|
28.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 140/22 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs u Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi
(2015/C 140/05)
|
I. RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI:
|
1. |
F'dawn l-aħħar snin, it-terminu “ekoloġiku” sar ħafna iżjed prominenti fit-tfassil tal-politika, peress li l-preokkupazzjonijiet ambjentali saru trasversali u globali. L-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv identifikat li t-tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku ekoloġiku, b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi hija essenzjali; |
|
2. |
Waħda mit-temi ċentrali ta' dawn iż-żewġ Komunikazzjonijiet hija l-kunċett tal-“ekonomija ekoloġika”, li hija definita bħala mudell li [j]iżgura t-tkabbir u l-iżvilupp, [i]ħares is-saħħa u l-benesseri tal-bniedem, [j]ipprovdi impjiegi diċenti, [i]naqqas l-inugwaljanzi u [j]investi fil-bijodiversità, kif ukoll [j]ippreservaha, anke fis-servizzi relatati mal-ekosistema li hija tipprovdi (kapital naturali), għall-valur intrinsiku tagħha u għall-kontribut essenzjali tagħha għall-benesseri tal-bniedem u għall-prosperità ekonomika" (1); |
|
3. |
It-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika ser ikollha impatt dirett fuq il-kompetittività, kemm tan-negozji individwali kif ukoll tal-ekonomija Ewropea inġenerali. Ir-riżorsi qed isiru skarsi. Il-konsum qed jiżdied f'għadd dejjem ikbar ta' oqsma, u qed noqorbu lejn il-limiti ambjentali tagħna. Tranżizzjoni f'waqtha lejn ekonomija ekoloġika fl-UE mhux biss hija mixtieqa iżda essenzjali għall-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività u l-prosperità fl-iqsar tul ta' żmien possibbli; |
|
4. |
jappoġġja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs u l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi; |
|
5. |
jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni, li esprimiet fiż-żewġ Komunikazzjonijiet, li tranżizzjoni li tirnexxi lejn ekonomija ekoloġika hija fattur kruċjali fil-kompetittività preżenti u futura tal-Unjoni Ewropea; |
|
6. |
jenfasizza r-rwol pivotali li jaqdu s-settur pubbliku u l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika; minbarra l-promozzjoni tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu mudell u punt ta' referenza fl-implimentazzjoni tal-proġetti, il-programmi, il-leġislazzjoni, l-għoti ta' kuntratti u l-ħolqien tal-impjieg fil-kuntest ta' paradigma ġdida tal-ekonomija ekoloġika; |
|
7. |
huwa tal-fehma li huwa fundamentalment importanti li jitkomplew l-isforzi għall-promozzjoni tal-kompetittività ekoloġika tal-SMEs permezz tat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament, l-għoti ta' iżjed informazzjoni, is-semplifikazzjoni tal-leġislazzjoni, it-tnaqqis tal-burokrazija u t-tisħiħ ta' kultura li tiffavorixxi kultura ta' negozji ekoloġiċi; |
|
8. |
japprova l-għan tal-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi li l-politiki tal-impjieg u l-ambjent jaħdmu id f'id biex flimkien jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija kompetittiva, ekoloġika u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. |
|
9. |
jisħaq li l-kwistjoni tal-ħiliet hija partikolarment rilevanti għaż-żgħażagħ, li għadhom qed jiffaċċjaw rata għolja ħafna ta' qgħad ta' iżjed minn 22 %, u għandhom jitħejjew aħjar għall-impjiegi tal-ġejjieni b'mod ġenerali, u għal impjiegi ekoloġiki b'mod partikolari; |
|
10. |
jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġu kkunsidrati mill-ġdid u aġġornati l-kurrikuli tat-taħriġ u l-edukazzjoni, kif ukoll is-sistemi tal-kwalifiki sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika; |
