiġi mobilizzat għall-ammont totali msemmi hawn fuq.

43.         Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stipulat fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba[15].

44.         B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta’ trasferiment sabiex fil-baġit tal-2014 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi ta’ impenn, kif mitlub fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013.           

Sors tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament

45.         Se jintużaw approprjazzjonijiet allokati lil-linja baġitarja tal-FEG fil-baġit tal-2014 biex ikopru l-ammont ta’ EUR 1 964 407 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2012/004 ES/Grupo Santana minn Spanja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[16], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[17], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea[18],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u biex jiġu megħjuna fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[19].

(3)       Spanja ressqet applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji fl-intrapriża Grupo Santana u fi 15-il fornitur u produttur fi stadju aħħari tal-produzzjoni, fis-16 ta' Mejju 2012 u sostnietha b'tagħrif addizzjonali sat-28 ta' Novembru 2013. Din l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mmobilizzat l-ammont ta' EUR 1 964 407.

(4)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa minn Spanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 964 407 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               Santana Motor S.A.U.; Santana Motor Andalucía S.L.U. u Santana Militar S.L.U.

[4]               Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[5]               L-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Karozzi - ACEA (http://www.acea.be/news/news_detail/vehicle_production_on_recovery_path_in_2010/)

[6]               Organisation Internationale des Constructeurs d’Automobiles – OICA (www.oica.net)

[7]               EGF/2007/002 FR Peugeot suppliers COM(2007) 415; EGF/2008/002 ES Delphi COM(2008) 547 u EGF/2008 ES Castilla y León & Aragón COM(2009) 150

[8]               http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/automotive/files/cars-21-final-report-2012_en.pdf

[9]               Aġġornamenti regolari hawnhekk: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=326&langId=mt dokumenti relatati mal-kontrolli (sommarju tal-applikazzjonijiet tal-FEG)

[10]             Azucareras Reunidas de Jaen S.A, produttur taz-zokkor tal-pitravi li f'dawn l-aħħar snin beda jipproduċi wkoll bijodiżil miż-żejt tal-kolza, miż-żejt tal-palm, mill-fażola tas-sojja u miż-żejt tal-ġirasol.

[11]             Pjan għall-futur ta' Linares.

[12]             Wara li ġie rinnovat, l-eks park ta' negozju ta' Santana ngħata l-isem il-ġdid ta' park ta' negozju ta' Linares.

[13]             Iċ-Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali (CPC) huwa ċ-ċertifikat li juri li ċerti sewwieqa professjonali għaddew mill-korsijiet u t-testijiet meħtieġa mid-Direttiva 2003/59/KE.

[14]             Fi Spanja, is-salarju annwali kuntrattwali jinqasam f'erbatax-il parti ugwali, tnax minnhom jitħallsu kull xahar u t-13 u l-14 jitħallsu f'Ġunju u f'Diċembru flimkien mas-salarju tax-xahar rilevanti.

[15]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[16]             ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[17]             ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

[18]             ĠU C […], […], p. […].

[19]             ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.