29.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 285/40


P7_TA(2014)0130

Governanza tas-Suq Uniku

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-Governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014 (2013/2194(INI))

(2017/C 285/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bl-isem 'Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014' (COM(2013)0800) u r-Rapport tal-Kummissjoni bl-isem 'Suq Uniku għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Analiżi tal-Progress li sar u tal-Ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014' (COM(2013)0785) u l-analiżi tal-kuntest għal dak ir-rapport, bl-isem 'Katini tal-valur fl-UE u barra minnha',

wara li kkunsidra l-ewwel Rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 dwar 'L-Istat ta' Integrazzjoni tas-Suq Uniku 2013 – Kontribuzzjoni għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013' (COM(2012)0752),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2012 bit-titolu “Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid” (COM(2012)0573),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta’ Gunju 2012 bit-titolu “Governanza Aqwa tas-Suq Uniku” (COM(2012)0259),

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2012 bit-titolu “Nagħmlu Suċċess mis-Suq Uniku – Kontroll annwali fuq il-governanza 2011” (SWD(2012)0025),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 bl-isem “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – ‘Flimkien għal tkabbir ġdid’” (COM(2011)0206),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 bit-titolu “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (COM(2010)2020),

wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku Online li saret pubblika fl-4 ta' Lulju 2013,

wara li kkunsidra t-Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 26 (Frar 2013),

wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta’ Ġunju 2013,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tad-29 u t-30 ta’ Mejju 2013, dwar ir-Regolamentazzjoni Intelliġenti,

wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Marzu 2013,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tat-18 u d-19 ta' Frar 2013 dwar l-Istħarriġ dwar it-Tkabbir Annwali 2013 u l-Att dwar is-Suq Uniku,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku (1), u s-segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-8 ta' Mejju 2013,

wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 bit-titolu 'L-Att dwar is-Suq Uniku – Il-Passi li jmiss għat-Tkabbir' (2), u s-segwitu tal-Kummissjoni adottat fis-26 ta' Settembru 2012,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ April 2011 dwar il-governanza u s-sħubija fis-suq uniku (3),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0066/2014),

A.

billi l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2013 nieda t-tielet ċiklu tas-Semestru Ewropew u issa jinkludi – għall-ewwel darba – rapport annwali dwar l-istat ta' integrazzjoni tas-Suq Uniku;

B.

billi Suq Uniku li jiffunzjona sew u b'mod effettiv ibbażat fuq ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva hu essenzjali għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

C.

billi l-Parlament talab l-inklużjoni sħiħa ta' pilastru dwar is-Suq Uniku fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew;

D.

billi governanza aħjar tas-Suq Uniku għandu jkollha l-għan li tiżgura traspożizzjoni kif ukoll implimentazzjoni aħjar u aktar malajr tad-direttivi u r-regolamenti relatati miegħu u speċjalment jekk konnessi mas-setturi ewlenin identifikati;

E.

billi l-kwalità tal-programmi ta' riforma nazzjonali skont is-Semestru Ewropew ivarjaw sew f'termini ta' sustanza, trasparenza u fattibbiltà;

F.

billi s-Suq Uniku għandu jidher li hu strettament konness ma' oqsma ta' politiki orizzontali oħra, bħall-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, id-drittijiet soċjali, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli;

G.

billi l-Atti dwar is-Suq Uniku I u II jirrapreżentaw strateġija orizzontali mibnija sew li wasslet għal miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi konkreti li kapaċi jilliberaw il-potenzjal ta' tkabbir mhux sfruttat tas-Suq Uniku, kif ukoll ineħħu l-ostakli għalih;

H.

