24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/74


P7_TA(2014)0081

Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2014 dwar ir-ratifika tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi (2014/2534(RSP))

(2017/C 093/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-2 ta' April 2013,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/336/PESK tal-14 ta’ Ġunju 2010 (1) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill preċedenti dwar l-attivitajiet tal-UE b’appoġġ għat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill 12178/2013,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/477/KEE tat-18 ta' Ġunju 1991 dwar il-kontroll tal-akkwist u l-pussess ta' armi (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2009 dwar l-issimplifikar tat-termini u l-kundizzjonijiet ta' trasferimenti ta' prodotti relatati mad-difiża fil-Komunità (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 258/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jimplimenta l-Artikolu 10 tal-Protokoll tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-iffabrikar illeċitu ta' u l-ittraffikar fl-armi tan-nar, il-partijiet, komponenti u munizzjon tagħhom, li jissupplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-kriminalità organizzata transnazzjonali (il-Protokoll tan-NU dwar l-Armi tan-Nar) u li jistabbilixxi awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, u miżuri rigward l-importazzjoni u t-transitu għall-armi tan-nar, il-partijiet u l-komponenti tagħhom u l-munizzjon (4),

wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll tal-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi: l-istabbiliment ta' standards internazzjonali komuni għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-trasferiment ta' armi konvenzjonali (6), tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar in-negozjati dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi tan-NU (ATT) (7), u tat-13 ta' Marzu 2008 dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi – in-nuqqas tal-Kunsill li jadotta l-Pożizzjoni Komuni u jibdel il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment (8),

wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 4 u 5 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(3)u u 218(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C7-0233/2013),

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali hu negozju li jinvolvi mill-inqas 70 biljun USD fis-sena u billi kważi miljun mit-8 miljun arma li jiġu prodotti kuljum fid-dinja, skont kalkoli tan-NU, jintilfu jew jinsterqu u b'hekk normalment jispiċċaw f'idejn ħżiena, u billi persuna kull minuta tmut fid-dinja minħabba l-vjolenza bl-armi;

B.

billi skont l-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma, l-UE kollha kemm hi għandha 26 % mill-esportazzjonijiet tal-armi fid-dinja u billi 61 % minn dawn l-esportazzjonijiet imorru barra l-UE;

C.

billi mill-adozzjoni tad-Direttiva 2009/43/KE, sistema ta' liċenzjar globali komuni tal-UE tirregola l-kummerċ tat-tagħmir militari fl-UE u billi l-UE hija kompetenti li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali dwar l-oqsma li jaqgħu fil-kompetenza esklussiva tagħha;

D.

billi l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008 tistabbilixxi erba' kriterji vinkolanti li jistgħu jwasslu għaċ-ċaħda ta' liċenzji tal-esportazzjoni u erba' kriterji oħra li jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, billi dawn il-kriterji huma mingħajr preġudizzju għal miżuri aktar restrittivi ta' kontroll tal-armi mill-Istati Membri;

E.

billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi l-pedament tal-valuri komuni li fuqhom hija mibnija l-Unjoni Ewropea u billi, skont it-Trattati, il-politika kummerċjali bħala parti mill-azzjoni esterna tal-UE għandha tikkontribwixxi għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.

billi l-esportazzjonijiet tal-armi mhux biss għandhom impatt fuq is-sigurtà iżda wkoll fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-kapaċità industrijali, il-kummerċ bilaterali u plurilaterali, u l-iżvilupp sostenibbli; billi l-instabbiltà li tista' tinħoloq minn disponibbiltà akbar tal-armi twassal għal tnaqqis ekonomiku u faqar; billi l-kummerċ tal-armi, speċjalment ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, spiss iwassal għal korruzzjoni u insolvenza u jieħu riżorsi importanti għall-iżvilupp mis-soċjetajiet tagħhom; billi l-kummerċ internazzjonali jista' jissodisfa l-aħjar il-potenzjal tiegħu li jipprovdi impjiegi sostenibbli, tkabbir u żvilupp fi klima ta' governanza tajba internazzjonali, jekk mhux paċi, sigurtà u stabbiltà sħaħ;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.

