52014PC0006

ANNESS Kriterji komuni għall-awtorizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet biex jaġixxu bħala Msieħba tal-EURES għar- REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar netwerk Ewropew tas-Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi tal-mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol /* COM/2014/06 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.        Kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta

Din il-proposta għal Regolament għandha l-għan li ssaħħaħ l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ appoġġ fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE, u b’hekk tappoġġja mobilità ġusta u żżid l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ xogħol madwar l-Unjoni.

Tieħu post id-dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs bejn l-Istati Membri (“awtorizzazzjoni”) li bħalissa jinsabu fil-Kapitolu II u l-Artikolu 38 tar-Regolament 492/2011[1] u hija msejsa fuq l-Artikolu 46 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘it-Trattat’). Tistabbilixxi (mill-ġdid) ukoll in-netwerk Ewropew tas-Servizzi Ewropej tal-Impjiegi, imsejjaħ EURES, li se jkollu l-għan li jipprovdi assistenza fit-tiftix ta’ xogħol u r-reklutaġġ madwar l-Istati Membri. Bħalissa hemm attiv netwerk simili msejjes fuq Deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata fl-2012[2]. Għaldaqstant, mal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni se tħassar id-Deċiżjoni msemmija hawn fuq dwar il-funzjonament tan-netwerk attwali tal-EURES.

L-Artikolu 45 tat-Trattat jiggarantixxi l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-Unjoni filwaqt li l-Artikolu 46 jistabbilixxi l-miżuri li jimplimentaw din il-libertà, b’mod partikolari billi jiżguraw kooperazzjoni mill-qrib bejn is-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (‘PES’). Dan l-aħħar il-Kummissjoni introduċiet ukoll proposta bbażata fuq l-Artikolu 149 tat-Trattat biex tistabbilixxi netwerk tal-PES[3] li jsaħħaħ il-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku. Dak in-netwerk se jkopri firxa wiesgħa ta’ objettivi u inizjattivi fil-forma ta’ inċentivi u huwa komplementari għal din il-proposta. 

1.2.        Ħsieb wara l-proposta

Il-libertà tal-moviment hija waħda mill-erba’ libertajiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u element ċentrali taċ-ċittadinanza tal-UE. L-Artikolu 45 tat-TFUE jnaqqax id-dritt taċ-ċittadini tal-UE sabiex imorru jgħixu fi Stat Membru ieħor għal skopijiet ta’ xogħol.

Il-mobilità tiġġenera benefiċċji soċjali u ekonomiċi. Iż-żieda fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE se twessa’ l-opportunitajiet ta’ impjieg għall-ħaddiema u tgħin lill-impjegaturi jimlew il-postijiet battala aħjar u iktar malajr. Dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol Ewropew b’livell għoli ta’ impjiegi (l-Artikolu 9 tat-TFUE).

Il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE hija relattivament baxxa meta mqabbla mad-daqs tas-suq tax-xogħol u l-popolazzjoni attiva tal-UE. Il-mobilità annwali fi ħdan l-eks UE27 hija ta’ 0,29%, jiġifieri inqas mir-rati tal-Awstralja, (1,5% bejn 8 stati) u l-Istati Uniti tal-Amerika (2,4% bejn 50 stat)[4]. Mill-forza tax-xogħol Ewropea, madwar 7,5 miljuni biss minn madwar 241 miljun (jiġifieri 3,1%) huma ekonomikament attivi fi Stat Membru ieħor[5]. Bħalissa, f'xi Stati Membri hemm rati għoljin ta’ qgħad u fl-istess ħin hemm rati għoljin ta’ postijiet tax-xogħol battala f’oħrajn.

Kien hemm żieda importanti fl-għadd ta’ ħaddiema li jindikaw “intenzjonijiet serji” (jiġifieri: is-sehem ta’ dawk li jippjanaw li jemigraw fit-12-il xahar li ġejjin) li jmorru jaħdmu barra l-pajjiż[6]. Ir-reġistrazzjonijiet mal-EURES jindikaw li hemm żieda fl-għadd ta’ persuni li qed ifittxu xogħol lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. L-għadd ta’ persuni li qed ifittxu xogħol irreġistrati fil-portal tal-EURES żdied minn 175.000 għal 1.200.000 bejn l-2007 u Diċembru tal-2013 mingħajr żieda korrispondenti fil-mobilità okkupazzjonali.

Illum, il-medja ta’ persuni li kull sena jmorru jaħdmu fi Stat Membru ieħor hija ta’ madwar 700.000 ruħ biss[7], filwaqt li l-estrapolazzjonijiet fuq l-istħarriġ juru li madwar 2.9 miljun ċittadin tal-UE jixtiequ jmorru jaħdmu barra fit-12-il xahar li ġejjin[8]. Dan jirrappreżenta potenzjal sinifikanti tal-mobilità u sfida għan-netwerk tal-EURES.

Hemm bosta raġunijiet għaliex il-potenzjal għall-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE għadu mhuwiex sfruttat u għaliex iċ-ċittadini individwali ma jibdlux l-intenzjonijiet tagħhom f’realtà biex isiru ħaddiema mobbli. L-istħarriġ[9] juri li l-iktar diffikultajiet prattiċi komuni mistennija jew li jiltaqgħu magħhom huma n-nuqqas ta’ għarfien tal-lingwi relevanti u d-diffikultajiet fis-sejbien ta’ xogħol. L-UE tista’ tagħti s-sehem tagħha fl-indirizzar tad-diffikultajiet imsemmijin l-aħħar permezz ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol madwar l-Unjoni u l-iżvilupp ta’ servizzi xierqa ta’ appoġġ biex tħeġġeġ reklutaġġi fl-UE. Dan se jkun il-kompitu tan-netwerk imsaħħaħ tal-EURES.

Filwaqt li l-funzjonament tan-netwerk tal-EURES kien suġġett għal ċerti bidliet fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni permezz tad-Deċiżjoni tagħha tal-2012, il-Kapitolu II tar-Regolament 492/2011 li jikkostitwixxi l-qafas regolatorju Ewropew għall-approvazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE għadu ma ġiex emendat mill-1992 ’l hawn.

Hemm bżonn ta’ reviżjoni komprensiva biex tirrifletti xejriet ġodda fil-mobilità, ħtieġa ikbar ta’ mobilità ġusta, bidliet fit-teknoloġija għall-qsim ta’ dejta dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-użu ta’ firxa ta’ kanali ta’ reklutaġġ minn persuni li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi u rwol dejjem ikbar ta’ intermedjarji oħrajn tas-suq tax-xogħol wara s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) fil-forniment ta’ servizzi ta’ reklutaġġ. Il-mobilità ġusta tfisser mobilità li sseħħ fuq bażi volontarja u li tirrispetta l-liġi tax-xogħol u l-istandards tax-xogħol kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema fl-Unjoni.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 dwar il-Patt għal Tkabbir u Impjiegi jagħrfu l-urġenza politika li tissaħħaħ il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE fl-isfond ta’ rati għoljin tal-qgħad: "[i]l-Portal tal-EURES għandu jkun żviluppat f’għodda Ewropea vera għall-kollokament u r-reklutaġġ (…)". Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-13 u l-14 ta’ Diċembru 2012 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013 u l-impjiegi taż-żgħażagħ stiednu lill-Kummissjoni sabiex tipproponi regolament ġdid tal-EURES.

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2013[10] tagħha, il-Kummissjoni ħadet impenn li tipproponi inizjattiva fl-2013 biex timmodernizza l-EURES ħalli ssaħħaħ ir-rwol u l-impatt tas-servizzi tal-impjiegi fil-livell nazzjonali u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-UE (azzjoni 2). L-immodernizzar tal-EURES huwa wkoll inkluż fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-familji tagħhom: Ħames azzjonijiet biex jagħmlu differenza"[11] tal-25 ta' Novembru 2013 bħala parti mill-azzjoni li timmira li tgħin lill-awtoritajiet lokali japplikaw ir-regoli tal-UE dwar il-moviment liberu fil-post (azzjoni 5).

F’konformità mat-talba fil-konklużjonijiet ta’ hawn fuq tat-28 u d-29 ta’ Ġunju 2012 tal-Kunsill Ewropew, in-netwerk tal-EURES se jiġi estiż b’mod gradwali wkoll sabiex ikopri l-apprentistati u l-iskemi ta’ taħriġ. L-impjieg permezz ta’ reklutaġġi fi ħdan l-UE għaż-żgħażagħ huwa appoġġjat minn L-Ewwel impjieg EURES tiegħek (YfEJ). Din l-iskema tgħaqqad assistenza personalizzata fit-tiftix ta’ xogħol ma’ appoġġ finanzjarju għall-ispejjeż tal-ivjaġġar għal intervisti għax-xogħol, stabbiliment tax-xogħol eċċ. Il-Kummissjoni beħsiebha tkompli tappoġġja t-tali skemi. Il-proposta għal Regolament għandha ssaħħaħ ukoll il-kapaċità tas-servizzi tal-impjiegi biex tiżviluppa sħubijiet ħalli tirriżulta f’iktar reklutaġġi fi ħdan l-UE għaż-żgħażagħ. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza mal-inizjattivi li għaddejin bħalissa fil-livell tal-UE, bħall-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali u l-Alleanza Ewropea għall-Apprentistati, in-netwerk tal-EURES qed jiġi mistieden ukoll biex jippromwovi b'mod attiv l-iżvilupp ta' dawk l-inizjattivi.

1.3.        Nuqqasijiet fin-netwerk tal-EURES

F'konformità mal-Pakkett dwar l-Impjiegi[12], fl-2012 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni biex timmodernizza u ssaħħaħ in-netwerk tal-EURES[13]. Id-Deċiżjoni tieħu post id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2003[14] u għandha l-għan li toħloq inċentivi biex jissaħħu l-attivitajiet ta’ tlaqqigħ, kollokament u reklutaġġ fi ħdan in-netwerk attwali tal-EURES, fost l-oħrajn billi dan jinfetaħ għas-Servizzi Privati tal-Impjiegi (“PrES”) kemm jista’ jkun, bla ma tinbidel il-bażi legali (ir-Regolament 492/2011).  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2014.

L-evidenza turi li n-netwerk tal-EURES, b’madwar 900 konsulent u pjattaforma komuni għall-approvazzjoni ta’ post tax-xogħol battal Ewropew, il-portal tal-EURES, għen lil ħafna persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi fl-isfruttar ta’ opportunitajiet ta’ mobilità. Dawk li jirrikorru għal dan l-istrument u li jistgħu jużaw is-servizzi li joffri, ġeneralment japprezzawh.

Però huwa evidenti li l-istrument, hekk kif jaħdem illum il-ġurnata, mhuwiex mgħammar biżżejjed biex iħeġġeġ iktar xejriet ta’ mobilità ġusta bħala parti mis-soluzzjonijiet għall-iżbilanċi fis-suq tax-xogħol Ewropew, b’mod partikolari minħabba d-daqs tal-forza tax-xogħol tal-UE u l-għamla tal-isfida fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ żminijietna. Ġew identifikati n-nuqqasijiet li ġejjin fil-funzjonament tan-netwerk tal-EURES:

– Ġabra inkompluta ta’ postijiet tax-xogħol battala u CVs aċċessibbli fil-livell tal-UE għall-Istati Membri kollha (trasparenza tas-swieq tax-xogħol);

– Kapaċità limitata ta’ tlaqqigħ tal-portal tal-EURES li jiġbor flimkien il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs fil-livell tal-UE, minħabba l-grad limitat ta’ interoperabilità semantika tad-dejta li ġejja mis-sistemi nazzjonali ta’ postijiet tax-xogħol battala (potenzjal ta’ tlaqqigħ awtomatizzat);

– Aċċess mhux uniformi għas-servizzi tal-EURES madwar l-UE hekk kif persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi ma jirċivux b’mod sistematiku l-informazzjoni kollha meħtieġa dwar il-EURES u lanqas ma jirċievu offerta għal iktar assistenza fl-ewwel stadju tar-reklutaġġ (mainstreaming);

– Disponibilità limitata għal assistenza fit-tlaqqigħ, ir-reklutaġġ u l-kollokament għal dawk il-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi li indikaw li huma interessati fil-mobilità fi ħdan l-UE tal-forza tax-xogħol, inkluż fil-kisba ta’ aċċess kemm għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u informazzjoni dwaru u pariri dwar is-sigurtà soċjali (servizzi ta’ appoġġ);

– Skambju ineffiċjenti ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri fuq nuqqas u eċċess ta’ ħaddiema, li jxekkel kooperazzjoni prattika iktar immirata fin-netwerk tal-EURES (skambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni).

1.4.        Objettivi tal-proposta

L-objettiv ġenerali huwa li n-netwerk tal-EURES isir strument effettiv għal kwalunkwe persuna li qed tfittex xogħol jew impjegatur interessati fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE. L-objettivi speċifiċi tal-proposta jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ hawn fuq kif ġej:

– sabiex fuq il-portal tal-EURES tinkiseb provvista kważi sħiħa ta’ postijiet tax-xogħol battala, b’persuni li qed ifittxu xogħol mill-erba’ rjiħat tal-Ewropa b’aċċess immedjat għall-istess postijiet tax-xogħol battala, flimkien ma’ ġabra estensiva ta’ CVs disponibbli li minnhom l-impjegaturi rreġistrati jistgħu jirreklutaw;

– sabiex il-portal tal-EURES ikun jista’ jwettaq tlaqqigħ awtomatizzat u korrett bejn il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs bejn l-Istati Membri, billi jittraduċi fil-lingwi kollha tal-UE u jifhem il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-okkupazzjonijiet miksubin fil-livell nazzjonali u settorjali;

– sabiex l-informazzjoni bażika fin-netwerk tal-EURES issir disponibbli fi ħdan l-Unjoni għal kull persuna li qed tfittex xogħol jew impjegatur li qed ifittex servizzi tal-klijenti għar-reklutaġġ u sabiex ikun offrut aċċess għan-netwerk tal-EURES b’mod konsistenti lil kwalunkwe persuna interessata;

– sabiex kwalunkwe persuna interessata tkun assistita fit-tlaqqigħ, il-kollokament u r-reklutaġġ permezz tan-netwerk tal-EURES;

– sabiex ikun appoġġjat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas u l-eċċess ta’ ħaddiema fil-livell nazzjonali u l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet bejn l-Istati Membri.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

2.1.        Konsultazzjonijiet mal-Istati Membri

Il-punt tat-tluq għad-Deċiżjoni tal-2012 kien l-evalwazzjoni fl-2010 tan-netwerk tal-EURES[15]. Fil-kuntest tat-tħejjija għad-Deċiżjoni tal-2012, saru konsultazzjonijiet mal-Istati Membri dwar in-nuqqasijiet attwali u l-orjentazzjonijiet possibbli tan-netwerk tal-EURES fil-ġejjieni. Fil-ħarifa tal-2012 il-Kumitat Konsultattiv dwar ‘Il-Libertà tal-Moviment tal-Ħaddiema’ ġie kkonsultat b’mod formali dwar l-abbozz tad-Deċiżjoni. L-iskop ewlieni tad-Deċiżjoni, li terġa’ torjenta s-servizzi tal-EURES minn informazzjoni u gwida ġenerali lejn iktar tlaqqigħ, kollokament u reklutaġġ intlaqa’ b’mod ġenerali. L-Istati Membri kollha appoġġjaw ukoll l-idea ta’ ċiklu ta’ programmazzjoni u indikaturi komuni dwar attivitajiet tal-EURES biex tiżdied it-trasparenza dwar il-prestazzjoni, it-tisħiħ tal-iskambju ta’ informazzjoni u t-titjib tal-koordinazzjoni tal-azzjonijiet.