billi l-Kummissjoni identifikat is-servizzi, is-servizzi finanzjarji, it-trasport, l-enerġija u s-suq diġitali bħala oqsma ewlenin biex ikun hemm funzjonament aħjar u tisħiħ tas-Suq Uniku; billi l-metodoloġija li tiddefinixxi dawn l-oqsma għandha tkun valutata u riveduta fuq bażi regolari, filwaqt li jitqiesu l-miri ta' tkabbir u l-perspettiva kif ukoll il-kriterji li jipprovdu l-protezzjoni meħtieġa għaċ-ċittadini, b'mod partikolari l-konsumaturi, il-professjonisti u l-ħaddiema;

I.

billi għadna ma ksibniex suq uniku diġitali li jiffunzjona kompletament għas-servizzi online u l-komunikazzjonijiet fl-Ewropa; billi l-moviment ħieles ta’ servizzi diġitali u l-kummerċ elettroniku transkonfinali llum il-ġurnata hu mxekkel minn regoli frammentati fil-livell nazzjonali, billi l-kumpaniji Ewropej u s-servizzi pubbliċi se jiksbu benefiċċji ekonomiċi u soċjali mill-użu ta’ servizzi u applikazzjonijiet avanzati tal-ICT;

J.

billi infrastruttura aċċessibbli u effiċjenti tat-trasport Ewropew, politika industrijali Ewropea ambizzjuża u l-ħolqien ta' suq uniku tal-enerġija – bl-għan li jappoġġaw il-kompetittività tan-negozji tal-UE u jiżguraw aċċess universali u bi prezz raġonevoli għall-enerġija lill-unitajiet familjari u lill-konsumaturi – huma vitali għas-Suq Uniku tal-UE; billi hu għalhekk meħtieġ li jkunu definiti l-azzjonijiet ta' prijorità f'dawn l-oqsma;

Is-Semestru Ewropew

1.

Itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-governanza tas-Suq Uniku billi tistabbilixxi ċiklu annwali ta’ governanza tas-Suq Uniku, bħala pilastru speċifiku tas-Semestru Ewropew, li jinkludi Tabella ta’ Valutazzjoni tas-Suq Intern, rapport annwali dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku bħala parti mill-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir, gwida tal-Kunsill Ewropew għall-Istati Membri, pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali bl-għan li jiġu implimentati l-linji gwida tas-Suq Uniku u rakkomandazzjonijiet dedikati speċifiċi għall-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra sew l-oqsma ewlenin ta' tkabbir – identifikati bħala s-settur tas-servizzi, is-settur tal-enerġija, is-settur tat-trasport u s-suq uniku diġitali – u l-miżuri inklużi fl-Atti dwar is-Suq Uniku I u II;

2.

Jenfasizza l-ħtieġa li jkun definit is-Suq Uniku bħala t-tielet pilastru tas-Semestru Ewropew sabiex ikopri għadd ta' prijoritajiet ċari relatati mal-ekonomija reali; jemmen li d-definizzjoni u l-ilħuq ta' dawn il-prijoritajiet huma essenzjali biex ikun stimulat it-tkabbir, jitnaqqas id-distakk preżenti fl-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, filwaqt li tiġi żgurata konverġenza ekonomika bejn l-Istati Membri ġewwa u barra ż-żona tal-ewro u fiż-żoni fil-qalba u dawk periferali tal-UE;

3.

Ifakkar fl-opinjoni tiegħu li l-ewwel rapport dwar l-istat ta' integrazzjoni tas-Suq Uniku kien insuffiċjenti u inkomplet; jemmen, għalhekk, li r-rapporti futuri għandhom ikunu aktar ċari fir-rigward tad-defiċjenzi attwali fi Stati Membri speċifiċi, jipprovdu gwida aktar konkreta dwar rimedji possibbli u benefiċċji mistennija, u jindikaw mezzi ta' lieva effiċjenti li jsaħħu t-tkabbir u l-kompetittività u, b'hekk, joħolqu l-impjiegi li flimkien jistgħu jipprovdu rispons konkret għall-kriżi soċjali u ekonomika attwali;

4.

Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni għall-2014 dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku (COM(2013)0785) u jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tintegra aktar is-Suq Uniku fil-kunsiderazzjonijiet tas-Semestru Ewropew; japprezza l-fatt li r-rapport dwar l-istat tas-Suq Uniku fl-2014 fih numru ta' elementi speċifikament relatati ma' azzjonijiet meħuda minn Stati Membri individwali; iqis madankollu li r-rapport għadu nieqes minn xi tip ta' valutazzjoni kwalitattiva tal-effikaċja tal-miżuri meħuda, tal-progress li sar u tar-riżultati ta' politika li ntlaħqu verament; jitlob li tkun żviluppata għodda analitika li tkejjel l-integrazzjoni tas-suq Uniku fil-qafas tal-pilastru tas-Suq Uniku tas-Semestru Ewropew fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet speċfiċi għall-pajjiż; jemmen li din l-għodda analitika tista' tkompli tikkumplimenta t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Uniku;

5.

Jemmen li hemm ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni u koerenza orizzontali fit-tħejjija ta' proposti leġiżlattivi b'relevanza għas-Suq Uniku; jemmen li l-governanza tas-Suq Uniku għandha tikkunsidra sew il-ħtiġijiet tal-partijiet interessati kollha u li jeħtieġ involviment aktar b'saħħtu u aktar kmieni tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet interessati oħra biex jitfasslu, jiġu adottati, implimentati u sorveljati l-miżuri meħtieġa sabiex jitħeġġeġ it-tkabbir u jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini fis-Suq Uniku;

6.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' konsultazzjonijiet komprensivi u ta' valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati qabel ma l-Kummissjoni tadotta proposta; jenfasizza li l-proposti tal-Kummissjoni għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Intelliġenti, tal-Adegwatezza Regolatorja u jinkudu valutazzjoni tal-impatt fuq l-SMEs, u għandu jkollhom l-approvazzjoni tal-Bord ta' Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li l-valutazzjonijiet tal-impatt iridu jevalwaw l-effetti ta' leġiżlazzjoni ġdida relatata ma' prospetti għal tkabbir u mal-kompetittività tal-Ewropa;

7.

Iqis li l-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew għandu jkun marbut ma' proċess demokratiku aktar profond b'involviment akbar tal-parlamenti nazzjonali filwaqt li jissaħħu l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew;

8.

Jemmen li rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż maħruġa f'dan il-proċess għandhom iqisu l-progress magħmul minn kull Stat Membru u li l-arranġamenti nazzjonali biex tkun implimentata l-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku ma jkunux obbligati jsegwu approċċ wieħed li jkun tajjeb għal kulħadd, imma minflok għandhom ifittxu li jsaħħu l-effikaċja ta' miżuri meħuda u ta' riżultati ta' politika attwalment miksuba;

9.

Jitlob li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż mistennija fiċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew 2014 jirriflettu r-riżultati tar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku b'mod aktar b'saħħtu u rigoruż mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għall-2013;

10.

Hu tal-fehma li t-tielet pilastru tas-Semestru Ewropew, iddedikat lill-integrazzjoni tas-Suq Uniku, għandu jkun immirat biex jidentifika politiki u miżuri ta' prijorità li jistimulaw u li jerġgħu jagħtu spinta lill-ekonomija reali; iqis li dan il-għan jintlaħaq b'mod effettiv biss jekk l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jikkondividuh u jappoġġawh b'mod konsistenti; jinkoraġġixxi, għal din ir-raġuni, organizzazzjoni ffukata tal-ħidma tal-Kunsill tal-Kompetittività sabiex din tkun espliċitament iddedikata biex twassal dawk il-prijoritajiet ta' relevanza lill-ekonomija reali fis-Semestru Ewropew;

Is-setturi ewlenin

11.