Jilqa' l-konklużjoni, bl-awspiċju tan-Nazzjonijiet Uniti, ta' Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi legalment vinkolanti dwar il-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali wara seba' snin ta' negozjati twal; ifakkar li t-Trattat għandu l-għan li jistabbilixxi l-ogħla standards internazzjonali komuni possibbli għar-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali, li jipprevjeni u jeqred il-kummerċ illeċitu tal-armi konvenzjonali bil-għan li jikkontribwixxi għall-paċi, sigurtà u stabbiltà internazzjonali u reġjonali u għat-tnaqqis tat-tbatija umana; jemmen li l-implimentazzjoni effettiva tat-Trattat tista' tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex ittejjeb ir-rispett tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju fid-dinja kollha; jilqa' l-kontribut sostanzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-bidu nett sal-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

2.

Jenfasizza li s-suċċess fit-tul tar-reġim tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jiddependi mill-parteċipazzjoni ta' kemm jista' jkun pajjiżi, u b'mod partikolari l-atturi ewlenin kollha fil-kummerċ internazzjonali tal-armi; jilqa' l-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri tan-NU diġà ffirmaw it-Trattat u jħeġġeġ lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess u jirratifikawh mill-aktar fis possibbli; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iżid mal-objettivi tal-affarijiet barranin tiegħu, kif ukoll mas-suġġetti li jiġu inklużi fil-ftehimiet bilaterali, stedina għal pajjiżi terzi biex jingħaqdu mat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

3.

Jinnota li xi ftehimiet kummerċjali jinkludu klawsoli li jippromwovu għanijiet u ftehimiet ta' non-proliferazzjoni rigward l-armi tal-qerda tal-massa u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tesplora sa liema punt l-istrumenti tal-kummerċ attwali u futuri jistgħu jintużaw biex jippromwovu r-ratifika u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

4.

Jenfasizza li t-trasferimenti illegali jew mhux regolati tal-armi jikkawżaw tbatija umana u jħeġġu l-kunflitti armati, l-instabbiltà, l-attakki terroristiċi u l-korruzzjoni, bil-korollarju tagħhom ta' żvilupp ekonomiku pperikolat, u ksur tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali;

Kamp ta' applikazzjoni

5.

Jiddispjaċih li t-Trattat ma jintroduċix definizzjoni komuni u preċiża ta' armi konvenzjonali u japplika biss għal tmien kategoriji ta' armi stipulati fl-Artikolu 2(1), u jiddispjaċih dwar l-assenza ta' lista li tiddeskrivi t-tipi speċifiċi ta' armi inklużi fi ħdan kull waħda minn dawn il-kategoriji; jilqa', madankollu, l-użu ta' kategoriji wiesgħin biex jiġi determinat liema tipi ta' armi huma kkonċernati; huwa partikolarment sodisfatt bl-inklużjoni tal-armi żgħar, l-armi ħfief, il-munizzjon u l-partijiet u l-komponenti tagħhom; jistieden lill-Istati Partijiet jifhmu kull kategorija fis-sens wiesa' tagħha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; jiddispjaċih li l-kummerċ ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (drones) mhuwiex inkluż fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat;

6.

Jiddispjaċih li l-assistenza teknika, li tinkludi t-tiswija, il-manutenzjoni u l-iżvilupp, attivitajiet li ddaħħlu fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, baqgħet barra mill-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat;

7.

Jistieden lill-Istati Membri jiċċaraw li t-terminu 'trasferiment' imsemmi fl-Artikolu 2.2(2) tat-Trattat japplika għal għotjiet, self u kiri u għall-forom l-oħra kollha ta' trasferiment u li dawn l-attivitajiet, għalhekk, jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan it-Trattat;

8.

Jistieden lill-Istati Partijiet biex, fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 6 (Projbizzjonijiet) u l-Artikolu 7(1) (Esportazzjoni u Valutazzjoni tal-Esportazzjoni) tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, jagħtu aktar attenzjoni lil beni li jistgħu jintużaw għal skopijiet kemm ċivili kif ukoll militari, bħat-teknoloġija ta' sorveljanza, u bl-istess mod għal partijiet ta' sostituzzjoni u prodotti xierqa għall-użu fl-atti elettroniċi ta' gwerra jew għal abbużi mhux letali tad-drittijiet tal-bniedem, u jissuġġerixxi li tiġi eżaminata l-possibilità li l-kamp ta' applikazzjoni tal-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi jiġi estiż biex jinkludi servizzi relatati mal-esportazzjoni tal-armi u beni u teknoloġiji ta' użu doppju;

9.

