52014JC0041

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta’ assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d’Ivoire /* */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK, ir- Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 introduċa projbizzjoni dwar l-esportazzjoni ta’ apparat għar-ripressjoni interna lejn il-Côte d’Ivoire. Minn dak iż-żmien 'l hawn, il-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK ġiet sostitwita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK. Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005, kif emendat, jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/656/PESK fuq il-livell tal-Unjoni billi jimponi restrizzjonijiet fuq l-għoti ta' assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d’Ivoire.

(2) Huwa xieraq li tiżdied deroga oħra għall-projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-ripressjoni interna li tippermetti l-provvista ta’ tagħmir għall-għanijiet ta’ minjieri jew proġetti tal-infrastruttura ċivili, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/.../PESK.

(3) Ir-Rappreżentanta Għolja tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni jipproponu li jagħtu effett lil dawn il-miżuri permezz ta' Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 174/2005 ibbażat fuq l-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2014/0351 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-fornitura ta’ assistenza relatata mal-attivitajiet militari fil-Côte d’Ivoire

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/656/PESK tad-29 ta’ Ottubru 2010 li ġeddet il-miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire[1],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentanta Għolja tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta ' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Id-Deċiżjoni 2010/656/Pesk ħadet post il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/852/PESK[2] u ġeddet il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Côte d’Ivoire sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1572 (2004) u r-Riżoluzzjonijiet suċċessuri. Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005[3], ġie adottat biex jagħti effett lill-Pożizzjoni Komuni 2004/852/PESK,u issa jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/656/PESK fil-livell tal-Unjoni billi jimponi restrizzjonijiet fuq l-għoti ta’ assistenza relatata mal-attivitajiet militari lill-Côte d'Ivoire.

(2)       Għandha tiġi introdotta deroga oħra għall-projbizzjoni fuq il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment u l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-ripressjoni interna li tippermetti l-għoti ta' liċenzji ta’ tagħmir fejn xieraq għall-għanijiet ta’ minjieri jew proġetti tal-infrastruttura ċivili, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/.../PESK.

(3)       Din il-miżura taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-miżura mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tiġi implimentata.

(4)       Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 174/2005 huwa emendat kif ġej:

(1) L-Artikolu 1 huwa mħassar.

(2) L-Artikolu 4a huwa sostitwit bi:

Artikolu 4 a

1. B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew, f'każ li l-esportatur mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru minn fejn jista' jinbiegħ, jiġi pprovdut, trasferit jew esportat it-tagħmir, tista’ tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xerqin, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir li ma joqtolx inkluż fl-Anness I, wara li tkun iddeterminat li l-apparat li ma joqtolx huwa maħsub biss biex jippermetti lill-forzi tas-sigurtà tal-Côte d’Ivoire jużaw biss forza xierqa u proporzjonata biex iżommu l-ordni pubbliku.

2. B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew f'każ li l-esportatur mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru minn fejn jista' jinbiegħ, jiġi pprovdut, trasferit jew esportat it-tagħmir, tista’ tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tat-tagħmir għar-ripressjoni interna fl-Anness I, li huwa maħsub biss biex jiġi sostnut il-proċess tar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà fil-Côte d’Ivoire u għas-sostenn jew l-użu mill-Operazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Côte d’Ivoire (UNOCI) u l-forzi Franċiżi li jsostnuhom.

3. L-awtorizzazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar- Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni hija valida fl-Unjoni kollha.

(3) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 4b li ġej:

‘L-Artikolu 4b

1. B’deroga mill-Artikolu 3, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness II, tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-esportatur jew, f'każ li l-esportatur mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru minn fejn jista' jinbiegħ, jiġi pprovdut, trasferit jew esportat it-tagħmir, tista’ tawtorizza, bil-kundizzjonijiet li jidhrilha xierqa, il-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir inkluż fil-punt 4 tal-Anness I, wara li tkun iddeterminat li t-tagħmir huwa maħsub biss għall-użu fil-minjieri jew proġetti tal-infrastruttura ċivili.

2. L-awtorizzazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun f’konformità mar-regoli dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 11 tar- Regolament (KE) Nru 428/2009. L-awtorizzazzjoni hija valida fl-Unjoni kollha.

3. L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni.

4. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir kif elenkat fil-punt 4 tal-Anness I, sakemm l-awtorità kompetenti tkun iddeterminat li dan l-apparat huwa għall-użu ċivili biss fit-tħaffir fil-minjieri jew il-proġetti ta’ infrastruttura.

5. L-Istat Membru rilevanti għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel bl-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu".

(4) Fl-Anness I, it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

"Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-ripressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 3, 4a u 4b"

(5) Fl-Anness II, it-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“Lista ta' awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 4a u 4b”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fi Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 285, 30.10.2010, p. 28.

[2]               Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/852/PESK tat-13 ta’ Diċembru 2004 dwar miżuri restrittivi kontra l-Côte d’Ivoire (ĠU L 368, 15.12.2004, p. 50).

[3]               Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 174/2005 tal-31 ta' Jannar 2005 li jimponi restrizzjonijiet fuq il-forniment ta' assistenza relatata ma' attivitajiet militari fil-Côte d’Ivoire (ĠU L 29, 2.2.2005, p. 5).