12.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/22


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Approċċ integrat għall-wirt kulturali tal-Ewropa

(2015/C 195/04)

Relatur

:

Is-Sinjura Cristina Mazas Pérez-Oleaga (Spanja/PPE), Ministru għall-Affarijiet Ekonomiċi, it-Taxxa u l-Impjieg, Komunità Awtonoma tal-Kantabrija

Dokument ta' referenza

:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali

COM(2014) 477 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI,

Id-diversità u approċċ integrat għall-wirt kulturali

1.

jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali li għandha żewġ għanijiet, l-ewwel li tevalwa l-effetti konsegwenzjali ekonomiċi u soċjali tal-wirt kulturali, u t-tieni li tenfasizza l-fatt li l-Ewropa tinsab f'punt ta' bidla importanti fejn quddiemha għandha l-possibbiltà li tiffaċċja l-isfidi tas-settur tal-wirt kulturali permezz ta' approċċ strateġiku, globali u integrat. Il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-enfasi tal-Komunikazzjoni fuq l-importanza li naħtfu l-opportunitajiet li jippermettulna li nħeġġu t-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u l-fatt li hija titlob li jsir użu tajjeb mill-fondi Ewropej għall-wirt kulturali. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjun jaqsam il-fehma tal-Kummissjoni li l-iskambju tal-aħjar prattika u ideat jitlob li fil-livelli lokali u reġjonali Ewropej ikun hemm kooperazzjoni iktar mill-qrib u koordinata u jipproponi l-kollaborazzjoni tiegħu għal dan;

2.

jagħraf il-ħidma produttiva favur il-wirt kulturali li wettaq il-Kunsill tal-Ewropa tul ħafna żmien u jitlob kollaborazzjoni mill-qrib kemm fil-leġislazzjoni kif ukoll fil-prattika. B'rabta mat-tema tal-komunikazzjoni, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-Konvenzjoni Qafas ta' Faro dwar il-ħarsien tal-wirt kulturali, li tipproteġi l-forom kollha ta' wirt kulturali fl-Ewropa li flimkien huma bażi komuni ta' memorja, fehim reċiproku, identità, sens ta' appertenenza u kreattività (1). Fl-istess waqt il-Kumitat qiegħed isegwi mill-qrib il-forum dinji tal-UNESCO dwar il-kultura u l-industriji kulturali, b'għanijiet konformi mal-pożizzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, li jgħid li bħala parti mill-programm ta' żvilupp ta' wara l-2015, il-kultura u l-wirt kulturali għandhom jiġu integrati b'mod sħiħ b'rispett lejn il-prinċipju tas-sussidjarjetà (2);

3.

jenfasizza l-importanza tar-rwol li l-livelli kollha tal-gvern jistgħu jaqdu billi jinvolvu lill-partijiet interessati kollha fil-ħarsien u l-appoġġ tal-wirt kulturali tal-Ewropa, anki sabiex fid-dawl tal-isfidi tas-seklu 21, id-diversità tal-wirt kulturali titqies parti mill-irkupru ekonomiku. Skont it-Trattat ta' Lisbona, l-Unjoni għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u tassigura li jitħares u jiġi żviluppat il-wirt kulturali Ewropew (3). L-Unjoni għandha tikkontribwixxi fl-iżvilupp tal-kulturi tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali u l-prinċipju tas-sussidjarjetà, u tirriżalta l-wirt kulturali komuni (4). Mid-diversità kulturali, storika u soċjali jitwieldu l-innovazzjonijiet tal-ġejjieni fl-ekonomika, ix-xjenza, l-arti, il-politika u l-ħajja ta' kuljum;

4.

jenfasizza li l-wirt kulturali huwa parti integrali tas-setturi kulturali u kreattivi; huwa magħmul mill-ġabra sħiħa ta' riżorsi, beni u għarfien intanġibbli u naturali li ntirtu mill-passat, jista' jgħin fit-tfassil tal-għamla tal-lokalitajiet, il-bliet u r-reġjuni u jista' jikkontribwixxi b'mod konsiderevoli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali. Il-wirt kulturali huwa valur u assi komuni li meta jiġi rikonoxxut jista' jgħin fl-iżvilupp ta' viżjoni għall-ġejjieni. Il-preservazzjoni, l-istima u l-garanzija tal-ġejjieni tal-wirt kulturali huma missjoni, responsabbiltà u għan komuni. Dwar il-protezzjoni u s-salvagwardja tal-wirt kulturali tal-Istati Membri tal-UE, il-Kumitat jaqbel mal-Komunikazzjoni li għandha tiġi enfasizzata l-importanza tal-Artikolu 36 tat-Trattat (5) ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali (6), kif ukoll id- Direttiva 2014/60/UE dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru;

5.

iqis li r-rwol tal-wirt kulturali għadu sottovalutat. Fil-fatt l-għajnuna tal-Istat għal għanijiet marbuta mal-wirt kulturali dejjem tonqos. Fid-dawl tal-fatt li l-wirt kulturali huwa aktar minn valur ekonomiku u li r-restrizzjonijiet ekonomiċi jistgħu jaffettwawh, jeħtieġ li jinstabu wkoll modi ġodda ta’ finanzjament għall-konservazzjoni tal-wirt kulturali vast tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk il-Kumitat jilqa' l-progress li għamlet il-Kummissjoni Ewropea f'termini ta' miżuri leġislattivi billi, fil-qafas tal-modernizzazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat, espandiet il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (7) għall-għajnuna bil-għan tal-promozzjoni tal-kultura u l-konservazzjoni tal-wirt kulturali; din l-evoluzzjoni tagħraf minn naħa l-importanza tal-wirt kulturali bħala fattur tal-ħolqien tal-impjieg u min-naħa l-oħra r-rwol tiegħu bħala sors ewlieni ta' identità u valuri tas-soċjetà: żewġ elementi li għandhom jitqiesu meta tiġi allokata l-għajnuna mill-Istat;