Jilqa' d-dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jipprevjenu d-devjazzjoni tal-armi; jinnota madankollu li libertà kbira titħalla f'idejn l-Istati Partijiet fid-determinazzjoni tal-livell ta' riskju tad-devjazzjoni tal-armi; jiddispjaċih li l-munizzjon u l-partijiet u l-komponenti mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati, u jistieden lill-Istati Partijiet jirrimedjaw għal dan fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, u partikolarment dawk li huma Stati Membri tal-UE, skont il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008;

10.

Jirrikonoxxi l-importanza tal-industrija tal-armi għat-tkabbir u l-innovazzjoni, minbarra r-rwol fundamentali tagħha ta' forniment ta' kapaċitajiet vitali; ifakkar fl-interessi leġittimi tal-Istati li jakkwistaw armi konvenzjonali u li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-awtodifiża u li jipproduċu, jesportaw, jimportaw u jittrasferixxu armi konvenzjonali; ifakkar ukoll li hu fl-aħjar interess tal-Istati Partijiet li jiżguraw li l-industrija tal-armi tosserva l-liġi internazzjonali u r-reġimi vinkolanti ta’ kontroll tal-armi, sabiex jiġu preservati u protetti l-prinċipji fundamentlai tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja, u jiġu promossi l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz ta' Azzjoni Esterna Ewropew jgħinu biex jiġi żviluppat kodiċi ta' kondotta vinkolanti għal atturi privati involuti fil-kummerċ ta' beni militari, konformi mal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem; jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-industrija tal-armi Ewropea tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-isforzi ta' appoġġ b'mod miftuħ u trasparenti, inkluż fejn xieraq permezz ta' sħubija pubblika privata; u biex trawwem konformità, partikolarment b'obbligi ta' responsabbiltà msaħħa u l-obbligu li jiġi mir-responsabbiltà tal-prevenzjoni tat-trasferimenti tal-armi illegali;

Kriterji u standards internazzjonali

12.

Jenfasizza l-valur simboliku u legali għoli tal-obbligu impost mit-Trattat fuq l-Istati Partijiet biex jimplimentaw sistema ta' kontroll nazzjonali għat-trasferimenti tal-armi (l-esportazzjoni, l-importazzjoni, it-transitu, it-trasburdjar u l-kiri);

13.

Jilqa', b'mod partikolari, il-projbizzjoni tat-trasferimenti kollha fejn l-istat ikun jaf fiż-żmien tal-awtorizzazzjoni li l-armi se jintużaw biex jiġu kommessi ġenoċidju, reati kontra l-umanità jew reati ta' gwerra;

14.

Jilqa' l-fatt li, b'mod ferm konsistenti ma’ diversi ftehimiet u strumenti reġjonali dwar il-kontroll tat-trasferimenti, inkluża l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008, it-trasferimenti tal-armi mhux se jkunu awtorizzati jekk l-Istati Partijiet jivvalutaw li hemm riskju predominanti li l-armi jimminaw il-paċi u s-sigurtà jew li se jintużaw biex: (1) tinkiser il-liġi umanitarja, (2) jinkisru d-drittijiet tal-bniedem, (3) titwettaq kriminalità organizzata u (4) jitwettaq terroriżmu; jinkoraġġixxi lill-Istati Partijiet kollha jiżviluppaw gwida elaborattiva sabiex dawn il-kriterji jiġu applikati bir-reqqa u l-konsistenza xierqa;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw aktar koerenza bejn l-istrumenti Ewropej differenti li jirregolaw il-moviment (l-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu) tal-armi u ta' oġġetti strateġiċi bħall-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008, ir-Regolament (KE) Nru 428/2009 ta' użu doppju, ir-Regolament (UE) Nru 258/2012 dwar l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar l-Armi tan-Nar u miżuri mmirati skont l-Artikolu 218 tat-Trattat, f'termini ta' struttura istituzzjonali fil-livell Ewropew u mekkaniżmi ta' implimentazzjoni, sabiex jiġu evitati konfużjoni legali u spejjeż addizzjonali eċċessivi għall-operaturi ekonomiċi rilevanti tal-UE;

16.