Minn dak iż-żmien, l-Istati Membri individwali ċċaraw il-pożizzjonijiet tagħhom fil-laqgħat ta’ esperti dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri ta’ implimentazzjoni possibbli fid-dawl ta’ prattiki u limitazzjonijiet nazzjonali. Bis-saħħa ta’ dawn il-laqgħat, ġie maqbul li l-approċċ jitqarreb iktar lejn il-ftuħ tan-netwerk għal fornituri ta’ servizzi apparti l-PES biex l-Istati Membri jkollhom iktar żmien u lok biex jiżviluppaw sħubijiet fil-livell nazzjonali.

2.2.        Konsultazzjonijiet ma’ dawk li jaħdmu fil-qasam

Billi bnew fuq il-konsultazzjonijiet imsemmijin hawn fuq dwar in-netwerk tal-EURES b’mod ġenerali, fl-2013 intbagħtu kwestjonarji biex jiġu riveduti prattiki dwar l-aċċess għall-postijiet tax-xogħol battala fil-livell nazzjonali, l-aċċess għal persuni li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi għan-netwerk tal-EURES, u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ tlaqqigħ, kollokament u reklutaġġ fi ħdan in-netwerk tal-EURES. It-tweġibiet għal dawn il-kwestjonarji jikkonfermaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni, peress li juru diversità wiesgħa fl-Istati Membri dwar (a) liema postijiet tax-xogħol battala huma suġġetti għal approvazzjoni Ewropea (trasparenza tas-swieq tax-xogħol), (b) il-punt tat-tluq tagħhom biex ikun jista’ jsir tlaqqigħ awtomatizzat, (c) kif jinkiseb aċċess għan-netwerk tal-EURES fil-prattika (mainstreaming) u (d) l-forniment propju tas-servizzi ta’ appoġġ.

2.3.      Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika tagħha dwar regolamentazzjoni aħjar, il-Kummissjoni għamlet valutazzjoni tal-impatt ta’ politiki alternattivi għall-indirizzar tan-nuqqasijiet identifikati.

L-alternattivi politiċi differenti kienu (1) iż-żamma tal-istatus quo, (2) l-emenda tar-Regolament 492/2011 fir-rigward tas-setgħat tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha, (3) l-introduzzjoni ta’ Regolament ġdid b'dispożizzjonijiet ġodda flimkien u (4) l-introduzzjoni ta’ Regolament ġdid b’mandat speċifiku tal-Kummissjoni biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn is-servizzi pubbliċi u privati tal-impjiegi. L-opzjonijiet kollha ġew analizzati fl-isfond tal-objettiv ġenerali li n-netwerk tal-EURES isir strument effettiv għal kwalunkwe persuna li qed tfittex xogħol jew impjegatur interessati fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE.

Il-valutazzjoni tal-impatt uriet li l-ewwel opzjoni tirriżulta f'dewmien fir-riforma mnedija bid-Deċiżjoni tal-2012. It-tieni opzjoni tippermetti lill-Kummissjoni tressaq miżuri xierqa u tkompli l-proċess lejn strument iktar effettiv iżda, fid-dawl tal-limitazzjonijiet f’ċerti Stati Membri, ma kinitx mistennija tilħaq il-mira mixtieqa tad-Deċiżjoni mingħajr bidliet fir-Regolament 492/2011 innifsu. It-tieni opzjoni lanqas ma ssolvi għal kollox in-nuqqasijiet dwar it-tlaqqigħ awtomatizzat, il-mainstreaming, is-servizzi ta’ appoġġ u l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni. Għaldaqstant, l-opzjoni preferuta hija t-tibdil tar-Regolament 492/2011 u d-Deċiżjoni tal-2012 bi strument awtonomu li jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti kif ukoll li jindirizza n-nuqqasijiet kollha. B’din l-opzjoni, twarrbu bosta alternattivi speċifiċi peress li ma kinux proporzjonati għall-objettivi speċifiċi. Ir-raba’ opzjoni li żżid mal-opzjoni 3 mandat għall-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sħubijiet b’mod awtonomu ma’ servizzi ġodda tal-impjiegi fl-interess tan-netwerk tal-EURES sħiħ tqieset li tmur lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ f’dan l-istadju.

Il-Bord għall-Valutazzjoni tal-Impatt ("IAB") ta opinjoni dwar l-abbozz tal-valutazzjoni tal-impatt fil-5 ta' Diċembru 2013. L-opinjoni tal-IAB kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt finali u s-sommarju eżekuttiv tagħha huma ppubblikati flimkien ma’ din il-proposta.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.        Bażi legali

Din il-proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 46 tat-TFUE, l-istess bażi legali tar-Regolament (UE) Nru 492/2011, li tippermetti li jiġu adottati Regolamenti jew Direttivi skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

3.2.        Prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità

L-intenzjonijiet tar-Regolament propost huma marbutin mill-qrib mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tat-TUE, li bih l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet suq intern imsawwar fuq ekonomija soċjali tas-suq ferm kompetittiva, li għandha l-għan li tikseb progress sħiħ fil-livell soċjali u tal-impjiegi, l-Artikolu 9 tat-TFUE, il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi, il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata u l-Artikolu 45 tat-TFUE (“li jaċċetta offerti ta' impjieg li jkunu saru (...) għal dan il-għan fit-territorju tal-Istati Membri”).

Il-miżuri individwali speċifiċi f’din il-proposta huma marbutin ma’ xulxin mill-qrib. Isaħħu lil xulxin u flimkien għandhom jagħmlu n-netwerk tal-EURES strument tal-għażla preferuta għal kwalunkwe persuna li qed tfittex xogħol jew impjegatur interessati fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE. Fejn dawn il-miżuri jinvolvu l-espansjoni tal-obbligi attwali ta’ trasparenza, il-possibilità ta’ tlaqqigħ awtomatizzat, l-iżgurar ta’ aċċess indaqs madwar l-Unjoni għan-netwerk tal-EURES, id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ prattiku b’mod iktar ċar u l-estensjoni tal-arranġamenti kurrenti ta’ skambju tal-informazzjoni, dawn jitqiesu li huma rispons komprensiv iżda bbilanċjat għan-nuqqasijiet differenti fil-qafas attwali għall-kooperazzjoni. Dawk il-miżuri huma adegwati wkoll fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-persuni qiegħda fis-swieq tax-xogħol, il-ħtiġijiet ta’ persuni li qed ifittxu xogħol (“intenzjonijiet sodi”) u l-evoluzzjonijiet (teknoloġiċi) fis-swieq tal-postijiet tax-xogħol battala u tar-reklutaġġ.

Kull miżura individwali hija ġġustifikata minnha nfisha bħala miżura li tixpruna l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema identifikata fl-Artikolu 46 tat-Trattat. Kull miżura jew għandha l-għan li ttejjeb “kollaborazzjoni mill-qrib bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali tax-xogħol” (l-Artikolu 46(a) tat-TFUE) u/jew għat-tfassil mill-ġdid tal-“mekkaniżmi adatti” biex il-postijiet tax-xogħol battala jitlaqqgħu ma’ applikazzjonijiet għal xogħol (Artikolu 46(d) tat-TFUE).

Peress li kemm l-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs bejn fruntieri kif ukoll il-kollokament li jirriżulta tal-ħaddiema jeħtieġu li jkun hemm qafas komuni minn qabel għall-kooperazzjoni bejn organizzazzjonijiet fi Stati Membri differenti, l-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk hemm bżonn li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE.

F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet. Għat-trasparenza, l-Istati Membri se jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES biss dawk il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs li diġà huma disponibbli fil-livell nazzjonali. It-tlaqqigħ awtomatizzat se jinkiseb billi jintużaw għodod sempliċi ta’ interoperabilità u mhux billi tiġi imposta sistema komuni ta’ klassifikazzjoni sabiex tintuża fil-livell nazzjonali. Il-mainstreaming, jiġifieri l-integrazzjoni tas-servizzi tal-EURES fl-attività tal-front desks tas-servizzi tal-impjiegi, tista’ tinkiseb permezz ta’ informazzjoni standard (onlajn u/jew fuq karta) u tkun ikkonċernata biss f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn isir kuntatt dirett mal-grupp fil-mira fuq talba espliċita tal-individwi (jiġifieri meta jkun hemm talba għal servizzi tal-klijenti ma’ servizzi tal-impjiegi). Is-servizzi ta’ appoġġ jistgħu jkunu forniti fil-livell nazzjonali permezz ta’ firxa ta’ opzjonijiet u kanali u l-intensità u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jistgħu jkunu varjati skont is-sitwazzjoni individwali tal-persuni li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi. L-Istati Membri se jaqsmu b’mod iktar sistematiku informazzjoni nazzjonali dwar nuqqas u eċċess ta’ ħaddiema u politiki relatati, iżda d-deċiżjoni dwar dawn il-politiki taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament.

4.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta mhijiex se tirriżulta f’xi impatt baġitarju speċifiku għall-baġit tal-UE. Kwalunkwe attività li għandha titwettaq mill-Kummissjoni Ewropea għan-netwerk tal-EURES li se tirriżulta fil-bżonn ta’ riżorsi umani u/jew finanzjarji se taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi l-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") (2014-2020)[16] u se tkun koperta fi ħdan l-allokazzjoni baġitarja annwali ta’ dan il-programm.

Għall-perjodu 2014-2020, dan il-programm tal-UE se jħallas għal miżuri orizzontali bħall-portal tal-EURES, il-programm ta’ taħriġ komuni, skemi ta’ mobilità mmirati bħal L-Ewwel Impjieg EURES Tiegħek u l-iżvilupp tal-klassifikazzjoni Ewropea għall-ħiliet/kompetenzi, il-kwalifiki u l-okkupazzjonijiet (ESCO). Għall-istess perjodu, l-attivitajiet fl-Istati Membri dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE huma eliġibbli għall-Fond Soċjali Ewropew.

5.           PROFIL DETTALJAT TAL-PROPOSTA

5.1.        Kapitolu I – dispożizzjonijiet ġenerali

Dan il-kapitolu jiddefinixxi s-suġġett tal-proposta (Artikolu 1) u l-kunċetti ewlenin tagħha (Artikolu 2).

Il-proposta tintegra f’qafas wieħed id-dispożizzjonijiet tal-kaptiolu II u l-Artikolu 38 tar-Regolament 492/2011 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 733/2012/UE dwar in-netwerk tal-EURES.

Tul il-proposta ssir referenza għall-ħaddiema u l-impjegaturi bħala l-gruppi fil-mira. Il-ħaddiema huma definiti b’referenza għad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini skont l-Artikolu 45 tat-TFUE. Għall-fini tad-dispożizzjonijiet, dawn huma ċittadini li qegħdin ifittxu xogħol u li għandhom id-dritt li jibdew attività bħala persuna impjegata u biex iwettqu din l-attività fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Madankollu, jistgħu jkunu wkoll ċittadini minn pajjiżi terzi b’residenza legali fi Stat Membru u bid-dritt li jaħdmu, peress li jistgħu jmorru jgħixu fi Stat Membru ieħor.

Il-proposta tkopri wkoll dawn il-kategoriji ta’ ċittadini meta jkunu qed ifittxu opportunitajiet ta’ apprentistati jew skemi ta’ taħriġ ibbażati fuq xogħol li jinvolvu kuntratt ta’ impjieg. Biex tiġi indirizzata t-talba tal-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta’ Ġunju 2012, xi membri tan-netwerk tal-EURES diġà qed jesploraw, fuq bażi informali, il-possibilitajiet li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tan-netwerk tal-EURES biex ikopri apprentistati u skemi ta’ taħriġ. Matul l-2014 se jibda proġett pilota li jippermetti lill-Istati Membri sabiex jaqsmu offerti u applikazzjonijiet fuq bażi volontarja. L-għan għandu jkun li b’mod gradwali jiġi żviluppat l-iskambju ta’ informazzjoni, l-offerti u l-applikazzjonijiet f’dan il-qasam mhux biss f’sitwazzjonijiet koperti minn kuntratt ta’ impjieg.

5.2.        Kapitolu II – Stabbiliment tan-netwerk tal-EURES

Dan il-kapitolu jerġa’ jistabbilixxi n-netwerk tal-EURES (l-Artikolu 3). Jistabbilixxi s-sawra tiegħu (l-Artikolu 4(1)) u r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi ta’ a) il-Kummissjoni (l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni, l-Artikolu 6) b) il-korpi maħtura mill-Istati Membri għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament (l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, l-Artikolu 7) u c) l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES bħala fornituri ta’ servizzi (Sħab tal-EURES, l-Artikolu 9). Peress li dan huwa netwerk ta’ assistenza reċiproka, dawn l-organizzazzjonijiet kollha jaqsmu responsabbiltajiet konġunti (l-Artikolu 4(2)).

In-netwerk tal-EURES għandu jikkontribwixxi għal objettivi politiċi ġenerali (l-Artikolu 5). Bħala strument li jiffaċilita l-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE, jikkostitwixxi waħda fost il-ħafna soluzzjonijiet u politiki li jrawmu livell għoli ta’ impjieg.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi l-qafas li abbażi tiegħu l-Istati Membri individwali se jawtorizzaw lil organizzazzjonijiet sabiex jissieħbu fin-netwerk tal-EURES bħala Sħab tal-EURES, suġġetti għall-applikazzjoni tal-kriterji komuni minimi stabbiliti fl-Anness (l-Artikolu 8(4)). Din id-dispożizzjoni hija l-vettura ewlenija għat-twessigħ tas-sħubija fin-netwerk tal-EURES skont din il-proposta.

L-għan huwa li jiġi stabbilit mekkaniżmu flessibbli li jippermetti lill-Istati Membri biex (b’mod gradwali) jinkludu fin-netwerk tal-EURES dawk l-organizzazzjonijiet kollha li jqisuhom utli biex jilħqu l-objettivi tan-netwerk tal-EURES:

– L-ewwel nett, ma hija pprovduta ebda definizzjoni għal organizzazzjoni li tapplika, sabiex l-aċċess ikun jista’ jingħata lil firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet relevanti, inklużi servizzi privati jew ta’ setturi terzi tal-impjiegi, organizzazzjonijiet ta’ impjegaturi, trejdjunjins, kmamar tal-kummerċ u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jappoġġjaw ħaddiema migranti. Dawn l-organizzazzjonijiet kollha jistgħu jagħtu kontribut importanti għat-trawwim tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE b’xi mod jew ieħor.

– It-tieni, peress li wħud minn dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjonijiet speċifiċi fil-mandat, l-istatus legali jew il-kapaċità amministrattiva tagħhom, jaf ikun possibbli għalihom li jagħżlu li jieħdu sehem biss f’ċerti partijiet tal-attivitajiet tan-netwerk tal-EURES (l-Artikolu 9(1)).

– It-tielet, dawn l-organizzazzjonijiet jistgħu jsiru Sħab tal-EURES f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn (l-Artikolu 8(6)). B’hekk, il-qafas jippermetti li jkun hemm flessibilità ġeneruża fil-bini ta’ sħubijiet fil-livell nazzjonali u b’hekk anki għall-iżvilupp progressiv ta’ lħiq ġeografiku u tematiku estensiv u forniment ta’ servizzi fil-livell nazzjonali proporzjonat għax-xejriet fil-mobilità u l-ħtiġijiet ta’ mobilità.