|
11. |
josserva li n-negozji jvarjaw ħafna bejniethom: xi wħud diġà jipprovdu prodotti u servizzi ekoloġiċi, filwaqt li dawk li joffru servizzi u prodotti iżjed tradizzjonali jistgħu wkoll jibbenefikaw, pereżempju, billi jużaw sorsi ta' enerġija u materja prima li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent; |
Definizzjonijiet bażiċi
|
12. |
huwa tal-fehma li l-isfidi ambjentali għandhom jitqiesu kemm bħala opportunità kif ukoll theddida għan-negozji individwali, l-impjegati tagħhom, is-swieq tax-xogħol u l-UE; |
|
13. |
huwa tal-fehma li t-termini u ċ-ċifri bażiċi u l-punt tat-tluq għall-ekonomija ekoloġika għandhom jiġu ċċarati u definiti b'tali mod li jkun hemm ftehim reċiproku dwar it-termini u ċ-ċifri u jkunu wkoll konsistenti u mhux ambigwi; |
|
14. |
huwa tal-fehma li tranżizzjoni li tirnexxi lejn ekonomija ekoloġika hija kruċjali għall-kompetittività attwali u futura tal-UE, u għal din ir-raġuni huwa fundamentali li jiġi żgurat li t-termini jintużaw b'mod konsistenti; |
|
15. |
jenfasizza d-dimensjoni reġjonali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika, u r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-appoġġ għan-negozji lokali u l-ħolqien ta' servizzi tal-impjieg; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-inizjattivi ekoloġiċi eżistenti fil-livell lokali li jistgħu jservu ta' eżempju għal reġjuni oħra tal-UE; |
|
16. |
jenfasizza d-diversità taċ-ċirkustanzi u l-isfidi li jiffaċċja l-livell lokali, u jitlob li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tar-reġjuni f'dak li jirrigwarda l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija; |
|
17. |
jenfasizza li ekonomija ekoloġika li tirnexxi ser ikollha ħames elementi prinċipali: 1) tnaqqis, li jfisser li l-konsum tal-materja prima u l-użu tal-enerġija jridu jitnaqqsu f'kull aspett; 2) l-użu ta' enerġiji nodfa, u b'hekk tiġi evitata d-dipendenza esterna, jitnaqqsu l-emissjonijiet u jinħoloq l-impjieg; 3) effiċjenza, li jfisser li l-materja prima u l-enerġija jridu jintużaw b'mod iżjed effiċjenti fil-katina tal-valur kollha ta' prodott jew servizz partikolari; 4) netwerking u l-iskambju tal-aqwa prattika; l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u s-setturi jipprovdi opportunità biex tingħata spinta lill-provvista tal-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi, anke lis-swieq lil hinn mill-UE; u 5) aċċess għall-finanzjament, li jfisser li huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-finanzjament ikun disponibbli u li titnaqqas il-burokrazija; l-applikazzjonijiet għall-finanzjament għandhom ikun sempliċi, faċli jinftiehmu u anke utli f'oqsma oħra tan-negozju; |
Għan
|
18. |
jenfasizza li, fil-mument tal-valutazzjoni, hemm differenzi sostanzjali fi ħdan is-suq intern tal-UE bejn is-setturi u l-Istati Membri meta niġu għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u jitlob li jittieħdu passi biex titħeġġeġ l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi permezz tal-iskambju ta' eżempji tal-aqwa prattika u tal-fallimenti; |
|
19. |
jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, b'mod partikolari tal-muniċipalitajiet, fl-implimentazzjoni tal-miżuri indikati fil-punt preċedenti, filwaqt li jiġi analizzat jekk dawn il-miżuri għandhomx jiġu ffinanzjati fil-qafas Komunitarju attwali; |
|
20. |
huwa tal-fehma li għandhom jiġu kkunsidrati f'kull stadju tal-katina tal-valur l-isforzi li jsiru għat-titjib tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, u li bis-saħħa ta' dan jitnaqqas b'mod sostanzjali l-bżonn għall-materja prima, u li approċċ imsejjes fuq il-katina tal-valur għandu jiġi integrat fl-attivitajiet tas-settur pubbliku u dak privat; |