6.

jinnota li l-wirt naturali huwa parti intrinsika tal-wirt kulturali u jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni ma tagħmilx referenza għalih. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, il-fatt li r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 (8) jirrikonoxxi b'mod ċar li “peress li l-wirt naturali ħafna drabi huwa kruċjali għat-tiswir tal-patrimonju artistiku u kulturali, il-konservazzjoni tal-patrimonju fit-tifsira ta' dan ir-Regolament għandha tiġi mifhuma li tkopri l-patrimonju naturali kollu marbut ma' patrimonju kulturali jew rikonoxxut formalment mill-awtoritajiet pubbliċi kompetenti ta' Stat Membru”;

7.

jilqa' l-idea, li ġiet introdotta riċentement fir-reviżjoni tad-Direttiva 2014/52/UE dwar l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent (9), li importanti wkoll li jitqies l-impatt potenzjali ta' proġetti pubbliċi u privati fuq il-wirt kulturali. Dawn id-dispożizzjonijiet Ewropej jistgħu jkollhom l-effett li jħeġġu l-adozzjoni ta' miżuri kulturali fil-livelli lokali u reġjonali kif ukoll impatt fuq l-iżvilupp integrat u l-vijabbiltà tal-ħarsien u l-preservazzjoni tal-patrimonju kulturali fil-qafas tal-pjani kumplessi ta' żvilupp urban u territorjali tagħhom;

8.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-qerda ta’ proprjetà kulturali kif ukoll skavi mhux awtorizzati u t-traffikar tal-artefatti kulturali jheddu s-sostenibbiltà u l-protezzjoni tal-wirt kulturali u jibqgħu kwistjoni li teħtieġ azzjoni kollettiva fil-livell Ewropew u dak internazzjonali. Tali azzjoni teħtieġ kanali miftuħin ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib li tinvolvi lill-Istati Membri tal-UE kif ukoll pajjiżi kandidati u pajjiżi terzi. Il-Kumitat jilqa’ l-introduzzjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1024/2012, u jistenna b’interess l-istabbiliment ta’ modulu tas-sistema IMI speċifikament maħsub għall-oġġetti kulturali, li għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/60/UE;

9.

huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tindirizza b'mod effettiv in-nuqqas ta' data madwar l-UE dwar il-kontribut tal-wirt kulturali lejn it-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. Għaldaqstant, jappella biex tinħoloq u tiġi implimentata bażi ta' data Ewropea li għaliha jistgħu jikkontribwixxu d-diversi proġetti żviluppati għal dan l-iskop (10). Huwa jinkoraġġixxi wkoll l-iżvilupp ta’ standards li jistgħu jkunu bażi biex isir xi analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li jistgħu juru kemm hu kbir il-kontribut ekonomiku u soċjali tal-wirt kulturali, u jiġbdu l-attenzjoni għall-benefiċċju reali ta' dan il-wirt li jservi bħala bażi għal aktar miżuri ta’ konservazzjoni;

10.

jappoġġja l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni fil-qafas tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura billi dan jistruttura l-kooperazzjoni kulturali permezz ta' għanijiet strateġiċi u jiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-Istati Membri, l-iskambju tal-aħjar prattika u t-tagħlim reċiproku. Il-KtR jitlob li flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, tiġi eżaminata l-possibbiltà li mill-2015 l-Kumitat jiġi rappreżentat fi gruppi ta' ħidma previsti fil-pjan ta' ħidma l-ġdid għall-kultura. Il-Kumitat jisħaq, barra minn hekk, li r-rappreżentanti nazzjonali għandhom jikkonsultaw lill-partijiet interessati lokali u reġjonali b'mod sistematiku sabiex ikunu jistgħu jħejju l-mistoqsijiet tagħhom bl-iktar mod infurmat possibbli (11) u jiżguraw li l-għarfien espert u l-esperjenzi akkumulati fil-livell lokali u reġjonali flimkien mal-proposti kreattivi u innovattivi mibnija fuq ir-riżultati miksuba f'oqsma prinċipali, jintużaw tajjeb permezz tat-tixrid tal-aqwa prattika;

Il-wirt kulturali u l-identità

11.

jenfasizza li l-wirt kulturali huwa pilastru tal-identità lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropea. Il-preservazzjoni u l-ħarsien tiegħu, flimkien mat-tisħiħ tal-identità soċjali fil-livell lokali u reġjonali, huma fatturi essenzjali tas-sostenibbiltà li fuqhom iserrħu l-konservazzjoni tal-valuri komunitarji għall-ġenerazzjonijiet futuri u ż-żamma tal-ispeċifiċitajiet tradizzjonali u l-għarfien. Il-wirt kulturali huwa bbażat fuq is-soċjetà u jaqdi rwol ċentrali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li huwa sors ta' żvilupp ekonomiku u ta' koeżjoni soċjali; Fl-istess waqt, il-familjarizzazzjoni mal-wirt kulturali fil-livell lokali u reġjonali għandha tkun parti integrali ta' kull kurrikulu ta' edukazzjoni formali;

12.

