52014JC0009

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Għal qasam marittimu mondjali miftuħ u sigur: l-elementi għal Strateġija ta’ Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea /* JOIN/2014/09 final */


KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Għal qasam marittimu mondjali miftuħ u sigur: l-elementi għal Strateġija ta’ Sigurtà Marittima tal-Unjoni Ewropea

I           Introduzzjoni

L-interessi marittimi tal-Ewropa huma marbuta b’mod fundamentali mal-benesseri, il-prosperità u s-sigurtà taċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħha. Madwar 90 % tal-kummerċ estern tal-UE u 40 % tal-kummerċ intern tagħha jiġi ttrasportat bil-baħar. L-UE hija t-tielet l-akbar importatur u l-ħames produttur dinji f'dak li għandu x'jaqsam ma' sajd u akwakultura. Ta' kull sena aktar minn 400 miljun passiġġier jgħaddu mill-portijiet tal-UE. Il-kummerċ ħieles, it-trasport, it-turiżmu, id-diversità ekoloġika kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku jiddependu fuq l-ibħra u l-oċeani internazzjonali sikuri. Jekk ma jkunx hemm protezzjoni kontra l-firxa wiesgħa ta' theddid u riskji marittimi, l-ibħra u l-oċeani jistgħu jsiru arena għall-kunflitti internazzjonali, għat-terroriżmu jew għall-kriminalità organizzata.

Huwa f’dan l-isfond li l-Unjoni Ewropea qiegħda taħt pressjoni biex tagħmel aktar, biex taġixxi b'aktar ħeffa u b’inqas riżorsi, billi ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-setturi differenti u l-awtoritajiet nazzjonali. Billi d-dimensjonijiet interni u esterni tas-sigurtà marittima huma dejjem aktar interkonnessi, hija meħtieġa l-għaqda kondiviża minn dawk kollha involuti fir-rigward tal-għan u l-isforz, sabiex ikun hemm koerenza bejn setturi speċifiċi u politiki nazzjonali, kif ukoll sabiex l-awtoritajiet ċivili u militari jkunu jistgħu jirreaġixxu b’mod effettiv flimkien. Il-Forza Navali tal-Unjoni Ewropea fis-Somalja (EUNAVFOR) — l-Operazzjoni ta' Atalanta flimkien mal-assistenza sostanzjali tal-UE għall-kooperazzjoni wrew l-effettività ta’ strateġija konġunta.

F’Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-importanza li jiġu mħarsa l-interessi strateġiċi tal-UE għas-sigurtà marittima kontra firxa wiesgħa ta’ riskji u theddid. Fir-rigward ta’ għanijiet speċifiċi, id-dikjarazzjoni ta’ Limassol tal-2012 tal-UE enfasizzat “l-importanza ta’ governanza marittima mtejba flimkien ma' aktar kooperazzjoni”.[1] L-istrateġija tal-UE dwar is-sigurtà marittima tista’ tistabbilixxi s-sisien sabiex l-UE tikkontribwixxi għal governanza tajba fuq il-baħar bbażata fuq ir-regoli, kemm fl-ibħra territorjali kif ukoll internazzjonali.

L-istrateġija tal-UE dwar is-sigurtà marittima tgħin sabiex ikun hemm approċċ strateġiku transettorjali għas-Sigurtà Marittima[2]. Il-koordinazzjoni tal-UE u l-iżvilupp ta’ aktar sinerġiji mal-Istati Membri u bejniethom, kif ukoll il-kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali għandhom ikunu l-punt tat-tluq skont it-Trattati u l-leġiżlazzjoni eżistenti, kif ukoll il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) bħala s-sies ta’ dan l-approċċ.

Strateġija bħal din mhux se tipprova toħloq strutturi, leġiżlazzjoni jew programmi ġodda, iżda se taħdem sabiex tibni u ssaħħaħ il-kisbiet eżistenti. Għandha tiġi żgurata konsistenza mal-politiki eżistenti tal-UE.[3]

Il-kooperazzjoni ma’ inizjattivi eżistenti intergovernattivi u internazzjonali għandhom jissaħħu.[4] Fl-aħħar nett, l-iżvilupp ta’ approċċ ikkoordinat għas-sigurtà marittima se jsaħħaħ ukoll il-potenzjal tat-tkabbir u tal-impjiegi fl-ibħra tagħna kif stabbilit fl-istrateġija tal-UE għat-tkabbir — Ewropa 2020.[5]

II         L-interessi għas-sigurtà marittima

L-interessi strateġiċi ewlenin tal-UE għas-sigurtà marittima huma:

· Il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-preservazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali b'kollaborazzjoni mas-sħab internazzjonali. Dan jippromwovi l-kooperazzjoni marittima internazzjonali kif ukoll l-istat tad-dritt, jaġevola l-kummerċ marittimu u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli.

· Il-protezzjoni tal-UE kontra t-theddid għas-sigurtà marittima flimkien mal-protezzjoni tal-infrastruttura marittima kritika bħall-portijiet u t-terminali, l-installazzjonijiet lil hinn mill-kosta, il-pipelines tal-baħar, il-kejbils tat-telekomunikazzjoni, ir-riċerka xjentifika u l-proġetti għall-innovazzjoni kif ukoll attivitajiet ekonomiċi oħra fuq il-baħar.

· Il-kontroll effettiv tal-fruntieri marittimi esterni tal-Unjoni li jimpedixxi l-attivitajiet illegali.