Iqis li s-setturi ewlenin identifikati mill-Kummissjoni – is-servizzi, is-servizzi finanzjarji, it-trasport, l-enerġija u s-suq diġitali – jibqgħu deċisivi biex ikun hemm integrazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku; iqis, barra minn hekk, li sabiex jintlaħaq tkabbir imġedded, it-tnedija mill-ġdid ta' politika industrijali konsistenti u integrata li tiffoka fuq dawn is-setturi għandha tinkludi wkoll sforzi li jsaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini – inklużi dawk tal-konsumaturi u tal-ħaddiema – u mudell ta' kompetittività bbażat fuq it-tagħrif u l-innovazzjoni permezz ta' inċentivi tal-UE li jagħtu spinta lill-investiment u l-aċċess għall-finanzi, ir-R&Ż, u l-appoġġ għal edukazzjoni ogħla;

12.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa politika industrijali Ewropea ġenwina; jemmen li l-industrijalizzazzjoni mill-ġdid għandha tkun prijorità trassettorjali għall-Unjoni; iqis li din il-politika industrijali ġdida għandha tinkludi t-tisħiħ tar-regoli tas-Suq Uniku, strateġija olistika għad-dimensjoni esterna tas-Suq Uniku b'enfasi partikolari fuq politiki koerenti tal-protezzjoni tal-konsumaturi u aċċess imtejjeb għal kapital u infrastrutturi sabiex tiżdied il-kompetittività tal-kumpaniji u jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal swieq dinjin;

13.

Jenfasizza li, bit-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-persuni, tal-prodotti, tas-servizzi u tal-kapital, is-Suq Uniku jagħmilha possibbli li n-negozji joperaw fuq skala akbar, biex b'hekk isaħħaħ l-abbiltà tagħhom ta' innovazzjoni, ta' investiment, ta' żieda fil-produttività u ta' ħolqien ta' impjiegi;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni dettaljat ta' miżuri mfassla biex jinkiseb Suq Uniku tal-enerġija li jkun integrat u interkonness b'mod sħiħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi jiġu pprovduti bi prezzijiet trasparenti u komparabbli tal-enerġija filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat li l-konsumaturi, inklużi l-konsumaturi vulnerabbli, ikunu protetti; jenfasizza l-ħtieġa ta' investiment konsiderevoli fl-infrastruttura tal-enerġija u hu tal-fehma li s-setturi kollha tal-utilitajiet għandhom iżommu l-pass mal-progress fis-settur tal-enerġija;

15.

Jenfasizza li hu essenzjali li titjieb l-infrastruttura – b'mod partikolari l-konnessjonijiet transkonfinali u l-interoperabbiltà – li tiżgura li s-Suq Uniku jista' jiffunzjona b'mod effettiv; jemmen li sistema ta' trasport Ewropea, unika, interkonnessa u effiċjenti hi kruċjali għall-moviment ħieles ta' prodotti, persuni u servizzi fi ħdan is-Suq Uniku; jemmen li aktar investiment hu essenzjali biex jintlaħqu dawn l-objettivi u jtenni li għandhom jitwaqqfu firxa wiesgħa ta' strumenti finanzjarji għal dawn il-proġetti;

16.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni attwali u ta' proposti ulterjuri tal-Kummissjoni dwar is-servizzi diġitali tista' tgħin biex l-Ewropa tagħmel użu sħiħ tas-suq intern; jitlob li jkun hemm politika għal suq uniku diġitali li tagħmel is-servizzi online fl-Ewropa aktar kompetittivi, aktar effettivi lil hinn mill-fruntieri u aktar trasparenti filwaqt li tipprovdi livell għoli ta' aċċessibbiltà u protezzjoni tal-konsumatur; jenfasizza l-importanza ta' investimenti mmirati u jinnota li l-ħidma dwar il-proposta għal Kontinent Konness se tgħin biex tnaqqas id-differenza fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri billi tinkoraġġixxi l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet;

17.

