9.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 289/19


P8_TA(2014)0060

Impjieg u aspetti soċjali tal-istrateġija UE2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020 (2014/2779(RSP))

(2016/C 289/03)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2014 bit-titolu "Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv (COM(2014)0130),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 u l-21 ta’ Marzu 2014,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Ġunju 2010 dwar l-istrateġija Ewropa 2020 (1),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2013 bit-titolu 'Suq Uniku għat-tkabbir u l-impjiegi: analiżi tal-progress li sar u tal-ostakli li għad fadal fl-Istati Membri – Kontribut għall-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2014' (COM(2013)0785),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2011 dwar il-Pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-Impjieg taż-Żgħażagħ (3),

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-impjiegi u l-aspetti soċjali tal-istrateġija UE2020 (O-000076/2014 – B8-0035/2014 u O-000077/2014 – B8-0036/2014),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-approċċ integrat tal-istrateġija Ewropa 2020 jenfasizza l-prinċipju li tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jinkisbu l-ħames miri ewlenin kollha;

B.

billi minkejja n-natura integrata tal-istrateġija Ewropa 2020, l-impatt soċjali tal-miżuri ta' konsolidament fiskali u l-ħtieġa li jkun preservat livell adegwat ta' investiment soċjali bħala fattur li jsaħħaħ l-iżvilupp u t-tkabbir ma kinux rikonoxxuti b'mod suffiċjenti f'oqsma oħra ta' politika;

C.

billi l-UE tinsab il-bogħod milli tilħaq il-miri ewlenin tal-impjiegi u tat-tnaqqis tal-faqar tal-istrateġija Ewropa 2020;

D.

billi minn meta l-istrateġija Ewropa 2020 daħlet fis-seħħ fl-2010 il-livelli tal-qgħad komplew jiżdiedu f'uħud mill-Istati Membri u r-rata tal-qgħad għall-UE-28 laħqet livell allarmanti ta' 10,1 % fl-2014, b'24,6 miljun persuna qiegħda fl-Unjoni u b'għadd li qed jiżdied ta' ħaddiema fqar; billi l-agħar livelli jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi, fejn il-medja tar-rata tal-qgħad tilħaq l-24 % u l-medja tar-rata tal-qgħad taż-żgħażagħ hi ta' 51 % (4);

E.

billi l-għadd ta' persuni li jinsabu f'risku tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali żdied b'10 miljun mill-2008 għal aktar minn 122,6 miljun, b'wieħed minn kull erba' ċittadini effettwat; billi d-differenzi bejn l-Istati Membri wkoll qed jikbru; billi r-rata medja ta' riskju ta' faqar fl-UE hi ta' 24,8 %, filwaqt li ċ-ċifra ekwivalenti għat-tfal (fl-età taħt it-18-il sena) hi ta' 28 %, u billi dawn iċ-ċifri żdiedu minn meta l-istrateġija Ewropa 2020 daħlet fis-seħħ fl-2010;

F.

billi għal persuni b'diżabbiltà r-rata ta' faqar hi ta' 70 % aktar għolja mill-medja, parzjalment minħabba aċċess limitat għall-impjieg;

G.

billi jeħtieġ li jkun hemm 16-il miljun ċittadin addizzjonali f'impjieg sabiex tintlaħaq il-mira ta' impjiegi ta' 75 % fl-2020;

H.

billi, skont l-aħħar previżjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rata tal-qgħad tal-UE hija mistennija tonqos b'ammont ferm negliġenti, għal 10,4 % fl-2015;

I.

billi r-rati għolja tal-qgħad fl-UE huma marbuta mal-bażi produttiva industrijali u tal-manifattura li ċkienet;

J.

billi r-riformi jeħtieġ ikomplu sabiex jintlaħqu t-talbiet taċ-ċittadini fl-isfera tal-impjieg u dik soċjali;

K.

billi qed jiżdiedu d-diverġenzi fir-rati ta' impjieg bejn Stati Membri u reġjuni differenti, li jwassal għal polarizzazzjoni tal-UE bejn iċ-ċentru u l-periferija u b'hekk hemm riskju ta' żieda fl-iżbilanċi soċjali fuq terminu twil;

L.

billi l-Artikolu 174 tat-TFUE jiddikjara li l-UE għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha inklużi reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti;

