21.1.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/9


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

(2015/C 019/03)

Relatur

Relatur: is-Sur Zingaretti (IT/PSE), President tar-reġjun tal-Lazio

Dokument ta’ referenza

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi

COM(2014) 473 final

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

I.   PUNTI ĠENERALI

Politika ċentrali għall-Ewropa fil-globalizzazzjoni

1.

iqis il-politika ta’ koeżjoni bħala waħda milli l-aħjar tikkaratterizza l-mudell Ewropew u l-aktar adattata, minħabba l-potenzjal tagħha li tirriforma l-ekonomiji u l-amministrazzjonijiet u minħabba l-influwenza komprensiva u f’diversi livelli tagħha biex tikkontribwixxi għal struttura li tista’ tippermetti lill-Unjoni u t-territorji tagħha biex jindirizzaw l-isfidi ewlenin ta’ żmienna, mill-globalizzazzjoni, għat-tibdil fil-klima, il-provvista tal-enerġija u għall-iżvilupp sostenibbli.

...li wriet ir-rilevanza tagħha fi żmien il-kriżi…

2.

jenfasizza li matul il-kriżi ekonomika, il-politika ta’ koeżjoni wriet il-kontribut tagħha biex jinżamm il-livell tal-investiment pubbliku f’diversi Stati Membri, kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ kwalità, permezz ta’ mekkaniżmi ta’ għażla li jiżguraw konsistenza mal-istrateġiji Ewropej.

...billi għenet lit-territorji jaffaċċjawaha...

3.

iqis li l-awtoritajiet reġjonali f’ħafna każijiet huma l-entijiet prinċipali tal-amminstrazzjoni reponsabbli mill-infiq pubbliku għall-investimenti, u li l-politika ta’ koeżjoni, li hija strument fundamentali għar-rwol Ewropew tagħhom, għandha żżid il-kapaċità tagħhom li joffru servizzi ta’ kwalità liċ-ċittadinanza.

...u li għandha dejjem tiġi adattata sabiex tilqa’ l-isfidi ġodda.

4.

iqis li l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja fuq il-finanzi pubbliċi madwar l-Ewropa se jżidu l-ħtieġa li jerġa’ jitnieda investiment pubbliku u privat sostenibbli u fokus akbar fuq il-proċessi tan-nefqa biex tiġi żgurata l-effiċjenza, ir-regolarità u l-ħeffa;

5.

jenfasizza l-bżonn li tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-Istrateġija Ewropa 2020 li ser issir reviżjoni ta’ nofs it-term tagħha fl-2015. Fil-prattika dan jista’ jinvolvi l-inklużjoni ta’ kapitlu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jiġi preżentat kull sena fil-bidu tas-Semestru Ewropew u li jieħu post ir-rapporti dwar il-progress tal-koeżjoni li kienu jiġu ppubblikati fil-passat bejn ir-rapporti ta’ koeżjoni;

6.

iqis li r-rwol tal-politika ta’ koeżjoni huwa ċentrali fi żmien meta l-bilanċ bejn il-miżuri ta’ awsterità u ta’ tkabbir u d-definizzjoni ta’ mudell ġdid ta’ żvilupp li jwieġeb għall-pressjonijiet tal-globalizzazzjoni huma kwistjonijiet kruċjali fuq l-aġenda Ewropea. Huwa f’dan l-isfond, u f’kuntest ta’ pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi, li l-azzjoni Ewropea għandha tkompli tappoġġja t-tkabbir, tindirizza l-azzjonijiet immirati lejn l-għanijiet strateġiċi għar-reġjuni individwali, u għall-ekonomija Ewropea, tibni sistema amministrattiva effettiva biex taffaċċja l-isfidi tal-globalizzazzjoni. Għal dan l-għan – għall-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 – jikkunsidra li jkun utli li ssir analiżi dwar modi kif jiġi żgurat ir-rwol massimu għall-politika ta’ koeżjoni, jiġu sfruttati s-sinerġiji ma’ strumenti oħrajn u jittejjeb l-għarfien fost iċ-ċittadini Ewropej;

7.

jilqa’ bi pjaċir is-sitt Rapport, bħala għodda ta’ informazzjoni importanti dwar l-evoluzzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, ir-riżultati tagħha u d-diffikultajiet operattivi tagħha, l-isfidi li se tħabbat wiċċha magħhom fis-snin li ġejjin u l-possibbiltajiet li jiġu mill-użu effettiv tagħha.