L-Artikolu 8(3) jintroduċi dritt għall-applikazzjoni tas-servizzi tal-impjiegi. Dan id-dritt jista’ jkun eżerċitat biss fil-pajjiż li fih is-servizzi tal-impjiegi kkonċernati qed joperaw skont il-liġi (il-prinċipju ta’ territorjalità). Filwaqt li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi (PES) se jibqa’ jkollhom rwol prominenti fin-netwerk tal-EURES (l-Artikolu 10), l-analiżi ta’ applikazzjonijiet minn tipi oħrajn ta’ servizzi tal-impjiegi se titħalla f’idejn l-Istat Membru individwali. Stat Membru jista’ jintroduċi kriterji addizzjonali minbarra dawk stabbiliti fl-Anness, jekk iqis li hemm bżonnhom (l-Artikolu 8(5)).

L-Artikolu 11 jintroduċi korp uniku ta’ governanza biex jiffaċilita l-kooperazzjoni prattika bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri għal dan ir-Regolament.

5.3.        Kapitolu III – Trasparenza

Dan il-kapitolu jintroduċi l-miżuri speċifiċi dwar it-trasparenza u t-tlaqqigħ awtomatizzat:

– sabiex fil-portal tal-EURES tinkiseb provvista kważi kompluta ta’ postijiet tax-xogħol battala, b’persuni li qed ifittxu impjieg minn madwar l-Ewropa kollha b’aċċess immedjat għall-istess postijiet tax-xogħol battala, flimkien ma’ ġabra estensiva ta’ CVs disponibbli li minnha l-impjegaturi rreġistrati jisgtħu jagħżlu (l-Artikoli 14, 15 u 17);

– sabiex il-portal tal-EURES ikun jista’ jagħmel tlaqqigħ awtomatizzat korrett bejn postijiet tax-xogħol battala u CVs bejn Stati Membri, jittraduċi fil-lingwi kollha tal-UE u jifhem ħiliet, kompetenzi, okkupazzjonijiet u kwalifiki miksubin fil-livell nazzjonali (l-Artikolu 16).

Id-dispożizzjonijiet f’dan il-kapitolu jappoġġjaw b’mod espliċitu l-estensjoni tal-prinċipju ta’ trasparenza għal organizzazzjonijiet oħrajn minbarra l-PES, fil-prinċipju permezz tal-parteċipazzjoni volontarja fin-netwerk tal-EURES minn Sħab tal-EURES. Barra minn hekk, il-PES huma mħeġġin jiżviluppaw sħubijiet ma’ kwalunkwe organizzazzjoni relevanti oħra dwar il-prinċipju ta’ aċċess faċli għall-portal tal-EURES (l-Artikolu 15(2)) u biex jiffaċilitaw it-trasferiment tal-informazzjoni fil-livell nazzjonali permezz tal-ħolqien ta’ ċentru nazzjonali (l-Artikolu 15(5).

Provvista kważi kompluta ta’ postijiet tax-xogħol battala

Bħalissa, mhux l-Istati Membri kollha jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES il-postijiet tax-xogħol battala kollha ppubblikati u disponibbli fil-livell nazzjonali. L-Artikolu 14(1)(a) se jeħtieġ li l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES il-postijiet tax-xogħol battala kollha li jippubblikaw fil-livell nazzjonali u għaldaqstant jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tar-Regolament 492/2011.

L-ewwel nett, dan ifisser it-tneħħija ta’ kwalunkwe limitazzjoni amministrattiva ġenerali li hemm bħalissa fit-trasferiment ta’ postijiet tax-xogħol battala fil-portal tal-EURES, bħal dawk relatati mal-għamla u d-durata tal-kuntratt jew l-intenzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-impjegaturi (l-Artikolu 14(2)).

It-tieni nett, ifisser li mal-ġabra eżistenti ta’ postijiet tax-xogħol battala jiżdiedu l-postijiet tax-xogħol battala (a) disponibbli mal-PES fil-livell lokali jew reġjonali, iżda mhux maqsumin b’mod ċentrali u li sa issa għadhom mhux imqiegħda għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES; (b) minn partijiet terzi, bħal servizzi privati tal-impjiegi, fejn dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-PES abbażi ta’ ftehimiet nazzjonali eżistenti u (c) minn Sħab tal-EURES.

Minħabba l-iżviluppi teknoloġiċi relattivament riċenti fuq il-web crawling, l-għadd limitat ta’ Stati Membri li jużaw it-tali għodod u t-tħassib possibbli dwar il-protezzjoni tad-dejta, f’dan l-istadju mhuwiex propost li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES kwalunkwe dejta miġbura b’web crawlers skont il-liġi nazzjonali. 

Ġabra estensiva ta’ applikazzjonijiet għal xogħol u CVs

Bħalissa fil-livell Ewropew ma jseħħ ebda skambju elettroniku awtomatizzat ta’ CVs jew informazzjoni oħra dwar il-profil tal-persuni li qed ifittxu xogħol, minkejja l-formulazzjoni fl-Artikolu 13 tar-Regolament 492/2011. L-Aritkolu 14(1)(b) se jeħtieġ li fil-ġejjieni l-Istati Membri jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES dawk l-applikazzjonijiet għal xogħol u s-CVs li huma disponibbli fil-livell nazzjonali, dment li l-individwu jkun ta l-kunsens sabiex jintbagħtu lill-portal tal-EURES.

Dan se jkopri t-trażmissjoni lill-portal tal-EURES tad-dejta mqiegħda għad-dispożizzjoni minn persuni li qed ifittxu xogħol (a) direttament lill-PES, (b) lill-PES bħala riżultat ta’ xi ftehim jew arranġament dwar qsim ta’ dejta bejn il-PES u servizzi oħrajn tal-impjiegi u (c) lis-Sħab tal-EURES. Dan jippermetti lill-impjegaturi rreġistrati mal-portal tal-EURES sabiex ikollhom aċċess dirett għal ġabra ikbar ta’ CVs.

Mekkaniżmi ta’ appoġġ għal aċċess onlajn għal persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi

Biex issir iktar faċli għal persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi biex jaqsmu applikazzjonijiet għal xogħol, CVs u postijiet tax-xogħol battala b’mod transfruntier, jiddaħħlu żewġ obbligi: (a) l-Artikolu 15 jeħtieġ li l-PES u Sħab oħrajn tal-EURES itejbu l-aċċess għall-portal tal-EURES dwar il-portali ta’ tiftix ta’ xogħol li jamministraw u (b) l-Artikolu 17 jistipula li l-PES u Sħab oħrajn tal-EURES li jirreġistraw id-dejta tagħhom, iridu joffru lill-persuni li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi appoġġ adegwat meta dawn ikunu jixtiequ jirreġistraw ukoll fil-portal tal-EURES.

Tlaqqigħ awtomatizzat

Il-Kummissjoni Ewropea qed tiżviluppa klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet. Filwaqt li l-ewwel funzjoni tagħha hija li sservi ta’ mutur ta’ tiftix awtomatizzat ibbażat fuq il-ħiliet, se tippermetti li jkun hemm interoperabilità sħiħa tad-dejta bejn il-portali nazzjonali ta’ tiftix ta’ xogħol madwar l-Ewropa kollha.

Minn perspettiva teknika, ma hemm bżonn tal-ebda armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni biex tinkiseb l-interoperabilità għall-għan ta’ tlaqqigħ awtomatizzat. Biex f’liġi tal-Unjoni jiddaħħal mekkaniżmu xieraq li jippermetti lill-Istati Membri jiżviluppaw tlaqqigħ awtomatizzat b’mod transfruntier dwar portali nazzjonali ta’ tiftix ta’ xogħol, l-Artikolu 16 jistipula biss li l-Istati Membri se jagħmlu inventarju inizjali biex ifasslu mappa tal-klassifikazzjonijiet kollha lejn u minn din il-klassifikazzjoni Ewropea. L-Artikolu 16(3) jistabbilixxi data ta’ tlestija għall-Istati Membri kollha li warajha d-dejta maqsuma kollha ssir interoperabbli, dment li jintużaw standards tekniċi u mudelli (l-Artikolu 16(5)).

Responsabbiltajiet għall-kwalità tad-dejta

Ir-responsabbiltà għall-kwalità tal-post tax-xogħol battal, għall-korrettezza tal-informazzjoni li jipprovdi u għall-konformità tiegħu mal-liġi u mal-istandards nazzjonali tinsab f'idejn l-organizzazzjoni li tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-portal EURES. Sabiex l-utenti tal-portal jiġu informati dwar din ir-responsabbiltà, fuq il-portal hemm dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà korrispondenti mill-Kummissjoni. L-Artikolu 14 jirreferi għall-ħtieġa għal tali liġi u standards nazzjonali fil-paragrafu 4, filwaqt li l-paragrafu 5 jistabbilixxi l-prinċipju ta' kooperazzjoni u skambju dwar l-informazzjoni f'dan il-qasam u l-paragrafu 6 jipprevedi li s-sors tad-dejta tal-postijiet tax-xogħol battala jrid ikun traċċabbli (għall-organizzazzjoni li tagħmilha disponibbli).

5.4.        Kapitolu IV – servizzi ta’ appoġġ

Dan il-kapitolu jintroduċi l-miżuri speċifiċi dwar il-mainstreaming u s-servizzi ta’ appoġġ:

– biex l-informazzjoni bażika fin-netwerk tal-EURES titqiegħed għad-dispożizzjoni madwar l-Unjoni ta' kwalunkwe persuna li qed tfittex xogħol jew impjegatur li jixtieq servizzi tal-klijenti għar-reklutaġġ u biex kull persuna tkun offruta b’mod konsistenti aċċess għan-netwerk tal-EURES (l-Artikoli 19 u 20(1));

– biex tingħata assistenza lil kwalunkwe persuna bħal din interessata fi tlaqqigħ, kollokament u reklutaġġ permezz tan-netwerk tal-EURES (l-Artikoli 20(2)-(4), 21 sa 23).

Id-dispożizzjonijiet f’dan il-kapitolu jappoġġjaw b’mod espliċitu l-estensjoni tal-forniment tas-servizzi ta’ appoġġ minn organizzazzjonijiet oħrajn apparti l-PES, fil-prinċipju permezz tal-parteċipazzjoni volontarja fin-netwerk tal-EURES minn Sħab tal-EURES. Barra minn hekk, il-PES huma mħeġġin jiżviluppaw sħubijiet biex jippromwovu pakkett ta’ servizzi koerenti lill-impjegaturi fir-rigward tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE (l-Artikolu 21(4)).

Prinċipji

Il-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 18 inaqqxu l-prinċipji li l-Istati Membri jridu jiżguraw aċċess effettiv għan-netwerk tal-EURES fit-territorju tagħhom u li jridu jiżviluppaw approċċ koordinat għas-servizzi ta’ appoġġ, filwaqt li tiġi kkunsidrata r-responsabbiltà tagħhom għas-sistema ta’ awtorizzazzjoni għas-Sħab tal-EURES, il-funzjonament mingħajr intoppi tal-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni u r-rwol tal-PES fil-qadi tal-interess pubbliku f’dan il-qasam. L-Artikolu 18(3) jidentifika l-għażla ta’ opzjonijiet għall-forniment ta' servizz fit-territorju ta’ kull Stat Membru.

L-Artikolu 18(5) inaqqax il-prinċipju li s-servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema jridu jkunu b’xejn, filwaqt li għal ħafna servizzi ta’ appoġġ għall-impjegaturi jistgħu jintalbu tariffi skont il-prattiki nazzjonali (l-Artikolu 18(6)).

Mainstreaming

L-Artikoli 19 u 20(1) jistipulaw b’mod rispettiv li (a) kull ħaddiem u impjegatur li jirreġistraw għal servizzi tal-klijenti ma’ servizz tal-impjiegi fl-UE jrid jirċievi l-informazzjoni bażika neċessarja dwar x’jista’ jagħmel għalihom il-EURES u (b) kull ħaddiem interessat irid ikun informat b’mod proattiv dwar “offerta tal-EURES” għal iktar assistenza.

Servizzi ta’ appoġġ

Skont il-prattika attwali, l-organizzazzjonijiet fin-netwerk tal-EURES huma mistiedna jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni, konsulenza u pariri lill-persuni li qed ifittxu impjieg u l-impjegaturi b’mod rispettiv kif ġej:

– (…) jgħinu u jagħtu pariri lil persuni li qed ifittxu xogħol interessati li jaħdmu barra dwar postijiet tax-xogħol battala xierqa u jipprovdu għajnuna u assistenza fit-tfassil ta’ applikazzjonijiet u CVs, skont il-format rakkomandat tas-CV Ewropea. Il-persuni li qed ifittxu xogħol għandhom jingħataw l-opportunità li jirreġistraw is-CVs tagħhom fil-bażi tad-dejta tal-EURES;

– (…) jipprovdu informazzjoni u servizzi ta’ reklutaġġ lill-impjegaturi li jixtiequ jirreklutaw minn pajjiżi oħrajn, inklużi konsulenza u għajnuna biex jiġi speċifikat il-profil tal-kandidati potenzjali. Għandhom jippromwovu l-bażi tad-dejta tas-CVs tal-EURES bħala għodda li tagħti lill-impjegaturi aċċess għal ġabra ta’ dawk interessati li jaħdmu barra pajjiżhom.

Bid-Deċiżjoni tal-2012, l-Istati Membri kienu mistiedna jiffokaw iktar fuq it-tlaqqigħ, il-kollokament u r-reklutaġġ.

Biex tappoġġja implimentazzjoni iktar konsistenti fi ħdan in-netwerk tal-EURES, il-liġi tal-UE għandha tispeċifika s-servizzi ta’ appoġġ li għandhom ikunu pprovduti lil dawk il-persuni li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi interessati fl-assistenza fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE. L-Artikoli 20-23 ikopru firxa sħiħa ta' servizzi; minn informazzjoni bażika u gwida, għal assistenza iktar personalizzata, inkluża dwar is-sigurtà soċjali, u assistenza ta’ wara r-reklutaġġ.

Servizzi speċifiċi ta’ appoġġ

Il-ħaddiema tal-fruntiera jaffaċċjaw kwistjonijiet speċifiċi fir-rigward tas-sigurtà soċjali, it-taxxa u l-assigurazzjoni u għaldaqstant jeħtieġu assistenza speċifika.

L-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li jwaqqfu strutturi ta’ kooperazzjoni u servizzi f’reġjuni transfruntiera u, meta jagħmlu dan, is-servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema tal-fruntiera jridu jinkludu a) soluzzjonijiet ta’ punt uniku ta’ servizz għall-komunikazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs (l-Artikolu 15(6); b) informazzjoni bażika mmirata (l-Artikolu 19(2) u c) fir-rigward tas-sigurtà soċjali, aċċess onlajn integrat (l-Artikolu 23(2)) u assistenza u riferiment lill-awtoritajiet kompetenti dwar is-sigurtà soċjali (l-Artikolu 23(3)).

Forma speċifika minnhom ta’ dawn l-istrutturi ta’ appoġġ huma sħubijiet transfruntiera. Taħt il-gwida tal-PES tal-Istati Membri, dawn jistgħu jiġbru flimkien, f’bosta kostellazzjonijiet ta’ sħubijiet, skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol transfruntier reġjonali, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, l-impjegaturi u l-organizzazzjonijiet tat-trejdjunjins, l-awtoritajiet lokali u istituzzjonijiet oħrajn li għandhom x’jaqsmu ma’ problemi fl-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali fir-reġjuni tal-fruntieri. Ir-reġjuni transfruntiera li jikkwalifikaw għal struttura ta’ appoġġ speċifika huma oqsma tal-impjiegi li fihom hemm livelli sinfikanti ta’ vjaġġar transfruntier jew potenzjal ċar għal dan.