· Il-protezzjoni tal-katina tal-provvista globali tal-UE, il-libertà tat-tbaħħir, id-dritt tal-bastimenti li jtajru l-bnadar tal-Istati Membri tal-UE li jkollhom passaġġ innoċenti, kif ukoll is-sikurezza u s-sigurtà tal-baħħara u l-passiġġieri tagħhom.

· Il-prevenzjoni tas-sajd illegali, mhux regolat u mhux irrappurtat (IUU).

III        It-theddid għas-sigurtà marittima

It-theddid għas-sigurtà marittima għandu bosta aspetti, huwa ta’ riskju għaċ-ċittadini Ewropej u huwa ta’ ħsara għall-interessi strateġiċi tal-UE. Dan it-theddid għas-sigurtà marittima għandu serje ta’ impatti f’diversi setturi ta’ politika. Fenomeni soċjali, ekonomiċi u ambjentali bħat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni tal-ekosistemi tal-baħar u t-tnaqqis tar-riżorsi naturali li għandhom impatt fuq iż-żoni kostali, l-ibħra u l-oċeani tal-Istati Membri tal-UE u ta' pajjiżi oħra għandhom konsegwenzi diretti u indiretti għas-sigurtà marittima. It-theddid għas-sigurtà marittima huwa dan li ġej:

· It-tilwim territorjali marittimu, l-atti ta’ aggressjoni u l-kunflitt armat bejn l-Istati.

· Il-proliferazzjoni ta’ armi tal-qerda tal-massa, inkluż it-theddid kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u nukleari.  

· Il-piraterija marittima u s-serq ta' fuq il-baħar bl-armi.

· It-terroriżmu u atti intenzjonati oħra mhux skont il-liġi fuq vapuri, merkanzija u passiġġieri, portijiet u faċilitajiet tal-portijiet kif ukoll infrastrutturi marittimi kritiċi flimkien mal-attakki ċibernetiċi fuq is-sistemi tal-informazzjoni.

· Il-kriminalità transfruntiera u dik organizzata, inkluż it-traffikar bil-baħar tal-armi, tan-narkotiċi u tal-bnedmin, kif ukoll is-sajd IUU.

· Il-konsegwenzi potenzjali ta’ skariku illegali jew ta' tniġġis tal-baħar aċċidentali għall-ambjent.

· L-impatt potenzjali tad-diżastri naturali, l-avvenimenti estremi u t-tibdil fil-klima fuq is-sistema tat-trasport marittimu u b’mod partikolari fuq l-infrastruttura marittima.

· Il-kundizzjonijiet fuq il-baħar u fiż-żona kostali li jdgħajfu l-potenzjal għat-tkabbir u l-impjiegi fis-setturi tal-baħar u marittimi.

IV        L-għan ta' din l-istrateġija

Minħabba l-kumplessità ta' strumenti politiċi eżistenti u tal-ammont kbir ta’ atturi u ta' leġiżlazzjoni involuti fil-livelli nazzjonali u tal-UE, din l-istrateġija għandha tkun inklużiva, komprensiva u tibnu fuq il-kisbiet eżistenti.

Eżempju tajjeb huwa l-approċċ komprensiv tal-UE kontra l-piraterija lil hinn mill-kosta tas-Somalja. Dan jeħtieġ azzjoni multilaterali li tintegra l-kooperazzjoni ċivili u tad-difiża; it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u l-iżvilupp tas-sħubijiet; l-investigazzjonijiet finanzjarji u ġuridiċi; u l-isforzi diplomatiċi lokali, reġjonali u internazzjonali u l-impenji politiċi, kif ukoll ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-kooperzzjoni mal-industrija.

L-għan ta’ din l-istrateġija huwa li jiġi ffaċilitat approċċ transettorjali għas-sigurtà marittima. Dan jista’ jintlaħaq permezz ta' dawn l-erba’ objettivi strateġiċi: 

a. Isir l-aħjar użu tal-kapaċitajiet eżistenti f'livell nazzjonali u Ewropew

Kull Stat Membru, tul iż-żmien, żviluppa s-sistemi, l-istrutturi u l-approċċ tiegħu għas-sigurtà marittima tiegħu, mingħajr ma jkun hemm metodu uniku li jwassal għas-suċċess. Dawn l-isforzi huma appoġġjati minn aġenziji tal-UE bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u ċ-Ċentru Satellitari tal-Unjoni Ewropea (EUSC), kif ukoll l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (FRONTEX) u l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), li żviluppaw sistemi speċifiċi għas-settur u kapaċitajiet għas-sorveljanza marittima. Sabiex jiġi żgurat l-aħjar rispons għat-theddid, din l-istrateġija għandha tappoġġja lill-awtoritajiet u lill-aġenziji relevanti fil-livelli kollha fl-isforzi tagħhom sabiex isaħħu l-effiċjenza tas-sigurtà marittima u sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transettorjali u transkonfinali fost il-partijiet interessati kollha mis-sigurtà marittima.

b. Il-promozzjoni ta' sħubijiet effettivi u kredibbli fil-qasam marittimu globali

Minħabba n-natura ġenwinament internazzjonali tal-konnessjonijiet bil-baħar, il-ktajjen ta’ forniment globali u t-tbaħħir, l-interessi marittimi strateġiċi tal-UE jiġu ssalvagwardjati l-aħjar permezz ta' sħubijiet ma’ partijiet interessati oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-kapaċità tal-Unjoni li tikkoopera ma' sħab internazzjonali għandha impatt dirett fuq il-ħila li għandha biex tissalvagwardja l-interessi tagħha. L-istrateġija għandha tpoġġi lill-UE bħala sieħba kredibbli, affidabbli u effettiva fil-qasam marittimu globali, lesta u kapaċi terfa’ r-responsabbiltajiet internazzjonali tagħha.

