|
12.8.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 294/25 |
P8_TA(2014)0107
Mawritanja, b'mod partikolari l-każ ta' Biram Dah Abeid
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-Mawritanja, b'mod partikolari l-każ ta' Biram Dah Abeid (2014/2999(RSP))
(2016/C 294/07)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Mawritanja, inkluż dawk tal-14 ta’ Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel (1), u dik tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tas-Saħel (2), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel tas-17 ta' Marzu 2014, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Ġunju 2014 mill-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Repubblika Iżlamika tal-Mawritanja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni tal-Mawritanja li jiggarantixxi l-ugwaljanza quddiem il-liġi taċ-ċittadini kollha mingħajr distinzjoni ta' oriġini, razza, sess jew kondizzjoni soċjali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tal-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (irratifikata mill-Mawritanja fl-1986), li jipprojbixxi espressament l-iskjavitù, u l-adeżjoni tal-Mawritanja mal-istrumenti internazzjonali li jipprojbixxu forom kontemporanji ta' skjavitù, b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar l-Iskjavitù tal-1926 u l-protokoll emendatorju tagħha, u l-Konvenzjoni Supplimentari dwar l-Abolizzjoni tal-Iskjavitù, tal-Kummerċ tal-Iskjavi, u tal-Istituzzjonjiet u l-Prattiki Simili għall-Iskjavitù tal-1956, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha mill-oħra, li kien iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehim ta' Cotonou), |
|
— |
wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklussivi dwar il-Mawritanja tal-Kumitat tan-NU għall-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, tal-24 ta' Lulju 2014, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 105 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar l-abolizzjoni tax-xogħol furzat, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi Biram Dah Abeid, iben skjavi meħlusa, jinsab impenjat f'kampanja għall-qerda tal-iskjavitù; billi fl-2008, hu nieda l-Inizjattiva għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista (Initiative pour la Résurgence du Mouvement Abolitionniste); billi din l-organizzazzjoni tfittex li tiġbed l-attenzjoni lejn din il-kwistjoni u tgħin biex tressaq każijiet speċifiċi quddiem il-qrati tal-ġustizzja; billi Biram Dah Abeid ingħata l-Premju tan-Nazzjonijiet Uniti favur id-Drittijiet tal-Bniedem għall-2013; |
|
B. |
billi fil-11 ta' Novembru 2014, Biram Dah Abeid, attivist ewlieni kontra l-iskjavitù mill-Mawritanja u fundatur tal-Inizjattiva għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista, ġie arrestat wara marċ ta' protesta paċifiku kontra l-iskjavitù; billi Biram Dah Abeid ġie akkużat li għamel sejħa għal protesta, li pparteċipa fi protesta u li jappartjeni għal organizzazzjoni illegali, u billi xi rapporti jissuġġerixxu li jinsab fil-perikolu li jiffaċċja l-piena kapitali; billi l-piena kapitali għadha prevista fil-Kodiċi Kriminali tal-Mawritanja u billi din mhijiex ristretta għall-aktar reati serji u hija imposta wara kundanna abbażi ta' konfessjonijiet miksuba taħt tortura; |
|
C. |