M.

billi, biex tkun indirizzata l-kriżi, uħud mill-Istati Membri għamlu qtugħ kbir fl-infiq pubbliku fl-istess ħin li żdiedet it-talba għall-protezzjoni soċjali b'rispons għaż-żieda fil-qgħad; billi l-allokazzjonijiet li jkopru l-baġit nazzjonali għas-sigurtà soċjali sfaw taħt pressjoni illi l-kontribuzzjonijiet naqsu wara t-telf ta’ impjiegi jew it-tnaqqis fis-salarji li laqat lil diversi persuni, u għalhekk il-mudell soċjali Ewropew verament tqiegħed fil-periklu;

N.

billi r-reġjuni li jkollhom iħabbtu wiċċhom ma ' sfidi naturali jew demografiċi serji bosta drabi għandhom livelli ta ' impjieg aktar baxxi u diffikultajiet akbar biex jinkiseb aċċess għal servizzi pubbliċi bħalma huma l-edukazzjoni jew il-kura tas-saħħa;

O.

billi l-livelli ta ' qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' kwistjoni dejjem aktar inkwetanti, hekk kif fl-UE ntlaħaq livell allarmanti ta' 23,3 % (medja tal-UE fl-2013) filwaqt li aktar minn 40 % taż-żgħażagħ għandhom kuntratt temporanju u kważi 25 % taż-żgħażagħ jaħdmu part-time;

P.

billi l-qgħad, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ, huma marbuta wkoll man-nuqqas ta' miżuri effikaċi biex jiġu stimulati l-investimenti pubbliċi fil-qasam tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-kwalifiki u l-ħiliet professjonali, li jikkostitwixxu mutur għat-tkabbir ekonomiku u għall-ekonomiji ta' skala;

Q.

billi fi Frar 2013 il-Kummissjoni adottat il-Pakkett ta' Investiment Soċjali;

R.

billi fil-qafas tal-istrateġija Ewropa 2020, kienu indirizzati lil 13 il-Stat Membru, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż bl-għan li jippromovu l-impjieg tan-nisa;

S.

billi ż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa, f'uħud mill-Istati Membri, seħħet prinċipalment minħabba ż-żieda fix-xogħol part-time; billi f'termini ekwivalenti ta' full-time huma biss 53,5 % tal-ħaddiema nisa li huma impjegati fl-UE; billi fl-2012 ir-rata ta' impjieg part-time tan-nisa kienet ta' 32,9 %, imqabbla ma' dik ta' 8,4 % għall-irġiel;

T.

billi l-Fond Soċjali Ewropew jappoġġa l-isforzi biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020 permezz ta' azzjonijiet biex jiġi miġġieled il-qgħad b'enfasi speċjali fuq iż-żgħażagħ; billi l-pakkett ta' investimenti ta' EUR 300 biljun imwiegħed minn Jean-Claude Juncker għandu jintuża biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tal-faqar u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

U.

billi l-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tas-27 ta' Ġunju 2014, enfasizza li l-livell attwali ta' qgħad fl-UE huwa għoli b'mod inaċċettabbli u stabbilixxa, għalhekk, Aġenda Strateġika b'iffukar qawwi fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-kompetittività;

V.

billi filwaqt li l-Unjoni Ewropea qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-miri tagħha dwar it-tluq bikri mill-iskola, xorta għad hemm diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri fir-rati ta' tluq bikri mill-iskola; billi t-tnaqqis fir-rati ta' tluq bikri mill-iskola se jżid il-possibbiltà ta' impjieg għaż-żgħażagħ;

W.

billi l-inugwaljanzi fl-introjtu żdiedu, hekk kif fl-2012 l-aqwa 20 % kienu jaqalgħu 5,1 darbiet aktar mill-agħar 20 %, u dan hu indikatur ieħor tad-diverġenzi soċjali li qed jiżdiedu bejn u fi ħdan l-Istati Membri; billi din iż-żieda fir-riskji ta' inugwaljanza tista' tiddistabbilizza s-soċjetajiet fl-Ewropa u bħala tali għandha tkun indirizzata billi jiġu adottati miżuri li jinkoraġġixxu t-tkabbir fil-qasam tal-impjieg u tal-aċċess għat-tagħrif pubbliku u permezz tal-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