II.   PREREKWIŻITI GĦAL POLITIKA TA’ KOEŻJONI IKTAR EFFIĊJENTI

Governanza tajba – Ewropea u nazzjonali – bħala prerekwiżit...

8.

jenfasizza li l-funzjonament adatt tal-governanza f’diversi livelli, bi struttura effettiva u li twieġeb għat-talbiet taċ-ċittadini u n-negozji u sistema ta’ akkwist pubbliku trasparenti u innovattiva, se jkun kruċjali biex jittejjeb l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni. Għal dan l-għan, il-Kumitat, b’konformità mas-sitt rapport, jirrakkomanda l-użu tar-riżorsi u l-għarfien espert disponibbli mill-politika ta’ koeżjoni favur tisħiħ notevoli tal-kapaċità amministrattiva, inkluż permezz tal-użu l-aktar wiesa’ possibbli tat-teknoloġiji ġoddaġodda u b’attenzjoni għat-tnaqqis tal-burokrazija;

9.

jemmen li, biex tittejjeb il-kwalità tan-nefqa pubblika, flimkien mal-aspetti tal-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi, għandhom jitqiesu wkoll id-differenzi territorjali u l-karatteristiċi speċifiċi li jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għat-tkabbir, u l-effetti fuq l-interventi għandhom jiġu analizzati u adattati sabiex jiżdied l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni (1);

10.

jirrimarka li, minħabba l-vulnerabbiltà speċifika ta’ ħafna ekonomiji fis-sitwazzjoni ta’ kriżi attwali, il-politika pubblika għandha tiffoka fuq il-kapaċità ta’ rispons rapidu u effettiv għall-iskossi ekonomiċi. Il-Kumitat iqis li l-Fondi strutturali, maħsuba għall-aġġustament strutturali u ekonomiku fit-tul, jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn miżuri ta’ stimolu għal żmien qasir;

11.

jenfasizza, kif indikat fis-sitt rapport, li l-iżvilupp ta’ intraprenditorija ġdida jiddependi parzjalment fuq il-faċilità li tagħmel negozju u dan l-aspett ivarja b’mod konsiderevoli fi ħdan l-Istati Membri. Il-Kumitat jemmen li hija meħtieġa azzjoni ulterjuri għas-simplifikazzjoni tar-regoli u l-istrumenti, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv, it-titjib tal-kundizzjonijiet qafas għall-investiment investiment u l-promozzjoni tal-kapaċità intraprenditorjali fil-kamp tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

...għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli

12.

jaqbel dwar l-importanza ta’ tkabbir “intelliġenti” bħala opportunità biex jiġu promossi ekonomiji reġjonali aktar kompetittivi u anqas vulnerabbli għall-iskossi esterni. Il-Kumitat għalhekk iħeġġeġ lir-reġjuni u lill-bliet jiżviluppaw b’mod konsistenti u kontinwu inizjattivi biex iħeġġu l-intraprenditorija f’setturi innovattivi u jiffokaw l-investiment tagħhom fuq setturi “tal-futur” bħal dak agroalimentari (teknoloġiji agrikoli, veterinarji u alimentari), l-ekonomija ekoloġika, l-industriji kreattivi, l-inizjattivi tas-saħħa-e, it-turiżmu u s-servizzi soċjali l-hekk imsejħa ekonomija tal-fidda. Għal dan l-għan, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja l-amministrazzjonijiet reġjonali sabiex l-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti imwaqqfa minnhom skont il-qafas tal-UE, jiġu implimentati b’mod effettiv fil-livell reġjonali;