billi ġew arrestati u detenuti wkoll attivisti oħrajn kontra l-iskjavitù, biex issa huma 17-il attivist mill-Inizjattiva tal-Mawritanja għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista li spiċċaw mitfugħa l-ħabs; billi hemm allegazzjonijiet li l-ġendarmerija tal-Mawritanja għamlet użu eċċessiv ta' forza matul l-arresti, inkluż swat b'lembubi, tkaxkir fiżiku mal-art u tekniki umiljanti, li kienu jinkludu li d-detenuti jiġu sfurzati biex jinżgħu għarwenin; billi saru wkoll allegazzjonijiet li gwardji tal-ħabs ippruvaw jisfurzaw uħud mill-attivisti jiffirmaw konfessjonijiet; |
|
D. |
billi Biram Dah Abeid spiċċa fit-tieni post fil-votazzjoni għall-elezzjonijiet presidenzjali tal-Mawritanja tal-2014; billi r-reputazzjoni tiegħu esponietu għal attakki mill-awtoritajiet tal-Mawritanja; billi l-arrest tiegħu u tal-kollegi tiegħu wassal għal ripressjoni fuq l-oppożizzjoni politika kif ukoll fuq is-soċjetà ċivili; |
|
E. |
billi, għalkemm il-prattika tal-iskjavitù kienet abolita uffiċjalment fl-1981 u kkriminalizzata fl-2007, din għadha tippersisti fil-Mawritanja; billi skont l-Indiċi Globali tal-Iskjavitù tal-2014, il-Mawritanja għandha l-akbar numru ta' vjolazzjonijiet bl-ogħla persentaġġ tal-popolazzjoni tagħha (sa 4 %) fi skjavitù; billi xi ċifri juru l-prevalenza tal-iskjavitù għal 20 %; billi l-Att dwar l-Iskjavitù, adottat reċentement ma jkoprix il-forom kollha ta' skjavitù fil-Mawritanja, peress li pereżempju, jeskludi kull forma ta' servitù; |
|
F. |
billi l-iskjavitù fil-Mawritanja hi espliċitament razzista, bi kważi l-iskjavi kollha ġejjin mill-komunità Haratin (sewda), li tinkludi bejn l-40 % u s-60 % tal-popolazzjoni tal-Mawritanja, kif ukoll minn komunitajiet oħrajn, kif rikonoxxut mir-Rapporteur Speċjali dwar forom kontemporanji ta' skjavitù; billi l-Haratin, anke dawk li ma jinsabux fl-iskjavitù, spiss ma jitħallewx ikollhom aċċess għal xogħol ta' status ogħla jew għal impjiegi ewlenin fil-ħajja pubblika; |
|
G. |
billi, ġeneralment, l-iskjavitù hi ereditarja, u t-trabi li jitwieldu lil nisa skjavi spiss jitqiesu li jkunu ta' proprjetà tal-familja tas-sid għal għomorhom; billi l-iskjavi nisa jiġu soġġetti regolarment għal vjolenza sesswali; billi l-parti l-kbira tal-iskjavi huma mċaħħda milli jkollhom edukazzjoni formali u jiġu mgħallma li d-destin tagħhom huwa li jappartjenu għas-sidien tagħhom, li tipperpetwa l-hekk imsejħa skjavitù psikoloġika; billi l-iskjavi nisa jkollhom bżonn il-permess ta' sidhom biex jiżżewġu; billi bosta skjavi jitwieldu frott ta' stupru; billi anke dawk l-iskjavi li jiġu meħlusa ftit ikollhom opportunitajiet li jsibu impjieg sodisfaċenti; |
|
H. |
billi l-Mawritanja rratifikat konvenzjonijiet bħad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kif ukoll il-Ftehim ta' Cotonou AKP-UE; |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa l-arrest u d-detenzjoni kontinwa tal-attivist kontra l-iskjavitù Biram Dah Abeid u tal-attivisti sħabu, u jitlob il-ħelsien immedjat tagħhom; jesprimi tħassib dwar ir-rapporti ta' vjolenzja kontra wħud mill-attivisti u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex iressqu l-qorti lil dawk l-uffiċjali li kienu involuti fl-abbuż u t-tortura tal-priġunieri; |
|
2. |
Jitlob lill-Gvern tal-Mawritanja biex jieqaf milli juża l-vjolenza kontra ċivili li jipparteċipaw fi protesti pubbliċi u f'kampanji tal-midja favur Biram Dah Abeid, biex itemm ir-ripressjoni kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika u biex jħalli lill-attivisti kontra l-iskjavitù jkomplu bil-ħidma nonvjolenti tagħhom mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mawritanja jippermettu l-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mawritanja; |
|
3. |
Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' skjavitù, u b'mod partikolari l-prevalenza għolja tal-iskjavitù, il-prattiki relatati mal-iskjavitù u t-traffikar tal-bnedmin li ġew irrappurtati fil-Mawritanja; jilqa' l-kriminalizzazzjoni tal-iskjavitù mill-Gvern tal-Mawritanja, l-eżistenza ta' qorti speċjali dwar każijiet ta' skjavitù u d-dikjarazzjoni tal-gvern dwar l-introduzzjoni ta' pjan direzzjonali għall-abolizzjoni tal-iskjavitù f'Marzu 2014; |
|
4. |
Jinnota b'dispjaċir li kien hemm biss prosekuzzjoni waħda dwar skjavitù; jitlob lill-Gvern tal-Mawritanja jtemm kull forma ta' skjavitù, jimplimenta liġijiet kontra l-iskjavitù u jadotta leġiżlazzjoni li jkollha l-għan li temenda jew tirtira leġiżlazzjoni diskriminatorja, inkluż dawk id-dispożizzjonijiet diskriminatorji tal-kodiċi tagħha kemm penali, kemm dwar status personali u kif ukoll dwar in-nazzjonalità; jenfasizza li l-allegazzjonijiet ta' skjavitù u ta' prattiki simili għall-iskjavitù għandhom jiġu investigati u pproċessati b'effikaċja; |
|
5. |
Jitlob lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex jissensibilizzaw l-attitudnijiet u t-twemmin tal-poplu fir-rigward tal-iskjavitù fil-livelli kollha tas-soċjetà; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Mawritanja biex jgħinu fil-bidla tal-attitudnijiet soċjali fir-rigward tar-razza u tal-iskjavitù, b'mod partikolari fir-rigward tal-popolazzjoni Haratin; jenfasizza li d-diskriminazzjoni abbażi ta' etniċità għandha tiġi pprojbita, speċjalment fl-oqsma tal-edukazzjoni u tal-impjieg; jitlob ukoll lill-awtoritajiet tal-Mawritanja sabiex iwarrbu kompletament is-sistema ta' skjavitù abbażi tal-kasta, partikolarment fir-rigward tan-nisa f'impjieg domestiku; |
|
6. |
Iħeġġeġ l-iżvilupp universali tal-edukazzjoni formali, sabiex skjavi attwali u dawk li kienu skjavi, kif ukoll uliedhom, ikunu jistgħu jtejbu l-litteriżmu tagħhom u jiġu mgħammra b'għodod biex isibu impjieg sodisfaċenti; jinnota li ċ-ċittadini kollha tal-Mawritanja għandhom ikunu intitolati li jkollhom art ta' proprjetà tagħhom, partikolarment meta dawn ikunu okkupawha u kkoltivawha għal ġenerazzjonijiet, dritt li Biram Dah Abeid u l-Inizjattiva tal-Mawritanja għall-Qawmien mill-Ġdid tal-Moviment Abolizzjonista qed jipproponu bħala mezz ewlieni biex jintemm iċ-ċiklu tal-iskjavitù; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Mawritanja, f'dan ir-rigward biex jirratifika l-Konvenzjoni 169 tal-ILO li tirrikonoxxi l-forom ta' użu tal-art tal-popli indiġeni; |
|
7. |
Jenfasizza l-importanza ta' relazzjoni produttiva bejn l-UE u l-Mawritanja, bil-għan li jingħata kontribut favur id-demokrazija, l-istabilità u l-iżvilupp fil-pajjiż; jenfasizza li l-Mawritanja hi sieħba sinifikanti fl-istrateġija tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Saħel; |
|
8. |
Iħeġġeġ lill-Viċi President/ir-Rappreżentant għoli, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jindirizzaw l-iskjavitù fil-Mawritanja, b'mod partikolari billi jiżguraw politika għall-affarijiet barranin u favur id-drittijiet tal-bniedem ċara u prattikabbli li tikkonforma mal-qafas strateġiku tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, u billi tkun promossa d-dimensjoni favur id-drittijiet tal-bniedem bħala parti mill-istrateġija tal-UE għas-Saħel u fit-taħdidiet mal-Gvern tal-Mawritanja, inkluż fil-kuntest tal-ftehimiet bilaterali formali; |
|
9. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet tal-Mawritanja, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, lil-Lega Għarbija u lill-Unjoni Afrikana. |
(1) ĠU C 322 E, 15.11.2013, p. 94.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0431.