X.

billi għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-integrazzjoni tas-sessi u għall-politiki mmirati lejn in-nisa sabiex jintlaħqu l-miri ewlenin tal-impjiegi u tat-tnaqqis tal-faqar tal-istrateġija Ewropa 2020 u jingħalaq id-distakk persistenti tal-ġeneru f'termini ta' impjieg u faqar;

Y.

billi l-isfidi demografiċi u t-tixjiħ tal-popolazzjoni se jkomplu jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020;

Z.

billi l-Kummissjoni tindika l-preżenza ta' żbilanċi makroekonomiċi u disparitajiet fil-prestazzjonijiet fuq is-suq tax-xogħol bejn Stat Membru u ieħor, b'mod partikolari fir-rigward tal-qgħad fost iż-żgħażagħ;

AA.

billi żieda fit-tkabbir ekonomiku waħidha mhijiex garanzija ta' aktar impjiegi diċenti, tnaqqis fil-faqar jew tnaqqis fl-inugwaljanzi soċjali iżda tirrikjedi għażliet politiċi xierqa biex jintlaħqu dawn l-objettivi;

AB.

billi filwaqt li l-politiki soċjali, fiskali, ekonomiċi u tal-impjiegi huma marbutin ħafna mill-qrib, il-Kumitati għall-Protezzjoni Soċjali (SPC), għall-Impjiegi (EMCO), għall-Politika Ekonomika (EPC) u għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (EFC) jittrattaw dawn il-kwistjonijiet relattivament f'iżolament, u dan ifixkel it-tfassil integrat tal-politiki;

1.

Jesprimi dispjaċir li l-politiki attwali jibqgħu ffukati biss fuq it-tkabbir ekonomiku mingħajr ma jirrikonoxxu l-ħtieġa ta' approċċ inklużiv, sostenibbli u bbażat fuq id-drittijiet; jenfasizza li biex it-tkabbir isir sostenibbli, il-benefiċċji tiegħu jeħtieġ jinfirxu mas-soċjetà kollha;

2.

Jesprimi dispjaċir li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) li ġew adottati s'issa bħala parti miċ-ċikli tas-Semestru Ewropew ma ġewx allinjati biżzejjed mal-miri tal-Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, it-tnaqqis tal-faqar u l-edukazzjoni; jiddispjaċih li mhix qed titqies biżżejjed l-importanza tas-sistemi tas-sigurtà soċjali bħala strumenti ewlenin biex jiġu stabbilizzati l-ekonomija u s-soċjetà u jitnaqqas il-faqar; jitlob għal sforzi aktar determinati ta' gwida u koordinazzjoni tal-politiki tal-UE sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-ostakli fl-implimentazzjoni tiegħu u jiġi sfruttat il-potenzjal tiegħu li jsaħħaħ it-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li joħloq ix-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li fil-futur is-CSRs jagħtu prijorità lill-miri tal-Ewropa 2020;

3.

Jirrikonoxxi l-ħidma li għaddejja fuq it-tema “Lil hinn mit-Tkabbir”, kif muri bil-ħidma tal-Presidenza Taljana u jqis li dan għandu jikkontribwixxi għar-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu espressa fir-riżoluzzjoni tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar il-“PDG u lil hinn minnu – Inkejlu l-progress f'dinja li dejjem tinbidel” (5);

4.

Jappella biex fl-istrateġija Ewropa 2020 ikun hemm prinċipju obbligatorju ta' tagħlim komparattiv fil-politika tal-Istati Membri tal-UE speċjalment fir-rigward tas-suq tax-xogħol Ewropew; dan ifisser l-implimentazzjoni ta ' monitoraġġ effikaċi u reġistrazzjoni tal-mudelli kif ukoll ta' metodi tal-aħjar prattika fl-Ewropa li jiffokaw fuq it-tnaqqis tar-rati tal-qgħad speċjalment fost iż-żgħażagħ; dan għandu jirriżulta f'analiżi komparattiva u fi klassifikar tal-eżempji nazzjonali relevanti kollha, u dawn ir-riżultati jwasslu għal konsegwenzi politiċi konkreti fl-Istati Membri kollha;

5.