jenfasizza li l-valuri kulturali lokali – il-kreazzjoni artistika, letterarja, awdjoviżiva u arkitetturali, il-ħidma kreattiva, il-kultura kontemporanja, l-artiġjanat, il-folklor, il-wirt arkeoloġiku, storiku, reliġjuż u etnografiku, id-djaletti, il-mużika, l-ikel, il-gastronomija, il-karatteristiċi tal-pajsaġġ u dawk naturali, l-għarfien espert tradizzjonali, il-kompetenzi, it-tradizzjonijiet ħajjin eċċ. huma marbuta mill-qrib mal-identità li għandha l-għeruq tagħha fil-wirt materjali, intanġibbli u naturali tal-komunitajiet. Il-KtR ifakkar li l-iżvilupp kulturali fil-livell lokali jsaħħaħ l-identità ta' belt jew reġjun u l-karattru distint tagħhom; mil-lat tar-rispett reċiproku, it-taħlita tal-identitajiet differenti jgħinu jibnu l-wirt kulturali komuni. Il-prodotti kulturali maħluqa b'dan il-mod jiġġeneraw valur lokali uniku. Dawn il-fatturi lokali huma importanti wkoll fil-livell Ewropew (12);

13.

ifakkar li l-wirt kulturali intanġibbli jiddetermina l-identità ta' reġjun u li l-valorizzazzjoni tiegħu tiffavorixxi l-iżvilupp reġjonali. Josserva li fil-qafas tal-kooperazzjonijiet transkonfinali u transnazzjonali, kien hemm bosta eżempji ta' prattika tajba fil-qasam tal-iżvilupp ta' strateġiji bbażati fuq riżorsi kulturali intanġibbli. Billi tiffoka fuq aspett uniku u partikolari, hija tiġbed l-attenzjoni lejn xi ħaġa li għandna nkunu kburin biha u ssaħħaħ fl-istess waqt l-attrattiva lokali u reġjonali mil-lat tal-kompetittività tal-intrapriżi (13) filwaqt li tgħin fil-ħolqien tal-impjiegi;

14.

josserva li l-ħarsien tal-wirt kulturali jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sens ta' identità billi dan iżid l-għarfien dwar il-valuri tiegħu, billi jippromovi sens ta' appartenenza, billi joħloq konnessjoni ma' kunċetti ta' “placemaking” u bl-att ta' apprezzament innifsu. Dan jista' jikkontribwixxi fl-iżvilupp ta' sħubija soċjali u sħubiji pubbliċi-privati filwaqt li ż-żamma permanenti tal-konservazzjoni tal-wirt kulturali tista' toħloq l-impjiegi u tħeġġeġ l-ekonomija soċjali. F’dan ir-rigward, huwa tal-fehma li huwa importanti li jkun hemm skambju ta’ esperjenzi eżistenti fi Stati oħra fil-qasam tal-inventarju u l-ħarsien komprensiv tal-wirt lokali.

Il-wirt kulturali bħala riżors ekonomiku

15.

iqis li huwa importanti li l-politika tal-iżvilupp sostenibbli tal-wirt kulturali jkollha impatt fuq perjodu qasir, medju u twil fuq it-titjib tas-sitwazzjoni ekonomika u l-kwalità tal-ħajja fir-reġjun konċernat. Il-wirt kulturali jista' jkun mutur tal-ippjanar tal-iżvilupp lokali u reġjonali inklużiv u l-iżvilupp tal-industriji kreattivi u jikkontribwixxi fit-tkabbir ekonomiku billi jkabbar l-aċċess għall-beni kulturali. Element importanti tal-kompetittività huwa attitudini ta' aċċettazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi għall-preżervazzjoni tal-wirt kulturali, implimentat ukoll permezz ta' sħubijiet bejn il-pubbliku u l-privat;

16.

jinsisti fuq il-bżonn li fl-Istrateġija Ewropa 2020 jiġu integrati aħjar is-settur tal-wirt kulturali, il-kreattività u l-inizjattivi ewlenin marbuta u li jiġi żgurat li din l-istrateġija tqis l-elementi li juru l-kontribut tal-wirt kulturali fl-ekonomija;

17.

iqis neċessarju li jkun hemm iktar riżorsi disponibbli għas-setturi kulturali u kreattivi marbuta mal-wirt kulturali taħt il-baġit tal-fondi l-ġodda tal-UE (pereżempju l-FEŻR, il-FSE, il-FAEŻR u l-FES) u l-programmi (pereżempju l-programm Ewropa Kreattiva u s-Seba' Programm Qafas) tal-UE, u li l-wirt kulturali jiġi integrat aħjar fiċ-ċiklu finanzjarju l-ġdid tal-UE (2014-2020); jilqa' b'mod partikolari l-pjan ta' azzjonijiet fil-qasam tal-wirt kulturali fil-politiki u l-programmi tal-UE (14); jirrakkomanda li jiġu sfruttati r-riżorsi tal-UE sabiex jitfasslu u jiġu implimentati strateġiji lokali u reġjonali b'għanijiet kreattivi u innovattivi. Importanti ħafna li jinħolqu sinerġiji sodi bejn il-fondi u l-programmi Ewropej sabiex jiġu garantiti l-effikaċja u l-effiċjenza. Il-Kummissjoni Ewropea qed tikkontribwixxi permezz ta' linji gwida għall-koordinazzjoni, is-sinerġiji u l-komplementarjetà bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment, l-Orizzont 2020 u programmi oħra tal-Unjoni mmexxija direttament mill-Kummissjoni fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kompetittività (15);

18.

jenfasizza li fil-qafas tal-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali u ta' strateġiji u programmi tal-iżvilupp reġjonali, territorjali u urban, importanti li jitqiesu l-preservazzjoni tal-kulturi u tar-riżorsi kulturali ta' valur, il-piż li jistgħu jerfgħu l-ambjent u r-reġjuni u kunsiderazzjonijiet marbuta mal-ħarsien tal-ambjent. Interventi, miżuri u strumenti li jirrispettaw l-ambjent u n-natura u huma effiċjenti mil-lat ta' enerġija, li jistgħu jegħlbu l-effetti ta' diżastri naturali (pereżempju l-għargħar) jew ikkawżati mill-bniedem, għandhom rwol importanti x'jaqdu fil-ġlieda kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima u fejn tidħol l-effikaċja tal-iżvilupp ibbażat fuq l-assi lokali u reġjonali;