Jilqa' r-rekwiżit li l-Istati Partijiet iqisu r-riskju li l-armi jiġu trasferiti biex jintużaw għat-twettiq jew l-iffaċilitar ta' atti serji ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru jew atti serji ta' vjolenza fuq in-nisa u t-tfal fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ liċenzji;

Implimentazzjoni u rappurtar

17.

Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni effettiva u kredibbli tat-Trattat b'definizzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tal-Istati Partijiet; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li marġini kbir ta' interpretazzjoni jitħalla f'idejn l-Istati Partijiet;

18.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li mhemm l-ebda obbligu li tiġi valutata l-eżistenza ta’ tensjonijiet jew kunflitti armati fil-pajjiż destinatarju, u lanqas ma jitqies il-livell tiegħu ta’ żvilupp;

19.

Jinnota li l-Istati Partijiet huma rikjesti jirrapportaw annwalment dwar l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-armi konvenzjonali; jappella bil-qawwa biex ir-rapporti rilevanti bħala regola ġenerali jkunu disponibbli għall-pubbliku; jistieden lill-Istati Membri biex jikkomettu ruħhom għat-trasparenza u jikxfu b'mod pubbliku r-rapporti annwali tagħhom dwar it-trasferimenti tal-armi, mingħajr ma jistennew aċċettazzjoni universali tal-prinċipju;

20.

Jemmen li t-trasparenza sħiħa tiddependi ħafna mir-responsabbiltà tal-parlamenti, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u jappella biex jitwaqqfu mekkaniżmi ta' trasparenza li jippermettu tali ċittadini u organizzazzjonijiet jiġu involuti sabiex iżommu lill-awtoritajiet tagħhom responsabbli;

21.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-parlamenti nazzjonali, l-NGOs u s-soċjetà ċivili kemm fl-implimentazzjoni kif ukoll fl-infurzar, fil-livell nazzjonali u Ewropew, tal-istandards maqbula tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u fit-twaqqif ta' sistema ta' kontroll trasparenti u responsabbli; jappella, għalhekk, għal appoġġ (inkluż appoġġ finanzjarju) li jingħata lil mekkaniżmu ta' kontroll trasparenti u b'saħħtu li se jsaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili;

22.

Jilqa' d-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u l-assistenza u t-twaqqif ta' fond fiduċjarju volontarju biex jgħin lill-Istati Partijiet li jeħtieġu appoġġ biex jimplimentaw it-Trattat;

23.

Jilqa' wkoll it-twaqqif ta' Konferenza ta' Stati Partijiet, li se titlaqqa' regolarment sabiex isir rieżami tal-implimentazzjoni tat-Trattat u, inter alia, biex tiżgura li l-kummerċ fit-teknoloġiji ġodda tal-armi jkun kopert mit-Trattat;

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha

24.

Jirrikonoxxi r-rwol konsistenti tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fl-appoġġ tal-proċess internazzjonali tal-ħolqien ta’ regoli vinkolanti li jirregolaw il-kummerċ internazzjonali tal-armi; jilqa' l-fatt li l-Istati Membri kollha ffirmaw it-Trattat; jistenna bil-ħerqa r-ratifika malajr mill-Istati Membri malli l-Parlament Ewropew jagħti l-kunsens tiegħu;

25.

Jitlob, filfatt, lill-Presidenza tal-Kunsill Griega tagħti l-ogħla prijorità lir-ratifika u l-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar l-attivitajiet rispettivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw malajr it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, b'mod effettiv u uniformi, fl-Unjoni Ewropea kollha filwaqt li jkomplu jimplimentaw bis-sħiħ il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008 bħala bażi attwali għal standards Ewropej konġunti fil-kontrolli tal-esportazzjoni tal-armi;

26.