c. Il-promozzjoni tal-kosteffiċjenza

Fi żmien meta l-infiq pubbliku qiegħed taħt pressjoni u r-riżorsi huma limitati, din l-istrateġija għandha twassal għal approċċ kosteffiċjenti rigward is-Sigurtà Marittima. Is-sigurtà marittima tal-UE hija fil-biċċa l-kbira organizzata fuq sistemi nazzjonali u approċi speċifiċi għas-settur li potenzjalment jagħmlu l-operat aktar għoli u anqas effiċjenti. L-operazzjonijiet marittimi għandhom isiru aktar effiċjenti permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni transettorjali, li jippermetti komunikazzjoni aħjar bejn sistemi nazzjonali u tal-UE, u joħloq interfaċċji ċivili-militari effettivi, kif ukoll isarraf ir-riżultati mir-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku f’politika.

d. It-tisħiħ tas-solidarjetà fost l-Istati Membri

Attakk terroristiku bil-baħar jew l-isfrattu ta' rotta tal-baħar jew ta' diversi rotot tal-baħar ewlenin jista’ jkollhom impatt katastrofiku fuq diversi Stati Membri, fuq l-UE kollha kemm hi jew fuq pajjiżi terzi. Hija meħtieġa l-kooperazzjoni tal-partijiet interessati kollha mis-sigurtà marittima sabiex jiġu impediti, individwati u jkun hemm rispons għall-inċidenti.

In-nuqqas ta’ ftehim dwar iż-żoni marittimi, bħad-delimitazzjoni taż-żoni ekonomiċi esklussivi jista’ jippreżenta theddida addizzjonali f’ċerti oqsma, bħalma huwa l-Baħar tal-Mediterran.

Din l-istrateġija għandu jkollha l-għan li tkabbar l-appoġġ reċiproku ta' bejn l-Istati Membri u għandha tippermetti l-ippjanar konġunt ta’ kontinġenza, il-ġestjoni tar-riskju, il-prevenzjoni tal-kunflitti u r-rispons għall-kriżijiet, kif ukoll il-ġestjoni tal-kriżijiet.

V         L-organizzazzjoni tar-rispons tal-UE: it-tisħiħ u t-titjib tal-kisbiet eżiżtenti

Strateġija li għandha l-għan li ttejjeb il-governanza marittima għandu jkollu erba’ prinċipji fundamentali:

· Approċċ transettorjali: is-sħab kollha mill-awtoritajiet ċivili u militari (l-eżekuzzjoni tal-liġi, il-kontroll fuq il-fruntieri, l-ispezzjonijiet tas-sajdiet u tad-dwana, l-awtoritajiet ambjentali, is-sorveljanza fuq it-tbaħħir, ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-forzi navali) sa dawk mill-indutrija (it-tbaħħir, is-sigurtà privata, t-teknoloġija tal-komunikazzjoni, l-appoġġ għall-kapaċità, is-sħab soċjali) iridu jikkooperaw aħjar.

· L-integrità funzjonali: ma għandu jkun hemm l-ebda tibdil fil-mandat, fir-responsabbiltajiet jew fil-kompetenzi ta' kull parti interessata. L-attenzjoni għandha minflok tkun fuq liema funzjoni speċifika jew kompitu jistgħu jinkisbu aħjar billi jsir xogħol ma’ partijiet interessati oħra.

· Il-multilateraliżmu marittimu: il-prinċipju ewlieni għal meta jiġu ttrattati kwistjonijiet kumplessi li jeħtieġu rispons internazzjonali u kooperazzjoni fil-qasam marittimu huwa l-multilateraliżmu. L-UE tkun aktar b’saħħitha u l-interessi tagħha jiġu mħarsa bl-aħjar mod meta mas-sħab internazzjonali hija ssemma' leħen wieħed.

· Rispett għar-regoli u l-prinċipji: L-UE tippromwovi r-rispett għad-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, kif ukoll konformità sħiħa ma UNCLOS u l-għanijiet tagħha bħala l-elementi ewlenini għall-governanza tajba fuq il-baħar ibbażata fuq ir-regoli.

Dawn l-erba’ prinċipji jiġu applikati f’ħames oqsma ta’ kooperazzjoni aħjar.

a.         Azzjoni esterna

L-azzjoni esterna tal-UE li tappoġġa s-sigurtà marittima u l-governanza tvarja minn djalogi politiċi ma’ sħab internazzjonali sa appoġġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet marittimi u tal-operazzjonijiet militari li jxejnu l-piraterija u s-serq bl-armi ta' fuq il-baħar. L-UE tista’ ttejjeb il-mod u l-grad ta' fejn tista' tikkapitalizza fuq l-aħjar prattiki ta’ politika interna li jkunu marbutin mal-aspetti tas-sigurtà marittima sabiex tippromwovi governanza aħjar tal-oċeani. Dan jista’ jintuża pereżempju meta jkunu qed jiġu appoġġati pajjiżi biex l-istandards tal-portijiet u l-faċilitajiet tal-portijiet u s-sigurtà tal-bastimenti tagħhom jogħlew sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi Internazzjonali ta' Sigurtà għall-Vapuri u għall-Faċilitajiet tal-Portijiet (ISPS) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), u r-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu kif ukoll tal-Konvenzjoni dwar id-Dokumenti tal-Identità tal-Baħħara tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, sabiex jiġu żgurati s-sikurezza u s-sigurtà tal-baħħara.