19.

importanti li jiġi sfruttat il-wirt kulturali tal-bini li jista' jagħti kompiti ġodda lill-bini kulturali bħala parti minn miżuri ta' riabilitazzjoni urbana u jikkontribwixxi bl-appoġġ tal-SMEs fl-impjieg u l-ħolqien tal-impjieg. Il-kredibbiltà professjonali tar-riabilitazzjoni tal-binjiet tiżdied meta l-intervent isir mhux biss b’materjali tradizzjonali, iżda b’tekniki tradizzjonali u dawk kontemporanji wkoll. Dan l-għarfien, kif ukoll il-monument innifsu, għandhom jiġu ppreservati u mgħoddija, fil-qafas ta’ taħriġ professjonali. Ser ikun hemm domanda fis-suq għal ħaddiema mħarrġa u speċjalizzati. Fil-livell lokali u reġjonali jeżistu bosta prattiki eżemplari fil-qasam tal-appoġġ u l-promozzjoni ta' ambjent kreattiv bl-użu tal-opportunitajiet tad-diversità kulturali u l-inkorporazzjoni ta' strateġiji kulturali fl-iżvilupp lokali u reġjonali bil-għan li jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, u l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni qiegħed jikkontribwixxi fit-tixrid tal-għarfien u l-iskambju tal-esperjenza fil-qasam. Dawn l-approċċi u l-mudelli prattiċi jiffavorixxu l-ħolqien ta' ekosistema kulturali sostenibbli u jħeġġu spirtu ta' intraprenditorija kulturali;

20.

jilqa' bi pjaċir il-fatt li, fil-qafas tal-valur ekonomiku tal-wirt kulturali, il-Kummissjoni tenfasizza l-industrija Ewropea tal-kostruzzjoni u l-investimenti fl-ambjent storiku li joħolqu l-impjieg u attivitajiet ekonomiċi ġodda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jipparteċipaw fil-ġestjoni tal-wirt arkitetturali u l-bini storiku u ħafna drabi pubbliku, biex dawn jiġu sfruttati b'diversi modi sabiex minnhom isir qligħ u fl-istess ħin tinżamm is-sostenibbiltà; josserva wkoll li l-programm tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura huwa kontribut importanti tal-Unjoni fil-preservazzjoni u l-għoti ta' dimensjoni ġdida lill-wirt arkitetturali u li permezz tiegħu ċertu numru ta' siti storiċi u żoni urbani jistgħu jingħataw ħajja ġdida flimkien ma' proċess ta' ġesjoni u riflessjoni relatati mal-wirt industrijali u l-art abbandunata;

21.

jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jinsabu fl-eqreb livell tal-popolazzjoni, għandhom jieħdu rwol ewlieni fl-iżvilupp tar-responsabbiltà fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent mibni u naturali, fil-bidla favorevoli tal-mentalitajiet u l-mobilizzazzjoni tal-popolazzjoni f'dan ir-rigward. Il-monitoraġġ regolari tal-kondizzjonijiet ta' wirt mibni għandu jkun prattika komuni, l-awtoritajiet għandhom ukoll jinkoraġġixxu t-tixrid tal-prattiki ta’ manutenzjoni u t-taħriġ tal-uffiċjali u s-sidien tal-monumenti;

22.

itenni li fil-livelli kollha, il-politika dwar l-SMEs trid tqis u taħdem b'mudelli differenti ta' intrapriżi biex jinħolqu impjiegi u tkabbir ekonomiku kemm jista' jkun sostenibbli (pereżempju l-industriji kulturali u kreattivi) (16);

23.

qed jiġi rakkomandat li fl-oqsma kollha tal-wirt kulturali tiġi mħeġġa l-parteċipazzjoni tal-kapital privat, li xi drabi jeħtieġ inċentivi fiskali u l-iżvilupp ta' opinjoni pubblika responsabbli dwar il-preżervazzjoni tal-patrimonju materjali u immaterjali; ifakkar li s-settur privat spiss iwettaq rwol importanti fil-qasam tal-promozzjoni tal-kultura fil-qafas tar-responsabbiltà soċjali tal-intrapriżi, permezz tad-donazzjonijiet jew forom oħra ta' appoġġ, iżda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' ambjent li jiffavorixxi l-aħjar użu possibbli ta' din l-għajnuna (17);

It-turiżmu kulturali

24.

huwa konvint li l-wirt kulturali hu mutur b'saħħtu għall-iżvilupp lokali u reġjonali tal-popolazzjoni u joħloq beni materjali importanti bis-saħħa tal-promozzjoni ta' turiżmu kulturali sostenibbli, ta' kwalità u responsabbli, li l-iżvilupp tiegħu jserraħ fuq il-patrimonju materjali u immaterjali tal-komunitajiet lokali u reġjonali. Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jqis li diġà sar importanti ferm li jinħolqu sinerġiji bejn l-istrateġiji tat-turiżmu sostenibbli u l-industriji kreattivi lokali u reġjonali biex jiġi appoġġjat it-tkabbir tal-ekonomija u tal-impjiegi u jiġi faċilitat l-aċċess għall-kultura;

25.

jenfasizza, madankollu, l-importanza li jinstab il-bilanċ ġust bejn l-espansjoni tas-settur tat-turiżmu kulturali u l-ħarsien tal-wirt kulturali;

26.