Jitlob implimentazzjoni ambizzjuża tal-Aġenda tal-Konsumatur, inklużi miżuri leġiżlattivi u ta' programmar, bl-għan li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur u l-fiduċja fis-Suq Uniku, tingħata s-setgħa lill-konsumaturi, titħeġġeġ imġiba responsabbli mill-konsumatur medju u tiżdied il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli;

18.

Hu tal-fehma li b'aċċess aktar faċli għal fondi mill-SMEs jistgħu jittaffew ir-restrizzjonijiet ta' likwidità u jiżdied il-kapital operatorju tal-SMEs; jilqa' l-fatt li, fost il-prijoritajiet stipulati mill-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2014 u fir-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, l-iżvilupp ta' forom ta' finanzjament alternattiv għall-SMEs għandu prijorità għolja; jappoġġja b'saħħa l-objettiv ta' żvilupp ta' bonds speċifiċi u ta' suq tal-borża dedikat għall-SMEs, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni prattika sabiex jintlaħaq dan l-objettiv; barra minn hekk, jappoġġa inizjattivi meħuda fil-livell tal-UE li jikkumplimentaw l-isforzi nazzjonali fiż-żieda ta' mikro-krediti u t-tisħiħ tal-intraprenditorija soċjali, inkluż l-appoġġ tal-banek għall-iżvilupp li jagħtu self b'rati tal-imgħax aktar baxxi mill-banek kummerċjali; jinnota l-importanza partikolari li l-SMEs jingħataw appoġġ permezz tal-programmi COSME u Orizzont 2020;

19.

Jenfasizza r-rilevanza tal-ostakoli għall-funzjonament tas-Suq Uniku kkawżati mill-framentazzjoni tas-servizzi tas-suq finanzjarju għall-konsumatur, kif enfasizzat mill-Kummissjoni fir-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, b'mod partikolari fir-rigward ta' rati tal-imgħax ferm differenti għas-self mill-banek li jħallu impatt qawwi fuq il-konsumaturi, il-familji u l-SMEs; jinsab konvint li dawn id-differenzi jfixklu l-aċċess effettiv għall-finanzjament u jħallu impatt negattiv fuq l-ekonomija reali; jinsab imħasseb dwar l-impressjoni negattiva li għandhom il-konsumaturi dwar il-frammentazzjoni u l-prestazzjoni insuffiċjenti tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, l-aktar fir-rigward tal-kontijiet tal-bank, is-self ipotekarju, il-pensjonijiet privati u t-titoli;

20.

Jemmen li r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji għandha tipprevedi informazzjoni aħjar, protezzjoni mtejba u rimedju effettiv għall-konsumaturi; jenfasizza l-ħtieġa ta' konklużjoni rapida u pożittiva tal-ħidma fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi dwar il-konsumatur u s-suq tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, b'mod partikolari l-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet ta' pagamenti, il-bdil tal-kontijiet ta' pagamenti u l-aċċess għall-kontijiet ta' pagamenti b'karatteristiċi bażiċi; hu tal-fehma li għandhom jitressqu aktar proposti, bħar-reġim speċifiku ta' insolvenza tal-konsumatur biex itejjeb l-arranġamenti frammentati u inadegwati attwali, sabiex jiġi nkoraġġit l-investiment sikur ta' tfaddil privat fl-ekonomija reali;

21.

Jiddispjaċih li, minkejja l-evidenza qawwija dwar l-importanza tas-Suq Uniku biex tingħeleb il-kriżi, il-moviment liberu taċ-ċittadini, b'mod partikolari ta' ħaddiema u professjonisti fl-Ewropa għadu mhux ikkompletat u li għalhekk jinħtieġu miżuri aktar b'saħħithom sabiex jitneħħew l-ostakli li baqa' u jiġi stimulat it-tkabbir filwaqt li jiġu garantiti d-drittijiet taċ-ċittadini u tal-ħaddiema; jenfasizza l-ħtieġa ta' żvilupp bilanċjat tas-suq intern, abbażi ta' implimentazzjoni sħiħa tal-libertajiet ekonomiċi bi qbil mal-ekonomija tas-suq soċjali;

22.