13.

jemmen li t-tibdil relatat mal-ekonomija globalizzata għandu impatt enormi fuq ix-xogħol, u għaldaqstant għandu jiffoka fuq l-immodernizzar tas-suq tax-xogħol biex iċ-ċittadini jingħataw l-għajnuna biex isibu impjiegi u taħriġ imfassal għall-ħolqien tal-ħiliet meħtieġa mill-isfidi eko nomiċi l-ġodda. Il-Kumitat jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol ċentrali tal-Fond Soċjali Ewropew (iktar ‘il quddiem il-FSE) għall-appoġġ ta’ politiki attivi, b’mod partikolari dawk immirati biex itejbu l-għarfien tal-ħaddiema u l-adattament tagħhom għat-tibdil kulturali, soċjali u teknoloġika;

14.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni għandha talloka proporzjon tal-finanzjament tagħha biex tappoġġja l-inizjattivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u jfakkar li wieħed mill-effetti tal-kriżi kien iż-żieda sinifikanti fil-qgħad fost iż-żgħażagħ. Il-Kumitat jenfasizza r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-qasam u jqis li hu meħtieġ li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ (2) u l-attivitajiet iffinanzjati mill-FSE b’enfasi fuq il-garanzija għaż-żgħażagħ u l-mezzi ta’ aċċess għall-impjieg;

15.

iqis li, fid-dawl taż-żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali rreġistrati fis-soċjetajiet Ewropej, il-politiki pubbliċi għandhom isaħħu l-istrumenti għall-persuni l-aktar fil-bżonn, inkluż permezz ta’ inizjattivi fil-livell Ewropew u l-użu tar-riżorsi ta’ koeżjoni;

16.

jaqbel mal-fatt li dwar iċ-ċentralità tal-Aġenda l-kwistjonijiet urbani huma prijorità fl-analiżi tas-sitt rapport dwar il-politika ta’ koeżjoni, minħabba l-importanza tal-fenomenu metropolitan fl-ekonomija globalizzata u l-impatti possibbli f’termini ta’ sostenibbiltà, iżda jiddispjaċih li l-qabżiet kbar fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u urbani ma jingħatawx iktar attenzjoni, għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss tkabbir poliċentriku u ġeografikament bilanċjat fost id-diversi territorji inkluż permezz ta’ azzjoni li titratta l-kwistjoni tad-distakk diġitali u politika ta’ trasport sostenibbli bbażata fuq approċċ differenzjat skont l-ispeċifiċitajiet territorjali;

17.

ifakkar l-importanza ta’ tkabbir li joħloq opportunitajiet ekonomiċi ġodda permezz tal-iżvilupp ta’ enerġija nadifa u effiċjenti. Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li f’dawn l-aħħar snin, l-awtoritajiet lokali żiedu l-investiment pubbliku fis-settur tal-ambjent, u jinnota l-impenn tal-bliet u r-reġjuni Ewropej għal tranżizzjoni lejn tkabbir aktar ekoloġiku. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jappella għat-tisħiħ tal-Patt tas-Sindki sabiex jiżdied u jittejjeb l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

18.

jirrakkomanda li l-politika ta’ koeżjoni tal-UE, bl-għanijiet ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha, tkompli tagħti kontribut sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 anki fil-ġejjieni. Billi ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-għanijiet tat-tkabbir u tal-konverġenza, il-poltika ta’ koeżjoni tista’ tagħti kontribut biex jonqsu d-disparitajiet fl-Unjoni Ewropea u b’hekk jinkisbu l-miri prinċipali tal-Istrateġija u kisbiet fuq perjodu twil f’termini ta’ prosperità fl-Ewropa kollha. Dan il-potenzjal għandu jiġi sfruttat b’mod sistematiku billi fil-politika ta’ koeżjoni jintuża approċċ ibbażat fuq is-sħubija sabiex jiġi żgurat li l-istrateġiji stabbiliti fil-livell reġjonali jindirizzaw speċifikament iċ-ċirkustanzi u l-potenzjal lokali;

III.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

Żieda fir-riżorsi għat-tkabbir ekonomiku u l-ibbilanċjar mill-ġdid territorjali...