Jistieden lill-Istati Membri japplikaw approċċ aktar ambizzjuż u konkret meta jittraduċu miri tal-UE fil-miri tagħhom f'livell nazzjonali; jitlob, b'mod partikolari, li l-miri tal-impjiegi, tat-tnaqqis fil-faqar u tal-edukazzjoni jitqassmu skont l-età u l-ġeneru biex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni komparattiva (benchmarking);

6.

Iqis li l-kisba tal-objettivi ta' riindustrijalizzazzjoni hija fundamentali għall-kompetittività tal-UE u li t-tnedija mill-ġdid ta' politika industrijali Ewropea ġenwina tista' tippromwovi t-tkabbir u toħloq impjiegi ġodda ta' kwalità għolja;

7.

Jitlob biex tiġi introdotta sistema ta' edukazzjoni doppja, li tiffunzjona fil-livell nazzjonali u reġjonali f'forma flessibbli, u biex jinħoloq Servizz tal-Impjieg effiċjenti b'rabtiet mill-qrib mat-netwerk Ewropew; jitlob, barra minn hekk, biex jiġu applikati kunċetti ġenwini ta' tagħlim tul il-ħajja kif ukoll kejl tas-suq tax-xogħol bil-għan li jissaħħu l-livelli ta' kwalifika tal-ħaddiema aktar anzjani;

8.

Ifakkar fl-importanza tas-sħab soċjali fir-rigward tal-politiki tas-suq tax-xogħol u jenfasizza li l-konsultazzjoni magħhom għandha tkun parti integrali mill-proċess; jistieden, għalhekk, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-involviment tas-sħab soċjali biex jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 tirnexxi;

9.

Jappella biex ikun hemm pjattaforma ta' sħab soċjali li tgħaqqad flimkien l-interessi tal-impjegati u ta' min iħaddem;

10.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe żieda fir-rata tal-impjieg tkun ir-riżultat ta' żieda fl-għadd ta' impjiegi ta' kwalità fl-ekonomija Ewropea;

11.

Jiddeplora l-fatt li ż-żidiet fir-rati ta' impjieg kienu parzjament ir-riżultat ta' forom prekarji ta' impjieg bħal kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet (zero-hour), impjieg indipendenti fittizju u xogħol part-time involontarju; jinsab imħasseb li impjiegi bħal dawn ma jagħtux ħajja diċenti u drittijiet tax-xogħol adegwati;

12.

Jenfasizza li l-kwalità tal-impjieg hi importanti biex aktar persuni jidħlu f'impjieg u biex tkun possibbli għalihom li jaħdmu aktar fit-tul, u għalhekk dan hu fattur kruċjali biex tintlaħaq il-mira tal-impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020; iqis, għalhekk, li l-indikaturi tal-impjieg jiffokaw mhux biss fuq l-għadd ta' persuni li jkunu qed isibu impjieg, iżda anke fuq il-kwalità tax-xogħol biex tingħata stampa dettaljata tas-swieq tax-xogħol nazzjonali;

13.

Jikkunsidra li l-Istati Membri kollha għandhom jippreżentaw ir-rapporti nazzjonali dwar il-progress annwali tagħhom fil-kisba tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tħejji Rapport Annwali dwar il-Progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ewropa 2020 u l-miri ewlenin kollha;

14.

Jilqa' l-użu għall-ewwel darba tat-tabella ta' valutazzjoni dwar indikaturi ewlenin tal-impjieg u dawk soċjali fiċ-ċiklu ta' din is-sena; jitlob għall-inklużjoni ta' indikaturi addizzjonali bħal livelli ta' faqar fost it-tfal, aċċess għall-kura tas-saħħa, nuqqas ta' akkomodazzjoni; jitlob għal analiżi addizzjonali tal-karatteristiċi tas-subpopolazzjonijiet tal-Istati Membri li jgħixu fil-faqar sabiex l-isforzi politiċi jkunu aktar konċentrati; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jużaw it-tabella ta' valutazzjoni bħala mekkaniżmu ta' twissija bil-għan li jkunu żviluppati politiki xierqa;

15.