|
21. |
huwa tal-fehma li l-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għandu jiffoka fuq miżuri fil-livell tal-UE bil-għan li jallinjaw u jsaħħu l-inizjattivi ekoloġiċi attwali li jintużaw biex jappoġġjaw l-SMEs fil-livell nazzjonali u reġjonali; |
|
22. |
jieħu nota tal-enfasi fuq l-enerġija rinnovabbli u l-bijokarburanti, f'liema qasam l-UE għandha biżżejjed informazzjoni, għarfien u teknoloġija, jitlob għat-tneħħija tal-ostakli għall-iżvilupp sabiex jiġu ġġenerati bosta impjiegi ekoloġiċi kkwalifikati u ta' kwalità għolja u jappoġġja r-RŻI f'dan is-settur; |
|
23. |
jenfasizza l-importanza tal-mentalità ekoloġika u ż-żieda fil-prevalenza tat-tikkettar b'oriġini fl-UE fl-Istati Membri; |
|
24. |
japprova l-għan tal-Kummissjoni Ewropea li fl-2015 twaqqaf Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi u li tikkollegah ma' netwerk ta' sħubijiet fir-reġjuni Ewropej kollha, iżda jitlob lill-Kummissjoni biex, fir-rigward ta' dan iċ-ċentru, tiċċara min se jkunu dawn l-imsieħba u kif ser jintgħażlu; |
|
25. |
jenfasizza wkoll il-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti f'dan il-proċess, għaliex huma l-entitajiet ideali biex jifhmu ċ-ċirkustanzi u l-isfidi speċifiċi fil-livell lokali u reġjonali, u biex jivvalutaw liema huma l-iżjed partijiet interessati lokali rilevanti. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi promoss it-tfassil ta' kartografija li tiddetermina l-potenzjal partikolari ta' kull reġjun bil-għan li l-atturi lokali jiġu megħjuna jidentifikaw il-clusters ta' investiment, il-miżuri biex jappoġġjaw l-impjieg indipendenti u l-ħolqien ta' korsijiet ta' taħriġ u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom b'rabta mal-aspetti differenti tal-ekonomija ekoloġika; |
|
26. |
iqis li hemm bżonn li jiġu stabbiliti miri favur id-disinn ambjentalment responsabbli tal-prodotti u jappella għal responsabbiltà ambjentali akbar min-negozji; |
Viżjoni
|
27. |
jenfasizza li l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għall-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija għandhom ikunu disponibbli għal kulħadd fl-Istati Membri differenti rigward il-kwistjonijiet ewlenin, u li għandhom jittieħdu passi biex jiġi żgurat livell adegwat ta' għarfien fil-livell lokali; |
|
28. |
jitlob li jsiru sforzi biex jixtered iżjed il-prinċipju tat-tagħlim tul il-ħajja; fattur ewlieni huwa l-ħakma ta' informazzjoni ġdida, peress li l-ekonomija ekoloġika titlob tibdil u azzjoni trasparenti rigward it-taqsimiet differenti tal-proċess tal-katina tal-valur; |
|
29. |
jenfasizza li, attwalment, ma hemmx bilanċ adegwat bejn ix-xogħol u l-ħiliet disponibbli u t-tibdil sistemiku miexi bil-mod; il-proġett ESCO tal-Kummissjoni huwa eżempju tajjeb ta' tentattiv biex l-impjegaturi jitqabblu mal-impjegati li huma kkwalifikati għar-rwol; għal aktar proposti dwar tlaqqigħ tax-xogħol mal-ħiliet, il-KtR jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar “Qafas ta' kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u r-ristrutturar” (2); |
|
30. |
jisħaq li l-ekonomija ekoloġika ser tinvolvi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, li ser toħloq impjiegi ġodda u innovattivi. Dan ifisser li l-postijiet antiki tax-xogħol ser jiġu sostitwiti minn postijiet ġodda u l-profili okkupazzjonali tal-impjiegi jkollhom jiġu definiti mill-ġdid; |
|
31. |
