Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat Konġunt imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji rigward it-talba tar-Repubblika tal-Moldova li ssir Parti Kontraenti ta' dik il-Konvenzjoni /* COM/2014/0110 final - 2014/0058 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn’ il quddiem
“il-Konvenzjoni”) tistabilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta’
prodotti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn
il-Partijiet Kontraenti. L-Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni jistipula
li parti terza tista' ssir Parti Kontraenti ta' din il-Konvenzjoni, sakemm dak
il-pajjiż jew territorju kandidat ikollu fis-seħħ ftehim dwar il-kummerċ
ħieles, li jkun jistipula regoli preferenzjali tal-oriġini, ma’
mill-inqas waħda mill-Partijiet Kontraenti. L-Artikolu 2(2)
tal-Konvenzjoni jipprovdi li, għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni,
“parti terza” jfisser kwalunkwe pajjiż jew territorju ġar li mhux
Parti Kontraenti. Ir-Repubblika tal-Moldova ssottomettiet
it-talba bil-miktub tagħha għall-adeżjoni fil-Konvenzjoni
lid-depożitarju tal-Konvenzjoni (is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
tal-UE) fis-17 ta’ Lulju 2013. Fit-talba tagħha, ir-Repubblika
tal-Moldova indikat li hija membru tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles
tal-Ewropa Ċentrali bejn l-Albanija, il-Bożnija,
il-Ħerzergovina, Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,
r-Repubblika tal-Moldova, il-Montenegro, is-Serbja, u l-Kosovo[2]. Bħala
konsegwenza, ir-Repubblika tal-Moldova għandha ftehim dwar il-kummerċ
ħieles fis-seħħ ma’ sitt Partijiet Kontraenti
għall-Konvenzjoni u tikkonforma mal-kundizzjoni stipulata fl-
Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni biex issir Parti Kontraenti. Fit-talba tagħha,
ir-Repubblika tal-Moldova indikat ukoll li l-għaqda tagħha
mal-Konvenzjoni PEM huwa impenn li sar fil-qafas tan-negozjati ta’ ftehim ta’
kummerċ ħieles profond u komprensiv (DCFTA) mal-UE[3] u li riċentament
ikkonkludiet in-negozjati ta’ ftehim ta’ kummerċ ħieles mat-Turkija. It-talba għandha għalhekk tiġi
ppreżentata lill-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni b’applikazzjoni
tal-Artikolu 4(3)(b) tagħha għall-adozzjoni ta’
deċiżjoni fejn stiednet lir-Repubblika tal-Moldova biex taderixxi
mal-Konvenzjoni. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-UE fi
ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita
mill-Kunsill. Skont il-Kummissjoni, l-adeżjoni
tar-Repubblika tal-Moldova ma teħtieġ l-ebda miżuri
tranżitorji kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(c) tal-Konvenzjoni. 2. IR-RIŻULTATI
TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET
TAL-IMPATT Il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni
ġew informati b’din it-talba fil-laqgħa tal-Kumitat Konġunt
tal-Konvenzjoni tad-29 ta’ Ottubru 2013. Ma kienx meħtieġ li wieħed
jirrikorri għal għarfien espert estern. Barra minn hekk, ma kienx
meħtieġ li titwettaq valutazzjoni tal-impatt, hekk kif
l-adeżjoni ta’ parti terza għall-Konvenzjoni hija biss
soġġetta għall-kundizzjoni li din ikollha fis-seħħ
ftehim dwar il-kummerċ ħieles ma’ mill-inqas waħda
mill-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni. 3. L-ELEMENTI LEGALI
TAL-PROPOSTA Il-bażi ġuridika għal din
id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva
tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax. L-istrument li qed jiġi propost:
Deċiżjoni tal-Kunsill. 2014/0058 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha
tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fi ħdan il-Kumitat
Konġunt imwaqqaf permezz tal-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli
preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji rigward it-talba
tar-Repubblika tal-Moldova li ssir Parti Kontraenti ta' dik il-Konvenzjoni IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu
tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini Pan-Ewro-Mediterranji[4]. Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) Il-Konvenzjoni Reġjonali
dwar ir-regoli preferenzjali ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji
(il-“Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2012. (2) L-Artikolu 5(1)
tal-Konvenzjoni jistipula li parti terza tista' ssir Parti Kontraenti ta' din
il-Konvenzjoni, sakemm dak il-pajjiż jew territorju kandidat ikollu
fis-seħħ ftehim dwar il-kummerċ ħieles, li jkun jistipula
regoli preferenzjali tal-oriġini, ma’ mill-inqas waħda mill-Partijiet
Kontraenti. (3) Ir-Repubblika tal-Moldova
ssottomettiet talba bil-miktub għall-adeżjoni fil-Konvenzjoni
lid-depożitarju tal-Konvenzjoni (is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
tal-UE) fis-17 ta’ Lulju 2013. (4) Ir-Repubblika tal-Moldova
hija membru tal-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa
Ċentrali bejn l-Albanija, il-Bożnija, il-Ħerzergovina, dik li
kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, r-Repubblika tal-Moldova,
il-Montenegro, is-Serbja, u l-Kosovo[5].
Bħala konsegwenza, ir-Repubblika tal-Moldova għandha ftehim dwar
il-kummerċ ħieles fis-seħħ ma’ sitt Partijiet Kontraenti
għall-Konvenzjoni u tikkonforma mal-kundizzjoni stipulata fl-
Artikolu 5(1) tal-Konvenzjoni biex issir Parti Kontraenti. (5) Skont l-Artikolu 4(3)(b)
tal-Konvenzjoni l-Kumitat Konġunt se jadotta permezz ta’
Deċiżjoni stediniet lil partijiet terzi biex jidħlu
fil-Konvenzjoni. (6) Il-pożizzjoni tal-Unjoni
fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tkun li tivvota favur
Deċiżjoni fejn stiednet lir-Repubblika tal-Moldova biex taderixxi
mal-Konvenzjoni, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-pożizzjoni li se tiġi adottata
mill-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni
Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini preferenzjali Pan-Ewro-Mediterranji,
rigward it-talba tar-Repubblika tal-Moldova li ssir Parti Kontraenti għal
dik il-Konvenzjoni, se tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni
tal-Kumitat Konġunt anness ma’ din id-Deċiżjoni. Tibdiliet minuri fl-abbozz
tad-Deċiżjoni jistgħu jiġu miftiehma
mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr
deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Artikolu 2 Wara l-adozzjoni tagħha,
id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal
Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [2] Din id-deżinjazzjoni hija bla preġudizzju
għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi
mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni ta'
Indipendenza tal-Kosovo. [3] Id-DCFTA kien inizjalat fis-Summit tas-Sħubija
tal-Lvant f’Vilnius, fit-28-29 ta’ Novembru 2013. [4] ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4. [5] Din id-deżinjazzjoni hija bla preġudizzju
għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi
mal-UNSCR 1244 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-Dikjarazzjoni ta'
Indipendenza tal-Kosovo.