19.

itenni t-talba tiegħu li n-nefqa pubblika tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, parti mill-kofinanzjament taħt il-fondi strutturali u ta’ investiment, ma titqiesx parti min-nefqa strutturali, pubblika jew ekwivalenti, hekk kif definit fil-Patt ta’ Stabbiltà u ta’ Tkabbir. Fil-fatt, dan il-proċess iwassal biex jillibera riżorsi għal investimenti magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ interess Ewropew u biex jitħaffef il-pass tal-proċessi ta’ nfiq;

20.

jenfasizza, bħalma indikat fis-sitt rapport, li l-linji gwida għall-iżvilupp tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport jistabbilixxu l-għan li jkun hemm netwerk multimodali ġenwin fil-livell tal-UE, li għandu jinkludi l-ferroviji, billi tinħoloq infrastruttura ġdida iżda wkoll billi titjieb dik eżistenti. F’dan ir-rigward, il-Kumitat iqis il-bżonn li jkunu disponibbli mezzi tat-trasport li jkunu sostenibbli, kompetittivi u effiċjenti mil-lat enerġetiku u aktar ekoloġiċi, li jippromovu l-intermodalità, l-użu komplementari tal-mezzi differenti tat-trasport kif ukoll il-bżonn ta’ proġetti fl-infrastruttura fiż-żoni inqas żviluppati, li jiffaċċjaw ostakli fiżiċi għas-suq intern (bħaż-żoni periferiċi u muntanjużi) u li għandhom problemi ta’ koeżjoni territorjali;

21.

biex jiżdied u jiġi kkalifikat il-volum tal-investiment għat-tkabbir, jappella għat-titjib tas-sinerġiji bejn strumenti baġitarji ta’ livelli differenti tal-gvern nazzjonali u l-istrumenti finanzjarji tal-UE. F’dan il-kuntest, il-KESE jħoss li għandu jkun hemm aktar deliberazzjoni dwar ir-rwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Fond Ewropew tal-Investiment sabiex jaslu għal estensjoni tal-mandat tagħhom u t-tisħiħ tal-kapital tagħhom. Il-Kumitat ifakkar li l-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni jista’ jkun adatt biex jiġu definiti l-finanzjament tal-BEI speċifikament dedikat għall-iżvilupp reġjonali, bil-maturitajiet u l-kondizzjonijiet mfassla għall-ħtiġijiet tan-nefqa tal-gvern. Barra minn hekk, għandha tiġi esplorata l-possibbiltà li l-BEI jingħata r-rwol superviżorju fuq ċerti investimenti li huma popolari mal-amministrazzjonijiet lokali. L-istituzzjoni finanzjarja tal-UE, b’mod partikolari, tista’ tagħmel valutazzjoni tal-kwalità u l-konsistenza meta mqabbla mal-għażliet strateġiċi Ewropej kbar, sabiex tikseb trattament privileġġjat tas-self meħtieġ biex dawn l-għażliet jiġu implimentati għall-finijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà.

... fil-kuntest tal-kompatibbiltà Ewropea li tibbilanċja l-awsterità u l-koeżjoni...