jitlob li tiġi promossa kooperazzjoni iżjed mifruxa bejn l-awtoritajiet, l-SMEs, l-assoċjazzjonijiet u l-istabbilimenti edukattivi, peress li l-ħakma ta' tipi ġodda ta' informazzjoni titlob li l-miżuri u l-istrumenti għall-finanzjament ikunu mmirati u kkoordinati aħjar; |
|
32. |
jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku bħala mezz li jistimula l-implimentazzjoni tal-ekonomija ekoloġika, billi jintuża l-pakkett Ewropew attwali billi, bl-użu ta’ fondi Ewropej eżistenti, tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet, l-SMEs u korpi lokali u reġjonali oħra, ikkoordinati bħala elementi ewlenin ta’ għarfien (edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni) f’forom sinergiċi bħalma huma r-raggruppramenti jew il-pjattaformi ta’ innovazzjoni miftuħa għall-iskambju tal-għarfien u l-influwenza reċiproka tal-għarfien; |
|
33. |
jitlob li, fid-dawl tal-għarfien importanti u s-setgħat li għandhom f'dan il-qasam, l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti bis-sħiħ fil-miżuri ta' koordinazzjoni. Diġà jeżistu eżempji tajbin ta' sħubijiet li jintużaw mill-awtoritajiet lokali biex jipprovdu n-negozji u l-assoċjazzjonijiet b'pariri dwar kwistjonijiet marbutin mal-enerġija, fost l-oħrajn dwar kif jiġu identifikati s-sussidji u l-possibbiltajiet ta' finanzjament, rakkomandazzjonijiet dwar miżuri individwali, l-iżvilupp ta' inventarju li jiġbor fih il-provvedituri tat-tagħmir u tas-servizzi, u għajnuna għat-tħejjija tas-sejħiet għall-offerti; |
Strateġija
|
34. |
jaqbel mal-Kummissjoni dwar il-bżonn li jiġu kkunsidrati mill-ġdid u aġġornati l-kurrikuli tat-taħriġ u l-edukazzjoni, kif ukoll is-sistemi tal-kwalifiki b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex tiġi kkunsidrata u ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u jipproponi li l-proċessi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jinkludu mill-inqas modulu wieħed dedikat għal dan is-suġġett. Għandhom ukoll jittieħdu passi biex jiġi eżaminat kif jiġi ssorveljat l-impatt tat-taħriġ, peress li hemm bżonn monitoraġġ fit-tul kemm f'livell ogħla kif ukoll f'wieħed iżjed baxx; |
|
35. |
huwa mħasseb dwar l-adegwatezza, il-prevedibbiltà u l-livell ta' taħriġ marbutin mal-ekonomija ekoloġika u l-ħiliet ekoloġiċi fl-Istati Membri differenti. Huwa kruċjali li jiġi żgurat li jinħolqu korsijiet ta' taħriġ fl-Istati Membri li jkopru għarfien ambjentali, legali u dak marbut man-negozju, li għandu jiżgura wkoll li l-uffiċjali jkollhom id-data u l-ħiliet meħtieġa; |
|
36. |
jisħaq li l-kwistjoni tal-ħiliet ġodda hija partikolarment rilevanti għaż-żgħażagħ, li għandhom jitħejjew aħjar għall-impjiegi tal-ġejjieni b'mod ġenerali, u l-impjiegi ekoloġiċi b'mod partikolari; |
|
37. |
jenfasizza l-bżonn għal perspettiva usa' u li jiġi kkunsidrat l-impatt fit-tul sabiex il-ħiliet ambjentali jkunu jistgħu jiġu kkombinati ma' kompetenzi sodi marbutin man-negozju. Mentalità miftuħa għall-ħtiġijiet tal-ambjent u tan-negozji għandha tibda titrawwem fost it-tfal tal-iskola, peress li l-professjonijiet il-ġodda ser jitolbu kemm ħiliet fix-xjenzi naturali, kif ukoll dawk tekniċi u matematiċi. Din is-sensibilizzazzjoni għandha wkoll tingħata prominenza speċjali fi programmi ta’ edukazzjoni għall-adulti; |
|
38. |
jinsab imħasseb dwar il-fatt li ftit hemm SMEs fl-Ewropa li huma konxji tal-possibbiltà li jużaw ir-riżorsi b'mod iżjed effiċjenti, jew tal-benefiċċji ekonomiċi li jistgħu jiksbu meta jisfruttaw dan l-għarfien fil-prattika; |
|
39. |
jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali li għandhom setgħat fiskali jimplimentaw, anke permezz ta' taxxi u imposti iżjed baxxi, l-akkwist pubbliku u t-tnaqqis tat-taxxi, mekkaniżmi ta' diskriminazzjoni pożittiva favur l-intrapriżi li japplikaw il-prinċipji u l-kunċetti tal-ekonomija ekoloġika, fil-kuntest tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; |
|
40. |
jitlob li l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' taħriġ u finanzjament tkun adattata għall-SMEs fis-setturi differenti, peress li mhux bilfors japprezzaw il-bżonn għal taħriġ assoċjat mal-ekonomija ekoloġika; |
|
41. |
jitlob li jiġu stabbiliti inċentivi għall-ikkompletar tal-ħiliet, għaliex huwa essenzjali li jinkisbu informazzjoni u għarfien ġodda. Għandu jiġi mifhum kif il-materjali kollha li jistgħu jiġu riċiklati jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra u jinbidlu f'materjali ġodda u innovattivi, u x'inhuma r-regoli u r-rekwiżiti; |
|
42. |
josserva li l-ispejjeż tal-materja prima żdiedu f'75 % tal-SMEs fl-UE matul perjodu ta' ħames snin, u li l-miżuri għall-ittestjar ta' metodi ġodda u t-tixrid sistematiku tagħhom huma meħtieġa mill-iżjed fis sabiex tiġi protetta l-kompetittività tan-negozji; |
|
43. |
jirrakkomanda li s-setturi differenti jeżaminaw f'iżjed dettall l-opportunitajiet għal kooperazzjoni msaħħa, kif ukoll opportunitajiet biex jisfruttaw l-għarfien fis-servizzi rispettivi tagħhom, il-prodotti jew il-komponenti tagħhom. Dan ser jipprovdi opportunitajiet intraprenditorjali lin-negozji ż-żgħar b'mod partikolari, li jistgħu jiffurmaw entitajiet akbar permezz tan-netwerking. Għandhom jinġabru eżempji, u l-aqwa prattika għandha tixtered fl-Istati Membri; |
|
44. |
jirrakkomanda li tiġi eżaminata kull opportunità biex l-SMEs jiġu megħjuna jintroduċu mill-ġdid materja prima użata u żejda fil-katini tal-produzzjoni u l-valur tagħhom, jew anke bħala parti mill-produzzjoni ta' negozju ieħor. Eżempju ta' dan huwa l-kunċett ta' sistema tal-enerġija f'ċiklu magħluq adattat għaċ-ċirkustanzi lokali, fejn l-iskart, l-enerġija mitlufa, in-nutrijenti u s-CO2 jintużaw u jiġu riċiklati lura fil-produzzjoni tal-enerġija u l-ikel; |
|
45. |
josserva l-bżonn li titħeġġeġ il-kooperazzjoni intraprenditorjali bejn is-settur tal-ikel organiku u setturi oħra potenzjalment marbutin miegħu: ir-restoranti u s-servizzi għall-forniment tal-ikel u x-xorb, it-turiżmu rurali, l-agrituriżmu, it-turiżmu marbut man-natura, il-produzzjoni ta' imballaġġ sostenibbli u/jew artiġjanali, il-kostruzzjoni sostenibbli, il-produzzjoni ta' ikel tradizzjonali, eċċ.; |
|
46. |
jirrakkomanda li ssir kampanja ta' sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli orjentata lejn iċ-ċittadini tal-UE, li tenfasizza l-opportunitajiet li għandu kull wieħed u waħda minnha biex individwalment ninfluwenzaw l-ammont u l-ipproċessar tal-iskart; |
|
47. |
josserva li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol kruċjali x'jaqdu fil-ksib tal-miri tal-UE marbutin mal-emissjonijiet. Eżempju tajjeb huwa l-proġett Finlandiż “Kohti hiilineutraalia kuntaa” (“Lejn belt newtrali fl-użu tal-karbonju”), li l-għan tiegħu huwa li l-atturi lokali – il-kunsill lokali, ir-residenti u n-negozji – jimpenjaw ruħhom li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra. Il-proġett għandu l-għan li jidentifika approċċi ġodda u innovattivi li joħolqu impjiegi lokali, u li huma bbażati fuq l-użu sostenibbli ta' riżorsi naturali lokali u effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija; |
|
48. |
jirrakkomanda li jiġu żviluppati l-kunċetti tal-iskambju tal-ekonomija u tal-ekonomija tas-servizzi li permezz tagħhom, minflok l-idea ta' sjieda tradizzjonali, il-konsumaturi jistgħu jixtru l-prodotti bħala servizz u mbagħad jeħduhom lura fi tmiem iċ-ċiklu ta' ħajjithom għand il-produttur bil-għan li jerġgħu jintużaw; |
