52014PC0102

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea /* COM/2014/0102 final - 2014/0053 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-proposta mehmuża tikkostitwixxi l-istrument legali għall-iffirmar ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea:

(i)      Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Protokoll f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

Din il-proposta hija ppreżentata b’mod konġunt ma’:

(ii)     Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

(iii)    Rakkomandazzjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni tal-Protokoll, mill-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

Skont l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika tal-Kroazja għandha taċċedi għall-ftehimiet internazzjonali ffirmati jew konklużi mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha permezz ta’ Protokoll għal dawk il-ftehimiet.

Il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju 1994. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1997.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2012[1] awtorizzat lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati, sabiex jiġu konklużi l-protokolli rilevanti. In-negozjati mal-Federazzjoni Russa ġew konklużi b’suċċess. Il-Federazzjoni Russa qablet mat-test tal-Protokoll fin-Note Verbale tagħha tal-4 ta’ Settembru, is-SEAE qabel fin-Note Verbale tiegħu tal-24 ta’ Settembru. Dan l-iskambju ta’ Notes Verbales, mitlub mill-Federazzjoni Russa, issostitwixxa l-inizjalar tal-Protokoll.

Il-Protokoll propost jinkorpora lir-Repubblika tal-Kroazja bħala Parti Kontraenti għall-Ftehim u jorbot lill-UE biex tipprovdi l-verżjoni awtentika tal-Ftehim bil-lingwa uffiċjali l-ġdida tal-UE.

Il-Protokoll jinkludi klawżola li tispeċifika li l-Ftehim huwa emendat b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013.

Il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni mal-Federazzjoni Russa b’mod partikolari għandu l-għan li jippromwovi l-kummerċ u l-investiment, inkluż il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport, u jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni f’setturi differenti li huwa limitat għal kooperazzjoni ekonomika, finanzjarja u teknika globali. Għalhekk, flimkien mal-bażijiet proċedurali legali applikabbli, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat u konkluż mill-Unjoni Ewropea abbażi tal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, min-naħa l-waħda, u tal-Artikoli 91, 100(2), 207 u 212 tat-TFUE min-naħa l-oħra.

Il-Kummissjoni qieset ir-riżultati tan-negozjati bħala sodisfaċenti u qed titlob lill-Kunsill:

– biex jawtorizza l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-applikazzjoni proviżorja ta' Protokoll ta' adeżjoni għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

Il-Parlament Ewropew se jiġi msejjaħ biex jagħti l-kunsens tiegħu għal dan il-Protokoll.

2014/0053 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni proviżorja, tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), 207 u 212, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont it-termini tal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, għandu jkun hemm qbil dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra[2] (“il-Ftehim”), permezz ta' protokoll għal dan il-Ftehim. F'konformità mal-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni, għal tali adeżjoni għandha tapplika proċedura ssimplifikata, li permezz tagħha jiġi konkluż protokoll mill-Kunsill, li jaġixxi unanimament f’isem l-Istati Membri, u mill-pajjiżi terzi kkonċernati.

(2)       Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati[3]. In-negozjati mal-Federazzjoni Russa ġew konklużi b’suċċess. Dan ġie kkonfermat fi skambju ta’ noti fl-24 ta’ Settembru 2013.

(3)       Il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(4)       Il-konklużjoni tal-Protokoll hija soġġetta għal proċedura separata li tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(5)       Fid-dawl tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Protokoll għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja minn din id-data,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta' setgħat sħaħ għall-persuna/persuni indikata/indikati min-negozjaturi tal-Protokoll biex tiffirma/jiffirmaw il-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Il-Protokoll jiġi applikat fuq bażi proviżorja, f'konformità mal-Artikolu 4 tiegħu, mill-1 ta’ Lulju 2013, sakemm jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-adattament tal-ftehimiet iffirmati jew konklużi bejn l-Unjoni Ewropea, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (id-Dokument tal-Kunsill 13351/12 RISTRETT).