Ifakkar li l-metodu ċikliku ta' tressiq ta' Atti tas-Suq Uniku ta opportunitajiet biex jiġu identifikati u diskussi fuq bażi regolari l-prijoritajiet dwar l-iżvilupp tas-Suq Uniku; iqis li dan il-metodu għandu jissaħħaħ u jiġi żviluppat aktar;

23.

Jilqa' l-pakkett ta' proposti leġiżlattivi għal regolamentazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott tal-konsumatur u r-regolamentazzjoni dwar is-sorveljanza tas-suq u dwar divulgazzjoni ta' informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti kumpaniji u gruppi kbar; jemmen li dawn l-inizjattivi jistgħu jtejbu d-drittijiet tal-konsumaturi, jiggarantixxu aktar is-saħħa u s-sikurezza tal-konsumatur, jiffaċilitaw il-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi, u jinkoraġġixxu mudell ġdid ta' kompetittività; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Parlament u mal-Kunsill biex jilħqu konklużjoni f'kalendarju raġonevoli;

24.

Jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet politiċi milħuqa fir-rigward tar-riformi tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali, il-pakkett tal-Akkwist Pubbliku u tal-Konċessjonijiet u d-Direttiva dwar is-Soluzzjoni Alternattiva tat-Tilwim u r-Regolament dwar is-Soluzzjoni Online għat-Tilwim; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew implimentazzjoni veloċi u komprensiva tad-dispożizzjonijiet il-ġodda kollha;

25.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' approvazzjoni u ta' traspożizzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet; jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku bħala mutur ewlieni tat-tkabbir, partikolarment għall-SMEs; hu tal-fehma li l-implimentazzjoni ta' din ir-riforma tipprovdi opportunità ewlenija għall-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika billi tagħmel użu strateġiku tal-akkwist pubbliku f'termini ta' innovazzjoni u sostenibbiltà u ssaħħaħ il-kwalità u l-effiċjenza tal-infiq pubbliku b'risposta għar-rekwiżiti speċifiċi tal-gvern lokali u nazzjonali; iqis dawn bħala fatturi ewlenin f'implimentazzjoni b'suċċess tar-regoli li jikkonċernaw l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet;

26.

Jemmen li, speċjalment sabiex jiġi miġġieled il-qgħad taż-żgħażagħ, ir-regoli l-ġodda dwar il-kwalifiki professjonali (adottati f'Novembru 2013 u li jemendaw id-Direttiva 2005/36/KE u r-Regolament IMI) huma pass importanti biex jissaħħaħ il-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-professjonisti, filwaqt li jkun previst standard komuni għat-taħriġ u jitħeġġeġ l-użu tal-kard professjonali Ewropea; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali (u tad-Direttiva dwar is-Servizzi) hi mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku tal-UE; jemmen fl-istess ħin li hi meħtieġa riforma tal-professjonijiet regolati biex iż-żgħażagħ ikollhom aċċess aħjar għal dawk il-professjonijiet u jinħoloq suq aktar dinamiku li jagħti garanziji adegwati lill-konsumaturi;

Strumenti ta' governanza

27.

Jieħu nota tar-rispons tal-Kummissjoni għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Frar 2013 fir-rigward tal-bażi legali għal proposta leġiżlattiva mitluba li jkun fiha l-elementi elenkati f'dik ir-riżoluzzjoni; jemmen li l-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi magħmula fiha għad fihom ideat ta' valur għal governanza mtejba tas-Suq Uniku;

28.

Jieħu nota tal-istruttura aġġustata tat-tieni edizzjoni tar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku (COM(2013)0785); jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni wieġbet ukoll għat-talbiet li l-Parlament għamel fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013; jinnota li diġà ntwera li għadd ta' miżuri msemmija f'din ir-riżoluzzjoni diġà wasslu għal implimentazzjoni u infurzar imtejba tal-liġi tal-UE, inkluż l-użu aktar strett tal-EU Pilot;

29.