22.

itenni t-tħassib tiegħu li il-kundizzjonalità makroekonomika tirriżulta f’li l-effettività u l-utilità tal-fondi strutturali u tal-investiment jixxekklu mill-politiki makroekonomiċi tal-Istati Membri;

23.

jitlob lill-Kummissjoni tevalwa kemm taw kontribut ir-rekwiżiti tal-kundizzjonalità ex ante fid-dewmien konsiderevoli biex jiġu konklużi l-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali;

24.

jirrimarka li l-indikaturi użati fil-kuntest tal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku introdotti fil-pakkett leġislattiv “six-pack”, huma biss ta’ natura ekonomika. Il-Kumitat jirrakkomanda li l-indikaturi territorjali, ambjentali u soċjali b’konformità mal-miri prinċipali tal-Istrateġija Ewropa 2020 jitqiesu wkoll fit-tabella tal-valutazzjoni użata mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni preventiva għal Stat Membru jew, fl-aktar każijiet serji, it-tnedija tal-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi. Il-Kumitat iqis li r-rabta mill-qrib bejn l-għanijiet finanzjarji u fiskali u l-politika ta’ koeżjoni tista’ ddgħajjef l-implimentazzjoni tal-koeżjoni territorjali;

25.

isejjaħ għal iktar rispett għall-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-koeżjoni territorjali, b’mod partikolari fiż-żoni rurali, fiż-żoni milqutin minn tranżizzjoni industrijali u fiż-żoni li jsofru minn żvantaġġi naturali kbar u permanenti, bħal dawk l-aktar mbiegħda fit-Tramuntana b’densità demografika baxxa u r-reġjuni gżejjer, transkonfinali u muntanjużi. Barra dan, għandhom jiġu kkunsidrati sfidi demografiċi oħrajn li għandhom impatt sinifikanti fuq ir-reġjuni bħal ngħidu aħna d-depopulazzjoni, it-tixjiħ u popolazzjonijiet imxerrda ħafna. Il-Kumitat tar-Reġjuni jappella lill-Kummissjoni biex tagħti attenzjoni partikolari lir-reġjuni l-iżjed żvantaġġati mil-lat ġeografiku u demografiku fit-twettiq tal-politika ta’ koeżjoni;

26.

jenfasizza l-appoġġ essenzjali li l-politika ta’ koeżjoni tipprovdi, bħala xprun għat-tkabbir u t-tibdil, lir-reġjuni inqas żviluppati li jeħtieġu sforz sostnut fit-tul;

27.

jitlob ukoll li tingħata attenzjoni akbar lill-ispeċifiċitajiet u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif identifikati fl-Artikolu 349 tat-TFUE, meta tkun qed tiġi definita u applikata l-politika ta’ koeżjoni.

...permezz ta’ politika li tibda verament mit-territorju...

28.

iqis li, anke fid-dawl tad-differenzi li nstabu rigward il-grad ta’ innovazzjoni, id-dimensjoni territorjali hija meqjusa bis-sħiħ fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020. Għal dan l-għan, iqis li l-assenjazzjoni ta’ rwol akbar għall-awtoritajiet lokali u reġjonali jżid l-livell tar-responsabbiltà tagħhom, u jiffavorixxi teħid ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti fir-rigward tal-investimenti prijoritarji, u jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ indikaturi reġjonali għall-monitoraġġ tal-progress li jkun sar;

29.

jiddispjaċih li s-sitt rapport dwar il-politika ta’ koeżjoni ma jinkludix valutazzjoni espliċita tal-impatt territorjali li l-politiki settorjali Ewropej għandhom fuq il-politika ta’ koeżjoni. Il-Kumitat, fid-dawl tal-interdipendenza li hemm bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politiki settorjali l-oħra, jipproponi li fir-rapport il-Kummissjoni tinkludi kapitolu speċifiku dwar dan l-aspett, kif kien jiġri fil-passat u f’konformità mat-TFUE, li jistipula l-obbligu tal-politiki Ewropej għall-promozzjoni tal-koeżjoni fl-Ewropa;

30.