f'dak li jirrigwarda l-isfruttar tal-potenzjal mutifunzjonali tal-wirt kulturali, jiġbed l-attenzjoni għall-itinerarji kulturali li bil-parteċipazzjoni tal-popolazzjoni u tal-atturi kollha kkonċernati, joffru kontribut apprezzabbli għat-tixrid tal-valuri kulturali lokali u reġjonali, fil-pajjiż u lil hinn mill-fruntieri tiegħu, filwaqt li jikkontribwixxu, b'mod kumpless, għall-impjiegi u l-ħolqien tax-xogħol kif ukoll għat-tħaddim tal-intrapriżi (pereżempju l-produzzjoni u t-trasport ta' prodotti lokali, ospitalità u ristoranti). L-itinerarji stabbiliti fuq il-bażi tematika (18), bħala karatteristika ta' unjoni, spiss iwasslu għal destinazzjonijiet ta' vjaġġar, lokalitajiet u rħula anqas magħrufa u b'hekk isaħħu d-diversità fl-offerta turistika u l-viżibbiltà tal-wirt kulturali (arkitettoniku, tal-pajsaġġ, kulinarju u immaterjali) taż-żoni rurali. Rotot kulturali (mogħdijiet għar-roti, għall-mixi, eċċ.) ukoll għandhom kontribut importanti x’jagħtu fit-titjib tas-saħħa tal-popolazzjoni;

27.

jinnota li, fil-qafas tat-turiżmu kulturali relatat mal-gastronomija, l-ispeċjalitajiet lokali huma meqjusa bħala element kulturali importanti li jiġbed lit-turisti bis-saħħa tal-ikel u l-prodotti agrikoli lokali u tradizzjonali. Jenfasizza li l-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u l-miżuri intiżi għall-protezzjoni tad-diversità tal-wirt alimentari lokali u reġjonali jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda sostenibbli li jistgħu jaqdu rwol maġġuri fit-tkabbir u l-koeżjoni lokali u reġjonali;

28.

jinsisti fuq il-valur miżjud għoli tal-programmi ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea għall-preżervazzjoni u l-appoġġ transkonfinali tal-wirt kulturali: bit-tneħħija tal-fruntieri, huma jagħtu aktar viżibbiltà lill-Ewropa u r-reġjuni tagħha, il-bliet u l-lokalitajiet tagħha bis-saħħa tal-kooperazzjoni lokali u reġjonali; fil-qasam tat-turiżmu kulturali, huma jiffavorixxu l-kummerċ tal-prodotti lokali, u f'dak li jirrigwarda l-industriji kreattivi, huma jippermettu l-iskambju tal-kompetenzi u l-għarfien, it-tisħiħ tal-ekonomija reġjonali u l-kisba ta' opportunitajiet ġodda. Huma jikkontribwixxu biex jevitaw it-telf ta' kompetenzi u artiġjanat tradizzjonali minħabba fl-isfidi demografiċi (19). Il-Kumitat iqis importanti li l-istrateġiji tal-iżvilupp makroreġjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu wkoll, fil-qafas tal-kooperazzjoni transnazzjonali, għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali bit-trasformazzjoni tal-valuri tal-wirt kulturali Ewropew fi prodott turistiku u bl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet innovattivi u kreattivi;

Il-wirt kulturali fis-soċjetà tal-informazzjoni

29.

jirrikonoxxi li waħda mill-isfidi tal-istrateġija diġitali għall-Ewropa hija d-diġitalizzazzjoni tal-wirt kulturali u tal-monumenti storiċi Ewropej, l-aċċessibbiltà tagħhom fuq l-internet u l-preżervazzjoni tagħhom għall-ġenerazzjonijiet futuri. Diġà kien hemm xi progress f'dan ir-rigward (20). Fid-diskussjoni dwar l-approċċ globali u r-rwol tal-wirt kulturali, irridu noqogħdu attenti li jintlaħaq pubbliku kbir – kif ukoll wieħed ġdid – bl-isfruttar tal-vantaġġi tat-teknoloġija u bl-użu tal-għodod il-ġodda tal-komunikazzjoni. Dan għandu jiffavorixxu l-ħolqien ta' komunitajiet, ta' skambju u ta' ġbir tal-għarfien, l-attivitajiet kulturali, it-tagħlim u r-riċerka. Il-Kumitat iqis li d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda joħolqu fl-istess ħin possibbiltajiet ta' innovazzjoni għat-titjib tal-kompetittività; l-industriji kreattivi u innovattivi u l-materjali kulturali diġitali li jkunu disponibbli għalihom isaħħu lil xulxin;

30.

jenfasizza li l-mużewijiet, il-libreriji u l-arkivji għandhom rwol importanti, bħala wirt kulturali fit-tisħiħ tal-koeżjoni komunitarja. Fis-soċjetà tal-informazzjoni tas-seklu 21, għandha ssir diskussjoni dwar ir-rwol u l-futur tal-libreriji lokali – li f'ħafna Stati Membri huma ffinanzjati u mmexxija mill-awtoritajiet lokali – fir-rigward tal-aċċessibbiltà u t-tixrid tal-għarfien dwar il-wirt kulturali. Fit-tfassil tal-kontenut ta' servizzi ġodda u ta' mezzi diġitali emerġenti, hemm bżonn li ma jitqisux biss il-parametri ekonomiċi iżda wkoll il-ħtiġijiet soċjali u kulturali (21). Il-konferenzi, it-taħriġ u ż-żjarat ta' studju li jsiru fil-qafas tal-ġemellaġġi bejn il-bliet jistgħu jikkontribwixxu għal skambji ta' esperjenzi dwar ir-riċerka ta' soluzzjonijiet moderni u prattiki tajbin;

31.

iqis essenzjali r-rwol tal-proġetti tal-UE fil-promozzjoni tad-diġitalizzazzjoni u jenfasizza l-importanza tal-pjattaforma Europeana, li ġġib flimkien il-kontenut fuq l-internet tal-libreriji, il-mużewijiet u l-arkivji Ewropej u li timmira li kulħadd ikollu aċċess bl-Internet għall-wirt kulturali u xjentifiku tal-Ewropa. Jirrikonoxxi li l-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u l-kjarifiki tad-drittijiet fuq l-internet jibqgħu sfida u huwa favur l-iżvilupp ta' qafas ġuridiku għad-diġitalizzazzjoni;