Is-suċċess tal-Operazzjoni EUNAVFOR ta' ATALANTA li skoraġġiet il-piraterija 'l barra mill-kosta tas-Somalja flimkien mal-assistenza sostanzjali pprovduta mill-UE għall-kooperazzjoni, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, kkontribwew sabiex jitnaqqas dak li bażikament jikkawża l-insigurtà marittima. Dan għandu jiġi analizzat sabiex jiġu identifikati t-tagħlimiet li jistgħu jiġu applikati bnadi oħra. Mudell ieħor li ta riżultati pożittivi fil-ġlieda kontra l-piraterija fl-Asja tax-Xlokk — u li ra l-involviment individwali ta' Stati Membri tal-UE — huwa l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Reġjonali dwar il-Ġlieda kontra l-Piraterija u l-Attakki bl-Armi fuq il-bastimenti fl-Asja (ReCAAP). Dawn l-eżempji juru kemm issarraf l-azzjoni ta' kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima.

Aspetti reġjonali

Xi żoni marittimi fil-qasam marittimu globali huma, minħabba l-valur strateġiku tagħhom jew għax għandhom il-potenzjali li joħolqu kriżijiet jew instabilità, ta’ importanza partikolari għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

Il-Mediterran, l-Atlantiku u n-network globali ta’ rotot tal-baħar minn u lejn l-Asja, l-Afrika u l-Amerika ta’ Fuq huma ta’ importanza fundamentali.

L-ilmijiet li jiċċirkondaw il-kontinent Afrikan, inkluż il-Golf ta' Ginea, iridu jingħataw aktar attenzjoni kif ukoll approċċ li jkun ikkoordinat internazzjonalment.[6] Il-livelli dejjem jiżdiedu ta’ piraterija u ta’ serq bl-armi fuq il-baħar fil-Golf tal-Ginea jenfasizzaw il-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata tal-UE, flimkien mal-assistenza eżistenti u futura għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-UE li għandha tintrabat mal-azzjonijiet meħuda mill-Istati fir-reġjun.

Il-Golf ta’ Aden sar żona importanti għall-kooperazzjoni, minħabba l-preżenza tas-sħab internazzjonali li jipproteġu t-tbaħħir vulnerabbli u li jiġġieldu l-piraterija. Il-preżenza tal-UE fil-Golf ta’ Aden permezz tal-Operazzjoni EUNAVFOR ta' ATALANTA, flimkien ma’ appoġġ estensiv pprovdut minn strumenti oħra ta’ kooperazzjoni tal-UE, għandha effett pożittiv fuq oqsma oħra ta’ politika u tkabbar aktar il-kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar. Is-suċċess tal-Operazzjoni Atalanta flimkien ma’ azzjonijiet ta’ kooperazzjoni fuq terminu twil għandhom jinżammu sabiex jiġi żgurat li fil-futur jkun evitat il-qawmien mill-ġdid tal-piraterija.

L-UE tappoġġja l-iżvilupp tal-Istrateġija Marittima Integrata tal-Afrika tal-2050 u tinsab lesta biex tikkoopera mal-Unjoni Afrikana u l-Istati Membri tagħha dwar kwistjonijiet marittimi.

Iż-żoni marittimi fil-Lvant u fix-Xlokk tal-Asja għandhom għadd kbir ta’ sfidi. Żvilupp ekonomiku qawwi li mhux imqassam b'mod ekwu, popolazzjoni li qed tikber u dikjarazzjonijiet konflittwali dwar territorji u riżorsi marittimi joħolqu taħlita qawwija ta’ tilwim, instabilità u kriżijiet.

Il-ftuħ ta’ rotot ta’ trasport possibbli mill-Arktiku u l-isfruttament tar-riżorsi naturali u minerali tiegħu se joħolqu sfidi ambjentali partikolari li jridu jiġu ġestiti bl-akbar kura, u l-kooperazzjoni bejn is-sħab se tkun importanti ħafna.[7]

L-oqsma għal kooperazzjoni aħjar

L-Unjoni

· għandha tiżgura approċċ ikkoordinat dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà marittima f’forums internazzjonali bħall-G8, in-NU, l-IMO, l-ILO, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-organizzazzjonijiet subreġjonali tagħha, l-Unjoni għall-Mediterran, l-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-Interpol u ma’ pajjiżi terzi.

· fuq bażi regolari għandha tippjana, eżerċizzji marittimi li jtajru l-bandiera tal-UE ma’ pajjiżi terzi, fil-kuntest ta' operazzjoni marbuta mal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) jew ma' taħriġ tal-UE, sabiex tittejjeb il-viżibilità tal-UE fil-qasam marittimu globali.

· għandha tfittex li ssaħħaħ u tappoġġa r-rispons reġjonali tal-UE f’żoni oħra madwar id-dinja milquta mill-piraterija marittima, l-aktar billi tagħmel l-aħjar użu possibbli tal-inizjattivi taħt il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), kif ukoll issaħħaħ, permezz ta’ azzjoni esterna, t-tħejjija għall-kontinġenzi marittimi futuri.