Jappella biex fl-Istrateġija jinstab bilanċ ġdid bejn il-prijoritajiet finanzjarji u ekonomiċi u prijoritajiet soċjali b'saħħithom, sabiex jiġi żgurat li l-politiki soċjali jkunu msaħħa; jenfasizza li kunsiderazzjonijiet ta' impjiegi u soċjali għandhom jitqiegħdu fl-istess livell bħal dawk makroekonomiċi fil-proċedura tas-Semestru Ewropew; jitlob, barra minn hekk, li jiġu organizzati laqgħat konġunti bejn il-Kunsilli EPSCO u ECOFIN biex tintlaħaq pożizzjoni koerenti;

16.

Iqis li l-objettiv li jinħolqu impjiegi u xogħol ta' kwalità (kif ukoll l-effiċjenza fir-riżorsi) għandu jkun aktar effettiv u viżibbli fl-inizjattivi ewlenin tal-Ewropa 2020, speċjalment fl-inizjattivi ewlenin għal Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi, Unjoni ta' Innovazzjoni, Aġenda Diġitali u Politika Industrijali, kif ukoll billi jiddaħħlu indikaturi kwantifikabbli dwar l-impjiegi fit-tabelli ta' valutazzjoni relevanti;

17.

Iqis importanti, barra minn hekk, li fl-eżerċizzji futuri l-indikaturi ewlenin tal-impjieg u dawk soċjali inklużi fit-tabella ta' valutazzjoni għandhom sistematikament jiddifferenzjaw bejn irġiel u nisa;

18.

Jistieden lill-Kunsill Ewropew itemm bħala kwistjoni ta' urġenza r-riforma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), partikolarment permezz ta' koordinazzjoni ex-ante tal-pjanijiet futuri ewlenin ta' riforma ekonomika, evalwazzjoni tal-impatt soċjali u mekkaniżmi ta' solidarjetà relatati; jappella biex din il-koordinazzjoni tkun sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt soċjali u fuq il-ġeneru ex-ante u ex-post li tkun komprensiva;

19.

Ifakkar li, skont il-Eurofound, l-ispiża tan-NEETs (f'telf ta' introjtu, telf ta' dħul mit-taxxa u żieda fl-infiq fuq trasferimenti tas-sigurtà soċjali) fl-UE żdiedet minn 153 biljun fl-2011 għal 162 biljun fl-2012 u li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), b'kollox huma meħtieġa EUR 21 biljun biex jingħata kontribut sabiex tissolva l-problema tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro; jikkunsidra, għalhekk, li jeħtieġ żieda fil-finanzjament tal-UE sabiex tinkiseb il-mira tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' rata' tal-impjieg ta' 75 %; jenfasizza li t-tqassim ta' flus minn qabel (frontloading) ma jinvolvix riżorsi ġodda, u fih ir-riskju li l-finanzjament ikun ikkonċentrat fil-bidu meta d-domanda tkun baxxa u jispiċċa meta d-domanda tkun qawwija, u dan jagħmel ix-xogħol għall-benefiċjarji tal-proġett fuq il-post aktar diffiċli u imprevedibbli; iqis, barra minn hekk, li huma meħtieġa linji gwida komprensivi u preċiżi mill-Kummissjoni għall-Istati Membri u s-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi tagħhom dwar l-eliġibilità tal-programmi tagħhom għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

20.

Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ ikunu aktar reattivi għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiżguraw rabtiet qawwijin bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol,

21.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tallinja mill-qrib il-Fond Soċjali Ewropew u Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment oħrajn mal-prijoritajiet ta' politika tal-istrateġija Ewropa 2020 sabiex jiġi rinfurzat ir-rwol tagħhom bħala pilastri finanzjarji tal-istrateġija;

22.

Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha bżonn tiġi mmonitorjata sabiex l-Istati Membri jkunu responsabbli għal dak li jkunu ffirmaw għalih fir-rakkomandazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

23.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jilħqu l-miri tal-impjieg ta' 75 % ħalli jitjiebu l-ħiliet tat-tmexxija, tal-ġestjoni u tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ biex negozji ġodda u dawk li għadhom jibdew jieħdu vantaġġ mis-swieq il-ġodda u b'hekk jilħqu l-potenzjal tat-tkabbir tagħhom sabiex iż-żgħażagħ jistgħu jkunu impjegaturi u mhux impjegati biss;

24.