Aċċess mhux diskriminatorju għal Politiki Attivi fis-Suq tax-Xogħol (ALMP’s)

L-Artikolu 24 jistabbilixxi l-prinċipju li ma għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fl-aċċess għall-ALMPs bejn ċittadini li jiċċaqalċu fit-territorju ta’ pajjiżhom stess u ċittadini li jmorru fi Stati Membri oħrajn (trattament indaqs fil-każ ta’ mobilità ’l barra). Dan isegwi mill-Artikolu 5 tar-Regolament 492/2011, li jistipula li l-ħaddiema li jfittxu xogħol fi Stat Membru għandhom jirċievu l-istess assistenza bħal dik mogħtija liċ-ċittadini proprji f’dak l-Istat Membru (trattament indaqs ta’ mobilità ’l ġewwa).

5.5.        Kapitolu V – relazzjoni ma’ politiki dwar il-mobilità

Dan il-kapitolu jintroduċi l-miżura speċifika:

– biex ikun appoġġjat il-funzjonament tan-netwerk tal-EURES permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar nuqqas u eċċess ta’ ħaddiema fil-livell nazzjonali u l-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet bejn l-Istati Membri (l-Artikoli 25 sa 30).

Id-dispożizzjonijiet f’dan il-kapitolu jappoġġjaw b’mod espliċitu l-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni, dejta u indikaturi minn organizzazzjonijiet apparti l-PES, permezz tal-parteċipazzjoni fin-netwerk tal-EURES minn Sħab tal-EURES.

L-għan ġenerali tal-iskambju u r-rapportar ta’ informazzjoni

L-għan ġenerali ta’ dan il-kapitolu huwa li jissaħħu l-arranġamenti eżistenti għall-qsim ta’ informazzjoni fin-netwerk tal-EURES fejn din tkun ta’ benefiċċju għall-kwalità ta’ riżultati kollettivi konkreti jew il-koordinazzjoni ta’ politiki bejn l-Istati Membri.

Attivitajiet relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni

L-Artikolu 25 jieħu f’idejh dispożizzjoni maqbula fi ħdan il-qafas tan-negozjati dwar il-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI). Dan għandu jgħin fl-integrazzjoni fil-ħidma ta’ analiżi tad-dejta min-netwerk tal-EURES fuq il-flussi u x-xejriet tal-mobilità. Peress li din id-dispożizzjoni iktar toqgħod fir-Regolament tal-EURES, ġie propost li jiġi mħassar l-Artikolu korrispondenti fil-Programm EaSI (ara l-Artikolu 35).

L-Artikolu 26 jintroduċi obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jaqsmu l-intelliġenza tas-suq tax-xogħol li hija relevanti għall-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE. Dan se jgħin lill-Istati Membri sabiex jorbtu l-azzjonijiet fin-netwerk tal-EURES mal-istampa usa’ tal-politiki dwar il-mobilità.

L-Artikolu 27 għandu l-għan li jħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet kollha fi ħdan in-netwerk tal-EURES, jiġifieri l-Uffiċċji ta’ Koordinazzjoni, il-PES u Sħab oħrajn tal-EURES, sabiex jaqsmu b’mod miftuħ u proattiv l-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni fl-Istat Membru individwali li x'aktarx tkun utli għall-ħaddiema interessati fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE. Sal-lum, din l-informazzjoni tinġabar biss mill-Uffiċċji ta’ Koordinazzjoni u mbagħad titqiegħed fil-portal tal-EURES. Proċess iktar inklużiv ta’ approċċ minn isfel għal fuq għall-ġbir ta’ dan it-tip ta’ informazzjoni se jkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema. Ir-riżultat jista’ jkun konsolidat fil-mudelli maqbulin (l-Artikolu 27(3)).

L-Artikolu 28 jieħu f’idejh l-approċċ dwar il-programmazzjoni mid-Deċiżjoni tal-2012. Il-qsim ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ippjanati, riżorsi u monitoraġġ fost l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni għandu jsaħħaħ l-effettività tan-netwerk sħiħ tal-EURES. Jista’ jsaħħaħ is-sinerġiji u l-iżvilupp ta’ proġetti konġunti speċifiċi ta’ reklutaġġ.

Attivitajiet relatati mar-rapportar

L-Artikolu 29 jistabbilixxi modi għall-kejl tar-riżultat tan-netwerk tal-EURES.

L-Artikolu 30 jimmira li jissokta l-approċċ stabbilit fl-Artikolu 17 tar-Regolament 492/2011 sabiex kull sentejn jinħareġ rapport dwar l-implimentazzjoni tal-Kapitolu II tar-Regolament.

5.6.        Kapitolu VI – dispożizzjonijiet finali

L-Artikolu 31 jiċċara li l-miżuri kollha stipulati f’dan ir-Regolament iridu jitwettqu skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u l-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni fiha. Peress li l-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni hija waħda mill-atturi, ir-Regolament 45/2011 irid ikun irrispettat ukoll.

L-Artikolu 32 jipprovdi għal evalwazzjoni ex post dwar l-introduzzjoni ta’ dan ir-Regolament.

L-Artikoli 33 u 34 huma dispożizzjonijiet standard fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE relatata mal-applikazzjoni tal-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE.

L-Artikolu 35 jidentifika d-dispożizzjonijiet għat-tħassir.

L-Artikolu 36 jisħaq fuq l-eżistenza ta’ arranġamenti tranżitorji skont it-trattati ta’ adeżjoni. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-Kroazja.

2014/0002 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjiegi, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[17],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[18],

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)       Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni u wieħed mill-pilastri tas-suq intern fl-Unjoni mnaqqax fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘it-Trattat’). L-implimentazzjoni tiegħu hija żviluppata iktar mil-liġi tal-Unjoni li għandha l-għan li tiggarantixxi l-eżerċizzju sħiħ tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom.

(2)       Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa element ewlieni għall-iżvilupp ta’ suq tax-xogħol tal-Unjoni iktar integrat li jippermetti li jkun hemm mobilità tal-ħaddiema minn żoni ta’ qgħad għoli għal żoni kkaratterizzati minn nuqqas ta’ ħaddiema. Jikkontribwixxi wkoll għas-sejbien tal-ħiliet it-tajbin għal postijiet tax-xogħol battala u sabiex jingħelbu l-ostakoli fis-suq tax-xogħol.

(3)       Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (kodifikazzjoni)[19] stabbilixxew mekkaniżmi għall-approvazzjoni u għall-iskambju tal-informazzjoni u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE tas-26 ta' Novembru 2012 stipulat dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament ta' netwerk bl-isem ta' EURES (Servizzi Ewropej tal-Impjiegi) skont dak ir-Regolament. Jeħtieġ li dan il-qafas regolatorju jiġi rivedut sabiex jirrifletti xejriet ġodda fil-mobilità, il-ħtiġijiet ikbar ta’ mobilità ġusta, il-bidliet fit-teknoloġija għall-qsim ta’ dejta dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-użu ta’ firxa ta’ kanali ta’ reklutaġġ minn persuni li qed ifittxu xogħol u l-impjegaturi u rwol dejjem ikbar ta’ intermedjarji oħrajn tas-suq tax-xogħol wara s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES) fil-forniment ta’ servizzi ta’ reklutaġġ.

(4)       Sabiex il-ħaddiema li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu jkunu megħjuna jeżerċitaw dak id-dritt b’mod effettiv, l-assistenza skont dan ir-Regolament hija miftuħa għal kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni li għandu dritt li jibda attività bħala persuna impjegata u l-membri tal-familja tiegħu, skont l-Artikolu 45 tat-Trattat. L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istess aċċess lil kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li, skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali, jibbenefika minn trattament indaqs bħaċ-ċittadini tagħhom f’dan il-qasam.

(5)       L-interdipendenza dejjem ikbar bejn is-swieq tax-xogħol teħtieġ kooperazzjoni msaħħa bejn is-servizzi tal-impjiegi biex ikun hemm libertà tal-moviment għall-ħaddiema kollha permezz ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol volontarja u ġusta fi ħdan l-Unjoni skont l-Artikolu 46 (a) tat-Trattat, u għalhekk għandu jiġi stabbilit qafas komuni għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni. Dan il-qafas għandu jiġbor flimkien postijiet tax-xogħol battala minn madwar l-Unjoni u l-possibilità ta’ applikazzjoni għal dawk il-postijiet tax-xogħol battala (‘approvazzjoni’), jiddefinixxi l-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ relatati lill-ħaddiema u l-impjegaturi u jipprevedi approċċ komuni biex tinqasam l-informazzjoni neċessarja biex titħaffef it-tali kooperazzjoni.

(6)       Fil-‘Patt għal Tkabbir u Impjiegi’, il-Kunsill Ewropew talab li tiġi mistħarrġa l-possibilità ta’ estensjoni tan-netwerk tal-EURES għal apprentistati u skemi ta’ taħriġ, l-apprentistati u l-iskemi ta’ taħriġ jistgħu jkunu koperti skont dan ir-Regolament, dment li l-persuni kkonċernati jitqiesu bħala ħaddiema b'referenza għad-drittijiet konferiti liċ-ċittadini skont l-Artikolu 45 tat-Trattat. Hemm bżonn li jiġi introdott skambju xieraq ta’ informazzjoni ġenerali dwar il-mobilità għal apprentistati u skemi ta’ taħriġ fi ħdan l-Unjoni u għandha tiġi żviluppata assistenza adegwata għall-kandidati għal dawk il-pożizzjonijiet, abbażi ta' mekkaniżmu għall-approvazzjoni ta’ offerti, ladarba t-tali approvazzjoni titqies fattibbli skont l-istandards xierqa u bir-rispett dovut għall-kompetenzi tal-Istati Membri.

(7)       Hemm bżonn ta' applikazzjoni aktar koerenti madwar l-Unjoni tal-approvazzjoni, is-servizzi ta' appoġġ u l-iskambju tal-informazzjoni dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol fl-Unjoni. Għaldaqstant, jeħtieġ li n-netwerk tal-EURES jiġi stabbilit bħala parti integrali tal-qafas komuni għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Għandhom jiġu determinati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjonijiet differenti li jieħdu sehem fin-netwerk, bħall-Kummissjoni Ewropea (‘l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni’), il-korpi maħtura mill-Istati Membri sabiex jieħdu azzjoni fil-livell nazzjonali (‘l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni’) u l-organizzazzjonijiet li jassistu lil persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi (‘Sħab tal-EURES’).

(8)       Il-kooperazzjoni transnazzjonali u transfruntiera u l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet kollha li joperaw għall-EURES fl-Istati Membri titħaffef permezz ta’ struttura fil-livell tal-Unjoni (‘l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni’) li għandha tipprovdi informazzjoni komuni, attivitajiet ta’ taħriġ, għodod u gwida. Dik l-istruttura għandha tkun responsabbli wkoll għall-iżvilupp tal-Portal Ewropew dwar il-Mobilità fix-Xogħol (il-portal tal-EURES), il-pjattaforma informatika komuni. Biex jiggwidawh f’ħidmietu, għandhom jiġu żviluppati programmi ta’ ħidma multiannwali f’konsultazzjoni mal-Istati Membri.

(9)       L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu Uffiċċji ta’ Koordinazzjoni fil-livell nazzjonali sabiex jipprovdu appoġġ u assistenza ġenerali lill-organizzazzjonijiet kollha fit-territorju tagħhom li joperaw għall-EURES u jappoġġjaw il-kooperazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri l-oħrajn u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni. B’mod partikolari, dawn l-Uffiċċji ta’ Koordinazzjoni għandu jkollhom il-kompitu li jindirizzaw ilmenti u problemi dwar postijiet tax-xogħol battala, u jivverifikaw kwistjonijiet relatati mal-konformità fir-rigward tal-mobilità tal-forza tax-xogħol volontarja u ġusta fi ħdan l-Unjoni.

(10)     Il-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali fin-netwerk tal-EURES tikkontribwixxi b'mod partikolari għall-analiżi tal-ostakli għall-mobilità kif ukoll il-promozzjoni ta' mobilità ġusta u volontarja tal-forza tax-xogħol fl-Unjoni, inkluż fir-reġjuni transfruntiera. Għalhekk, ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu involuti fl-istruttura ta' governanza ġenerali tan-netwerk tal-EURES, filwaqt li l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-impjegaturi u t-trejdjunjins jistgħu japplikaw biex isiru Sħab tal-EURES. 

(11)     Is-sawra tan-netwerk tal-EURES rigward organizzazzjonijiet oħrajn li mhumiex dawk ta’ hawn fuq għandha tkun flessibbli sabiex dan jaġġusta għall-iżviluppi dejjem jinbidlu fis-swieq għas-servizzi tar-reklutaġġ. Il-bidu ta’ varjetà ta’ servizzi tal-impjiegi flimkien mar-rwol ġdid tal-PES relatati mas-servizzi nazzjonali ta’ reklutaġġ jindika l-bżonn ta’ sforz miftiehem mill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea sabiex jiftħu n-netwerk tal-EURES, bħala l-għodda ewlenija tal-Unjoni li tipprovdi servizzi ta’ reklutaġġ fi ħdan l-Unjoni.

(12)     Sħubija usa’ tan-netwerk tal-EURES għandha benefiċċji soċjali, ekonomiċi u finanzjarji. Ittejjeb l-effiċjenza fil-forniment tas-servizzi billi tħaffef is-sħubijiet, issaħħaħ il-komplimentarjetà u ttejjeb il-kwalità. Iżżid is-sehem mis-suq tan-netwerk tal-EURES hekk kif membri ġodda jqiegħdu għad-dispożizzjoni postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u curriculum vitae ('CV's'). Il-kooperazzjoni transnazzjonali u transfruntiera, li hija karatteristika ewlenija tal-operazzjoni tan-netwerk tal-EURES, tista’ tiġġenera forom innovattivi ta’ tagħlim u kooperazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi, inkluż fuq standards tal-kwalità għal postijiet tax-xogħol battala u servizzi ta’ appoġġ. Għalhekk, in-netwerk tal-EURES ikun qed isaħħaħ ir-relevanza tiegħu bħala wieħed mill-għodod ewlenin tal-Unjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għall-appoġġ ta’ miżuri konkreti lejn livell għoli ta’ impjieg fi ħdan l-Unjoni.

(13)     F’konformità mal-kompetenzi tagħhom fl-organizzazzjoni tas-swieq tax-xogħol, l-Istati Membri stess għandhom ikunu responsabbli għall-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħala sħab tal-EURES għan-netwerk tal-EURES, kull wieħed fit-territorju tiegħu stess. L-awtorizzazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għal kriterji komuni minimi u sett limitat ta’ regoli bażiċi dwar il-proċess ta’ awtorizzazzjoni, biex ikunu żgurati trasparenza u opportunitajiet indaqs fis-sħubija man-netwerk tal-EURES, mingħajr ħsara għall-flessibilità neċessarja biex jiġu kkunsidrati l-mudelli nazzjonali u l-forom ta’ kooperazzjoni differenti bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u atturi oħrajn fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri.

(14)     Wieħed mill-objettivi tan-netwerk tal-EURES huwa li jappoġġja l-mobilità tal-forza tax-xogħol ġusta fi ħdan l-Unjoni u għalhekk, il-kriterji komuni minimi għall-awtorizzazzjoni ta’ organizzazzjonijiet biex jissieħbu għandhom jinkludu r-rekwiżit li dawk l-organizzazzjonijiet jieħdu impenn li jirrispettaw bis-sħiħ l-istandards tax-xogħol u r-rekwiżiti legali applikabbli.