· għandha, filwaqt li tkompli tibni fuq il-kooperazzjoni li diġà hemm tal-UE, twettaq attivitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sigurtà marittima ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali, sabiex tkompli ttejjeb 1) il-governanza marittima u l-istat tad-dritt, inklużi l-ġustizzja kriminali u l-infurzar tal-liġi marittima; 2) is-sigurtà tat-trasport marittimu u tal-port għal standards aċċettati internazzjonalment; 3) il-kapaċità li jiġġestixxu l-fruntieri tagħhom; u 4) l-isforzi fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

· għandha tappoġġja pajjiżi terzi sabiex iwaqqfu u jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom fit-Tfittxija u Salvataġġ f’konformità mal-obbligi internazzjonali.

· għandha tistinka sabiex ittejjeb l-arranġamenti dwar il-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn is-sħab internazzjonali, inklużi l-pajjiżi ġirien, kif tħeġġeġ l-UE għar-reġjun kollu tal-Oċean Indjan.

b.         Is-sensibilizzazzjoni marittima, is-sorveljanza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni

Aċċess għal informazzjoni u intelligence f’waqthom u preċiżi huwa kruċjali sabiex tiġi sabbilita “stampa” dwar is-sensibilizzazzjoni marittima komuni li twassal għal operazzjonijiet aħjar u għal użu aktar effiċjenti tar-riżorsi skarsi. Diġà sar progress permezz ta’ għadd ta’ sistemi tal-UE li jservu oqsma ta’ politika differenti, u li f’xi każijiet imorru lil hinn minn settur wieħed.

Dawn is-sistemi jinkludu: SafeSeaNet, il-monitoraġġ tat-traffiku marittimu u s-sistema tal-informazzjoni tal-Unjoni għall-ibħra tal-UE, ġestita mill-EMSA, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE; is-Sistema Komuni għall-Komunikazzjoni u l-Informazzjoni Urġenti (CECIS) li tiffaċilita l-komunikazzjoni waqt inċidenti u diżastri, ġestita mid-Direttorat Ġenerali għall-Għajnuna Umanitarja tal-Kummissoni (ECHO); is-Sistema għall-Monitoraġġ tal-Bastimenti, ġestita mill-EFCA u l-Istati Membri, li timxi mal-Politika Komuni tas-Sajd; in-Netwerk ta' Sorveljanza Marittima (MARSUR) ġestit mill-EDA li jimxi mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni; is-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR)[8] li ttejjeb is-sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni u l-kapaċità ta' reazzjoni fuq il-fruntieri esterni tal-Istati Membri u ta' FRONTEX, l-Aġenzija tal-UE għall-frunitieri; barra minn hekk, l-ambjent komuni għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni (CISE) għall-qasam marittimu tal-UE li attwalment qed jiġi żviluppat b'mod konġunt mill-UE u mill-Istati Membri tal-UE u taż-ŻEE se jkompli jsaħħaħ u joħloq qafas ta' interoperabbiltà bejn is-sistemi nazzjonali u dawk tal-UE, b'mod partikulari bl-użu ta' mudell ta' dejta komuni.

Is-sorveljanza marittima hija fil-biċċa l-kbira organizzata skont linji settorjali u nazzjonali. Dan jista’ jirriżulta f’użu mhux daqshekk tajjeb tal-kapaċità ta’ sorveljanza disponibbli. L-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-UE huma appoġġjati minn sistemi u approċi settorjali tal-UE. Soluzzjonijiet eżemplari sabiex il-kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar titjieb fil-livell nazzjonali u Ewropew ġew żviluppati fil-qafas tal-EUROSUR. L-awtoritajiet pajżana u militari huma meħtieġa li jaqsmu informazzjoni dwar inċidenti u pattulji permezz taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni għas-sorveljanza fuq il-fruntieri kif ukoll jaqsmu intelligence permezz tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali, u sabiex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom meta jirrispondu għal theddid fil-fruntieri esterni.

F'konformità mal-objettivi tas-sigurtà marittima tal-UE, Koperniku, il-Programm Ewropew ta' Monitoraġġ tad-Dinja, diġà qed jiżviluppa approċċ komprensiv għall-użu aktar ikkoordinat tas-sistemi tal-ispazju u tat-teknoloġiji ta’ telerilevament u l-applikazzjonijiet li jiġu minnhom, għas-servizzi transettorjali ta’ sorveljanza marittima.

It-teknoloġiji tal-ispazju u tas-sorveljanza mill-ajru jippermettu l-osservazzjoni ta’ żoni b’aċċess diffiċli kif ukoll jikkontribwixxu sabiex id-detezzjoni u t-traċċar ta’ dgħajjes żgħar użati għall-kuntrabandu tad-droga, għall-piraterija u għall-migrazzjoni jitjiebu. Sa mill-2013, il-Frontex, l-EMSA u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE (EUSC) qed jistabbilixxu servizz sabiex jiġu applikati f'daqqa għodod ta’ sorveljanza, inklużi sistemi li jintraċċaw il-bastimenti, xbihat bis-satellita u ajruplani bl-ekwipaġġ għas-sorveljanza. Komponenti minn dan is-servizz għall-osservazzjoni tad-dinja, mill-2014 se jiġu appoġġjati minn Koperniku.

Is-sensibilizzazzjoni martittima, is-sorveljanza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni għandhom jiġu appoġġjati minn attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni sabiex titjieb u tissaħħaħ l-effikaċja tagħhom.

L-oqsma għal kooperazzjoni aħjar   

· L-Istati Membri għandhom jiġu mistiedna biex jiżguraw li sal-aħħar tal-2014 l-awtoritajiet pajżana u militari kollha responsabbli mis-sorveljanza tal-fruntieri marittimi jikkondividu l-informazzjoni permezz tal-istampa tas-sitwazzjoni nazzjonali ta' EUROSUR, u jikkooperaw permezz taċ-ċentri nazzjonali ta’ koordinazzjoni ta' EUROSUR fuq bażi regolari.