Jilqa' l-adozzjoni tal-programmi ta' Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ ta' wħud mill-Istati Membri; jenfasizza li l-ammont ta' EUR 6 biljun mhuwiex biżżejjed biex jindirizza l-problema tal-qgħad taż-żgħażagħ fl-UE; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex issolvi l-kwistjoni tal-iffinanzjar wara l-perjodu 2014-2015;

25.

Jilqa' t-tħabbir mill-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker rigward programm ta' investiment komprensiv biex jiġġieled il-qgħad; jenfasizza l-ħtieġa għal żieda fl-investimenti (fl-infrastrutturi, ir-riċerka u l-iżvilupp, impjiegi ekoloġiċi u t-tlestija tas-suq diġitali intern) li huma fil-mira biex jinżammu u jinħolqu impjiegi f'linja mal-investimenti tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jħarsu lil hinn minn inputs biss sabiex ikunu kkunsidrati wkoll l-eżiti tal-politika reali; jenfasizza li tali investiment, għal raġunijiet ta' benefiċċji fuq tul ta' żmien itwal, jista' jkun immirat lejn infrastrutturi tal-edukazzjoni formali u mhux formali ta' kwalità għolja kif ukoll sabiex ikunu eliminati l-ostakli biex titjieb l-ugwaljanza f'termini ta' aċċess; iħeġġeġ li dawn l-investimenti jintrabtu ma' miri tal-impjiegi konkreti u miri relatati mal-faqar minħabba l-fatt li l-investiment f'oqsma bħal servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja hu wkoll importanti biex jintlaħqu l-miri ta' soċjetà inklużiva;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw sew lir-reġjuni ultraperiferiċi, li minħabba l-limitazzjoni naturali tagħhom, inkluż minħabba l-periferiċità, il-frammentazzjoni ġeografika, l-ekonomiji fraġli u l-limitazzjonijiet naturali tagħhom, iwasslu għal inugwaljanzi akbar fir-rigward tal-aċċess għal opportunitajiet ta ' impjieg, esperjenzi prattiċi ta ' xogħol u taħriġ għall-popolazzjonijiet tagħhom; jenfasizza li dawn ir-reġjuni għalhekk jeħtieġu mekkaniżmi speċfiċi msaħħa li jimplimentaw programmi ta' investiment sabiex jintlaħqu l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 u li jistgħu jgħinu biex joħorġu l-potenzjal tagħhom f'termini ta' żvilupp ekonomiku u soċjali;

27.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq setturi b'potenzjal għoli ta' tkabbir u ħolqien ta' impjiegi bħas-settur ekoloġiku, is-settur l-abjad u l-ICT;

28.

Jirrakkomanda, fil-kuntest ta' programm tal-investiment ġdid iddedikat għall-ġlieda kontra l-qgħad, li jkun hemm enfasi fuq il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li llum il-ġurnata hija waħda mill-akbar problemi fl-UE; għal din ir-raġuni, għandhom ikunu allokati fondi ġodda fuq l-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ sabiex l-imprenditorija taż-żgħażagħ u l-mobilità fost iż-żgħażagħ jiġu appoġġati b'mod aktar effikaċi, bħala mod effiċjenti li bih issir il-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, il-faqar u l-esklużjoni soċjali;

29.

Jistieden lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jintegraw pilastru tal-ġeneru fil-qafas tal-Ewropa 2020 biex jitkejjel il-progress dwar it-tnaqqis fid-differenza bejn il-ġeneru fl-impjieg u sabiex jippermetti li miżuri ta' politika fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li ikunu riflessi f'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

30.

Itenni s-sejħa tiegħu biex ikun implimentat, il-Pakkett ta' Investiment Soċjali, inkluż dan li ġej: il-komunikazzjoni dwar “Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni”; ir-rakkomandazzjoni “L-Investiment fit-Tfal – niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ”; id-dokumenti ta' ħidma tal-persunal dwar “L-Evidenza dwar ix-Xejriet Demografiċi u Soċjali”, “L-inklużjoni attiva ta' persuni esklużi mis-suq tax-xogħol”, “Is-Servizzi Soċjali ta' Interess Ġenerali”, “Il-kura fuq tul ta' żmien twil fis-soċjetajiet li qed jixjieħu”, “Confronting Homelessness in the European Union”, “L-Investiment fis-Saħħa”, u “L-investiment Soċjali permezz tal-Fond Soċjali Ewropew”;

31.