(15)     Biex jiġi żgurat bilanċ xieraq bejn il-funzjonament preżenti tan-netwerk tal-EURES, li huwa msejjes fuq kooperazzjoni li ilha stabbilita żmien bejn il-PES, u l-objettiv ta’ ftuħ tan-netwerk tal-EURES għal organizzazzjonijiet ġodda, għandhom isiru dispożizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-pożizzjoni speċifika tal-PES fin-netwerk tal-EURES. Għandu jiddaħħal perjodu tranżitorju li warajh il-parteċipazzjoni tal-PES issir suġġetta wkoll għall-applikazzjoni sħiħa tal-kriterji komuni minimi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-PES jikkonformaw mal-kriterji komuni minimi u l-obbligi li hemm fir-Regolament.

(16)     Biex jikkomunika informazzjoni affidabbli u aġġornata lil ħaddiema u impjegaturi fuq l-aspetti differenti tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni, in-netwerk tal-EURES għandu jikkoopera ma’ korpi, servizzi u netwerks oħrajn tal-Unjoni li jiffaċilitaw il-mobilità u li jgħarrfu liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni, bħall-portal L-Ewropa Tiegħek, il-portal Żgħażagħ Ewropej u SOLVIT, l-organizzazzjonijiet responsabbli għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali u l-korpi għall-promozzjoni, l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ tat-trattament indaqs tal-ħaddiema, maħturin skont id-Direttiva../2013 (UE) tal-[Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-ħaddiema fil-kuntest tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema].

(17)     Id-dritt tal-libertà tal-moviment jinvolvi l-ħtieġa li jitwaqqfu l-mezzi ta’ appoġġ tal-approvazzjoni, jiġifieri, l-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CV's, sabiex is-suq tax-xogħol ikun kompletament aċċessibbli kemm għal ħaddiema kif ukoll għal impjegaturi skont l-Artikolu 46(d) tat-Trattat, u għalhekk għandha tiġi stabbilita pjattaforma informatika komuni fil-livell tal-Unjoni u li titmexxa mill-Kummissjoni. Il-garanzija ta’ dan id-dritt tfisser l-għoti tas-setgħa lill-ħadiema sabiex fil-fatt ikunu jistgħu jiksbu aċċess għall-opportunitajiet ta’ xogħol kollha madwar l-Unjoni.

(18)     Il-pjattaforma informatika komuni li tiġbor flimkien postijiet tax-xogħol battala u l-possibilità ta’ applikazzjoni għal dawk il-postijiet tax-xogħol battala, filwaqt li tippermetti lil persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi sabiex ilaqqgħu dejta b’mod awtomatiku skont diversi kriterji u livelli, għandha tħaffef il-kisba ta’ ekwilibriju fis-swieq tax-xogħol tal-Unjoni li miegħu jġib livell għoli ta’ impjieg u jgħin sabiex jiġi evitat periklu serju għall-istandard tal-għajxien u l-livelli ta’ impjieg fid-diversi reġjuni u industriji.

(19)     Ir-responsabbiltà legali biex tiġi żgurata l-kwalità intrinsika u teknika tal-informazzjoni li tkun disponibbli għall-pjattaforma komuni tal-informatika, b'mod partikolari fir-rigward tad-dejta tal-postijiet tax-xogħol battala, hija f'idejn l-organizzazzjonijiet li jagħmlu l-informazzjoni disponibbli skont il-liġi u/jew l-istandards stabbiliti mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni biex tagħmel possibbli id-detezzjoni bikrija ta' kwalunkwe frodi jew abbuż marbuta mal-iskambju ta' informazzjoni fil-livell Ewropew. 

(20)     Sistema komuni ta' klassifikazzjoni tal-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-okkupazzjonijiet tikkostitwixxi waħda mill-aktar għodod importanti biex ikunu jistgħu jsiru applikazzjonijiet onlajn għall-impjiegi fl-Unjoni; għaldaqstant jeħtieġ li tiġi żviluppata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea sabiex tinkiseb l-interoperabbiltà kif ukoll tlaqqigħ awtomatizzat sinifikanti bejn il-fruntieri, inkluż bl-immappjar lejn u mis-sistemi ta' klassifikazzjoni komuni għal dawk nazzjonali. F'dan il-kuntest għandhom jintużaw ukoll għodod u formati Ewropej oħra għall-komparabbiltà u t-trasparenza dwar il-ħiliet u l-kwalifiki, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki u l-qafas uniku għat-trasparenza tal-kwalifiki u l-kompetenzi (Europass). 

(21)     Għandu jiġi stabbilit approċċ komuni għas-servizzi pprovduti mill-organizzazzjonijiet (‘servizzi ta’ appoġġ’) li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES u għandu jiġi żgurat kemm jista’ jkun il-prinċipju ta’ trattament indaqs tal-ħaddiema u l-impjegaturi li jixtiequ assistenza fil-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni, indipendentement mnejn jinsabu fl-Unjoni, u għaldaqstant, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji u regoli rigward id-disponibilità ta’ servizzi ta’ appoġġ fit-territorju tal-Istati Membri individwali. Dan l-approċċ komuni jkopri wkoll l-apprentistati u l-iskemi ta' taħriġ meqjusa bħala xogħol.

(22)     Għażla usa’ u iktar komprensiva ta’ assistenza dwar l-opportunitajiet ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni tkun ta’ benefiċċju għall-ħaddiema, u hija meħtieġa biex jitjieb il-potenzjal tan-netwerk tal-EURES ħalli jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema matul il-ħajja tax-xogħol sħiħa tagħhom, u b’hekk ikunu salvagwardjati t-tranżizzjonijiet u l-karrieri tagħhom.

(23)     Is-servizzi ta’ appoġġ se jgħinu biex jonqos ix-xkiel li jaffaċċjaw persuni li qed ifittxu xogħol meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema skont il-liġi tal-Unjoni kif ukoll biex jisfruttaw b’mod iktar effiċjenti l-opportunitajiet ta’ xogħol kollha tagħhom, u b’hekk jiżguraw prospettivi tax-xogħol individwali aħjar.

(24)     Fehim profond tad-domanda għal ħaddiema f’termini ta’ okkupazzjonijiet, setturi u ħtiġijiet tal-impjegaturi jkun jeħtieġ id-dritt ta’ moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni u b’hekk, is-servizzi ta’ appoġġ għandhom jinkludu assistenza ta’ kwalità tajba għall-impjegaturi, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji. Relazzjonijiet tax-xogħol mill-qrib bejn servizzi tal-impjiegi u impjegaturi se jżidu l-ammont ta’ postijiet tax-xogħol battala u t-tlaqqigħ tax-xogħlijiet ma’ kandidati xierqa, jiżguraw soluzzjonijiet għal persuni li qed ifittxu xogħol, b’mod partikolari dawk fi gruppi vulnerabbli u jtejbu l-intelliġenza tas-suq tax-xogħol.

(25)     Is-servizzi ta’ appoġġ komuni għall-Istati Membri kollha għandhom ikunu ddefiniti abbażi tal-kunsens li joħroħ dwar il-prattiki li jirnexxu tal-Istati Membri għal informazzjoni, konsulenza u pariri lil persuni li qed ifittxu xogħol u impjegaturi.

(26)     Is-servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema huma marbutin mal-eżerċizzju tal-libertà fundamentali tal-moviment tagħhom bħala ħaddiema skont il-liġi tal-Unjoni, u għandhom ikunu b’xejn. Madankollu, is-servizzi ta’ appoġġ għall-impjegaturi jafu jkunu suġġetti għal tariffa, skont il-prattiki nazzjonali.

(27)     Għandha tingħata attenzjoni partikolari biex tkun appoġġjata l-mobilità fir-reġjuni transfruntiera u biex jiġu pprovduti servizzi għal ħaddiema tal-fruntiera li qed jgħixu fi Stat Membru u jaħdmu f’ieħor u jridu jħabbtu wiċċhom ma’ prattiki u sistemi legali nazzjonali differenti u li jiltaqgħu ma’ xkiel amministrattiv, legali jew fiskali speċifiku għall-mobilità. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jistabbilixxu strutturi speċifiċi ta’ appoġġ biex iħaffu dan it-tip ta’ mobilità, u t-tali strutturi, fi ħdan il-qafas tan-netwerk tal-EURES, għandhom jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi għal informazzjoni, gwida, tlaqqigħ transfruntier bejn id-domanda u l-provvista ta’ ħaddiema u l-kollokamenti li jirriżultaw. 

(28)     It-trasparenza tas-swieq tax-xogħol u l-kapaċitajiet adegwati ta’ tlaqqigħ huma prekundizzjonijiet għall-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni. Bilanċ aħjar bejn il-provvista u d-domanda ta’ ħaddiema jista’ jinkiseb permezz ta’ sistema effiċjenti fil-livell tal-Unjoni għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar eċċess u nuqqas ta’ ħaddiema fil-livell nazzjonali u settorjali li għandha tiġi stabbilita bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea u din għandha tintuża bħala bażi sabiex l-Istati Membri jiżviluppaw il-politiki tagħhom dwar il-mobilità u jsostnu l-kooperazzjoni prattika fi ħdan in-netwerk tal-EURES. 

(29)     Il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema u l-livelli ta’ impjieg għoljin huma marbutin mill-qrib u jagħmluha neċessarja li l-Istati Membri jiżviluppaw politiki dwar il-mobilità li jappoġġjaw funzjonament aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni. Il-politiki dwar il-mobilità tal-Istati Membri għandhom jitqiesu li huma parti integrali tal-politiki soċjali u dwar l-impjiegi tagħhom.

(30)     Għandu jiġi stabbilit ċiklu ta’ programmazzjoni biex isostni l-koordinazzjoni ta’ azzjoni fuq il-mobilità fi ħdan l-Unjoni. Biex tkun effettiva, il-programmazzjoni tal-pjanijiet ta’ attività tal-Istati Membri għandha tikkunsidra dejta dwar il-flussi u x-xejriet tal-mobilità, l-analiżi tad-dejta ta’ nuqqas u eċċess eżistenti u mbassar tal-forza tax-xogħol, u l-esperjenzi u l-prattiki ta’ reklutaġġ fin-netwerk tal-EURES u għandha tikkonsisti f’analiżi tar-riżorsi u l-għodod eżistenti għad-dispożizzjoni tal-organizzazzjonijiet fl-Istat Membru biex titħaffef il-mobilità  tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE.

(31)     Il-qsim tal-abbozzi tal-pjanijiet ta’ attività fiċ-ċiklu ta’ programmazzjoni bejn l-Istati Membri għandu jippermetti li l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni, li jaġixxu f’isem l-Istati Membri, flimkien mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni, jallokaw ir-riżorsi tan-netwerk tal-EURES f’azzjonijiet u proġetti xierqa, u b’hekk imexxu l-iżvilupp tan-netwerk tal-EURES bħala għodda orjentata iktar lejn ir-riżultati li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema skont id-dinamika tas-swieq tax-xogħol.

(32)     Sabiex tinkiseb informazzjoni adegwata għall-kejl tar-riżultati tan-netwerk tal-EURES, għandhom jiġu stabbiliti indikaturi komuni. Dawk l-indikaturi għandhom jiggwidaw l-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES fl-identifikazzjoni tar-riżultati tagħhom u għandhom jgħinu fil-valutazzjoni tal-progress li sar fl-isfond tal-objettivi stabbiliti għan-netwerk tal-EURES sħiħ, inkluża l-kontribuzzjoni tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ strateġija koordinata għall-impjiegi f’konformità mal-Artikolu 145 tat-Trattat.

(33)     Kull meta l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu jinvolvu l-ipproċessar ta’ dejta personali, dawn iridu jitwettqu skont il-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali[20] kif ukoll il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali relatati magħha.

(34)     Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u jħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif stipulati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(35)     Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament - jiġifieri li jistabbilixxi qafas komuni għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jgħaqqad flimkien postijiet tax-xogħol battala u l-possibilità ta’ applikazzjoni għal dawk il-postijiet tax-xogħol battala u biex iħaffef il-kisba ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tal-impjiegi - ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effett tal-azzjoni, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat fl-Artikolu 5, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jilħaq dak l-objettiv.

(36)     Is-setgħa li tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri għall-awtorizzazzjoni tal-organizzazzjonijiet biex jissieħbu fin-netwerk tal-EURES bħala Sħab tal-EURES u biex jipprovdu indikaturi komuni dwar il-prestazzjoni ta’ dawk l-organizzazzjonijiet jistgħu jiġu emendati fid-dawl tal-esperjenzi li jinkisbu bl-applikazzjoni tagħhom jew sabiex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet evoluttivi fis-suq tax-xogħol. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Meta tħejji u tfassal atti ddelegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti relevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(37)     Sabiex tiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-istandards u l-formats tekniċi applikabbli għall-approvazzjoni u t-tlaqqigħ awtomatizzat kif ukoll il-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1 Suġġett

1.           L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jħaffef l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni skont l-Artikolu 45 tat-TFUE, billi jistabbilixxi qafas komuni għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

2.           Għall-għan tal-ewwel paragrafu, dan ir-Regolament jistipula objettivi, prinċipji u regoli dwar

(a) il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-iskambju ta’ dejta dwar postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs u dwar il-kollokament li jirriżulta tal-ħaddiema fix-xogħlijiet;

(b) l-azzjonijiet minn u bejn l-Istati Membri biex iħaffu l-kisba ta’ bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni, bil-għan li jkun promoss livell għoli ta’ impjieg;

(c) il-funzjonament ta’ network Ewropew tas-servizzi tal-impjiegi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

(d) is-servizzi relatati ta’ appoġġ fil-mobilità li għandhom ikunu pprovduti lil ħaddiema u impjegaturi.

Artikolu 2 Definizzjonijiet

Għall-għan ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi” huma l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri, bħala parti mill-ministeri, il-korpi pubbliċi jew il-korporattivi li jaqgħu taħt il-liġi pubblika, li huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ politiki attivi fis-suq tax-xogħol u l-forniment ta’ servizzi tal-impjiegi fl-interess pubbliku;

(b) “servizzi tal-impjiegi” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika, li topera b’mod legali fi Stat Membru, li tipprovdi servizzi għal persuni li qed ifittxu xogħol sabiex jingħażlu u għal impjegaturi biex jirreklutaw persuni li qed ifittxu impjieg;

(c) "post tax-xogħol battal" tfisser kwalunkwe offerta għal impjieg, inkluż għal apprentistati u skemi ta' taħriġ meqjusa bħala xogħol;

(d) “approvazzjoni” tfisser l-iskambju ta’ informazzjoni u l-ipproċessar ta’ postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs;

(e) il-“pjattaforma informatika komuni” tfisser l-infrastruttura informatika u pjattaformi relatati stabbiliti fil-livell Ewropew bil-għan ta’ approvazzjoni;

(f) “kollokament” mis-servizzi tal-impjiegi ta’ ħaddiem ma’ impjegatur jew “reklutaġġ” ta’ ħaddiem għal impjegatur tfisser il-forniment ta’ servizzi ta’ medjazzjoni bejn il-provvista u d-domanda bil-għan li jimtela post tax-xogħol battal;

(g) “ħaddiem tal-fruntiera” tfisser kwalunkwe ħaddiem li jwettaq attività bħala persuna impjegata fi Stat Membru u li jirresjedi fi Stat Membru ieħor li bħala regola jirritorna fih kuljum jew tal-inqas darbtejn fil-ġimgħa.