|
49. |
jirrakkomanda li jiġu żviluppati metodi aħjar ta' kalkolu li jipprovdu kejl iżjed affidabbli tal-konsum tal-enerġija; |
|
50. |
jifhem li l-ħolqien ta' prodotti li jirrispettaw l-ambjent iżda fl-istess ħin jirnexxu mil-lat kummerċjali ser jitlob investiment finanzjarju sostanzjali kemm fl-iżvilupp u t-tnedija tal-prodotti kif ukoll fir-reġistrazzjoni tal-prodotti u s-servizzi ġġenerati mill-iżvilupp tal-prodotti inkwistjoni. Fil-ġejjieni, il-leġislazzjoni ser ikollha tkun kapaċi tipprovdi opportunità għall-iżvilupp rapidu ta' innovazzjonijiet ġodda, pjuttost milli tirrestrinġih jew tillimitah; |
|
51. |
jissuġġerixxi li jiġi promoss l-użu ta’ sistemi ta’ ġestjoni ambjentali, b’mod partikolari s-sistema Ewropea tal-EMAS, bil-għan li tiġi inkorporata l-kultura ekoloġika fit-teħid tad-deċiżjonijiet mill-kumpaniji, u b’hekk isiru iżjed effettivi kemm il-funzjonament tagħhom kif ukoll l-informazzjoni pprovduta lill-pubblika dwar il-prestazzjoni ambjentali tagħhom; |
Effetti
|
52. |
jaqbel mal-Kummissjoni li l-Istati Membri jistgħu wkoll inaqqsu l-kost lavorattiv billi jużaw id-dħul mill-irkantar fil-qafas tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS), iżda jenfasizza li l-ETS fil-forma attwali tagħha mhijiex kompletament effettiva; |
|
53. |
jilqa' b'sodisfazzjon l-enfasi tal-inizjattiva fuq il-promozzjoni tal-intraprenditorija, u jtenni l-fehma tiegħu li l-Ewropa għandha tippreżenta l-intraprenditorija liż-żgħażagħ bħala għażla ta' karriera possibbli u promettenti; |
|
54. |
huwa tal-fehma li, flimkien mal-ekonomija ekoloġika, l-intraprenditorija soċjali tista' tiġi kkunsidrata bħala alternattiva siewja għall-modi tradizzjonali ta' kif isir in-negozju kemm għal skop ta' qligħ kif ukoll mhux; f'dan ir-rigward, jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieda tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-aċċess tan-negozji soċjali għall-finanzjament; |
|
55. |
huwa tal-fehma li permezz tal-innovazzjoni u d-disinn mill-ġdid tal-prodotti u l-mudelli tal-produzzjoni u n-negozju, l-intrapriżi jistgħu jnaqqsu l-użu ta' materja prima għalja u jnaqqsu l-iskart; |
|
56. |
jemmen li l-introduzzjoni ta' sistema Ewropea uniformi għaċ-ċertifikazzjoni tal-ekonomija ekoloġija tkun ta' benefiċċju għan-negozju b'mod partikolari, u fuq perjodu twil ta' żmien tipprovdi l-prevedibbiltà, peress li jkunu magħrufin minn qabel l-interpretazzjonijiet legali ta' firxa ta' oqsma differenti ta' kunflitt legali; |
|
57. |
josserva li l-materja prima, l-ilma u l-enerġija jirrappreżentaw 50 % tal-ispejjez totali kollha tal-manifattura tan-negozji (3). It-tnaqqis ta' din iż-żieda eċċessiva fl-ispejjeż tal-intrapriżi permezz ta' reviżjoni tas-sistema tal-produzzjoni, tat-trasport u d-distribuzzjoni tal-enerġija, u żieda fl-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-enerġija jistgħu jiġġeneraw iffrankar sostanzjali ħafna. Din is-sitwazzjoni tidher ferm iżjed rilevanti meta wieħed iqis iż-żieda fl-ispejjez tal-enerġija u bosta materja prima f'dawn l-aħħar snin; |
|
58. |
jirrakkomanda li l-operaturi fil-livell lokali u reġjonali jkunu infurmati b'mod immirat dwar il-potenzjal tas-sorsi ta' finanzjament tal-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 u li dan il-finanzjament jintuża biex jgħin lill-SMEs “ekoloġiċi”: bħala eżempji nsibu l-FEŻR, l-FSE, il-FAEŻR, il-programm LIFE, il-Faċilità ta' Finanzjament Kapitali Naturali (Natural Capital Financing Facility), l-Istrument ta' Finanzjament Privat għall-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (Private Financing for Energy Efficiency Instrument), il-COSME u l-Orizzont 2020; |
