|
24.3.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/68 |
P7_TA(2014)0076
L-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2014 dwar l-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (2013/2174(INI))
(2017/C 093/12)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 dwar l-assigurazzjoni ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem (COM(2013)0213), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2013 bl-isem 'Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima' (COM(2013)0216), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konsultazzjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni dwar il-Green Paper mis-16 ta’ April 2013 sal-15 ta’ Lulju 2013, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Nru 12/2012 tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu 'Climate change, impacts and vulnerability in Europe 2012, An indicator-based report', |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-JRC tal-Kummissjoni Ewropea ta' Settembru 2012 bit-titolu “Natural Catastrophes: Risk relevance and Insurance Coverage in the EU”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A7-0005/2014), |
|
A. |
billi r-rata ta' penetrazzjoni li tkejjel il-persentaġġ ta' primjums ta' assigurazzjoni globali bħala proporzjon tal-PDG tal-pajjiż, tvarja fost l-Istati Membri, u billi d-daqs tat-telf ekonomiku relatat ma' eventi ta' temp mhuwiex karatterizzat minn rati ugwali fost l-Istati Membri; |
|
B. |
billi mir-rati differenti ta’ penetrazzjoni fl-Istati Membri, influwenzati minn differenzi legali, ġeofiżiċi, storiċi u kulturali u mill-livelli differenti ta’ domanda, jistgħu jitqiesu li jirrikjedu azzjoni fuq livell Ewropew, l-aktar fil-qasam tal-informazzjoni u l-politika ta' prevenzjoni; |
|
C. |
billi s-sitwazzjoni fis-suq tal-assigurazzjoni tal-UE hija eteroġena minħabba li l-Istati Membri huma esposti għal riskji u katastrofi naturali differenti u t-tbassir tal-katastrofi naturali jiddependi fuq fatturi differenti (meteoroloġiċi, idroloġiċi, ġeofiżiċi, eċċ); |
|
D. |
billi bejn l-1980 u l-2011 għadd żgħir ta’ avvenimenti rriżultaw f’madwar nofs l-ispejjeż kollha relatati mal-avvenimenti tat-temp; billi l-katastrofi naturali u d-diżastri kkawżati mill-bniedem huma riskju finanzjarju kull fejn iseħħu; |
|
E. |
billi l-mareat tal-maltempati, in-nirien tal-foresti, l-għargħar tax-xmajjar u l-għargħar għall-għarrieda huma fost ir-riskji ta’ katastrofi naturali ewlenin li tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa u, ukoll jekk l-inċidenza tagħhom qed tiżdied b’ħeffa, għadu impossibbli li wieħed jagħmel stima tal-effetti dejjem jikbru f’termini tal-ħsara u l-ispejjeż; |
|
F. |
billi ċ-ċittadini sikwit ma jkunux konxji tad-diversi riskji li jistgħu jirriżultaw minn avvvenimenti tat-temp, inkella kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunitajiet għandhom it-tendenza li ma jqisux biżżejjed ir-riskji tal-katastrofi naturali, kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ tħejjija; |
|
G. |
billi, minn banda, il-katastrofi naturali jiddependu fuq elementi meteoroloġiċi u ġeografiċi, filwaqt li mill-banda l-oħra d-diżastri kkawżati mill-bniedem huma minħabba mġiba ħażina jew ġestjoni ħażina tar-riskju; |
|
H. |
billi l-konsegwenzi ta’ ċerti diżastri naturali huma f’ċerti każijiet, imkabbra minħabba n-nuqqas ta’ miżuri ta’ prekawzjoni adegwati mill-gvernijiet, l-awtoritajiet lokali u ċ-ċittadini; |
|
I. |
billi, fir-rigward ta’ diżastri kkawżati mill-bniedem, l-osservanza u l-ottimizzazzjoni tar-regoli ta’ sigurtà hi importanti ħafna għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-inċidenti; |
|
J. |
billi s-suq fl-assigurazzjoni tal-katastrofi naturali huwa affettwat mid-daqs tal-miżuri preventivi f’forma ta’ adattament għat-tibdil fil-klima (eż. il-ħolqien ta’ lqugħ kontra l-għargħar jew l-identifikazzjoni bikrija u l-kapaċitajiet ta’ reazzjoni kontra n-nirien tal-foresta), filwaqt li s-suq fl-assigurazzjoni għal diżastri kkawżati mill-bniedem huwa maħsub għar-rispett tal-obbligi ta’ responsabilità imposti mill-istandards tas-sikurezza, li jfisser li mhuwiex xieraq li l-ħsara fil-proprjetà u l-assigurazzjoni fuq ir-responsabilità jitqiesu bl-istess mod; |
Il-prevenzjoni u l-informazzjoni
|
1. |
Iqis li l-prevenzjoni hija l-aktar fattur importanti f’termini tal-ħarsien tan-nies u li jiġu evitati d-danni minħabba avvenimenti mhux mistennija; jinnota r-rwol tal-UE fl-iżvilupp ta’ soċjetà aktar responsabbli li tindirizza biżżejjed il-miżuri ta’ prekawzjoni u fil-ħolqien ta’ kultura ta’ prevenzjoni li ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini għar-riskji naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem; |
