24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/105


P7_TA(2014)0098

Is-sitwazzjoni fl-Ukraina

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Ukraina (2014/2547(RSP))

(2017/C 093/17)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-eżitu tas-summit ta' Vilnjus u l-futur tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fir-rigward tal-Ukraina (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar “Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b'saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta' progress 2012” (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-pressjoni mir-Russja fuq il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (fil-kuntest tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li jmiss f’Vilnjus) (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Vilnjus fid-29 ta' Novembru 2013,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2014 dwar l-Ukraina,

wara li kkunsidra r-riżenja tal-Prim Ministru Azarov u tal-gvern tiegħu fit-28 ta' Jannar 2014,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tad-29 ta' Jannar 2014 tal-Prim Ministri tal-pajjiżi tal-Grupp Visegrad dwar l-Ukraina,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 1998, u l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni l-ġdid inizjalat fit-30 ta' Marzu 2012,

wara li kkunsidra s-Summit UE-Russja tat-28 ta' Jannar 2014,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi d-dimostrazzjonijiet li bdew aktar minn xahrejn ilu konsegwenza tad-deċiżjoni tal-President Yanukovych li ma jiffirmax il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-UE għadhom għaddejjin sal-lum fil-kapitali u l-iskuntentizza qed tinfirex għal bliet oħra, inklużi r-reġjuni fil-Lvant tal-Ukraina; billi r-rivoluzzjoni popolari fl-Ukraina issa laħqet il-parti l-kbira tar-reġjuni, u l-amministrazzjonijiet ta' dawk ir-reġjuni jinsabu taħt il-kontroll tal-poplu;

B.

billi matul dawn l-aħħar ġimgħat is-sitwazzjoni kompliet tmur għall-agħar b'ritmu mgħaġġel, hekk kif in-nies niżlu fit-toroq għad-difiża tad-demokrazija u tal-libertajiet ċivili wara repressjonijiet brutali kommessi mill-pulizija kontra l-irvellijiet Berkut fuq id-dimostranti, l-attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti;

C.

billi minkejja l-pressjoni internazzjonali, l-awtoritajiet Ukraini qed ikomplu jsegwu politika ta' intimidazzjoni, repressjoni, tortura u vjolenza kontra d-dimostranti, li wasslet biex indarbu 'l fuq minn 2 000 persuna, filwaqt li nħatfu bosta nies u nqatlu tal-inqas sitt persuni;

D.

billi l-adozzjoni, fis-16 ta' Jannar 2014, ta' serje ta' liġijiet kontra d-dimostrazzjonijiet, li jillimitaw serjament il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda pprovokaw għadab madwar id-dinja u kunflitti vjolenti fi Kiev li rriżultaw fit-telfa ta' ħajjiet umani;

E.

billi kwalunkwe repressjoni forzata jew dikjarazzjoni ta' stat ta' emerġenza għandha titqies bħala att kriminali u li tikser id-drittijiet fundamentali b'konsegwenzi internazzjonali profondi;

F.

billi fiż-żjara f'Kiev mit-28 sat-30 ta' Jannar 2014 id-delegazzjoni ad hoc mill-Parlament Ewropew iltaqgħet mal-awtoritajiet u mal-EuroMaidan, l-oppożizzjoni politika u l-mexxejja tal-knisja u kisbet analiżi dettaljata u fil-fond tas-sitwazzjoni fl-Ukraina;

1.

Jilqa' l-ispirtu demokratiku u r-reżiljenza tal-poplu Ukrain wara xahrejn ta' protesti kuraġġużi li ffaċċjaw ir-reazzjoni brutali mill-awtoritajiet u jesprimi s-solidarjetà u l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-poplu għal Ukraina ħielsa, demokratika u indipendenti u għall-perspettiva Ewropea tagħha;

2.

Jesprimi tħassib profond dwar il-kriżi politika serja fl-Ukraina u dwar il-konfrontazzjonijiet vjolenti f'Kiev u fi bliet oħra Ukraini; jappella bil-qawwa għal soluzzjoni politika għall-kriżi u jinsisti fuq dibattitu tassew demokratiku dwar il-modi u l-mezzi biex tingħeleb il-konfrontazzjoni u d-diviżjoni fil-pajjiż;

3.

Jikkundanna bil-qawwa t-tiħrix tal-vjolenza kontra ċ-ċittadini paċifiċi, il-ġurnalisti, l-istudenti, l-attivisti tas-soċjetà ċivili, il-politiċi tal-oppożizzjoni u l-kleru, u jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-vittmi tal-vjolenza fl-Ukraina; jistieden lill-awtoritajiet Ukraini jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet ċivili u l-libertajiet fundamentali tal-persuni u jieħdu passi immedjati biex itemmu l-istat ta' impunità billi jinvestigaw u jikkastigaw lil dawk responsabbli mill-vjolenza kontra dimostranti paċifiċi;

4.

