52014JC0015

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja /* JOIN/2014/015 final - 2014/0126 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi kontra s-Somalja[1] jimponi projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti ta’ pariri tekniċi, assistenza, taħriġ, finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

(2) Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2142 (2014) li tafferma mill-ġdid l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja u li ġġedded sal-25 ta' Ottubru 2014 id-determinazzjoni tiegħu li l-embargo tal-armi ma japplikax għal konsenji ta' armi, munizzjoni jew tagħmir militari jew l-għoti ta' pariri, għajnuna jew taħriġ, intenzjonati unikament għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu sigurtà għan-nies tas-Somalja, ħlief f'dak li għandu x'jaqsam ma' konsenji ta' ċerti oġġetti kif stipulat fl-anness tar-Riżoluzzjoni 2111 (2013) li jirrikjedu approvazzjoni bil-quddiem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992). Ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2142 (2014) timmodifika wkoll il-ħtiġijiet tan-notifika fir-rigward tal-konsenji ta' armi, munizzjoni jew tagħmir militari jew l-għoti ta' pariri, għajnuna jew taħriġ lill-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja, kif ukoll il-proċedura għall-eżenzjoni fir-rigward tal-konsenji tal-oġġetti stipulati fl-anness tar-Riżoluzzjoni 2111 (2013).

(3) Il-Kunsill wasal biex jadotta deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK skont ir-Riżoluzzjoni 2142 (2014).

(4) Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati xi wħud minn dawn l-emendi.

(5) Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 skont dan.

2014/0126 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK[2],

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 tas-27 ta' Jannar 2003 dwar ċerti miżuri restrittivi kontra s-Somalja[3] jimponi projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti ta’ pariri tekniċi, assistenza, taħriġ, finanzjament u għajnuna finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

(2)       Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2142 (2014) li tafferma mill-ġdid l-embargo fuq l-armi fuq is-Somalja u li ġġedded sal-25 ta' Ottubru 2014 id-determinazzjoni tiegħu li l-embargo tal-armi ma japplikax għal konsenji ta' armi, munizzjoni jew tagħmir militari jew l-għoti ta' pariri, għajnuna jew taħriġ, intenzjonati unikament għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu sigurtà għan-nies tas-Somalja, ħlief f'dak li għandu x'jaqsam ma' konsenji ta' ċerti oġġetti kif stipulat fl-anness tar-Riżoluzzjoni 2111 (2013) li jirrikjedu approvazzjoni bil-quddiem mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 751 (1992). Ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2142 (2014) timmodifika wkoll il-ħtiġijiet tan-notifika fir-rigward tal-konsenji ta' armi, munizzjoni jew tagħmir militari jew l-għoti ta' pariri, għajnuna jew taħriġ lill-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja, kif ukoll il-proċedura għall-eżenzjoni fir-rigward tal-konsenji tal-oġġetti stipulati fl-anness tar-Riżoluzzjoni 2111 (2013).

(3)       Fil-... ta' April 2014 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/.../PESK[4] li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK skont ir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 2142 (2014).

(4)       Uħud minn dawn l-emendi jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi implimentat, partikolarment bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tiegħu mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 għalhekk għandu jiġi emendat skond dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 huwa emendat kif ġej:

L-Artikolu 2a(e) jinbidel b'dan li ġej:

              '(e) l-għoti ta’ finanzjament, għajnuna finanzjarja, pariri tekniċi, għajnuna jew taħriġ relatat ma’ attivitajiet militari, ħlief f’dak li għandu x’jaqsam mal-punti stipulati fl-Anness III, jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li tali finanzjament, għajnuna finanzjarja, parir tekniku, għajnuna jew taħriġ huma maħsuba biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja; u

(ii) tkun saret notifika lill-Kumitat stabbilit b'paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni 751 (1992) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti mill-Gvern Federali tas-Somalja jew, b'mod alternattiv, mill-Istat Membru li jkun qed jipprovdi l-iffinanzjar, l-għajnuna finanzjarja, il-pariri tekniċi, l-għajnuna jew it-taħriġ, minn tal-inqas ħamest ijiem bil-quddiem ta' kull għotja ta' tali ffinanzjar, għajnuna finazjarja, parir tekniku, għajnuna jew taħriġ intenzjonati biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja biex jipprovdu sigurtà għall-poplu tas-Somalja, skont il-paragrafi 3 u 4 tal-UNSCR 2142 (2014);

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 24, 29.01.2003, p. 2.

[2]               ĠU L 105, 27.04.2010, p. 17.

[3]               ĠU L 24, 29.01.2003, p. 2.

[4]               ĠU L …