Jilqa' t-Tabella ta' Valutazzjoni Online tas-Suq Uniku, u speċjalment il-mod viżwali u informattiv li bih ippreżentat il-prestazzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-leġiżlazzjoni relevanti tal-UE dwar il-funzjonament tajjeb tas-suq intern; jemmen li t-Tabella ta' Valutazzjoni online għandha tkun disponibbli fil-lingwi kollha tal-Unjoni biex tkun tista' tagħmilha faċli li ċ-ċittadini Ewropej kollha jifhmu ċ-ċiklu tas-Suq Uniku u r-rwol potenzjalment attiv tagħhom fih;

30.

Jemmen li għandhom isiru sforzi biex l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fl-Istati Membri jkunu aktar trasparenti; jinnota li l-iskadenzi ta' traspożizzjoni jinqabżu b'medja ta' disa' xhur, u li hemm għadd dejjem jikber ta' direttivi li t-traspożizzjoni tagħhom ilha li suppost saret sentejn jew aktar; iqis li kull direttiva għandha tkun trasposta b'mod konsistenti u li kull miżura ta' traspożizzjoni għandha tkun adottata sabiex tirrifletti l-kompromessi milħuqa fil-livell tal-Unjoni;

31.

Jemmen, madankollu, li statistika purament kwantitattiva dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku mhijiex biżżejjed u li jeħtieġ li tingħata attenzjoni għall-kwalità li biha l-leġiżlazzjoni tkun implimentata fl-Istati Membri abbażi ta' indikaturi speċifiċi ewlenin għas-setturi tas-Suq Uniku żviluppati fil-livell Ewropew;

32.

Jilqa' r-rapport bl-isem “il-Katini Internazzjonali tal-valur fl-UE u barra minnha” bħala eżempju pożittiv tal-użu ta' indikaturi speċifiċi sabiex tiġi vvalutata l-integrazzjoni tas-Suq Uniku, b'attenzjoni speċifika mogħtija lill-firxa tas-sistemi ta' produzzjoni fl-UE; iqis li l-għoti ta' appoġġ ulterjuri għal inizjattivi biex jinħolqu katini ta' forniment transkonfinali se jgħin fit-tneħħija ta' ostakli li ilhom jeżistu biex jitkompla s-Suq Uniku u jista' jgħin biex titjieb il-produttività u l-kompetittività tad-ditti Ewropej fl-ekonomija dinjija;

33.

Jinsab kuntent li l-livell ta' defiċit medju ta' traspożizzjoni tjieb, u attwalment niżel għal 0,6 %; jenfasizza li anke defiċit verament żgħir f'qasam ta' politika importanti jista' jħalli effetti negattivi serji fuq l-opportunitajiet tal-konsumaturi u tan-negozji, u b'hekk fuq l-ekonomija Ewropea b'mod ġenerali;

34.

Jiddeplora l-medja ta' żmien tal-proċedimenti ta' ksur, b'mod partikolari l-fatt li każijiet li jitrattaw ma' servizzi jieħdu l-aktar żmien (49,8 xhur bħala medja); iqis li proċedimenti ta' ksur urew għadd ta' limitazzjonijiet f'termini tal-indirizzar u l-korrezzjoni tal-implimentazzjoni u tad-defiċjenzi fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Suq Uniku b'mod rapidu; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b'mod aktar effettiv mal-Kummissjoni biex isibu soluzzjonijiet għal każijiet aktar malajr u jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem biex telimina miżuri nazzjonali li huma ta' ħsara għas-Suq Uniku;

35.