Jinnota li l-iskeda u l-proċeduri tas-Semestru Ewropew evolvew b'mod li l-Parlament mhux qed jingħata ebda rwol formali fiċ-ċiklu u għalhekk, żmien biżżejjed għal deliberazzjoni qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa;

32.

Jistieden lill-Istati Membri biex jeliminaw piżijiet amministrattivi żejda u burokrazija żejda għall-persuni li jaħdmu għal rashom, għall-mikrointrapriżi u l-SMEs u biex jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet għan-negozji ġodda;

33.

Jenfasizza l-bżonn ta’ trasferiment tal-piż tat-taxxa lil hinn mix-xogħol lejn forom oħra ta’ tassazjoni sostenibbli sabiex jiġu promossi t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi;

34.

Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni biex iħeġġu u jtejbu l-mekkaniżmi tal-mobilità tax-xogħol, b'mod partikolari l-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol EURES u s-Servizzi tal-Impjieg Pubbliku sabiex jitħeġġu l-impjieg u l-impjieg fost iż-żgħażagħ;

35.

Jinnota li l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 għad iridu jintlaħqu u jemmen li, bil-għan li jintlaħqu dawn l-objettivi, għandhom jiddaħħlu fis-seħħ miżuri aktar b'saħħithom biex jingħalaq id-distakk attwali; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tiftaħ proċedura ta' konsultazzjoni pubblika għal rieżami tas-Semestru Ewropew biex titjieb l-effikaċja u l-leġittimità tagħha, bħala parti mir-rieżami ta' nofs it-terminu, minħabba l-fatt li l-proċess tas-Semestru għandu jgħin fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020;

36.

Juri dispjaċir li l-Kunsill Ewropew ma ħasibx dwar il-mira ewlenija tat-tnaqqis tal-faqar fid-diskussjoni preliminari tiegħu dwar il-valutazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-20 u l-21 ta' Marzu 2014;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tiżviluppa strateġija li tappoġġa lill-Istati Membri ħalli jindirizzaw il-problema ta' persuni bla dar permezz ta' politiki integrati u investiment soċjali xieraq;

38.

Jenfasizza li żieda fl-inugwaljanza, kif inħasset fl-UE u kif dokumentata mill-pajjiż li rrapportaw fis-Semestru, fiha riskji demokratiċi ewlenin; jitfa' enfasi fuq it-twissijiet tal-FMI u l-ILO li żieda ulterjuri fl-inugwaljanzi fl-UE tista' tiddistabbilizza s-soċjetajiet tagħna; itenni s-sejħa tiegħu għal miri aktar ambizzjużi u aktar preċiżi u forom objettivi ta' kejl bil-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanza, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom, speċjalment fid-dawl tad-diverġenzi soċjali dejjem jikbru f'uħud mill-Istati Membri;

39.

Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri urġenti sabiex tinqaleb ix-xejra ta' rati dejjem jikbru ta' riskju ta' faqar u tal-esklużjoni soċjali sabiex tintlaħaq il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020 li tal-inqas 20 miljun persuna tinqala' mir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali;

40.

Jistieden lill-Istati Membri biex jiggarantixxu l-aċċess għas-suq tax-xogħol kif ukoll sigurtà soċjali adegwata għall-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri konkreti fl-oqsma tal-politiki tal-edukazzjoni u tal-innovazzjoni biex tissaħħaħ il-kumplimentarjetà bejn it-tkabbir u l-ġlieda kontra l-inugwaljanza;

42.

Jitlob għal sottomira għat-tnaqqis tal-faqar fost it-tfal li trid tiġi stabbilita matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Ewropa 2020;

43.

Jitlob għaldaqstant li jintużaw indikaturi oġġettivi ta' “faqar” biex jitkejlu r-rati tal-faqar fl-Istati Membri, b'hekk jiġu identifikati dawk li huma f'riskju li jiġu esklużi;

44.

Madankollu jfakkar li l-indikatur tal-faqar ma jipprovdi l-ebda evidenza diretta tal-esperjenza tal-esklużjoni soċjali u għalhekk jitlob għal kejl imtejjeb tal-esklużjoni soċjali perċepita biex wieħed jifhem aħjar ir-raġunijiet għall-esklużjoni soċjali u liema gruppi huma affettwati partikolarment;

45.

Jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiksbu l-miri tal-Ewropa 2020, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, bl-appoġġ tal-UE fl-azzjonijiet tagħhom; iqis li l-proċess għandu l-potenzjal, permezz tal-evalwazzjoni bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prassi, li jappoġġa l-Istati Membri biex isiru r-riformi strutturali neċessarji, li jżid il-flessibilità tas-suq tax-xogħol u li jwaqqaf kundizzjonijiet għan-negozji biex jinħolqu l-impjiegi; jenfasizza, madankollu, l-importanza ta' azzjoni f'waqtha tal-Istati Membri peress li n-nuqqas ta' azzjoni jkollu konsegwenzi serji mal-UE kollha; jitlob għall-involviment tal-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma, inkluż arranġamenti ta' governanza fuq ħafna livelli;

46.

Jiddispjaċih li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali adottat għall-2014-2020, b'allokazzjoni baġitarja ta' EUR 960 biljun, irrappreżenta l-ewwel tnaqqis net tal-baġit tal-UE; iqis li l-QFP mhuwiex biżżejjed biex jgħin sabiex jintlaħqu l-miri tal-impjieg u dawk soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020; iqis, għalhekk, li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP huwa ta' importanza assoluta għat-tiswir mill-ġdid tal-orjentazzjoni strateġika tan-nefqa tal-UE favur irkupru ekonomiku li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi;

47.

Ifakkar fir-rwol tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali fil-monitoraġġ tan-nefqa effettiva tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), mhux l-inqas l-20 % disponibbli għall-inklużjoni soċjali u kif l-Istati Membri jkunu għamlu użu effettiv ta' din ir-riżorsa ta' investiment biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020;

48.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-miri tal-impjiegi, tal-edukazzjoni u tat-tnaqqis tal-faqar ikunu mmonitorjati b'mod aktar preċiż u biex l-istatistika komparabbli ssir fil-ħin; jitlob, għaldaqstant, li ċ-ċifri tal-qgħad u l-indikaturi ta' “riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali” jkunu disponibbli fil-ħin reali speċjalment fil-livell NUTS 3 biex tiġi valutata l-qagħda reali fis-swieq tax-xogħol nazzjonali;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi mira speċifika tal-impjieg fost iż-żgħażagħ u/jew linja gwida integrata speċifika dwar l-impjieg fost iż-żgħażagħ fl-okkażjoni tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-istrateġija Ewropa 2020;

50.

Jitlob biex isiru konsultazzjonijiet bis-sens mas-soċjetà ċivili flimkien mas-sħab soċjali u biex dawn isiru element sistematiku tal-istrateġija Ewropa 2020 fl-istadji kollha tal-proċess; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi linji gwida għal din il-proċedura;

51.

Jenfasizza li konsultazzjoni ġenwina mal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili mhux biss iżżid il-leġittimità demokratika tal-proċess u l-possibilità li r-riformi jiġu aċċettati fost iċ-ċittadini u jkunu ta' suċċess fl-implimentazzjoni tagħhom, imma jistgħu jsaħħu wkoll il-bażi ta' evidenza għall-evalwazzjoni tar-riformi; jemmen, għal dan il-għan, li l-Konvenzjoni Annwali kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali għandha tkun allinjata aktar mill-qrib mas-Semestru Ewropew;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika li għadha għaddejja qabel ma tippubblika proposti konkreti għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-istrateġija; jinsisti ugwalment li l-Parlament għandu jkun ikkonsultat dwar id-deċiżjonijiet finali qabel ma dawn ikunu adottati;

53.

Jitlob għal rieda ambizzjuża qawwija biex jintlaħqu l-miri tal-bidla fil-klima u tas-sostenibilità tal-enerġija peress li dawn huma integrali għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

54.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Kunsill Ewropew.


(1)  ĠU C 236 E, 12.8.2011, p. 57.

(2)  ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.

(3)  Testi Adottati, P8_TA(2014)0010.

(4)  Eurostat, EU Employment and Social Situation Quarterly Review, September 2014.

(5)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 81.