[2]               ĠU L 327, 28.11.1997, p. 3.

[3]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati għall-adattament tal-ftehimiet iffirmati jew konklużi bejn l-Unjoni Ewropea, jew l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, fid-dawl tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (id-Dokument tal-Kunsill 13351/12 RISTRETT).

PROTOKOLL għall- FTEHIM TA' SĦUBIJA U KOOPERAZZJONI li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ

Il-Partijiet Kontraenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn hawn 'il quddiem imsejħa "Stati Membri",

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Unjoni", u

IL-KOMUNITÀ EWROPEA GĦALL-ENERĠIJA ATOMIKA

min-naħa l-waħda,

U

L-FEDERAZZJONI RUSSA

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa flimkien bħala "il-Partijiet",

BILLI l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim") ġie ffirmat fl-24 ta' Ġunju 1994 f'Korfu;

BILLI t-Trattat dwar l-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea ġie ffirmat fid-9 ta' Diċembru 2011 fi Brussell;

BILLI, skont l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Ftehim trid tiġi adottata billi jiġi konkluż protokoll għall-Ftehim;

WARA LI KKUNSIDRAW l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Lulju 2013;

FTIEHMU kif ġej:

ARTIKOLU 1

Ir-Repubblika tal-Kroazja b'dan taderixxi bħala Parti għall-Ftehim. Bl-istess mod kif jagħmlu l-Istati Membri l-oħra, ir-Repubblika tal-Kroazja tadotta wkoll u tqis it-testi tal-Ftehim, u tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti, id-Dikjarazzjonijiet u l-Iskambji ta’ Ittri annessi mal-Att Finali ffirmat fl-istess data u tal-Protokoll għall-Ftehim tal-21 ta’ Mejju 1997 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2000, tal-Protokoll għall-Ftehim tas-27 ta’ April 2004 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2005, u tal-Protokoll għall-Ftehim tat-23 ta’ April 2007 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2008.

ARTIKOLU 2

Wara l-iffirmar ta’ dan il-Protokoll, l-Unjoni tikkomunika lill-Istati Membri u lill-Federazzjoni Russa l-verżjoni tal-lingwa Kroata tal-Ftehim, tal-Att Finali u tad-dokumenti kollha annessi miegħu, kif ukoll il-Protokolli għall-Ftehim tal-21 ta’ Mejju 1997, tas-27 ta’ April 2004 u tat-23 ta’ April 2007. Mid-data tal-applikazzjoni proviżorja ta’ dan il-Protokoll, il-verżjoni tal-lingwa msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan l-Artikolu ssir awtentika bl-istess kundizzjonijiet tal-verżjonijiet tal-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Russa, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana u Ungeriża tal-Ftehim.

ARTIKOLU 3

Dan il-Protokoll jifforma parti integrali mill-Ftehim.

ARTIKOLU 4

1.           Dan il-Protokoll huwa approvat mill-Partijiet, f'konformità mal-proċeduri tagħhom stess. Il-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. L-istrumenti ta’ approvazzjoni jiġu ddepożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.           Dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-data tad-depożitu tal-aħħar strument ta’ approvazzjoni.

3.           Dan il-Protokoll japplika fuq bażi proviżorja wara 15-il jum mid-data tal-iffirmar tiegħu.

4.           Dan il-Protokoll japplika għar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet fil-qafas tal-Ftehim mid-data tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea.

ARTIKOLU 5

Dan il-Ftehim jitfassal f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Isvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bir-Russu, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, u kull wieħed minn dawn it-testi huwa awtentiku bl-istess mod.

B'XIEHDA TA' DAN, il-Plenipotenzjarji hawn taħt iffirmati, mogħtija l-poter għal dan l-iskop, iffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul fi …, fi … tas-sena ...

GĦALL-UNJONI EWROPEA, IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA

GĦALL-FEDERAZZJONI RUSSA