Hu tal-fehma li l-proċedimenti ta' ksur għandhom ikunu meqjusa bħala l-aħħar rimedju, li għandu jittieħed biss wara li jsiru tentattivi biex tkun koordinata u korretta s-sitwazzjoni, u li l-Kummissjoni għandha, għalhekk, tippromovi l-użu tal-EU Pilot u ta' proċedimenti oħra qabel ma tressaq lil Stat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; jinsisti, barra minn hekk, li għandu jsir kull sforz biex ikun hemm użu aktar strett ta' proċedimenti ta' ksur għal ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku, u li l-Istati Membri u l-Kunsill Ewropew għandhom ikomplu jiżviluppaw aktar il-proċedimenti ta' ksur fil-qafas tar-reviżjonijiet futuri tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

36.

Jappoġġa l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-funzjonament tas-Suq Uniku; jaqbel li mekkaniżmu permanenti tal-IT li jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni relevanti jista' jtejjeb b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni, għaliex grupp ta' esperti nazzjonali li jiltaqa' ftit drabi fis-sena diffiċilment ikun l-iktar mod xieraq biex jitratta kwistjoni ta' prijorità bħal din;

37.

Itenni l-importanza tal-funzjonament xieraq tas-sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI), li reċentement ingħatat bażi regolatorja xierqa u attwalment qed tiġi mwessa' biex tiġbor fiha oqsma u setturi ġodda ta' politika; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-operazzjoni tal-għodda tat-traduzzjoni awtomatizzata introdotta biex tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

38.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ il-miżuri previsti fl-aġenda diġitali u jżidu l-isforzi biex jimmodernizzaw l-amministrazzjoni pubblika – mhux l-inqas permezz tal-implimentazzjoni rapida ta' miżuri relatati mal-gvern elettroniku, mas-saħħa elettronika, mal-fatturar elettroniku u mal-akkwist elettroniku – bl-għan li jipprovdu aktar servizzi diġitali li jkunu aħjar għaċ-ċittadini u l-kummerċ fl-Ewropa kollha u li jnaqqsu l-ispejjeż u jsaħħu l-effiċjenza tas-settur pubbliku;

39.

Jinnota li n-netwerk għas-soluzzjoni ta' problemi SOLVIT għadu mhux użat biżżejjed; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jkunu provduti risorsi adegwati għan-netwerk SOLVIT u l-Punti ta' Kuntatt Uniku, kif mitlub mid-Direttiva dwar is-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex flimkien jieħdu passi li jwasslu l-informazzjoni dwar id-disponibbiltà ta' dawn l-istrumenti fost in-negozji u l-imprendituri; iqis, barra minn hekk, li l-Istati Membri għandhom iniedu skambju iżjed intensiv u wiesa’ tal-aħjar prattika;

40.

Jieħu nota taż-żieda kontinwa fl-użu tal-portals L-Ewropa Tiegħek u Pariri tal-Ewropa Tiegħek, li għandhom ikunu kapaċi jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lil kull min jivjaġġa minn post għall-ieħor fl-Ewropa;

41.

Jilqa' x-Xahar tas-Suq Uniku li, bejn it-23 ta' Settembru u t-23 ta' Ottubru 2013, ġab flimkien liċ-ċittadini mill-Ewropa kollha – dawk li jfasslu l-politiki, l-esperti u mexxejja tal-UE _ f'dibattitu online kif ukoll l-avvenimenti nazzjonali relatati biex jiġi diskuss il-progress li sar s'issa, l-isfidi li fadal u ideat għall-futur tas-Suq Uniku, u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa sew it-tħassib u s-suġġerimenti li jitressqu mill-parteċipanti; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-format u l-effettività tal-eżerċizzju tal-2013, inkluż il-kapaċità li tikkomunika maċ-ċittadini, in-negozji u l-konsumaturi, u tipprovdihom b'opportunità reali biex jikkontribwixxu għat-twettiq tas-Suq Uniku;

o

o o

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kunsill Ewropew, u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0054.

(2)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 72.

(3)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 51.