ifakkar fl-importanza tal-adozzjoni ta’ strumenti ta’ valutazzjoni tal-impatt territorjali tal-politiki, li l-għan ewlieni tagħhom huwa li jeżaminaw l-impatti territorjali tal-politiki Ewropej fuq l-awtoritajiet reġjonali u lokali u li jżidu l-viżibbiltà ta’ dawn l-impatti fil-proċess leġislattiv;

31.

jitlob għaldaqstant, li tiġi stabbilita dimensjoni territorjali ta’ prijorità fil-programmi operattivi, li tikkomplementa s-suġġetti tematiċi marbuta mal-istrateġija Ewropa 2020 b’tali mod li l-koeżjoni territorjali tkun tista’ tiżgura ppjanar spazjali bbilanċjat u tiżgura l-interdipendenza bejn ir-reġjuni;

32.

ifakkar lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħidma preċedenti tagħha dwar il-PDG u lil hinn u dwar il-ħtieġa li wieħed iħares aktar bir-reqqa lejn l-isfidi reġjonali (bħal kif l-ICT u l-proġetti tal-broadband b’veloċità għolja ħafna jistgħu jingħataw appoġġ mill-FEŻR); iqis li d-dipendenza fuq il-PDG tar-reġjun għandha numru ta’ nuqqasijiet li jdgħajfu l-kredibbiltà tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod partikolari f’termini ta’ klassifikazzjoni tar-reġjuni u allokazzjoni tar-riżorsi mill-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment.

... b’fokus qawwi fuq l-effiċjenza amministrattiva u l-evalwazzjoni tar-riżultati...

33.

jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ azzjonijiet għas-simplifikazzjoni u r-razzjonalizzazzjoni tal-proċeduri għall-aċċess għall-fondi tal-UE, il-ġestjoni tal-programmi u l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġsabiex ikun hemm aktar effiċjenza u tiġi żgurata l-implimentazzjoni rapida tal-programmi;

34.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet responsabbli sabiex jagħmlu sforz partikolari għall-armonizzazzjoni u t-traspożizzjoni korretta tal-istandards bażiċi trasversali li huma l-bażi tal-ġestjoni tar-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni, b’mod speċjali fir-rigward tal-proċeduri tal-akkwist (3);

35.

huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tevita li l-ammont eċċessiv ta’ burokrazija jservi ta’ tfixkil għall-effikaċja tal-interventi. Jistieden lill-Kummissjoni terġa’ tevalwa l-prattika fejn, fil-każ tal-programmi operattivi l-aktar effiċjenti, timponi l-istess piż burokratiku bħalma tapplika għal programmi b’persentaġġi għolja ta’ żbalji jew frodi. Barra minn hekk, il-Kumitat tar-Reġjuni jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tadotta l-miżuri meħtieġa biex tasal għal approvazzjoni rapida tal-programmi operattivi u b’hekk tniedi l-perjodu ta’ programmazzjoni ġdid fl-iqsar żmien;

36.

jaqbel, kif enfasizzat mir-rapport, dwar il-ħtieġa li l-Fondi Strutturali u tal-Investiment jiġu kkonċentrati fuq numru limitat ta’ għanijiet biex jimmassimizzaw l-impatt fuq il-post. Il-Kumitat, madanakollu, jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta’ flessibbiltà fl-għażla tal-għanijiet tematiċi li għandhom jiġu determinati abbażi tal-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tat-territorji differenti;

37.

jinsab imħasseb peress li l-prinċipju tal-addizzjonalità għall-perjodu 2014-2020 ġie mdgħajjef u l-verifika tintalab biss f’14-il Stat Membru, u jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fl-UE kollha, sabiex jiġi evitat li l-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment jintużaw biex jissostitwixxu l-investimenti tal-Istati Membri;

38.

