24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/142


P7_TA(2014)0105

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili”

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili” (2014/2511(RSP))

(2017/C 093/24)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili” (COM(2013)0833),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi bit-titolu “Female genital mutilation in the European Union and Croatia” (Il-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-Unjoni Ewropea u l-Kroazja),

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 67/146 dwar l-intensifikazzjoni tal-isforzi globali għall-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni tal-ġenitali femminili,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar it-tmiem għall-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 dwar il-ġlieda kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2008 dwar “Lejn strateġija Europea għad-drittijiet tat-tfal” (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (5),

wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kummissjoni għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel 2010-2015 li ġiet ippreżentata fil-21 ta’ Settembru 2010,

wara li kkunsidra l-“Programm ta’ Stokkolma – Ewropa Miftuħa u Sigura għas-Servizz u l-Protezzjoni taċ-Ċittadini” (6),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-12 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul),

wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-UE dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem (il-prinċipji ġenerali) u l-Artikoli 12 u 13 tat-Trattat KE (in-nondiskriminazzjoni),

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 14 tal-1990 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa fil-qasam taċ-ċirkonċiżjoni femminili,

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-vjolenza fuq in-nisa hija definita mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' April 2011 dwar prijoritajiet u punti prinċipali ta' qafas politiku ġdid tal-UE rigward il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa bħala “kull att ta' vjolenza bbażata fuq is-sess li jirriżulta, jew x'aktarx li jirriżulta, fi ħsara jew tbatija fiżika, sesswali jew psikoloġika lin-nisa, inkluż it-theddid ta' atti bħal dawn, ġegħil jew deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm jekk dan isir fil-ħajja pubblika u kemm jekk fil-ħajja privata (7)”;

B.

billi l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) hija forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom u tmur kontra l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u billi huwa assolutament neċessarju li l-ġlieda kontra l-MĠF tiġi inkluża fl-ambitu ta' approċċ ġenerali u koerenti intiż sabiex jiġġieled kontra l-vjolenza fuq in-nisa;

C.

billi l-MĠF kienet definita mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-2008 bħala l-proċeduri kollha li jinvolvu t-tneħħija parzjali jew totali tal-organi sesswali femminili esterni għal raġunijiet mhux mediċi, inklużi ċ-ċirkonċiżjoni sunna jew il-klitoridektomija (it-tneħħija parzjali jew totali tal-klitoride flimkien mal-prepuzju) u l-qtugħ (it-tneħħija parzjali jew totali tal-klitoride u tal-labia esterna,) u l-prattika l-aktar estrema tal-MĠF, l-infibulazzjoni (it-teħjit tal-vulva, biex b'hekk jitħalla biss ftuħ vaġinali dejjaq);

D.

billi, skont id-WHO, huwa stmat li madwar 140 miljun tifla, bniet u nisa esperjenzaw din il-forma krudili ta' vjolenza bbażata fuq is-sess fid-dinja kollha; billi, skont id-WHO, il-biċċa l-kbira tal-każijiet ta' MĠF twettqu fit-tfulija fuq bniet mill-twelid sal-età ta' 15-il sena; billi ġew rapportati każijiet ta' din il-prattika krudili fi 28 pajjiż Afrikan, il-Jemen, l-Iraq tat-Tramuntana u l-Indoneżja;

E.

billi l-MĠF hija prattika brutali li ma sseħħx biss f'pajjiżi terzi iżda taffettwa wkoll nisa u bniet li jgħixu fl-UE, li jgħaddu minn MĠF jew fit-territorju tagħha jew fil-pajjiżi ta' oriġini qabel ma jittrasferixxu ruħhom fl-UE jew waqt li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-UE (8); billi, skont il-UNHCR, madwar 20 000 mara u tifla minn pajjiżi li jipprattikaw il-MĠF jitolbu l-asil fl-UE fuq bażi annwali, li 9 000 minnhom jista' jkun li diġà għaddew minn mutilazzjoni (9) u l-estimi tal-għadd ta' nisa li għaddew mill-MĠF jew li jinsabu f'riskju ta' dan fl-Ewropa jammontaw għal 500 000 (10), filwaqt li l-prosekuzzjonijiet tar-reat għadhom rari;

F.

billi l-MĠF ta' spiss titwettaq id-dar f'kundizzjonijiet mhux adegwati anki mill-aspett iġeniku u ta' spiss titwettaq mingħajr anestesija jew għarfien mediku, u għandha konsegwenzi multipliki serji ħafna u ta' spiss irreparabbli jew konsegwenzi fatali għas-saħħa, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika tan-nisa u l-bniet u hija ta' ħsara għas-saħħa sesswali u riproduttiva tagħhom;

G.

billi huwa ċar li l-MĠF tmur kontra il-valur fundamentali Ewropew tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u sostni valuri tradizzjonali li abbażi tagħhom n-nisa huma meqjusa oġġetti u proprjetà tal-irġiel; billi fl-ebda każ il-valuri kulturali u tradizzjonali ma għandhom jintużaw bħala raġuni għall-prattika tal-MĠF fuq tfal, bniet jew nisa;

H.

billi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri hija stabbilita f'diversi Stati Membri u fi ftehimiet u f'atti leġiżlattivi Ewropej u internazzjonali, u billi l-ebda vjolenza fuq in-nisa b'mod ġenerali, inkluża dik fuq il-bniet, ma tista' tiġi ġustifikata mir-rispett għat-tradizzjonijiet kulturali jew minn tipi varji ta' ċerimonji ta' inizjazzjoni;

I.

billi l-prevenzjoni tal-MĠF hija obbligu internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal kull Stat Membru b'mod konformi mar-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 14 tal-1990 tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa fil-qasam taċ-ċirkonċiżjoni femminili u d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, li tqis il-MĠF bħala forma ta' vjolenza bbażata fuq is-sess li fir-rigward tagħha, għandhom jiġu previsti, fost oħrajn, standards minimi għall-protezzjoni;

1.

Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn l-eliminazzjoni tal-mutilazzjoni ġenitali femminili”, li fiha hija timpenja ruħha li tuża l-finanzjament tal-UE biex timpedixxi l-MĠF u ttejjeb l-appoġġ għall-vittmi, inkluża l-protezzjoni għan-nisa li jinsabu f'riskju skont ir-regoli tal-asil tal-UE, u, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), isaħħaħ d-djalogu internazzjonali u tinkoraġġixxi r-riċerka bil-ħsieb li n-nisa u l-bniet li jinstabu f'riskju jiġu identifikati b'mod ċar;

2.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tiffaċilita l-iskambju ta' esperjenzi u prattiki tajba dwar kwistjonijiet relatati mal-MĠF bejn l-Istati Membri, l-NGOs u l-esperti, u jenfasizza l-bżonn li s-soċjetà ċivili tibqa' tiġi involuta, inkluża dik ta' pajjiżi terzi, mhux biss fl-ambitu ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni iżda wkoll fl-iżvilupp ta' materjal edukattiv u taħriġ;

3.

Jirrimarka li l-istituzzjonijiet internazzjonali, Ewropej u tal-Istati Membri għandhom rwol vitali fil-prevenzjoni tal-MĠF, il-protezzjoni tan-nisa u l-bniet u l-identifikazzjoni tal-vittmi u fl-adozzjoni ta' miżuri intiżi sabiex jimpedixxu vjolenza bbażata fuq is-sess inkluża l-MĠF, u jilqa' l-impenn tal-UE li tkompli tieħu azzjoni sabiex tippromwovi l-eliminazzjoni tal-MĠF fil-pajjiżi li fihom din isseħħ;

4.

Itenni l-appell tiegħu fuq il-Kummissjoni sabiex tippreżenta, mingħajr dewmien, proposta għal att leġiżlattiv tal-UE li jistabbilixxi miżuri ta' prevenzjoni kontra kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa (inkluża l-MĠF) u, kif indikat fil-Programm ta' Stokkolma, strateġija globali tal-UE dwar il-kwistjoni, inklużi pjanijiet ta' azzjoni konġunti sabiex tiġi eliminata l-MĠF mill-UE;

5.

Jenfasizza l-bżonn għall-Kummissjoni u s-SEAE li jassumu pożizzjoni riġida fil-konfronti ta' pajjiżi terzi li ma jikkundannawx il-MĠF;

6.

Jitlob lill-Kummissjoni tuża approċċ armonizzat għall-ġbir ta' data fuq il-MĠF, u jitlob lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jinvolvi demografi u statistiċisti fl-iżvilupp ta' metodoloġija komuni u sabiex ifornu indikazzjonijiet b'mod konformi mal-komunikazzjoni, sabiex tiġi garantita l-fattibbiltà tat-tqabbil bejn Stati Membri individwali;

7.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri sabiex jużaw il-mekkaniżmi fis-seħħ, b'mod partikolari d-Direttiva 2012/29/UE, inkluż it-taħriġ ta' professjonisti bil-ħsieb li jiġu protetti n-nisa u l-bniet, u li jieħu passi, iħarrku u jikkastigaw kull resident li jkun wettaq ir-reat tal-MĠF, anki jekk ir-reat ikun sar ’il barra mill-fruntieri tal-Istati Membru kkonċernat u, b'hekk, jitlob li l-prinċipju ta' extraterritorjalità jiġi inkluż fid-dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali tal-Istati Membri kollha ħalli r-reat ikun punibbli fit-28 Stat Membru bl-istess mod;

8.

Jitlob lill-UE u lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ratifikawx il-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa biex jagħmlu dan mingħajr dewmien sabiex l-impenn tal-UE jkun konformi mal-istandards internazzjonali li jippromwovu approċċ olistiku u integrat għall-vjolenza fuq in-nisa u għall-MĠF;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni tiddikjara s-sena 2016 bħala s-Sena Ewropea biex Tintemm il-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Bniet;

10.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 87.

(2)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 26.

(3)  ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 52.

(4)  ĠU C 41 E, 19.2.2009, p. 24.

(5)  ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.

(6)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(7)  

Artikolu 1 tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza kontra n-Nisa tal-20 ta’ Diċembru 1993 (A/RES/48/104); punt 113 tal-Pjattaforma ta’ Azzjoni ta’ Pekin tal-1995 tan-Nazzjonijiet Uniti.

(8)  L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Female genital mutilation in the European Union and Croatia, 2013.

(9)  Kontribut tal-UNHCR għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-UE, 2013

(10)  Waris, D. u Milborn, C., Desert Children, Virago, ir-Renju Unit, 2005.