KAPITOLU II STABBILIMENT TAN-NETWERK TAL-EURES

Artikolu 3 Stabbiliment

Dan ir-Regolament jistabbilixxi network Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjiegi (‘in-netwerk tal-EURES’).

Artikolu 4 Kompożizzjoni, rwoli u responsabilitajiet konġunti

1.           In-netwerk tal-EURES jinvolvi l-kategoriji ta’ organizzazzjonijiet li ġejjin:

(a) Il-Kummissjoni Ewropea, li hija responsabbli għall-assistenza lin-netwerk tal-EURES fit-twettiq tal-attivitajiet tiegħu permezz tal-"Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni";

(b) Il-Membri tal-EURES li huma l-korpi magħżulin mill-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-Istat Membru rispettiv, jiġifieri "l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni"; 

(c) Is-Sħab tal-EURES li huma l-organizzazzjonijiet awtorizzati mill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ fil-livell nazzjonali, reġjonali u/jew lokali b’servizzi ta’ approvazzjoni u/jew appoġġ lil ħaddiema u impjegaturi tal-UE.

2.           F’konformità mar-rwoli u r-responsabilitajiet rispettivi tagħhom, l-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES jippromwovu b’mod attiv, f’kooperazzjoni mill-qrib, l-opportunitajiet li l-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE toffri u jfittxu li jsaħħu l-modi u l-mezzi sabiex ħaddiema u impjegaturi jaħtfu dawn l-opportunitajiet fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew.

Artikolu 5 Objettivi

In-netwerk tal-EURES jikkontribwixxi għall-objettivi li ġejjin:

(a) it-tħaffif tal-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtijin mill-Artikolu 45 tat-TFUE u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni[21];

(b) l-implimentazzjoni tal-istrateġija koordinata għall-impjiegi skont l-Artikolu 145 tat-TFUE;

(c) il-funzjonament u l-integrazzjoni aħjar tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni;

(d) iż-żieda fil-mobilità ġeografika u okkupazzjonali volontarja fl-Unjoni fuq bażi ġusta;

(e) l-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali ta’ persuni esklużi mis-suq tax-xogħol.

Artikolu 6 Ir-responsabilitajiet tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni

1.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni jieħu l-impenn partikolari li jipprovdi dawn li ġejjin:

(a) it-tiswir ta’ qafas koerenti u l-forniment ta’ appoġġ orizzontali għall-benefiċċju tan-netwerk tal-EURES, inklużi

(i) l-operazzjoni u l-iżvilupp ta’ portal Ewropew dwar il-mobilità okkupazzjonali, "il-portal tal-EURES", u servizzi informatiċi relatati, inklużi sistemi u proċeduri għall-iskambju ta’ postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol, CVs, u dokumenti ta’ appoġġ bħal passaporti tal-ħiliet u oħrajn simili, u informazzjoni oħra, f’kooperazzjoni ma’ servizzi jew netwerks u inizjattivi relevanti oħrajn tal-Unjoni ta’ informazzjoni u konsulenza;

(ii) attivitajiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni;

(iii) programm ta’ taħriġ komuni għall-persunal tal-EURES;

(iv) l-iffaċilitar ta' netwerking, l-iskambju tal-aħjar prattika u t-tagħlim reċiproku fi ħdan in-netwerk tal-EURES;

(b) l-analiżi tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali;

(c) l-iżvilupp ta’ qafas xieraq għall-kooperazzjoni u l-approvazzjoni fi ħdan l-Unjoni dwar apprentistati u skemi ta’ taħriġ, skont dan ir-Regolament;

(d) il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attività tal-EURES u l-prestazzjoni tal-impjiegi tiegħu, b’kooperazzjoni mal-Membri tal-EURES;     

2.           Il-programmi ta’ ħidma pluriennali tiegħu jitfasslu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-EURES imsemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 7 Ir-responsabilitajiet tal-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni

1.           Kull Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni huwa responsabbli għal:

(a) il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni u Stati Membri oħrajn dwar l-approvazzjoni fi ħdan il-qafas stabbilit fil-Kapitolu III;

(b) l-organizzazzjoni tal-ħidma għall-EURES fl-Istati Membri, inkluż il-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ skont il-Kapitolu IV;

(c) il-koordinazzjoni ta’ azzjonijiet mill-Istat Membru kkonċernat u ma’ Stati Membri oħrajn skont il-Kapitolu V.

2.           L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jorganizza wkoll l-implimentazzjoni fil-livell nazzjonali tal-attivitajiet ta’ appoġġ orizzontali pprovduti mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6, kif xieraq f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni u Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni oħrajn. Dawn l-attivitajiet ta' appoġġ orizzontali huma b'mod partikolari:

(a) għall-għan ta’ pubblikazzjoni, inkluż fuq il-portal tal-EURES, il-ġbir u l-validazzjoni ta’ informazzjoni dwar is-Sħab tal-EURES li joperaw mit-territorju nazzjonali tiegħu, l-attivitajiet tagħhom u l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ li jipprovdu għal ħaddiema u impjegaturi;

(b) il-forniment ta’ attivitajiet ta’ qabel it-taħriġ relatati mal-attività tal-EURES, l-għażla ta’ persunal biex jieħu sehem fil-programm ta’ taħriġ komuni u f’attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku;

(c) il-ġbir u l-analiżi ta’ dejta relatata mal-Artikoli 28 u 29.

3.           Għall-fini ta’ pubblikazzjoni, inkluż fuq il-portal tal-EURES, fl-interess tal-ħaddiema u l-impjegaturi, l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jivvalida, jaġġorna b’mod regolari u jqassam fil-ħin informazzjoni u gwida disponibbli fil-livell nazzjonali dwar:

(a) il-kondizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol;

(b) il-proċeduri amministrattivi rigward l-impjiegi;

(c) ir-regoli applikabbli għall-ħaddiema;

(d) l-apprendistati u l-iskemi ta’ taħriġ;

(e) Meta applikabbli, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-fruntiera b’mod partikolari f’reġjuni transfruntiera.

Kif xieraq, l-Uffiċċju ta' Koordinazzjoni Nazzjonali jista' jivvalida u jqassam l-informazzjoni f’kooperazzjoni ma’ servizzi u netwerks oħrajn ta’ informazzjoni u konsulenza u korpi xierqa fil-livell nazzjonali, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2013/.../UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema.[22]

4.           L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jipprovdi appoġġ ġenerali lill-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fi ħdan it-territorju tiegħu stess fin-netwerk tal-EURES rigward kollaborazzjoni mal-kontropartijiet tagħhom tal-EURES fi Stati Membri oħrajn. Dan jinkludi appoġġ fil-każ ta’ lmenti relatati ma’ postijiet tax-xogħol battala u reklutaġġi tal-EURES, kif ukoll kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi bħal spettorati tax-xogħol.

5.           L-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jippromwovi l-kollaborazzjoni ma’ partijiet interessatii bħal servizzi ta’ gwida fil-karriera, universitajiet, kmamar tal-kummerċ u organizzazzjonijiet involuti f’apprentistati u skemi ta’ taħriġ.

6.           Kull Stat Membru jiżgura li l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni tiegħu jingħata l-persunal u r-riżorsi neċessarji l-oħrajn biex iwettaq il-kompiti tiegħu kif definiti f’dan ir-Regolament.

7.           L-Uffiċċju tal-Koordinazzjoni Nazzjonali huwa mmexxi minn koordinatur nazzjonali li huwa membru tal-Grupp ta' Koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 8 Awtorizzazzjoni ta’ Sħab tal-EURES

1.           Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema li tawtorizza Sħab tal-EURES biex jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES, tissorvelja l-attivitajiet tagħhom u l-konformità tagħhom mal-liġi nazzjonali u tal-Unjoni. Din is-sistema għandha tkun trasparenti, proporzjonata u tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament indaqs għall-organizzazzjonijiet li japplikaw u l-proċess dovut tal-liġi.

2.           L-Istati Membri jgħarrfu lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali implimentati tagħhom u s-Sħab tal-EURES li awtorizzaw biex jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES kif xieraq.

3.           Kwalunkwe servizz tal-impjiegi li jopera b’mod legali fi Stat Membru jista’ jitlob f’dak l-Istat Membru l-parteċipazzjoni fin-netwerk tal-EURES bħala Sieħeb tal-EURES, suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament u għas-sistema stabbilita minn dak l-Istat Membru.

4.           Is-Sħab tal-EURES huma awtorizzati jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES skont il-kriterji komuni minimi stabbiliti fl-Anness.

5.           Il-kriterji komuni minimi huma mingħajr ħsara għall-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ kriterji jew rekwiżiti addizzjonali meqjusin neċessarji mill-Istat Membru għall-għan ta’ applikazzjoni korretta tar-regoli applikabbli għall-attivitajiet tas-servizzi tal-impjiegi u l-ġestjoni effettiva ta’ politiki dwar is-suq tax-xogħol fit-territorju nazzjonali tiegħu. Biex tkun żgurata trasparenza, dawn il-kriterji u rekwiżiti huma parti integrali mis-sistema msemmija fil-paragrafu 1.

6.           Is-sħab tal-EURES jistgħu jinvolvu Sħab oħrajn tal-EURES jew organizzazzjonijiet oħrajn sabiex tinżamm konformità mal-kriterji fl-Anness. F’dan il-każ, l-eżistenza ssoktata ta’ sieħeb xieraq hija kundizzjoni addizzjonali għall-parteċipazzjoni fin-netwerk tal-EURES.

7.           Biex temenda l-Anness, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33.

8.           Il-Kummissjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tista’ tadotta mudell għad-deskrizzjoni tas-sistema nazzjonali u l-proċeduri għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar is-sistemi nazzjonali bejn l-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 9 Ir-responsabilitajiet tas-Sħab tal-EURES

1.           L-organizzazzjonijiet li japplikaw jistgħu jagħżlu li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES skont l-għażliet li ġejjin:

(a) li jikkontribwixxu għall-ġabra ta’ postijiet tax-xogħol battala skont l-Artikolu 14(1)(a);

(b) li jikkontribwixxu għall-ġabra ta' applikazzjonijiet għall-impjiegi u s-CVs skont l-Artikolu 14(1)(b);

(c) li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ lil ħaddiema u impjegaturi skont il-Kapitolu IV jew

(d) taħlita tal-punti (a) sa (c).

2.           Is-Sħab tal-EURES jagħżlu punt ta’ kuntatt wieħed jew iktar, bħal uffiċċji ta’ kollokament u reklutaġġ, ċentri ta’ assistenza bit-telefon, għodod self-service u l-bqija, fejn ħaddiema u impjegaturi jistgħu jingħataw appoġġ fl-approvazzjoni u/jew l-aċċess għas-servizzi ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament. Il-punti ta' kuntatt jistgħu jkunu bbażati wkoll fuq programmi ta' skambju tal-persunal, id-distakk tal-uffiċjali ta' kollegament jew jinvolvu aġenziji ta' kollokament komuni.

3.           Il-punti ta’ kuntatt għandhom jindikaw biċ-ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ mogħtijin lil ħaddiema u impjegaturi.

4.           L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li s-Sħab tal-EURES jikkontribwixxu

(a) għall-funzjonament taċ-ċentru nazzjonali msemmi fl-Artikolu 15(5) permezz ta’ tariffa jew f’forma oħra;

(b) għall-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fl-Artikoli 26 u 27;

(c) għaċ-ċiklu ta’ programmazzjoni msemmi fl-Artikolu 28;

(d) għall-ġbir ta’ dejta skont l-Artikolu 29.

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-modalitajiet għal dawn il-kontribuzzjonijiet fis-sistemi nazzjonali tagħhom fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li jikkunsidraw fatturi bħall-kapaċità amministrattiva tas-Sieħeb tal-EURES u l-grad ta’ parteċipazzjoni tiegħu fin-netwerk tal-EURES kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 10 Ir-rwol tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi

1.           L-Istati Membri jistgħu jiddelegaw lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tagħhom kompiti jew attivitajiet ġenerali relatati mal-organizzazzjoni tax-xogħol skont dan ir-Regolament, bħall-iżvilupp u t-tmexxija tas-sistemi nazzjonali għall-awtorizzazzjoni tas-Sħab tal-EURES jew il-preparazzjoni u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni bażika msemmija fl-Artikolu 20.

2.           L-Istati Membri jistgħu jinkarigaw il-forniment ta’ servizzi ta’ appoġġ imsemmijin fl-Artikoli 21 sa 23 lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tagħhom, diment li dawn tal-aħħar jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES, jew bħala Msieħeb tal-EURES awtorizzati skont l-Artikolu 8 u l-Anness għal dan ir-Regolament jew bħala Msieħeb tal-EURES fuq il-bażi tal-eżenzjoni fil-paragrafu 3.

3.           Għal perjodu massimu ta’ ħames snin mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw minn reviżjoni bl-applikazzjoni tal-Artikolu 8 u l-Anness għal dan ir-Regolament dawk is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi li fi żmien id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament kienu parti min-netwerk tal-EURES b’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE u/jew, fejn xieraq, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/8/KE. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-eżenzjonijiet mogħtijin

Artikolu 11 Il-Grupp ta' Koordinazzjoni

1.           Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni huwa msawwar minn rappreżentanti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni u l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni.

2.           Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament billi jiskambja informazzjoni u jiżviluppa gwida. B’mod partikolari, dan jgħin fit-tħejjija tal-abbozz tal-istandards tekniċi u l-formati msemmija fl-Artikoli 14(8) u 16(5).

3.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni jorganizza x-xogħol tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni u jippresjedi l-laqgħat.

Jistieden lir-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni biex jattendu l-laqgħat.

Artikolu 12 Identità komuni u l-Marka Kummerċjali

1.           L-isem EURES jintuża b’mod esklussiv għal attivitajiet fi ħdan in-netwerk tal-EURES skont dan ir-Regolament. Għandu jintwera permezz ta’ logo standard, definit minn skema ta’ disinn grafiku, adottata mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni.

2.           Il-marka tas-servizz EURES, kif ukoll il-logo li jikkaratterizzaha, hija rreġistrata bħala Marka Kummerċjali tal-Komunità mal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u għandha tintuża mill-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES imsemmijin fl-Artikolu 3 fl-attivitajiet kollha tagħhom relatati man-netwerk tal-EURES u dan ir-Regolament biex tkun żgurata identità viżwali komuni.

3.           L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES jiżguraw li l-informazzjoni u l-materjal promozzjonali li jipprovdu huma koerenti mal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni ġenerali tan-netwerk tal-EURES u mal-informazzjoni li ġejja mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni.

4.           Huwa biss l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni li għandu l-awtorità li jagħti lil partijiet terzi permess biex jużaw il-logo tal-EURES, u jgħarraf lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati kif xieraq.

5.           L-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES jgħarrfu lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni mingħajr dewmien dwar kwalunkwe abbuż tal-logo minn partijiet terzi jew pajjiżi terzi.

Artikolu 13 Kooperazzjoni

1.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni jħaffef il-kollaborazzjoni ta n-netwerk tal-EURES ma’ servizzi u netwerks oħrajn tal-Unjoni ta’ informazzjoni u konsultazzjoni.

2.           L-Uffiċċji Nazzjonali ta' Koordinazzjoni jikkollaboraw mas-servizzi u n-netwerks imsemmija fil-paragrafu 1 fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jinkisbu s-sinerġiji u jiġi evitat l-irduppjar, u, fejn xieraq, jinovlvu l-Imsieħba tal-EURES.