ma jaqbilx mal-ħolqien ta’ riżerva ta’ prestazzjoni u effiċjenza Komunitarja fil-livell nazzjonali, minħabba li dan il-mekkaniżmu jista’ jwassal biex jiġu stabbiliti miri b’riżultati limitati u li faċilment jintlaħqu. Il-Kumitat jemmen li waħda mill-akbar sfidi li tikkonċerna l-qafas ta’ prestazzjoni huwa li jitfasslu miri kwantifikati u indikaturi ambizzjużi u fl-istess ħin fattibbli;

39.

ifakkar li l-investimenti pubbliċi u privati naqsu matul dawn l-aħħar ftit snin, u laħqu punti negattivi f’xi Stati. Baġits stretti u tnaqqis fl-infiq ipperikolaw serjament l-investiment f’oqsma li jistimulaw it-tkabbir ekonomiku. F’dan ir-rigward, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tivvaluta bir-reqqa, b’kunsiderazzjoni tal-impatt possibbli f’termini ta’ impjiegi u tkabbir, iċ-ċirkostanzi li fihom għandhom jiġu applikati l-korrezzjonijiet finanzjarji jew is-sospensjoni tal-ħlasijiet;

40.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħaffu n-negozjati u l-proċeduri ta’ adozzjoni tal-ftehimiet ta’ sħubija u l-programmi operazzjonali, jenfasizza kemm huma importanti l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-attivitajiet ta’ investiment fl-awtoritajiet lokali u reġjonali u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib sabiex jiggarantixxu l-kwalità tal-proċeduri u jimminimizzaw l-impatt negattiv ta’ iktar dewmien eżatt qabel il-perjodu ta’ finanzjament ġdid;

41.

jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi forom ta’ għajnuna amministrattiva dwar temi kwalifikattivi fosthom l-identifikazzjoni tal-għanijiet tal-interventi, il-valutazzjoni tar-riżultati tagħhom permezz ta’ indikaturi adatti, u d-definizzjoni tal-azzjonijiet ta’ segwitu. Dan sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata ta’ dawn l-attivitajiet fost l-amministrazzjonijiet varji li mbagħad jikkontribwixxu biex fl-Ewropa tinħoloq kultura amministrattiva bbażata fuq il-monitoraġġ tal-ħidma mwettqa u fuq il-valutazzjoni tagħha. Bl-istess mod, il-Kumitat iqis li huwa importanti li tingħata għajnuna lill-amministrazzjonijiet territorjali għall-inizjattivi tal-inġinerija finanzjarja, li hija kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi u l-investimenti, u dwar is-suġġett tal-akkwist pubbliku, li għandhom iservu dejjem aktar bħala strument tal-amministrazzjoni pubblika biex ikun ta’ stimolu għall-innovazzjoni u l-kreattività.

... parteċipazzjoni aktar profonda tal-partijiet interessati u ċ-ċittadini...

42.

jinsab konvint li l-Kodiċi ta’ kondotta dwar is-sħubija jsaħħaħ, fil-metodu u fis-sustanza, il-parteċipazzjoni fl-attività ta’ programmazzjoni fit-territorji, u huwa essenzjali biex iwessa’ l-impatt tal-politika ta’ koeżjoni u biex l-impatt ikun sod. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tissorvelja kif il-Kodiċi qiegħed ikun implimentat fil-liġi nazzjonali biex tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa u trasparenti tal-partijiet interessati lokali, peress li mingħajr l-involviment sħiħ fit-tħejjija tad-dokumenti ta’ programmazzjoni, il-parteċipazzjoni tagħhom tkun inqas effettiva fil-fażi tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għodod ta’ ppjanar parteċipatorji li jinvolvu l-livelli differenti ta’ gvern;

43.