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, għandhom ikomplu jtejbu l-kooperazzjoni ta' bejn iċ-ċivil u l-militar u dik transkonfinali, kif ukoll l-interoperabbiltà ta’ sistemi għas-sorveljanza marittima u għas-sigurtà marittima, bil-għan li tiġi stabbilita “sensibilizzazzjoni komprensiva” sabiex tittejjeb it-twissija bikrija u tkun faċli reazzjoni f’waqtha.

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jiżguraw approċċ konsistenti fl-ambitu tal-ħidma kontinwa tal-EDA, l-EFCA, l-EMSA, l-ESA, l-EUSC, il-Frontex, kif ukoll fil-Programm ta' Monitoraġġ tad-Dinja, (Koperniku) u GALILEO/EGNOS (is-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja), sabiex tkun appoġġjata s-sorveljanza marittima fl-UE u fil-qasam marittimu dinji, u waqt l-operat tal-missjonijiet tal-PSDK.

c.         L-iżvilupp tal-kapaċitajiet kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

Approċċ konsistenti huwa meħtieġ sabiex jiġu żviluppati l-kapaċitajiet meħtieġa u kosteffikaċi. Dan għandu jinkludi aktar l-involviment ta’ atturi pubbliċi u privati inklużi s-sħab soċjali, u għandu jibni fuq il-kisbiet eżistenti. Frontex, l-aġenzija Ewropea għall-ġestjoni tal-fruntieri, tikkoordina l-użu tar-riżorsi u tal-persunal ipprovduti mill-awtoritajiet tal-fruntieri ta’ Stati Membri differenti f’operazzjonijiet konġunti. It-titjib fil-kapaċità ta' reazzjoni għall-attakki terroristiċi fuq bastimenti fl-ibħra tal-UE u l-qsim tal-aħjar prattiki kif żviluppati min-netwerk Atlas tal-unitajiet tal-pulizija speċjali tal-intervent mill-Istati Membri, juru eżempji oħra ta’ tisħiħ tal-kapaċitajiet. 

L-inizjattiva “akkomunament u kondiviżjoni” pproklamata mill-EDA għandha l-għan li takkomuna u tikkondividi livell akbar ta' kapaċitajiet militari fost l-Istati Membri tal-UE, u tikkontribwixxi biex jintużaw aħjar il-kapaċitajiet (militari) skarsi. Dan itejjeb l-effikaċja, is-sostenibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kosteffiċjenza ta’ dawn il-kapaċitajiet.

L-oqsma għal kooperazzjoni aħjar

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jidentifikaw l-oqsma tal-kapaċitajiet u t-teknoloġiji li jistgħu jibbenefikaw mill-armonizzazzjoni għal interoperabbiltà aħjar, u jiżviluppaw pjanijiet direzzjonali tekniċi li jagħtu direzzjoni lill-proċess u lill-għanijiet ewlenin sabiex jintlaħaq dan.

· Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mar-Rappreżentant Għoli għandha tesplora l-valur miżjud tal-kapaċitajiet b'użu doppju li jappartjenu għall-UE, ġestiti jew mikrija minnha, fil-qasam tal-kapaċità kritika bħalma hija s-sorveljanza marittima favur l-Istati Membri.[9]

· Il-Kummissjoni għandha tesplora kif kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn u mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu attivitajiet ta’ sorveljanza marittima tista' tikkontribwixxi sabiex jissaħħu l-kontroll fuq il-fruntiera, l-infurzar tal-liġi, kif ukoll it-Tfittxija u s-Salvataġġ fi ħdan il-kunċett eżistenti ta’ Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.

· Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-sigurtà tal-portijiet, il-faċilitajiet tal-portijiet u l-bastimenti fi ħdan l-UE/taħt il-bandiera tal-UE għandha tkun kompletament applikata u, fejn meħtieġ tiġi aġġornata jew żviluppata aktar. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jippromwovu aktar l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-analiżi tar-riskju u l-informazzjoni dwar theddid, f’kooperazzjoni, fejn ikun meħtieġ, mas-sħab soċjali li jaġixxu fis-settur tal-portijiet u tat-trasport marittimu.

· Il-Kummissjoni, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri għandha tikkoordina l-isforzi tagħhom ta’ riċerka sabiex jiġu żviluppati l-bażi tal-għarfien, it-teknoloġiji kif ukoll mezzi oħra tagħhom li jżidu l-kapaċitajiet tagħhom ta' previżjoni, sorveljanza u mitigazzjoni tar-riskju.

d.         Il-ġestjoni tar-riskju, il-protezzjoni tal-infrastruttura marittima kritika u r-reazzjoni għall-kriżijiet.

Filwaqt li l-għanijiet ewlenin jibqgħu l-mitigazzjoni tar-riskju u l-prevenzjoni ta’ inċidenti, il-protezzjoni tal-istatus tal-ambjent marittimu tal-UE, l-infrastruttura marittima kritika tiegħu u l-kapaċità tiegħu ta' reazzjoni għall-kriżijiet tiddependi fuq livell għoli ta’ preparazzjoni, antiċipazzjoni u reazzjoni. Sett ta’ azzjonijiet interdipendenti diġà jinsab fis-seħħ, iżda l-UE tista’ ttejjeb il-kapaċità tagħha ta’ reazzjoni. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġu msaħħa l-kapaċitajiet u l-arranġamenti eżistenti bħalma hija l-leġiżlazzjoni marbuta mas-sigurtà tal-bastimenti u l-faċilitajiet tal-portijiet li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi ta’ sigurtà għall-bastimenti, il-portijiet u l-aġenziji tal-gvern. L-involviment tas-settur privat huwa wkoll f’dan ir-rigward fattur ewlieni għas-suċċess.