3.           L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta’ punt uniku ta’ servizz għall-komunikazzjoni ma’ ħaddiema u impjegaturi dwar l-attivitajiet komuni tan-netwerk tal-EURES u dawk is-servizzi u n-netwerks.

KAPITOLU III PJATTAFORMA INFORMATIKA KOMUNI 

Artikolu 14 L-organizzazzjoni tal-pjattaforma informatika komuni

1.           Biex jgħaqqad offerti ta’ xogħol flimkien ma’ applikazzjonijiet għal xogħol, kull Stat Membru għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-portal tal-EURES:

(a) il-postijiet tax-xogħol battala kollha disponibbli mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tiegħu kif ukoll dawk ipprovduti mis-Sħab tal-EURES tiegħu;

(b) l-applikazzjonijiet għal xogħol u s-CVs kollha disponibbli mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tiegħu kif ukoll dawk ipprovduti mis-Sħab tal-EURES tiegħu, diment li l-ħaddiema kkonċernati taw il-kunsens biex l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni fil-portal tal-EURES ukoll skont it-termini definiti fil-paragrafu 3.

2.           Meta jqiegħdu għad-dispożizzjoni dejta dwar postijiet tax-xogħol battala fil-portal tal-EURES, l-Istati Membri

(a) ma għandhom jagħmlu ebda distinzjoni skont l-għamla u d-durata tal-kuntratti u lanqas skont l-intenzjonijiet ta’ reklutaġġ tal-impjegaturi;

(b) jistgħu jeskludu l-postijiet tax-xogħol battala li minħabba n-natura tagħhom jew ir-regoli nazzjonali, huma miftuħa biss għaċ-ċittadini ta' pajjiż speċifiku.

3.           Il-kunsens tal-ħaddiema msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jkun espliċitu, mhux ambigwu, minn jeddhom, speċifiku u informat. Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jirtiraw il-kunsens tagħhom fi kwalunkwe waqt u jitolbu t-tħassir jew l-emenda ta’ kwalunkwe dejta, jew kollha kemm hi, li tqiegħdet għad-dispożizzjoni. Il-ħaddiema għandhom ikunu jistgħu jagħżlu minn numru ta’ għażliet biex jillimitaw l-aċċess għad-dejta tagħhom jew għal ċerti attributi.

4.           L-Istati Membri għandhom ikunu implimentaw il-mekkaniżmi u l-istandards meħtieġa biex tiġi żgurata l-kwalità intrinsika u teknika tad-dejta dwar il-postijiet tax-xogħol battala u s-CVs. 

5.           Għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar il-mekkaniżmi u l-istandards imsemmijin fil-paragrafu 4 kif ukoll dwar standards rigward is-sigurtà tad-dejta u l-protezzjoni tad-dejta. Għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni, b’mod partikolari fil-każ ta’ lmenti u postijiet tax-xogħol battala meqjusin mhux konformi mal-istandards applikabbli skont il-liġi nazzjonali.

6.           Għandhom jiżguraw li għall-fini ta’ monitoraġġ tal-kwalità tad-dejta, is-sorsi jistgħu jkunu traċċati.

7.           Biex ikunu jistgħu jitlaqqgħu l-offerti ta’ xogħol mal-applikazzjonijiet għal xogħol, kull Stat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 skont sistema uniformi.

8.           Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-istandards tekniċi u l-formats neċessarji li għandhom il-għan li jwasslu għas-sistema uniformi msemmija fil-paragrafu 7. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).

Artikolu 15 Aċċess fil-livell nazzjonali għall-pjattaforma informatika komuni

1.           Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom jiżguraw li jkun hemm link għall-portal tal-EURES, viżibbli b’mod ċar u li jista’ jitfittex b’mod intwittiv permezz tal-portali kollha ta’ tiftix ta’ xogħol li jamministraw, kemm jekk f’livell ċentrali, reġjonali jew inkella lokali.

2.           Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jieħdu l-impenn li jkollhom ftehimiet ma’ servizzi tal-impjiegi oħrajn li joperaw fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru biex jiżguraw l-applikabilità tal-prinċipju msemmi fil-paragrafu 1, anki ma’ għodod onlajn ta’ tiftix ta’ xogħol amministrati minnhom.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-għodod interni għal dawk li jaħdmu fuq il-każijiet ġestiti mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi l-postijiet tax-xogħol battala kollha, l-applikazzjonijiet tax-xogħol, u s-CVs disponibbli fuq il-portal tal-EURES għandhom ikunu disponibbli fuq l-istess livell ma’ kwalunkwe dejta nazzjonali f’dawn l-għodod.

4.           Is-Sħab tal-EURES ikkonċernati japplikaw ukoll il-prinċipji msemmijin fil-paragrafi 1 u 3, skont l-għażla ta’ dawn l-organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 9(1).

5.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċentru nazzjonali li jippermetti t-trasferiment fuq il-portal EURES ta' informazzjoni dwar il-postijiet tax-xogħol battala, l-applikazzjonijiet tax-xogħol u s-CVs disponibbli minn kwalunkwe organizzazzjoni li hija lesta li taqsam din l-informazzjoni wkoll fuq il-portal tal-EURES.

6.           L-Istati Membri għandhom ifittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet ta’ punt uniku ta’ servizz għall-komunikazzjoni mal-ħaddiema tal-fruntiera u l-impjegaturi f’dawk ir-reġjuni transfruntiera fejn l-Istati Membri kkonċernati f’daqqa jqisu li hemm bżonn li jistabbilixxu strutturi speċifiċi ta’ kooperazzjoni u servizz.

Artikolu 16 Tlaqqigħ awtomatizzat permezz tal-pjattaforma informatika komuni

1.           Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa klassifikazzjoni Ewropea ta’ ħiliet, kompetenzi, kwalifiki u okkupazzjonijiet. Din il-klassifikazzjoni hija l-għodda li tiffaċilita l-applikazzjoni onlajn għal xogħol b’mod transfruntier għall-Unjoni Ewropea billi tagħmel tlaqqigħ tax-xogħlijiet, tidentifika nuqqas ta’ ħiliet, tirrikonoxxi kwalifiki u tipprovdi gwida għall-karriera fuq il-portal tal-EURES.

2.           L-Istati Membri jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni Ewropea rigward l-interoperabilità bejn sistemi nazzjonali u l-klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.           Għal dan il-għan, sal-1.1.2017 kull Stat Membru għandu jistabbilixxi inventarju inizjali biex ifassal mappa tal-klassifikazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u settorjali kollha tiegħu ma’ u mill-klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u, wara l-introduzzjoni tal-użu tal-inventarju fuq il-bażi ta’ applikazzjoni li ssir mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni, jaġġorna b’mod regolari l-inventarju biex iżommu aġġornat mal-evoluzzjoni tas-servizzi ta’ reklutaġġ.

4.           Il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri li jagħżlu li jibdlu l-klassifikazzjonijiet nazzjonali mal-klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

5.           Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, l-istandards tekniċi u l-formats neċessarji għall-operazzjoni tal-klassifikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(3).

Artikolu 17 Mekkaniżmi ta’ aċċess faċilitat għal ħaddiema u impjegaturi

1.           Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom jiżguraw li l-ħaddiema li jużaw is-servizzi tagħhom, meta jqiegħdu għad-dispożizzjoni applikazzjonijiet għal xogħol u/jew CVs magħhom, jistgħu jagħżu sabiex dawk is-servizzi tal-impjiegi jgħinuhom bir-reġistrazzjoni fuq il-portal tal-EURES, billi jużaw iċ-ċentru nazzjonali msemmi fl-Artikolu 15(5).

2.           Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu simili li jħaffef ir-reġistrazzjoni bħala impjegatur fuq il-portal tal-EURES għal dawk l-impjegaturi li jużaw is-servizzi tagħhom biex jippubblikaw postijiet tax-xogħol battala f’livell nazzjonali direttament permezz tal-portali tagħhom jew permezz ta’ pjattaformi oħrajn sostnuti mill-Istati Membri.

3.           Is-Sħab tal-EURES ikkonċernati japplikaw ukoll il-prinċipji msemmija fil-paragrafi 1 u 2, f'konformità mal-għażla ta’ dawk l-organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 9(1).

4.           Il-ħaddiema u l-impjegaturi għandu jkollhom aċċess għall-informazzjoni ġenerali dwar kemm, meta u fejn jistgħu jaġġornaw, jirrevedu u jirtiraw id-dejta kkonċernata.

KAPITOLU IV SERVIZZI TA' APPOĠĠ

Artikolu 18 Il-prinċipji

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi jista' jkollhom aċċess għal servizzi ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali

2.           L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta' approċċ koordinat fil-livell nazzjonali għal servizzi bħal dawn.

3.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-għoti tas-servizzi ta' appoġġ imsemmija fl-Artikoli 20 sa 23 permezz tas-Sħab tal-EURES kif ġej:

(a) permezz tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Istat Membru kkonċernat stess, skont l-Artikolu 10;

(b) permezz ta’ organizzazzjonijiet li jaġixxu taħt ir-responsabilità tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tal-Istat Membru kkonċernat, fuq il-bażi ta’ delega, esternalizzazzjoni jew ftehimiet speċifiċi bejn dawn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jew korpi oħrajn dwar is-servizzi offruti minn dawk l-organizzazzjonijiet;

(c) permezz ta’ Sieħeb wieħed jew iktar tal-EURES jew

(d) permezz ta’ taħlita tal-punti (a) sa (c).

4.           F’kull Stat Membru is-servizzi ta' appoġġ imsemmija fl-Artikoli 20 sa 23 għandhom ikunu pprovduti tal-inqas mill-organizzazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3(a) jew 3(b).

5.           Is-servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema kif stipulati fl-Artikoli 20, 22 u 23 u l-assistenza b' reġistrazzjoni fuq il-portal tal-EURES imsemmija fl-Artikolu 17(1) huma bla ħlas.

6.           Is-servizzi ta’ appoġġ għall-impjegaturi msemmija fl-Artikoli 21 u 22 u l-assistenza b'reġistrazzjoni fuq il-portal tal-EURES imsemmija fl-Artikolu 17(2) jistgħu jkunu suġġetti għal tariffa. Kwalunkwe tariffa mitluba, ma tistax tvarja bejn it-tariffi imposti għas-servizzi tal-EURES u dawk applikabbli għal servizzi paragunabbli oħrajn ipprovduti mill-organizzazzjoni kkonċernata.

7.           Is-Sħab tal-EURES ikkonċernati għandhom jindikaw b’mod ċar lill-ħaddiema u l-impjegaturi l-medda ta’ servizzi ta’ appoġġ li jipprovdu, fejn u kif dawk is-servizzi huma aċċessibbli u l-kundizzjonijiet li fihom huwa pprovdut aċċess, billi jintużaw il-kanali ta’ informazzjoni tagħhom. Dik l-informazzjoni hija ppubblikata fuq il-portal tal-EURES.

Artikolu 19 Aċċess għal informazzjoni bażika

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħaddiema u l-impjegaturi kollha li jitolbu servizzi tal-klijenti mis-servizzi tal-impjiegi jirċievu jew ikunu konxji bl-informazzjoni bażika dwar l-appoġġ għall-mobilità disponibbli fil-livell nazzjonali li

(a) tal-inqas tgħarrafhom bl-eżistenza tal-portal tal-EURES u n-netwerk tal-EURES, id-dettalji ta’ kuntatt tas-Sħab relevanti tal-EURES, informazzjoni dwar il-kanali ta’ reklutaġġ li jużaw (servizzi elettroniċi, servizzi personalizzati, il-post tal-punti ta’ kuntatt) u l-links relevanti fuq il-web u

(b) hija faċilment aċċessibbli u ppreżentata b’mod faċli għall-utenti.

2.           L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw informazzjoni speċifika għall-ħaddiema tal-fruntiera f’dawk ir-reġjuni transfruntiera fejn l-Istati Membri kkonċernati flimkien iqisuha li hemm bżonn li jiġu stabbiliti strutturi speċifiċi ta’ kooperazzjoni u servizz.

3.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni jappoġġa l-iżvilupp ta’ informazzjoni bażika skont dan l-Artikolu u jassisti lill-Istati Membri fl-iżgurar ta’ kopertura lingwistika adegwata.

Artikolu 20 Servizzi ta’ appoġġ għall-ħaddiema

1.           Is-Sħab tal-EURES ikkonċernati joffru b’mod proattiv lill-ħaddiema kollha li jkunu qed ifittxu impjieg l-opportunità li jiksbu aċċess għas-servizzi ddefiniti f’dan l-Artikolu. Meta xieraq, din l-offerta tittenna matul il-proċess ta’ tiftix ta’ xogħol.

2.           Jekk il-ħaddiema jkunu interessati f’iktar assistenza, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati jipprovdu informazzjoni u gwida dwar opportunitajiet ta’ xogħol individwali u b’mod partikolari joffrulhom is-servizzi li ġejjin:

(a) jipprovdu informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol jew jirreferu għat-tali informazzjoni;

(b) jipprovdu informazzjoni dwar miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u aċċess għat-tali miżuri;

(c) meta tintalab, jipprovdu assistenza fit-tfassil ta’ applikazzjonijiet għal xogħol u CVs biex jiżguraw konformità mal-istandards tekniċi u mal-formats Ewropej imsemmija fl-Artikoli 14(8) u 16(5);

(d) meta jkun hemm bżonn, jipprovdu assistenza billi jtellgħu t-tali applikazzjonijiet għal xogħol u fuq portali nazzjonali relevanti ta’ tiftix ta’ xogħol u l-portal tal-EURES;

(e) meta xieraq, jinkludu segwitu dwar kollokament possibbli fi ħdan l-UE bħala parti mill-pjan ta’ azzjoni individwali;

(f) meta xieraq, jirreferu għal Sieħeb tal-EURES ieħor.

3.           Jekk il-ħaddiema jkunu interessati f’iktar assistenza u jkun hemm probabilità raġonevoli ta’ kollokament fi ħdan l-UE, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati jipprovdu iktar assistenza fit-tiftix ta’ xogħol, li tikkonsisti f’servizzi bħall-għażla ta’ postijiet tax-xogħol battala xierqa, assistenza fit-tfassil ta’ applikazzjonijiet għal xogħol u CVs u l-forniment ta’ traduzzjonijiet u/jew il-kisba ta’ kjarifiki dwar postijiet tax-xogħol battala speċifiċi fi Stati Membri oħrajn.

4.           Wara r-reklutaġġ ta’ ħaddiem fi Stat Membru ieħor bis-saħħa tas-servizzi pprovduti skont dan l-Artikolu, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati jipprovdu lill-persuna kkonċernata bid-dettalji ta’ kuntatt tal-organizazzjonijiet fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jistgħu joffru assistenza wara r-reklutaġġ.

Artikolu 21 Servizzi ta’ appoġġ għall-impjegaturi

1.           Is-Sħab tal-EURES ikkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni u gwida lill-impjegaturi interessati fir-reklutaġġ ta’ ħaddiema minn Stati Membri oħrajn u b’mod partikolari joffrulhom is-servizzi li ġejjin:

(a) jipprovdu informazzjoni dwar ir-regoli speċifiċi applikabbli meta jimpjegaw lil dawk il-ħaddiema;

(b) jippromwovu l-użu tan-netwerk tal-EURES u l-bażi tad-dejta ta’ CVs fuq il-portal tal-EURES bħala għodda li tgħin sabiex jimtlew postijiet tax-xogħol battala;

(c) jipprovdu informazzjoni u gwida dwar fatturi li jistgħu jħaffu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema u dwar kif tkun sostnuta l-integrazzjoni tagħhom;

(d) meta jintalbu, jipprovdu informazzjoni u gwida dwar il-formulazzjoni ta’ rekwiżiti ta' impjieg individwali f’post tax-xogħol battal li jistgħu jiġu emendati għal udjenza Ewropea;

(e) meta jintalbu, jipprovdu assistenza dwar il-formulazzjoni tal-post tax-xogħol battal skont l-istandards tekniċi u l-formati Ewropej imsemmija fl-Artikoli 14(8) u 16(5);

(f) meta jkun hemm bżonn, jipprovdu assistenza fir-reġistrazzjoni bħala impjegatur fuq il-portal tal-EURES;

(g) meta xieraq, jirreferu għal Sieħeb tal-EURES ieħor.