f’dan il-mument meta, għal-leġittimità sħiħa tal-politika u l-approfondiment tal-integrazzjoni Ewropea, iċ-ċittadini għandhom ikunu sensibilizzati u infurmati dwar ir-riżultati ta’ proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u dwar l-effetti tal-politika tal-UE fuq it-territorju tagħhom, il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni dwar in-nuqqas ta’ attenzjoni speċifika għall-komunikazzjoni u l-informazzjoni fis-sitt rapport. Fuq dan il-punt, biex jiġi massimizzat it-tixrid tal-għarfien tal-politika ta’ koeżjoni fost iċ-ċittadini, il-Kumitat jitlob lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri biex jinvolvu aktar l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kampanji ta’ komunikazzjoni. B’mod parallel, u b’użu sħiħ tal-għodod tal-IT, il-Kumitat huwa tal-fehma li jeħtieġ jiddaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet li jippreskrivu t-trasparenza tal-allokazzjonijiet li jsiru u tar-riżultati mistennija mill-interventi, u li jeħtieġ jittejjeb l-użu tal-informazzjoni miġbura (Open Data) għall-finijiet l-iktar utli u effettivi għaċ-ċittadini.

... interazzjoni dejjem aktar mill-qrib bejn l-amminist razzjonijiet tal-Istati Membri differenti u mal-pajjiżi ġirien...

44.

Fid-dawl tal-fatt li l-kooperazzjoni territorjali Ewropea saret għan totalment awtonomu tal-politika ta’ koeżjoni mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, iqis li r-rapport dwar il-koeżjoni jagħtiha ftit wisq attenzjoni. L-ewwel nett hija r-responsabbiltà tagħha fil-kooperazzjoni transkonfinali li tinfluwenza l-koeżjoni tar-reġjuni transkonfinali. Għaldaqstant jipproponi li dan ir-rapport fil-futur jinkludi valutazzjoni tal-koeżjoni tar-reġjuni transkonfinali fl-Ewropa, li jkun fiha analiżi tal-problemi ewlenin tagħhom, kif ukoll valutazzjoni tal-effetti tal-programmi operattivi tal-kooperazzjoni transkonfinali. Għandha tingħata attenzjoni akbar lil dan l-istrument mhux l-inqas minħabba li jippromovi l-kooperazzjoni u l-iskambji ta’ esperjenza bejn l-amministrazzjonijiet ta’ Stati Membri differenti u jimmira lejn sistema amministrattiva dejjem aktar imfassla fuq valuri u arranġamenti operattivi komuni;

45.

jiddispjaċih li r-rwol kruċjali tal-politika ta’ koeżjoni fl-appoġġ tal-istrateġiji makroreġjonali ma kompliex jiġi iktar żviluppat fis-sitt rapport dwar il-koeżjoni;

46.

jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-politika tal-viċinat tal-Unjoni Ewropea u għat-titjib fil-valutazzjoni u t-tixrid tar-riżultati tal-proġetti.

... u politika b’aktar influwenza fid-dibattitu Ewropew.

47.

jirrakkomanda li jinħoloq “Kunsill għall-Politika ta’ Koeżjoni” magħmul mill-Ministri fil-livell tal-gvern kompetenti fl-Istati Membri responsabbli għall-politika ta’ koeżjoni. Il-Kumitat iqis li dan jista’ jagħti iktar viżibilità u jiżgura dibattitu politiku kontinwu dwar il-koeżjoni. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jiddikjara li jinsab lest biex jipparteċipa b’mod attiv f’diskussjonijiet politiċi dwar il-ħolqien ta’ din l-istruttura sabiex ikun żgurat li jitqiesu b’mod sħiħ il-fehmiet tal-awtoritajiet lokali u reġjonali (4).

Brussell, 3 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat tar-Reġjuni

Michel LEBRUN


(1)  CDR_3609-2013_00_00_TRA_AC.

(2)  CDR_00789-2013_00_00_TRA_AC.

(3)  CDR 3609-2013_00_00_TRA_AC

(4)  CDR_2233-2012_00_00_TRA_RES (rapporteur: Marek Wozniak (PL/EPP)).