|
2. |
Jemmen li aktar riċerka tista’ twassal għal qafas dettaljat ta’ sitwazzjonijiet differenti fir-rigward tal-fehim u l-prevenzjoni tar-riskji ambjentali u tat-tnaqqis tal-inċertezza f’dan il-qasam; jilqa’ s-sħubijiet bejn il-kumpaniji tal-assigurazzjoni u l-istituti tar-riċerka bil-għan li jiġu ppuljati r-riżorsi, il-ħiliet u l-għarfien espert tar-riskju sabiex jinfthiemu aħjar il-kwistjonijiet involuti u b’hekk iċ-ċittadini u l-komunitajiet tagħhom jitħejjew biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw aħjar ir-riskji relatati mal-katastrofi naturali; |
|
3. |
Jemmen li l-informazzjoni hija kruċjali għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ diżastri bħal dawn; jappella, għaldaqstant, għall-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri u s-settur privat sabiex jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni relevanti relatata mar-riskji li jiffaċċjaw; |
|
4. |
Huwa tal-fehma li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jipprovdu valur miżjud viżibbli billi jappoġġjaw imġiba individwali responsabbli u billi jikkondividu l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni fost l-Istati Membri u fuq livell reġjonali, u jilqa’ l-appoġġ tal-kampanji maħsuba biex itejbu s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tar-riskji tal-katastrofi naturali u l-għarfien tal-ġeografija u l-klima; |
|
5. |
Jirrimarka li l-involviment tal-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-ippjanar tal-bliet u l-iżvilupp urban jista’ jtejjeb il-ġestjoni tal-katastrofi naturali; jemmen li l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi pubbliċi u privati tista’ tgħin lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jidentifikaw iż-żoni ta’ riskju għoli, jiddeċiedu dwar miżuri preventivi u jħejju għal azzjoni koordinata; |
|
6. |
Jappella lill-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi biex jieħdu miżuri preventivi adegwati sabiex inaqqsu l-konsegwenzi tad-diżastri naturali; jistieden lill-gvernijiet biex joħolqu u jmantnu unitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet sabiex inaqqsu l-konsegwenzi ta’ kriżijiet bħal dawn; |
|
7. |
Jistieden lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki u l-esperjenzi bil-għan li jipproteġu liċ-ċittadini minn avvenimenti mhux mistennija u jiżviluppaw netwerk għall-iskambju ta’ informazzjoni, u jiftiehmu dwar il-koordinazzjoni u l-immaniġġjar transkonfinali; |
Is-suq tal-assigurazzjoni
|
8. |
Jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni li tqajjem sensibilizzazzjoni dwar id-diżastri, iżda jenfasizza li d-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem jeħtieġu tipi differenti ta’ assigurazzjoni u huma koperti minn żewġt iswieq tal-assigurazzjoni differenti u, għaldaqstant, ma jistgħux jiġu ttrattati flimkien, anki jekk ikun hemm każijiet ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-bniedem li jistgħu jirrappreżentaw esponiment akbar għar-riskju ta’ katastrofi naturali; |
|
9. |
Jenfasizza li l-UE m’għandhiex toħloq regoli ta’ responsabilità doppji u kontradittorji; jirrimarka li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri hemm xi forma ta’ sistema bbażata fuq l-assigurazzjoni għall-ħsara kkawżata minn għargħar u minn fatturi naturali oħra. jinnota li s-sistema tista’ tiġi ssupplimentata b'fondi tal-istat sabiex tikkumpensa għal dawk l-assi li ma jistgħux ikunu assigurati privatament, u li l-fondi tal-Istat jistgħu wkoll jikkumpensaw talbiet tal-assigurazzjoni li jaqbżu l-ammonti massimi jew inkella dannu kbir b’mod eċċezzjonali; huwa wkoll tal-fehma li Stat Membru jista’ jipparteċipa fil-kumpens għad-danni billi jipprovdi riassigurazzjoni; iqis, madankollu, li dawn is-sistemi huma differenti f’ħafna aspetti, u ma jkunx prudenti jew neċessarju li wieħed jgħaqqadhom flimkien; |
|
10. |
Jinnota li Regolament (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea huwa l-bażi għall-azzjoni mill-Komunità f’każijiet ta’ diżastri maġġuri u li r-Regolament jgħid b’mod ċar li l-“azzjoni tal-Komunità ma għandhiex teżenta lill-partijiet terzi mir-responsabilità tagħhom li, taħt il-prinċipju ‘min iniġġes iħallas’, huma responsabbli fl-ewwel istanza għall-ħsara kkawżata minnhom, jew li tiskoraġixxi miżuri ta’ prevenzjoni kemm fuq livell ta’ Stat Membru kif ukoll fuq livell tal-Komunità.” |
|
11. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiggarantixxi aċċess faċli għall-informazzjoni rilevanti, inkluż permezz ta’ statistika komparattiva, u lill-Istati Membri sabiex jippubblikaw data ċara u preċiża biex tappoġġja t-teħid tad-deċiżjonijiet mill-konsumaturi, il-komunitajiet u l-kumpaniji meta dawn jixtru assigurazzjoni għal katastrofi naturali; iqis li l-introduzzjoni ta’ formats standard ibbażati fuq klassifikazzjonijiet differenti tal-avvenimenti tista' tkun utli; |
|
12. |
Ifakkar li l-katastrofi naturali jaffettwaw kemm id-djar privati kif ukoll l-attivitajiet tan-negozju, u jħeġġeġ lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jieħdu l-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju bħala l-approċċ ċentrali għall-assigurazzjoni tad-diżastri; jistieden lill-Istati Membri joffru inċentivi biex iħeġġu liċ-ċittadini jipproteġu lilhom infushom u lill-proprjetà kontra l-ħsara, u inċentivi li jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ assigurazzjoni f’termini tar-responsabilità ambjentali, eż. għall-impriżi tal-minjieri, fis-setturi tal-gass, tal-kimika jew nukleari; |
|
13. |
Jistieden lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jiċċaraw il-kuntratti għall-konsumaturi u sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-alternattivi disponibbli u l-impatt tagħhom fuq il-prezz tal-kopertura, sabiex jassiguraw li jkun hemm għażla adegwata għall-konsumaturi; jistieden lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jipprovdu informazzjoni ċara u li tinftiehem lill-klijenti u lil klijenti potenzjali; |
|
14. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa li l-konsumaturi jifhmu x’tip ta’ kopertura għandhom u kif din se taħdem meta jseħħu r-riskji; jirrimarka li jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu infurmati bis-sħiħ dwar it-termini u l-kundizzjonijiet kollha meta jixtru prodotti ta’ assigurazzjoni inklużi l-proċeduri u l-maturità għall-proċeduri ta’ rtirar jew ilmenti, u qabel ma jiffirmaw kuntratt; iqis li l-ipprezzar ibbażat fuq ir-riskju għandu jkun ċentrali għad-disponibbiltà tal-kopertura tal-assigurazzjoni; jemmen li l-ħarsien tal-konsumaturi għandu jkun tħassib ewlieni għall-UE u għall-Istati Membri; |
Assigurazzjoni mhux obbligatorja
|
15. |
Ifakkar li fl-aħħar mill-aħħar huma l-Istat jew l-awtoritajiet reġjonali li jġorru ħafna mill-piż tal-ispejjeż indiretti jew diretti għad-danni, kemm dawk ikkawżati min-natura kif ukoll dawk ikkawżati mill-bniedem, u jissuġġerixxi li l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali għandhom jirrikonoxxu l-importanza tal-prevenzjoni tar-riskji u għandhom jagħmluha pilastru tal-istrateġija tal-investiment, peress li huwa aktar effiċjenti li jitnaqqsu l-konsegwenzi tad-diżastri milli li tingħata biss kopertura u wara jsiru t-tiswijiet tad-danni; |
|
16. |
Jenfasizza r-riskju tal-periklu morali jekk iċ-ċittadini jassumu li l-gvern tagħhom se juża r-riżorsi pubbliċi mill-baġit nazzjonali biex ikopri l-ħsarat tagħhom; għaldaqstant jesprimi kritika għall-azzjonijiet u l-miżuri li jistgħu jiskuraġġixxu liċ-ċittadini jew lill-komunitajiet milli jieħdu miżuri biex jipproteġu lilhom infushom; huwa tal-opinjoni li ċ-ċittadini għandhom iġorru s-sehem ta’ responsabilità tagħhom u li l-kumpens m’għandux ikopri l-ħsarat kollha; |
|
17. |
Ifakkar li trid tinżamm ir-responsabilità individwali f’dan is-settur, u huwa konxju mill-isforzi magħmula mill-Istati Membri biex jikkombinaw il-promozzjoni tar-responsabilità individwali mal-intervenzjoni tal-gvern; |
|
18. |
Jikkonkludi li m’hemm l-ebda distorsjoni fis-suq f’dan il-qasam biex tiġġustifika l-intervenzjoni fil-livell Ewropew, u ma jaħsibx li soluzzjoni waħda għal kulħadd tkun fattibbli għal din il-kwistjoni; ifakkar li l-prodotti tal-assigurazzjoni mfassla apposta jiddependu fuq ħafna elementi, bħat-tip tar-riskji, il-kwantità u l-kwalità probabbli tagħhom, il-kultura ta’ prevenzjoni, kemm huma mħejjija u l-kapaċità għall-azzjoni u l-approċċ meħud mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali rigward il-monitoraġġ u t-tħejjija għar-riskju; |
|
19. |
Iqis li suq tal-assigurazzjoni għall-katastrofi naturali li jkun flessibbli jippermetti lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jadattaw għal kundizzjonijiet differenti, u jemmen li qafas mhux mandatorju huwa l-aħjar mod biex jiġu żviluppati prodotti li jitqabblu mar-riskji naturali f'żona ġeografika partikulari; |
o
o o
|
20. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-parlamenti tal-Istati Membri. |