2.           Jekk l-impjegaturi jkunu interessati f’iktar assistenza u jkun hemm probabilità raġonevoli ta’ reklutaġġ fi ħdan l-UE, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati jipprovdu iktar assistenza, li tikkonsisti f’servizzi bħall-preselezzjoni tal-kandidati xierqa u assistenza fil-forniment ta’ traduzzjonijiet u/jew il-kisba ta’ kjarifiki dwar applikazzjonijiet għal xogħol speċifiċi.

3.           Wara r-reklutaġġ ta’ ħaddiem minn Stat Membru ieħor bis-saħħa tas-servizzi pprovduti skont dan l-Artikolu, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati jipprovdu lill-impjegatur ikkonċernat bid-dettalji ta’ kuntatt tal-organizzazzjonijiet li jistgħu joffru assistenza fl-integrazzjoni ta’ ħaddiema reklutati ġodda minn Stati Membri oħrajn.

4.           Is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom jieħdu l-impenn li jiftiehmu ma’ servizzi tal-impjiegi oħrajn li joperaw fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru

(a) sabiex flimkien jippromwovu fit-territorju tal-Istat Membru r-reġistrazzjoni tal-impjegaturi fin-netwerk tal-EURES u l-użu tagħhom ta’ pjattaforma komuni għall-approvazzjoni Ewropea;

(b) sabiex jaqsmu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki dwar is-servizzi ta’ appoġġ għall-impjegaturi interessati fir-reklutaġġ minn Stati Membri oħrajn.

Artikolu 22 Assistenza wara r-reklutaġġ

1.           Is-Sħab tal-EURES ikkonċernati għandhom jipprovdu, fuq talba tal-ħaddiema u l-impjegaturi, informazzjoni ġenerali dwar l-assistenza wara r-reklutaġġ u dwar fejn jiksbu assistenza wara r-reklutaġġ bħal taħriġ dwar komunikazzjoni interkulturali, korsijiet tal-lingwa u appoġġ fl-integrazzjoni. 

2.           Permezz ta’ Deroga mill-Artikolu 18(5), is-Sħab tal-EURES jistgħu joffru l-assistenza msemmija fil-paragrafu 1 lil ħaddiema bi ħlas.

Artikolu 23 Aċċess iffaċilitat għall-informazzjoni u s-servizzi dwar is-sigurtà soċjali

1.           L-Istati Membri għandhom jiżguraw koordinazzjoni bejn is-servizzi ta’ appoġġ skont dan ir-Regolament u s-servizzi pprovduti dwar is-sigurtà soċjali mill-awtoritajiet kompetenti.

2.           Għall-għan tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom isostnu l-iżvilupp ta’ aċċess online integrat bħala l-ewwel sors ta’ informazzjoni għal ħaddiema, ħaddiema tal-fruntiera u impjegaturi.

3.           Fuq talba ta’ ħaddiema, ħaddiema tal-fruntiera u impjegaturi, is-Sħab tal-EURES ikkonċernati għandhom jipprovdu informazzjoni ġenerali dwar id-drittijiet relatati mas-sigurtà soċjali u jieħdu l-impenn li jirreferu dawk it-talbiet għal informazzjoni speċifika lill-awtoritajiet kompetenti u, jekk applikabbli, lil korpi oħrajn li jappoġġjaw lill-ħaddiema fl-eżerċizzju ta’ drittijiethom fil-kuntest tal-libertà tal-moviment.

Artikolu 24 Aċċess għal miżuri nazzjonali tas-suq tax-xogħol

Stat Membru ma għandux jillimita l-aċċess għal miżuri nazzjonali tas-suq tax-xogħol għas-sempliċi raġuni li ħaddiem ifittex dik l-assistenza sabiex isib xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

KAPITOLU V RELAZZJONI MA’ POLITIKI DWAR IL-MOBILITÀ

Artikolu 25 Skambju ta’ informazzjoni dwar flussi u xejriet

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jimmonitorjaw il-flussi u l-mudelli fi ħdan l-Unjoni tal-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-UE fuq il-bażi ta’ statistika tal-Eurostat u d-dejta nazzjonali disponibbli.

Artikolu 26 Skampju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.           Kull Stat Membru għandu, b’mod partikolari, jiġbor u janalizza informazzjoni dwar:

(a) in-nuqqas u l-eċċess ta’ ħaddiema fi swieq tax-xogħol nazzjonali u settorjali u kemm il-mobilità tal-forza tax-xogħol tista’ tindirizzahom;

(b) l-attivitajiet tal-EURES fil-livell nazzjonali;

(c) il-pożizzjoni tan-netwerk tal-EURES fis-suq għal servizzi ta’ reklutaġġ fil-livell nazzjonali ġenerali.

2.           L-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni huma responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-EURES u l-kontribuzzjoni għall-analiżi konġunta.

3.           Billi jikkunsidraw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-analiżi konġunta, l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw politiki dwar il-mobilità bħala parti integrali mill-politiki tagħhom dwar l-impjiegi. Dawn il-politiki dwar il-mobilità jipprovdu l-qafas li fuq il-bażi tiegħu l-Istati Membri jistgħu jimxu bil-programmazzjoni msemmija fl-Artikolu 28.

4.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni jistabbilixxi proċeduri u jagħmel arranġamenti prattiċi biex jitħaffef l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni u l-iżvilupp ta’ analiżi konġunta.

Artikolu 27 Skambju ta’ informazzjoni li jakkumpanja servizzi ta’ appoġġ

1.           L-organizzazzjonijiet kollha li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom jaqsmu u jiskambjaw informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Istati Membri rigward il-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, il-proċeduri amministrattivi u r-regoli applikabbli għal ħaddiema minn Stati Membri oħrajn, u b’hekk jiggwidaw lil ħaddiema u impjegaturi.

2.           Jaqsmu u jiskambjaw ukoll l-informazzjoni dwar il-qagħda fl-Istati Membri li tiggwida lil ħaddiema tal-fruntiera.

3.           Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta l-mudelli u l-proċeduri għall-iskambju ta’ din l-informazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 28 Programmar

1.           Kull sena, kull Uffiċċju Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni jfassal programm ta’ ħidma għall-organizzazzjonijiet li jieħdu sehem fin-netwerk tal-EURES fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

2.           Il-programmi ta’ ħidma jispeċifikaw:

(a) L-attivitajiet ewlenin li għandhom jitwettqu skont dan ir-Regolament;

(b) Ir-riżorsi umani u finanzjarji globali allokati għall-implimentazzjoni tiegħu;

(c) L-arranġamenti għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet ippjanati.

3.           Flimkien, l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni jirrevedu l-abbozz tal-programmi ta’ ħidma qabel jiffinalizzawhom.

4.           Ir-rappreżentanti tas-sħab soċjali fil-livell tal-Unjoni li jieħdu sehem fil-Grupp ta’ Koordinazzjoni tal-EURES għandhom jiġu kkonsultati dwar l-abbozz tal-programmi ta’ ħidma.

5.           Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-mudelli u l-proċeduri neċessarji għall-programmazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 34(2).

Artikolu 29 Ġbir ta’ dejta u indikaturi

1.           L-Istati Membri jiżguraw li hemm proċeduri fis-seħħ għall-produzzjoni u l-ġbir ta' dejta dwar l-attivitajiet imwettqin fil-livell nazzjonali skont il-kategoriji ta’ indikaturi komuni li ġejjin:

(a) informazzjoni u gwida min-netwerk tal-EURES, fuq il-bażi tal-għadd ta’ kuntatti li l-persunal tal-EURES għandu ma’ ħaddiema u impjegaturi;

(b) kollokament u reklutaġġ li jirriżultaw minn attività tal-EURES, fuq il-bażi tal-għadd ta’ postijiet tax-xogħol battala, applikazzjonijiet għal xogħol, CVs ittrattati u pproċessati mill-persunal tal-EURES u n-numru ta’ ħaddiema reklutati fi Stat Membru ieħor skont dan;

(c) riżultati dwar is-sodisfazzjon tal-klijenti bin-netwerk tal-EURES, miksubin anki billi jintużaw stħarriġ.

2.           L-Uffiċċju Ewropew ta’ Koordinazzjoni huwa responsabbli mill-ġbir ta’ dejta fuq il-portal tal-EURES u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni dwar l-approvazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.           Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 33 biex tkompli tiżviluppa l-indikaturi komuni.

Artikolu 30 Rapporti ta' implimentazzjoni

Filwaqt li tikkunsidra l-informazzjoni miġbura kif imsemmi f’dan il-Kapitolu, kull sentejn il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol fi ħdan l-Unjoni u s-servizzi pprovduti lill-ħaddiema biex jitħaffef l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment skont l-Artikolu 46 tat-TFUE.

KAPITOLU VI DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 31 Protezzjoni ta’ dejta personali

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament iridu jitwettqu skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta[23] u l-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni relatati magħha, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-dejta[24].

Artikolu 32 Evalwazzjoni ex post

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew evalwazzjoni ex post dwar l-operazzjoni u l-effetti ta’ dan ir-Regolament ħames snin wara li jidħol fis-seħħ.

Ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposti leġiżlattivi li jemendaw dan ir-Regolament.

Artikolu 33 Eżerċizzju tad-delega

1.           Is-setgħa li jiġu adottati atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8 u 29 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu indeterminat ta’ żmien mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jew minn kwalunkwe data oħra stabbilita mil-leġiżlatur.

3.           Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 8 u 29 tista’ tkun revokata fi kwalunkwe waqt mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ xi att iddelegat diġà fis-seħħ.

4.           Malli tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.           Att iddelegat adottat skont l-Artikoli 8 u 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika tal-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li ma jkunux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jkun estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 34 Proċedura tal-Kumitat

1.           Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat "EURES" stabbilit permezz ta’ dan ir-Regolament. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament UE Nru 182/2011.

3.           Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament UE Nru 182/2011.

Artikolu 35 Tħassir

1.           Id-dispożizzjonijiet li ġejjin li huma speċifikati fl-atti msemmija hawn taħt huma b’dan imħassra:

(a) Il-Kapitolu II u l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni;

(b) L-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (“EaSI”) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali.

2.           Ir-referenzi għall-atti revokati għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 36 Applikazzjoni

Ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini tagħhom mingħajr ħsara għall-Artikoli 2 u 3 tar-Regolament (UE) Nru 492/2011.

Artikolu 37 Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                            Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU UE, 27.5.2011, L141, p.1

[2]               Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/8/KE tat-23 ta’ Diċembru li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 fir-rigward tal-approvazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol battala u applikazzjonijiet għall-impjieg (ĠU L5, 10.1.2003, p.16) tħassret bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/733/UE tas-26 ta’ Novembru 2012 li timplimenta r-Regolament (UE) Nru 492/2011 (ĠU UE, L328. 28.11.2012, p.21). Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fl-1.1.2014.

[3]               COM(2013) 430

[4]           Stħarriġ Ekonomiku tal-OECD: Unjoni Ewropea, Marzu 2012 jew http://www.oecd-ilibrary.org/economics/oecd-economic-surveys-european-union-2012_eco_surveys-eur-2012-en

[5]               Din iċ-ċifra teskludi ħaddiema b’residenza fi Stat Membru u li jaħdmu f’ieħor (ħaddiema tal-fruntiera)

[6]               Sitwazzjoni Soċjali u tal-Impjiegi fl-UE, Analiżi trimestrali Ġunju 2013, billi ntużat dejta ta’ stħarriġ ta’ Gallup World

[7]               B’applikazzjoni tar-rata annwali ta’ 0,29% għall-forza tax-xogħol totali (241 miljun)

[8]               B’applikazzjoni tad-dejta ta’ stħarriġ ta’ Gallup World dwar is-sehem ta’ persuni li beħsiebhom imorru jgħixu barra l-pajjiż fit-12-il xahar li ġejjin, 1;2% fl-2011 u l-2012, mill-forza tax-xogħol totali (241 miljun)

[9]               Ewrobarometru Speċjali 337: Mobilità ġeografika u tas-suq tax-xogħol (2009)

[10]             COM (2013) 269 finali

[11]             COM (2013) 837 finali

[12]             COM (2012) 173 finali

[13]             ĠU L328, 28.11.2012, p.21

[14]             ĠU L 5, 10.1.2003, p.16

[15]             COM (2010) 731 finali

[16]             Ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, ĠU L347, 20.12.2013, p.238

[17]             ĠU C , , p. .

[18]             ĠU C , , p. .

[19]             ĠU UE, 27.5.2011, L141, p.1

[20]             B’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dak id-dejta (ĠU L 8, 12.01.2001, p. 1).

[21]             ĠU UE, 27.5.2011, L141/1

[22]             COM (2013) 236 finali

[23]             ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31

[24]             ĠU L 8, 12.01.2001, p. 1

ANNESS

1. għoti tas-servizz

1. L-eżistenza ta’ mekkaniżmi u proċeduri adegwati sabiex jiġi vverifikat u żgurat li l-istandards tax-xogħol applikabbli u r-rekwiżiti legali jiġu rrispettati b'mod sħiħ, inkluż il-liġi tal-protezzjoni tad-dejta applikabbli u r-rekwiżiti u l-istandards dwar il-kwalità tad-dejta tal-postijiet tax-xogħol battala

2. Ħila evidenzjata li toffri servizzi dwar servizzi ta’ approvazzjoni u/jew appoġġ kif hemm referenza għalihom f’dan ir-Regolament, fejn xieraq skont l-għażla magħmula mill-organizzazzjoni

3. Ħila li tipprovdi servizzi permezz ta’ faċilitajiet b’diversi mezzi, b’għallinqas internet/sit elettroniku tal-organizzazzjoni aċċessibbli

4. Ħila li tirreferi l-ħaddiema u l-impjegaturi lil Sħab u/jew korpi tal-EURES oħrajn b’kompetenza fil-moviment liberu tal-ħaddiema

5. Konferma li taderixxi mal-prinċipji ta’ servizz ta’ EURES bla ħlas għall-ħaddiema

2. Parteċipazzjoni fin-netwerk tal-EURES

6. Il-ħila li tiżgura kunsinna fil-ħin u affidabbli tad-dejta

7. Impenn li tikkonforma mal-istandards u l-formati tekniċi għall-approvazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni skont dan ir-Regolament

8. Il-ħila u l-impenn li tipprovdi informazzjoni lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Koordinazzjoni dwar l-għoti tas-servizz u l-prestazzjoni skont dan ir-Regolament

9. L-eżistenza ta’ jew l-impenn li tiżgura riżorsi umani xierqa fid-dawl tal-mandat ġeografiku jew istituzzjonali segwit mill-organizzazzjoni bħala Sieħba tal-EURES

10. Impenn li tiżgura standards ta’ kwalità fuq il-persunal u li tirreġistra l-persunal għall-programm ta’ taħriġ komuni.