32.

jirrikonoxxi li l-patrimonju ċinematografiku u l-produzzjonijiet ċinematografiċi bħala sors ta' informazzjoni dwar l-istorja tas-soċjetà Ewropea, huma parti integrali mill-wirt kulturali Ewropew; f'dan il-kuntest, il-potenzjal industrijali u kulturali għandu jiġi sfruttat aħjar. Għad fadal ostakli għad-diġitalizzazzjoni ta' filmati u t-tpoġġija tagħhom fuq l-internet (22); barra minn hekk, is-swali taċ-ċinema għandhom rwol importanti fir-rappreżentazzjoni tal-kultura u ċ-ċiviltà partikolari għal kull poplu. Peress li r-rivoluzzjoni diġitali u l-piż finanzjarju jistgħu jwasslu għal bidliet permanenti għall-industrija lokali u reġjonali, il-KtR itenni t-talba tiegħu għal sforzi konġunti u l-kooperazzjoni biex jiġi evitat li s-swali taċ-ċinema ż-żgħar jagħlqu (23) u jħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jużaw il-fondi tal-UE ħalli jimmondernizzaw is-swali taċ-ċinema tal-lokal;

33.

jinsisti fuq l-importanza li fil-qafas tas-sistema edukattiva jinkisbu kompetenzi diġitali minn l-aktar età żgħira sabiex il-ġenerazzjoni żagħżugħa jkollha l-mezzi biex tgawdi kompletament il-forom ġodda ta' aċċess għall-kultura u tkun imħejjija aħjar għall-impjieg tal-futur; b'hekk din il-ġenerazzjoni żagħżugħa, b'mod partikolari, u parti kbira mis-soċjetà, jingħataw l-għajnuna biex jaffrontaw il-konsegwenzi tat-tranżizzjoni għad-diġitali (24);

Integrazzjoni soċjetali tal-wirt kulturali

34.

jinsab kuntent li l-Komunikazzjoni tagħraf ir-riżultati tal-programmi u l-inizjattivi tal-UE biex jissensibilizzaw l-opinjoni pubblika għall-valur soċjetali tal-patrimonju kulturali u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. Jaqbel li t-tikketta tal-wirt Ewropew tal-kapitali Ewropej tal-kultura hija inizjattiva li tiġbed l-attenzjoni għar-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej (25) u jinsisti fuq il-ħtieġa li l-bliet kandidati jfasslu programm kulturali speċifiku skont ir-riżorsi lokali u reġjonali disponibbli, b'dimensjoni Ewropea qawwija, b'impatt pożittiv fuq perjodu twil fuq is-settur kulturali u fuq il-belt organizzattriċi (26); Ifakkar li l-perċezzjoni soċjali tal-valur tal-wirt Ewropew bħala fattur tal-iżvilupp tista' tippermetti li jiġu stabbiliti indikaturi standardizzati fil-kuntest Ewropew sabiex ikun jista’ jitkejjel l-impatt ta’ dan is-settur fuq l-ekonomija tat-territorji u fuq il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi;

35.

iqis li l-ħolqien ta’ “Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali”, kif issuġġerit mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (27) ser jikkontribwixxi sabiex aktar ċittadini jsiru jafu bil-wirt kulturali.

36.

jirrikonoxxi l-importanza tal-Premju tal-wirt kulturali tal-Unjoni Ewropea/il-konkors Europa Nostra maħluq biex jiggarantixxi l-għarfien tal-ħidma eċċellenti għall-ħarsien tal-patrimonju u d-diffużjoni ta' proġetti tekniċi ta' livell għoli, li jimmobilizzaw iċ-ċittadini impenjati, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet lokali u reġjonali, il-fondazzjonijiet privati u l-intrapriżi biex jagħtu ħajja ġdida lill-monumenti u s-siti storiċi. Il-programm il-ġdid “Ewropa kreattiva” jikkontribwixxi wkoll għal dan l-għan, b'mod partikolari billi jenfasizza fuq is-setturi kulturali u l-kreattivi li għandhom l-għan joperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali (28);

37.

jemmen li jeħtieġ li jissaħħaħ aktar is-sanzjonar ta’ vandaliżmu ta' monumenti, l-ambjent u l-komponenti artistiċi tiegħu u s-siti arkeoloġiċi.

38.

jaqbel mal-idea li r-riċerka fil-qasam tal-wirt kulturali tikkontribwixxi għall-ħarsien, l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-wirt kulturali. Is-seba' programm qafas tar-riċerka u l-iżvilupp, l-inizjattivi ta' programmar konġunt u l-programm Orizzont 2020 jistgħu jagħtu garanzija ta' dinamiżmu u sostenibbiltà lill-wirt kulturali Ewropew bis-saħħa tal-promozzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni mmirati li jiġġieldu t-tibdil fil-klima u t-theddid ta' katastrofi naturali. Jilqa' b'mod favorevoli l-programm u l-qafas ta' azzjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tal-wirt kulturali li ser jitnieda dalwaqt u f'dan ir-rigward jitlob li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kooperazzjoni bi sħubija mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

39.

jinsisti fuq il-ħtieġa li l-beni u s-servizzi kulturali jkunu aċċessibbli għal kulħadd, biex b'hekk jonqsu d-diżugwaljanza tal-opportunitajiet bejn is-sinjuri u l-foqra, dawk li jgħixu fil-bliet jew fl-irħula, iż-żgħażagħ u l-anzjani u dawk tal-persuni bi bżonnijiet speċjali. Il-miżuri li jnaqqsu d-diżugwaljanzi ma jagħtux frott jekk ma jiġux implimentati bil-qbil u l-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati u bit-twessigħ tal-possibbiltajiet ta' aċċess għall-kompetenzi. L-ugwaljanza tal-opportunitajiet hija kundizzjoni sine qua non tad-demokrazija kulturali;