L-awtoritajiet doganali tal-UE jwettqu valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-merkanzija li għandha tidħol qabel mal-merkanzija titgħabba fuq bastiment fl-Istat barrani. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju u s-sigurtà tal-katina tal-provvista tisħaq dwar l-importanza ta’ aktar kooperazzjoni transettorjali.[10] Din teħtieġ aktar kapaċità għall-ġestjoni tar-riskju sabiex ikun hemm monitoraġġ fuq ir-riskji assoċjati maċ-ċaqliq tal-merkanzija billi jissaħħaħ il-qafas għall-ġestjoni tar-riskju tal-UE inklużi s-sistemi komprensivi u avvanzati ta’ tagħrif bil-quddiem dwar il-merkanzija u d-dipendenza fuq operaturi ekonomiċi awtorizzati, sabiex jiġi ggarantit kummerċ mhux interott.

Eżempju ieħor huwa l-Mudell Komuni tal-Analiżi Integrata tar-Riskju żviluppat mill-Frontex, li jippermetti identifikazzjoni u reazzjoni veloċi għall-isfidi li jiġu ffaċċjati fuq il-fruntieri esterni tal-baħar.

Bħala parti mill-protezzjoni tal-bastimenti fuq il-baħar, l-użu ta’ persunal tas-siġurtà armat ingaġġat b’kuntratt privat (PCASPs) żdied. Diversi pajjiżi stabilixxew regoli nazzjonali li jirregolaw l-użu u l-ħidma tal-PCASPs. Huwa mixtieq li jintlaħaq standard komuni u vinkolanti għall-PCASPs abbord il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE.

L-oqsma għal kooperazzjoni aħjar

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, b’approċċ ikkoordinat mal-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ kondiviż u komprensiv rigward il-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà marittima sabiex tinkiseb analiżi komuni tar-riskju. Dan jgħin sabiex jiġu identifikati oqsma ta’ interess għas-Sigurtà Marittima fil-qasam marittimu dinji u sabiex tiġi ffaċilitata l-bidla minn approċċ marbut mal-pattulji għal dak ibbażat fuq l-intelligence.

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jieħdu inizjattivi rigward titjib fil-kooperazzjoni transfruntiera u dik ta' bejn iċ-ċivil u l-militar, li jirreaġixxu għall-kriżijiet marittimi u għall-ippjanar ta’ kontinġenza marbut ma' theddida speċifika għas-sigurtà.

· L-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti għandhom jivvalutaw ir-reżiljenza tat-trasport marittimu għad-diżastri naturali u t-tibdil fil-klima, u jieħdu l-azzjonijiet xierqa kif ukoll jaqsmu l-aħjar prattiki sabiex jitnaqqsu r-riskji relatati.

· Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-possibiltà li tipproponi r-rekwiżiti tal-UE li jirregolaw l-użu tal-PCASPs, sabiex jigi żgurat standard komuni għall-kumpaniji tas-sigurtà mill-Istati Membri u abbord il-bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE. L-UE għandha tfittex standards obbligatorji għall-PCASPs f'livell internazzjonali permezz tal-IMO.

· Il-Kummissjoni tintrabat li tiżgura leġiżlazzjoni u miżuri komplementari u koerenti sabiex titjieb is-sigurtà marittima u s-sigurtà tal-katina tal-provvista.

e.         Ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ marbutin mas-sigurtà marittima

It-teknoloġiji u l-proċessi innovattivi qed jikkontribwixxu għal titjib fl-effiċjenza, is-sostenibbiltà u l-effettività tal-operazzjonijiet. Ir-riċerka soċjoekonomika u l-innovazzjoni jistgħu jgħinu sabiex jitnaqqsu s-sitwazzjonijiet li jwasslu għall-kunflitti soċjali jew għall-kriminalità marittima. Ir-riċerka dwar is-sigurtà marittima tista' tibbenefika minn viżjoni ċara rigward il-ħtiġijiet transettorjali u l-kapaċitajiet li għandhom użu doppju.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp tal-għarfien, kif ukoll l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-aġenda Tkabbir Blu.[11] Is-Seba’ Programm Kwadru tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp (FP7), u b’mod partikolari t-tema tiegħu tar-riċerka dwar is-sigurtà, diġà ta riżultati estensivi. Dawn ir-riżultati għandhom jintużaw aħjar fl-iżvilupp tal-politika u jiġu adottati fis-suq, filwaqt li jiġu sfruttati wkoll is-sinerġiji ma’ programmi tal-Istati Membri u tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) relatati mas-sigurtà marittima. 

Strateġija għas-sigurtà marittima teħtieġ sħab mad-dinja kollha għar-riċerka u l-iżvilupp. Orizzont 2020 huwa miftuħ għas-sħab internazzjonali. Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni stabbilixxa relazzjonijiet ta' kooperazzjoni ma’ sħab internazzjonali għar-R&Ż f'attivitajiet speċifiċi relatati mas-sorveljanza marittima.