Ifakkar lill-Istati Membri bir-responsabilità konġunta tagħhom li japplikaw u jinterpretaw il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008 dwar l-Esportazzjoni tal-Armi b'mod uniformi u bi grad ugwali ta' rigorożità;

27.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw kemm l-obbligi ta' rappurtar tal-UE kif ukoll tan-NU fi spirtu ta' trasparenza u kompletezza, u jippromwovu t-trasparenza u l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki dwar it-trasferimenti tal-armi u d-diversjoni tal-armi globalment;

28.

Jilqa r-rwol attiv li għandha l-UE fin-negozjati tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi; jiddispjaċih madankollu li t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi ma fihx dispożizzjonijiet li jippermettu lill-UE jew lil organizzazzjonijiet reġjonali oħra jkunu parti mit-Trattat; jenfasizza l-ħtieġa li organizzazzjonijiet reġjonali jkollhom rwol attiv fl-implimentazzjoni tat-Trattat, u jitlob li jiġu introdotti dispożizzjonijiet fit-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi mill-iżjed fis possibbli li jippermettu lill-UE jew lil organizzazzjonijiet reġjonali oħra jkunu parti mit-Trattat;

29.

Jilqa’ l-fatt li t-Trattat jistabbilixxi li l-Istati huma obbligati jippreżentaw kull sena rapport kemm dwar l-esportazzjonijiet kif ukoll dwar l-importazzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 13(3)), fejn dan hu aspett pożittiv ħafna li jtejjeb il-fiduċja bejn l-Istati, peress li b’dan il-mod dawn jiksbu informazzjoni dwar l-armi li qed jixtru pajjiżi oħra;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta ambizzjuża għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar mekkaniżmu ta' appoġġ tal-UE għall-implimentazzjoni tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi;

31.

Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ lil pajjiżi terzi li jeħtieġu assistenza sabiex iwettqu l-obbligi tat-Trattat; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tas-16 ta’ Diċembru 2013 li jiġu allokati EUR 5,2 miljun mill-baġit tal-UE għall-fond fiduċjarju volontarju li għandu jiġu stabbilit f'konformità mat-Trattat;

32.

Jenfasizza li kwalunkwe sforz ta' implimentazzjoni għandu jiġi koordinat mill-qrib mal-attivitajiet ta' donaturi oħra u partijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, bħal dawk iffinanzjati mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sostenn tal-Koordinament tar-Regolament dwar l-Armi (UNSCAR) u għandu jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili lokali;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiddisinjaw u jimplimentaw programm ta' involviment attiv dwar it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, li jkun koerenti u jintegra u jibni fuq l-attivitajiet eżistenti tal-partijiet tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u jieħu inkunsiderazzjoni l-attivitajiet relatati mal-inizjattivi lokali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivajiet ta ' involviment ta' donaturi oħra u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'kont meħud tal-lezzjonijiet miksuba f'dan il-qasam;

34.

Jinnota d-dispożżjoni li t-Trattat jiġi emendat, bħala l-aħħar alternattiva, minn maġġoranza ta' tliet kwarti tal-Istati Parijiet jekk dan ikun meħtieġ, u jinkoraġġixxi l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmlu użu minn din id-dispożizzjoni fil-futur biex ikomplu jsaħħu r-reġim u jneħħu l-lakuni; jistieden lill-Kummissjoni biex sadanittant tippromwovi soluzzjonijiet bilaterali fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali regolati mit-Trattat;

35.

Jistieden lill-Parlament Grieg, fil-qafas tal-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE, biex jinkludi l-kwistjoni tar-ratifika tat-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-2008 dwar l-aġenda tal-Konferenza Interparlamentari li ġejja għall-PESK/PSDK;

36.

Jistieden lill-Kunsill, fid-dawl tal-fatt li t-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi, biex jirrigwarda kemm il-kompetenzi esklussivi tal-UE u l-kompetenzi nazzjonali, biex jagħti l-permess lill-Istati Membri jirratifikaw it-Trattat dwar il-Kummerċ tal-Armi fl-interess tal-Unjoni Ewropea;

o

o o

37.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.


(1)  ĠU L 152, 18.6.2010, p. 14.

(2)  ĠU L 256, 13.9.1991, p. 51.

(3)  ĠU L 146, 10.6.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 94, 30.3.2012, p. 1.

(5)  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(6)  ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 342.

(7)  ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 58.

(8)  ĠU C 66 E, 20.3.2009, p. 48.