40.

iqis importanti li l-ġenerazzjoni żagħżugħa titgħallem tagħraf il-patrimonju materjali u immaterjali tagħha, tifhem l-interess li tħarsu u tipparteċipa fil-promozzjoni tal-beni kulturali (pereżempju fil-qafas tal-Jiem Ewropej tal-patrimonju). Huwa tal-fehma li huwa bis-saħħa ta' dan l-għarfien li jistgħu jiġu stabbiliti sħubijiet biex il-wirt kulturali jiġi sfruttat b'mod sostenibbli u l-ambjent użat b'kuxjenza. Jirrakkomanda li, fil-qafas tal-Jiem Ewropej tal-Patrimonju, il-kontenut tal-ġimgħa tematika jiġi magħżul b'mod li jifforma netwerk bejn l-attivitajiet kulturali tal-awtoritajiet lokali;

41.

iqis li l-attivitajiet ta' volontarjat huma forma promettenti biex il-popolazzjoni lokali tipparteċipa u biex jiżviluppaw ir-relazzjonijiet pubbliċi, u dawn l-attivitajiet għandhom rwol importanti fil-kisba ta' għarfien u biex jinbet l-interess fil-kultura u jgħin biex tingħeleb il-marġinalizzazzjoni ta' gruppi vulnerabbli fis-soċjetà;

Kooperazzjoni u approċċ parteċipattiv

42.

biex jissaħħu s-sostenibbiltà, l-iżvilupp u l-viżibbiltà tal-wirt kulturali, il-KtR jqis importanti li l-valuri intrinsiċi tal-katina tal-wirt kulturali jiġu mħarsa u sfruttati b'mod sostenibbli u li l-awtoritajiet lokali u reġjonali flimkien mal-istituzzjonijiet inkarigati mit-tagħlim, il-kultura u l-wirt kulturali jikkooperaw u jiżviluppaw, preferibbilment b'mod sistematiku, li jista' jkun utli biex il-popolazzjoni tiġi informata b'mod li jinftiehem. Il-kooperazzjoni hija sinonima mal-bini tal-fiduċja, l-istabbiliment ta' kuntatti bejn il-popli u garanzija li jinstabu soluzzjonijiet komuni għall-isfidi komuni;

43.

jenfasizza r-rwol importanti li għandhom il-ġemellaġġi transkonfinali tal-bliet fl-għarfien reċiproku, interattiv u bbażat fuq l-esperjenza tal-wirt kulturali lokali u reġjonali u tad-diversità tal-għarfien, bis-saħħa tal-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini. F'dan ir-rigward jenfasizza l-valur miżjud, fil-livell tal-UE, tal-programm “L-Ewropa għaċ-ċittadini” fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' ġemellaġġ u tan-netwerks tal-bliet; bis-saħħa ta' proġetti ta' memorja b'dimensjoni Ewropea, huwa jħeġġeġ it-tolleranza u komprensjoni aħjar tal-istorja u d-diversità tal-UE u joħloq rabta bejn l-Ewropa u ċ-ċittadini. Il-KtR huwa wkoll favur li dan il-programm jitkompla fil-qafas finanzjarju l-ġdid tal-UE (29);

44.

jirrakkomanda li jiġu rikompensati l-aħjar prattiki fil-qasam tal-ħarsien tal-wirt kulturali minn sħubijiet u kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u dan jippermetti wkoll li tissaħħaħ l-identità tal-Unjoni Ewropea;

45.

jikkonsidra importanti fil-livell tal-komuni rurali u l-bliet, li l-kooperazzjoni tematika fl-oqsma tal-wirt kulturali tiġi implimentata u attivata, u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tal-atturi kollha kkonċernati mit-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod li tiġi promossa governanza parteċipattiva u effikaċi. Jinsisti fuq il-valur u l-importanza tal-governanza f'livelli differenti (30), li tiffaċilita inter alia d-diffużjoni tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-politika tal-wirt kulturali, l-iżvilupp tad-demokrazija parteċipattiva, it-tagħlim mingħand xulxin, l-iżvilupp ta' forom ġodda ta' sħubija u ta' djalogu, kif ukoll l-effikaċja u l-koerenza tal-politiki settorjali fir-rigward tal-wirt kulturali;

46.

Il-valutazzjoni mill-ġdid tal-importanza tal-kultura u tal-wirt kulturali hija proċess fit-tul, li tirrigwarda l-membri kollha tas-soċjetà. Il-KESE huwa tal-fehma li din il-bidla fil-mentalità ma tistax tinkiseb jekk ma jinstabx mezz biex parti akbar mill-popolazzjoni tħossha parteċipi, pereżempju bis-saħħa tat-tnaqqis fid-diżugwaljanzi soċjali, l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali, it-tisħiħ tal-possibbiltajiet ta' parteċipazzjoni fis-soċjetà, il-ħolqien ta' ftuħ għal dak li hu ġdid u għall-iżvilupp tal-atteġġjamenti meħtieġa biex jiġu konċepiti, magħrufa u apprezzati l-kompetenzi fil-qasam tal-innovazzjoni u l-valuri kulturali. Għandna responsabbiltà komuni biex, bil-parteċipazzjoni tal-atturi kollha, nissalvagwardjaw il-kisba tal-konoxxenza u kultura kompetittivi, li huma tant indispensabbli biex jingħelbu l-isfidi li għandha quddiemha l-UE. F’dan il-kuntest, il-KtR jilqa’ u jappoġġa punt 28 tal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport tal-25 ta’ Novembru 2014 li jitlob li titqies il-possibbiltà ta' Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali. Din tikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet komuni f’kuntest pan-Ewropew;

47.

jenfasizza r-rwol importanti li jista’ jkollha l-kultura fl-affarijiet barranin biex jingħelbu d-differenzi u biex jiġu rikonoxxuti l-valuri komuni u kondiviżi bejn il-popli. Jitlob, għalhekk, li tingħata aktar viżibilità lir-relazzjonijiet kulturali ta’ livell għoli u f’dan ir-rigward jinnota l-isforzi reċenti sabiex tiġi inkluża d-diplomazija kulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari permezz tal-azzjoni preparatorja dwar “Il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE”;

48.

jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tal-prodotti kulturali u l-oġġetti kulturali. Għalhekk iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 u sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tagħhom permezz ta’ adattament adegwat għal-liġi nazzjonali u billi jissaħħu l-politika u l-kontrolli doganali fil-fruntieri tal-UE.