Jistieden ukoll lid-dimostranti ta' Pjazza Maidan joqogħdu lura mill-użu tal-forza u jiddefendu l-leġittimità tal-kawża tagħhom b'mod paċifiku, u jitlob lill-mexxejja kollha tal-oppożizzjoni jkomplu jevitaw il-vjolenza mhux provokata u jżommu d-dimostrazzjoni waħda paċifika;

5.

Jinsab imħasseb dwar l-użu eċċessiv ta' vjolenza mill-forzi tas-sigurtà u mit-Titushki u dwar l-azzjonijiet vjolenti tal-ultranazzjonalisti;

6.

Jesiġi b'mod partikolari li l-President Yanukovych iwaqqaf l-iskjerament deplorevoli ta' pulizija kontra l-irvellijiet Berkut u ta' forzi tas-sigurtà oħrajn biex jipprovokaw, jaħtfu, jagħtu fastidju, jittorturaw, isawtu u jumiljaw lis-sostenituri tal-EuroMaidans, kif ukoll l-arresti arbitrarji u l-arrest preventiv twil iżżejjed qabel il-proċess; jinsab partikolarment imħasseb dwar rapporti ta' tortura u jenfasizza l-impenji internazzjonali tal-Ukraina f'dan ir-rigward; jirrimarka l-każ l-aktar reċenti ta' Dmytro Bulatov, il-mexxej ta' “AutoMaidan”, li nħataf u ġie ttorturat;

7.

Jistieden lill-President Yanukovych jordna li dawn il-prattiki jieqfu u jesiġi l-ħelsien immedjat u inkondizzjonat u r-riabilitazzjoni politika tad-dimostranti u tal-priġunieri politiċi kollha miżmuma illegalment, fosthom Yulia Tymoshenko; jappella biex jitwaqqaf kumitat ta' inkjesta indipendenti taħt l-awspiċji ta' korp internazzjonali rikonoxxut, bħall-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li jinvestiga l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet;

8.

Ifakkar li l-UE lesta tiffirma AA/DCFTA mal-Ukraina hekk kif tingħeleb il-kriżi politika u meta jintlaħqu r-rekwiżiti rilevanti kif definit mill-Kunsill Affarijiet Barranin tal-10 ta' Diċembru 2012, u appoġġat mir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-13 ta' Diċembru 2012;

9.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Verkhovna Rada li jirrevoka l-liġijiet kontra d-dimostrazzjonijiet, u l-iffirmar tagħha mill-President Yanukovych, bħala pass pożittiv lejn ir-riżoluzzjoni politika tal-kriżi; jiddispjaċih, madankollu, li l-liġi tal-amnestija li tibdel il-vittmi f'ostaġġi ġiet approvata fid-29 ta' Jannar 2014 mingħajr il-kunsens tal-oppożizzjoni; huwa tal-fehma li l-ħelsien inkondizzjonat tad-dimostranti jista' jiffaċilita ħafna d-djalogu u jikkalma s-soċjetà;

10.

Iħeġġeġ lill-President u lill-gvern jimpenjaw ruħhom serjament fi djalogu inklużiv mal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u d-dimostranti ta' Pjazza Maidan bil-għan li tonqos it-tensjoni u l-polarizzazzjoni li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni u li jinstabu soluzzjonijiet biex tingħeleb il-kriżi politika u soċjali attwali tal-Ukraina permezz ta' mezzi paċifiċi;

11.

Ifakkar lill-President Yanukovych fir-responsabbiltà tiegħu quddiem il-poplu Ukrain u l-komunità internazzjonali li jżomm lura milli juża metodi repressivi, isib rimedju għall-kriżi politika attwali u jirrispetta d-dritt ta' dimostrazzjoni paċifika;

12.

Jappella biex l-UE tkompli tinvolvi ruħha fil-medjazzjoni u l-iffaċilitar ta' proċess li jwassal għal tnaqqis fit-tensjoni, djalogu politiku aktar kostruttiv fil-pajjiż u soluzzjoni għall-kriżi, u biex tiċċekken il-lakuna ta' nuqqas totali ta' fiduċja; jisħaq fuq il-fatt li tali djalogu għandu jkun trasparenti u jinvolvi b'mod sħiħ lill-EuroMaidan u lis-soċjetà ċivili;

13.

Huwa tal-fehma, wara talbiet numerużi minn ċittadini ordinarji, attivisti u politiċi Ukraini, li l-involviment attiv tal-Membri tal-Parlament Ewropew f'Kiev taf tipprevjeni t-tiħrix ulterjuri tal-kriżi u jappella, f'dan ir-rigward, biex tiġi stabbilita missjoni permanenti tal-Parlament Ewropew fl-Ukraina, bil-għan li tnaqqas it-tensjoni u taġevola d-djalogu bejn il-partijiet; jagħti struzzjonijiet lill-Konferenza tal-Presidenti biex twaqqaf din il-missjoni mill-aktar fis possibbli;

14.

Jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata, inklużi aktar pressjoni diplomatika u t-tħejjija ta' miżuri mmirati personalizzati (sanzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi u tal-proprjetà) fir-rigward ta' dawk l-uffiċjali u leġiżlaturi Ukraini kollha u l-parrini kummerċjali (oligarki) tagħhom li huma responsabbli għar-repressjonijiet u l-imwiet tad-dimostranti, u jżidu l-isforzi biex iwaqqfu l-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa minn kumpaniji u negozjanti Ukraini f'banek Ewropej;

15.

Jitlob lill-UE, lill-Istati Uniti, lill-FMI, lill-Bank Dinji, lill-BERŻ u lill-BEI jkomplu jħejju pakkett ta' appoġġ finanzjarju fit-tul biex jgħinu lill-Ukraina tindirizza s-sitwazzjoni finanzjarja u soċjali li sejra għall-agħar u jagħtuha appoġġ ekonomiku biex il-gvern iniedi r-riformi profondi u komprensivi meħtieġa għall-ekonomija tal-Ukraina;

16.

Jilqa' u jappoġġa l-ħidma li għaddejja mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex jinħoloq pakkett ta' appoġġ sostanzjali għall-Ukraina li għandu jiġi offrut lil gvern interim ġdid kredibbli sabiex tittaffa s-sitwazzjoni diffiċli preżenti fir-rigward tal-ħlasijiet;

17.

Huwa tal-fehma li waħda mill-miżuri importanti biex tissolva l-kriżi fl-Ukraina hu r-ritorn għall-Kostituzzjoni tal-2004, li ġiet abolita illegalment fl-2010 mill-Qorti Kostituzzjonali, mingħajr ma kkonsultat lill-Parlament Ukrain, flimkien mal-istabbiliment ta' gvern interim u elezzjonijiet bikrija;

18.

Jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jimpenjaw ruħhom favur ftuħ wiesa' lejn is-soċjetà Ukraina, b'mod partikolari permezz ta' ftehim rapidu dwar reġim ta' viża mingħajr ħlas, u eventwalment reġim mingħajr viża; huwa tal-fehma li t-tariffa tal-viża għandha minnufih titnaqqas drastikament għaż-żgħażagħ Ukraini, flimkien mat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-riċerka, aktar skambji għaż-żgħażagħ u disponibbiltà akbar ta' boroż ta' studju;

19.

Iqis li għandhom isiru aktar sforzi biex l-Ukraina tiġi inkluża fis-suq tal-enerġija intern tal-UE permezz tal-Komunità tal-Enerġija; jenfasizza l-fatt li hu l-poplu tal-Ukraina, biss, li jista' jiddeċiedi, ħieles minn kwalunkwe indħil barrani, dwar l-orjentament ġeopolitiku tal-pajjiż u liema ftehimiet u komunitajiet li l-Ukraina għandha tingħaqad magħhom;

20.

Jistieden lir-Russja tadotta atteġġjament kostruttiv u twaqqaf il-miżuri ta' ritaljazzjoni u pressjoni indebita intiża li timmina d-dritt sovran tal-ġirien tagħha li jiddeterminaw liberament il-ġejjieni tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jitkellmu mar-Russja b'vuċi waħda b'appoġġ għall-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant (SL) li jagħżlu liberament li japprofondixxu r-relazzjonijiet tagħhom mal-UE; jenfasizza li l-impożizzjoni politika, ekonomika jew xort'oħra hija bi ksur tal-Att Finali ta' Ħelsinki u tal-Memorandum ta' Budapest tal-1994 dwar is-sigurtà tal-Ukraina; jirrimarka li kemm l-UE kif ukoll ir-Russja għandhom responsabbiltà biex jagħtu kontribut attiv lejn il-paċi u l-prosperità fil-viċinat komuni li jibbenefikaw minnhom kemm l-UE u kemm ir-Russja; itenni t-twemmin tiegħu li l-kooperazzjoni hija l-unika triq għall-kisba ta' dan l-objettiv;

21.

Jappoġġa l-parteċipazzjoni ulterjuri tas-soċjetà ċivili fil-proċessi ta' riforma nazzjonali; iħeġġeġ kooperazzjoni interparlamentari msaħħa mal-Assemblea Parlamentari Euronest; jilqa' l-involviment tal-Konferenza tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tas-Sħubija tal-Lvant;

22.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-President tal-Ukraina, lill-Gvern tal-Ukraina, lill-Verkhovna Rada, lill-Assemblea Parlamentari Euronest u lill-Assemblej Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0595.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2013)0446.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0383.