L-oqsma għal kooperazzjoni aħjar

· Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri għandhom ifittxu li jgħaqqdu flimkien il-korsijiet disponibbli ta’ taħriġ relatati mas-sigurtà marittima f'Kalendarju tat-Taħriġ Marittimu komuni kif ukoll jikkunsidraw li jiftħu dawn il-korsijiet għal pajjiżi terzi sabiex jiġu miftiehma standards ta’ taħriġ komuni minimi.

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, għandhom jistabbilixxu aġenda ċivili u militari konġunta għar-riċerka dwar is-sigurtà (inklużi l-kapaċitajiet li għandhom użu doppju) sabiex jiġi evitat xogħol doppju u titjieb l-effikaċja tal-isforzi tar-riċerka.

· Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għandhom jistabbilixxu, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati tal-industrija, inklużi s-sħab soċjali, netwerk ta’ għarfien u ta' kompetenzi għall-iżvilupp fil-qasam tas-sigurtà marittima li jkun jinkludi istituti ta’ riċerka u ċentri għal studji postgradwatorji, kif ukoll jipprovdi appoġġ lill-Akkademja tax-Xogħol Marittimu tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol.

· Il-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u ma' atturi rilevanti oħrajn, għandha tkompli bl-isforzi tagħha sabiex ittejjeb il-kapaċità operattiva u teknika tal-Unjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali, sabiex jiġu identifikati u rintraċċati aħjar bastimenti żgħar.

VI        Il-konklużjonijiet u s-segwitu tagħhom

It-titjib fil-kooperazzjoni tas-sigurtà marittima tal-UE huwa biċċa xogħol enormi, iżda ta’ importanza vitali. L-UE teħtieġ kooperazzjoni transettorjali sabiex issaħħaħ ir-rispons kontra t-theddid għas-sigurtà marittima. Dan jinvolvi bosta sħab differenti f'livell nazzjonali, tal-UE kif ukoll internazzjonali. Dan huwa proċess fit-tul, li jibni fuq metodi ta’ ħidma u kisbiet eżistenti, li aktar ikunu evoluzzjoni milli revoluzzjoni. 

Is-sigurtà marittima tal-UE se tiġi fundamentalment msaħħa jekk bħala prinċipju ta’ gwida jittieħed id-dmir tal-kooperazzjoni sinċiera. Se tkompli tiġi msaħħa permezz ta’ sħubiji bejn il-partijiet interessati kollha fis-sigurtà marittima, fil-livell tal-UE kif ukoll bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Dan għandu jinkludi wkoll lill-industrija, lis-sħab soċjali u lis-soċjetà ċivili.

Ir-rwol ta' sigurtà tal-UE li dejjem qed jiżdied għandu jkun konformi mal-iżviluppi fid-dinja. Huma meħtieġa wkoll appoġġ u impenn qawwi mis-settur privat u mill-istabbilimenti tar-riċerka, li huma l-atturi ewlenin għat-titjib tas-sigurtà marittima u sabiex jiġu protetti l-interessi marittimi strateġiċi tal-UE. Għal kull qasam identifikat għandhom jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni speċifika għal kooperazzjoni aħjar.

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jaħdmu flimkien mal-Kunsill fuq oqsma identifikati, sabiex jitfassal pjan ta’ direzzjoni aktar iddettaljat. L-integrazzjoni tas-sigurtà marittima mal-politiki tal-UE f’dan ir-rigward hija kruċjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika.

* * *

[1]               Mill-Ministri Ewropej responsabbli għall-Politika Marittima Integrata.

[2]               “transettorjali” tirreferi għall-azzjonijiet jew għall-kooperazzjoni bejn id-diversi funzjonijiet tal-baħar jew marittimi (pereż. is-sigurtà marittima, il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, il-kontroll tas-sajd, id-dwana, il-kontroll tal-fruntieri, l-infurzar tal-liġi u d-difiża).

[3]               Pereżempju: Ir-Regolament (KE) Nru 725/2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet. Id-Direttiva 2005/65/KE dwar it-titjib tas-sigurtà fil-portijiet u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 324/2008 li jistabbilixxi proċeduri riveduti għal spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima.

[4]               Bħall-Forum tal-Unjoni Ewropea dwar il-Funzjonijiet tal-Gwardja Kostali, l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali jew il-Forum tal-Kapijiet tal-Flotot Navali Ewropej (CHENs).

[5]               COM(2010) 2020 finali.

[6]               Ara "Elementi għar-Rispons Strateġiku tal-UE għall-Isfidi fil-Golf tal-Ginea", JOIN (2013)31 finali, 18.12.2013.

[7]               Iż-żamma ta' kooperazzjoni internazzjonali tajba fir-reġjun Artiku u l-appoġġ għall-istabilità tar-reġjun ġew identifikati bħala l-interess strateġiku tal-Unjoni Ewropea. Ara l-Komunikazzjoni Konġunta dwar l-iżvilupp ta’ politika tal-UE dwar ir-reġjun Arktiku, JOIN(2012) 19 finali bid-data tas-26.6.2012.

[8]               Ir-Regolament (UE) Nru 1052/2013 tat-22 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-EUROSUR, ĠU L295/11 tas-6.11.2013.

[9]           F'konformità stretta mal-approċċ previst fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Difiża,                  COM(2013) 542finali.

[10]             Il-Kummissjoni ntalbet mill-Kunsill sabiex telabora l-Komunikazzjoni dwar il-ġestjoni tar-riskju, COM(2012) 793 finali, fi Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni fl-2014.

[11]             COM(2012) 494 finali.