Brussell, 16 ta' April 2015.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Markku MARKKULA


(1)  Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà, Faro, 27 ta' Ottubru 2005.

(2)  Dikjarazzjoni ta' Firenze, Kultura, Kreattività u Żvilupp Sostenibbli. Riċerka, Innovazzjoni, Opportunitajiet – It-tielet forum dinji tal-UNESCO dwar il-kultura u l-industriji kulturali (FOCUS), 4 ta' Ottubru 2014.

(3)  Artikolu 3(3) tat-TUE.

(4)  Artikolu 167 tat-TFUE.

(5)  L-Artikolu 36 tat-Trattat jipprevedi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew oġġetti fit-tranżitu bil-għan li jitħarsu t-teżori nazzjonali li għandhom valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku.

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 dwar l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jiżguraw li l-esportazzjoni ta’ oġġetti kulturali jkunu soġġetti għal kontrolli uniformi fil-fruntieri esterni tal-Unjoni. Oġġetti kulturali jinkludu, inter alia, prodotti diretti ta’ skavi, sejbiet jew siti arkeoloġiċi ġewwa Stat Membru.

(7)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jgħid li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (għal għajnuna għall-investiment għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 100 miljun għal kull proġett; l-għajnuna operatorja għall-kultura u l-konservazzjoni tal-patrimonju: EUR 50 miljun għal kull intrapriża).

(8)  Premessa 72.

(9)  Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent.

(10)  Il-proġett imsemmi fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Il-Wirt Kulturali Jgħodd għall-Ewropa: Lejn Indiċi Ewropew għall-Valutazzjoni tal-Wirt Kulturali”, jista' jagħti kontribut utli biex fil-livell Ewropew tinġabar l-informazzjoni relatata mat-temi konċernati, billi permezz ta' eżerċizzju ta' mmappjar Ewropew, jiġu identifikati r-riżultati tar-riċerka li tkun saret fil-livell nazzjonali, reġjonali, lokali u/jew settorjali.

(11)  CdR 2391/2012 fin.

(12)  CdR 2391/2012 fin.

(13)  Pereżempju fejn tidħol kooperazzjoni transnazzjonali, il-proġett Cultural Capital Counts (2011-2014) jgħaqqad għaxar territorji ta' sitt pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali bil-għan komuni tal-promozzjoni tal-iżvilupp tar-reġjun u b'kunsiderazzjoni tat-tradizzjonijiet, l-għarfien, il-kompetenzi u l-valorizzazzjoni tal-wirt kulturali tagħhom fil-qafas ta' din il-kollaborazzjoni. Il-proġett huwa kofinanzjat mill-FEŻR u implimentat fil-qafas tal-programm CENTRAL EUROPE.

(14)  European Commission – Mapping of Cultural Heritage actions in European Union policies, programmes and activities, http://ec.europa.eu/culture/library/reports/2014-heritage-mapping_en.pdf

(15)  Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes – Guidance for policy-makers and implementing bodies, http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/guides/synergy/synergies_en.pdf

(16)  CdR 151/2011 fin.

(17)  CdR 401/2011 fin.

(18)  Pereżempju “ir-Rotta Sissi” (Awstrija, Ġermanja, Ungerija u Italja), li ġġib flimkien kastelli, djar kbar, parkijiet u kafeteriji li kienu konnessi mar-reġina Eliżabetta tal-Ungerija.

(19)  Pereżempju, “L-akkademja tal-artiġjanati” (Ungerija – Slovenja): kienet il-vulnerabbiltà tal-artiġjanat li wasslet biex jibda dan il-proġett; l-għadd ta' parteċipanti f'dan it-tip ta' taħriġ dejjem kien qed jonqos u ċerti skejjel industrijali u artiġjanali kellhom jagħlqu. Il-proġett biddel din ix-xejra, ħoloq possibbiltajiet ġodda għaż-żgħażagħ u kkontribwixxa għall-preżervazzjoni tal-wirt kulturali bil-parteċipazzjoni ta' madwar 1  000 intraprenditur.

(20)  Survey Report on Digitisation in European Cultural Heritage Institutions 2014 – Netwerk tematiku ENUMERTATE (Jannar 2014).

(21)  CdR 104/2010 fin.

(22)  Ir-raba' rapport dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-patrimonju ċinematografiku u l-kompetittività tal-attivitajiet industrijali marbutin (Kummissjoni – rapport tal-fażi 2012-2013), 1 ta' Ottubru 2014.

(23)  CdR 293/2010 fin.

(24)  CdR 2391/2012 fin.

(25)  CdR 191/2011 fin.

(26)  CdR 2077/2012 fin.

(27)  Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-governanza parteċipattiva tal-wirt kulturali (2014/C 463/01) http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=OJ:C:2014:463:TOC

(28)  CdR 401/2011 fin.

(29)  Regolament (UE) Nru 390/2014 li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu 2014–2020.

(30)  Karta għall-governanza f'diversi livelli fl-Ewropa