|
59. |
iqajjem il-kwistjoni tat-tranżizzjoni lejn taxxi u imposti ambjentali bħala strumenti biex jixprunaw il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà ambjentali li, skont il-Kummissjoni, huma inqas ta' ħsara għat-tkabbir u jwasslu kemm għal prestazzjoni ambjentali aħjar kif ukoll għal livell ogħla ta' impjieg. L-Istati Membri li ppruvaw it-taxxi ambjentali jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom b'mod iżjed mifrux, u Stati Membri oħra jistgħu jsegwu din il-prattika; |
|
60. |
josserva li l-Kummissjoni u l-Istati Membri żviluppaw indikaturi u għodod applikabbli li jiżguraw li s-swieq fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali u reġjonali jinftiehmu aħjar. Bil-għan li jagħmlu impatt, l-Istati Membri għandhom jużaw moduli armonizzati tal-UE fl-implimentazzjoni u meta jittrasferixxu d-data; |
|
61. |
itenni l-osservazzjoni tiegħu li sabiex jinħoloq ambjent favorevoli għan-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi jridu jinvestu f'infrastruttura ta' kwalità għolja fl-oqsma tat-trasport u tat-teknoloġija diġitali, fost l-oħrajn, u sabiex jiksbu dan għandhom bżonn l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea; |
|
62. |
jifhem li l-SMEs għandhom nuqqas ta' għarfien, netwerks u ħiliet tal-IT, u għalhekk isibuha diffiċli jaħtfu l-opportunitajiet ipprovduti mill-prevenzjoni tal-iskart u l-użu mill-ġdid tal-prodotti, il-materja prima u l-iskart bħala parti minn katini differenti tal-valur; |
|
63. |
jenfasizza li l-ispejjeż għaljin marbutin mal-investiment inizjali jistgħu jkomplu jnaqqsu l-interess fl-implimentazzjoni ta' attivitajiet tan-negozju relatati mal-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tar-riżorsi, peress li l-SMEs iridu jiġġudikaw jekk l-attivitajiet humiex vijabbli mil-lat kummerċjali. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu miżuri leġislattivi u dawk marbutin mat-tassazzjoni, kif ukoll tipi oħra ta' għajnuna, biex inaqqsu l-impatt tagħhom; |
|
64. |
huwa tal-fehma li jeħtieġ li jiġu adottati b'mod usa' u jixterdu fl-Istati Membri kollha standards ekoloġiċi li jirrispettaw il-bijodiversità u jippromovu politiki għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, u li għal dan il-għan hemm bżonn komunikazzjoni regolari mal-konsumaturi; |
|
65. |
jirrikonoxxi li l-prinċipji miġbura fl-istandards tal-ekonomija ekoloġika fil-livell tal-UE għandhom jiġu ankrati fl-attivitajiet kollha tal-SMEs, iżda huwa wkoll kruċjali li l-utenti finali tal-prodotti, jiġifieri l-konsumaturi, jixtru prodotti ċċertifikati bħala responsabbli mil-lat ambjentali; |
|
66. |
josserva li katina tal-valur li tkun iżjed ekoloġika, u li tinvolvi l-manifatturar mill-ġdid, it-tiswijiet, il-manutenzjoni, ir-riċiklaġġ u d-disinn ekoloġiku, tista' tipprovdi opportunitajiet kummerċjali konsiderevoli għal bosta SMEs, iżda l-ostakli leġislattivi, istituzzjonali, tekniċi u kulturali jimpedixxu lill-SMEs milli jibbenefikaw minn dan u għalhekk dawn l-ostakli għandhom jitneħħew jew, jekk mhuwiex possibbli li jitneħħew, għandhom jinstabu modi biex jingħelbu. |
Brussell, 12 ta' Frar 2015
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Markku MARKKULA
(1) Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna”. ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171-200
(2) CDR 1319/2014.
(3) Europe INNOVA (2012) Guide to resource efficiency in manufacturing: Experiences from improving resource efficiency in manufacturing companies, p. 6. Disponibbli hawnhekk.