24.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 93/2


P7_TA(2014)0051

Id-29 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tal-Liġi tal-UE (2011)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar id-29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011) (2013/2119(INI))

(2017/C 093/01)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (2011) (COM(2012)0714),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni “Rapport ta' Evalwazzjoni tal-Proġett ‘EU Pilot’” (COM(2010)0070),

wara li kkunsidra “It-Tieni Rapport ta' Evalwazzjoni dwar l-EU Pilot” (COM(2011)0930) tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Settembru 2007 intitolata “Ewropa li Tikseb ir-Riżultati – L-applikazzjoni tal-Liġi Komunitarja” (COM(2007)0502),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Marzu 2002 dwar ir-relazzjonijiet ma' min jilmenta fir-rigward ta' ksur tal-Liġi Komunitarja (COM(2002)0141),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2012 intitolata ‘L-aġġornament tal-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-kwerelant rigward l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (COM(2012)0154),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-27 Rapport Annwali dwar il-Monitoraġġ tal-Applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2009) (1),

wara li kkunsidra l-opinjoni legali tas-26 ta' Novembru 2013 tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar każijiet ta' qabel il-ksur fil-kuntest tal-EU Pilot u r-rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Liġi tal-UE,

wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw id-29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (SWD(2012)0399) u SWD(2012)0400),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A7-0055/2014),

A.

billi t-Trattat ta’ Lisbona introduċa numru ta’ bażijiet legali ġodda maħsuba biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-liġi tal-UE;

B.

billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddefinixxi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala d-dritt ta' kull persuna li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet;

C.

billi, skont l-Artikolu 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti;

D.

billi skont is-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew, l-EU Pilot, pjattaforma online użata mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni biex jiċċaraw l-isfond fattwali u ġuridiku għall-problemi li jinqalgħu fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dritt tal-UE, ma għandu l-ebda status legali, u billi skont il-Ftehim ta' Qafas dwar ir-Relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, tal-aħħar trid tagħmel disponibbli lill-Parlament informazzjoni f'forma ta' sommarju rigward il-proċeduri ta' ksur kollha mill-ittra ta' tqegħid fil-mora, inkluż fuq bażi ta' każ b'każ, u tista' tirrifjuta biss l-aċċess għad-data personali fl-EU Pilot;

1.

Ifakkar fl-opinjoni tiegħu li l-Artikolu 7 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) jiddefinixxi r-rwol fundamentali tal-Kummissjoni bħala “gwardjan tat-Trattati”; jinnota f'dan il-kuntest li s-setgħa u d-dmir tal-Kummissjoni biex tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE u, fost l-oħrajn li tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra Stat Membru li ma jkunx irnexxielu jissodisfa xi obbligu skont it-Trattati (2), jikkostitwixxu l-prinċipju prinċipali tal-ordni legali tal-Unjoni u bħala tali huma konsistenti mal-kunċett ta' Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt;

2.

Jinnota li, skont ir-rapport annwali tagħha (3), il-Kummissjoni naqqset, matul dawn l-aħħar snin, in-numru ta' proċeduri ta' ksur ġodda billi fetħet 2 900 proċedura bħal din fl-2009, 2 100 fl-2010 u 1 775 fl-2011; josserva, barra minn hekk, li r-rapport annwali juri wkoll żieda f'każijiet ta' traspożizzjoni li ssir tard tul dawn l-aħħar snin (1 185 fl-2011, 855 fl-2010, 531 fl-2009), u li l-erba' oqsma ta' politika li l-iktar huma suxxettibbli għall-ksurhuma l-ambjent (17 %), is-suq intern (15 %), it-trasport (15 %) u t-tassazzjoni (12 %);

3.

Jinnota t-tnaqqis fil-proporzjon ta’ proċeduri ta’ ksur (60,4 %) li ngħalqu fl-2011 qabel ma waslu l-Qorti tal-Ġustizzja, meta mqabbel ma’ 88 % tal-każijiet fl-2010; jemmen li hu essenzjali li l-azzjonijiet tal-Istati Membri jibqgħu jiġu mmonitorjati bir-reqqa, filwaqt li jiġi kkunsidrat il-fatt li ċerti petizzjonijiet lill-Parlament u lmenti lill-Kummissjoni jirreferu għal problemi li jippersistu anki wara li tingħalaq il-kwistjoni;

4.

Jinnota li b'kollox, 399 każ ta' ksur ngħalqu peress li l-Istat Membru ta prova tal-konformità tiegħu mad-dritt tal-UE, filwaqt li għamel sforzi serji sabiex jissetilja l-ksur mingħajr proċeduri l-Qorti; jinnota wkoll li l-Qorti kienet tat 62 sentenza taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE fl-2011, li minnhom 53 sentenza (85 %) inqatgħu favur il-Kummissjoni;

5.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda kostanti ta' każijiet ta' traspożizzjoni tard min-naħa tal-Istati Membri, inkwantu fi tmiem l-2011 kienu għadhom miftuħin 763 proċediment ta' traspożizzjoni tard, ċifra li tirrappreżenta żieda ta' 60 % meta mqabbla ma' dik ekwivalenti tas-sena preċedenti;

6.

Josserva li, fi tmiem l-2011, il-Kummissjoni ressqet rikors lill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel każ ta' ksur rigward traspożizzjoni tard b'talba għal sanzjonijiet finanzjarji skont l-Artikolu 260(3) tat-TFUE;

7.

Madankollu jqis li din l-istatistika ma tirriflettix b'mod preċiż id-defiċit fil-konformità reali mal-liġi tal-UE imma tirrappreżenta biss l-aktar ksur serju jew l-ilmenti tal-aktar individwi jew entitajiet li jsemmgħu leħinhom; jinnota li l-Kummissjoni, attwalment, ma għandha la politika u lanqas riżorsi biex tidentifika u tinforza sistematikament il-każijiet kollha tan-nuqqas ta' implimentazzjoni (4);

8.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-ftehim bejn l-istituzzjonijiet tal-UE dwar id-dikjarazzjonijiet li jiddefinixxu r-relazzjoni bejn il-komponenti tad-direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali (“tabelli ta' korrelazzjoni”) daħal fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 2011, u li għalhekk ma kienx possibbli li ssir valutazzjoni tal-implimentazzjoni tiegħu f'dan ir-rapport annwali;

9.

Jistenna mill-Kummissjoni rieżami inizjali ta' dawn id-dikjarazzjonijiet sal-1 ta' Novembru 2014, kif imwiegħed fir-rapport annwali tagħha;

10.

Jemmen li, fir-rigward tal-funzjonament ta' proċeduri ta’ ksur skont l-Artikoli 258 u 260 tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-petizzjonijiet lill-Parlament u l-ilmenti lill-Kummissjoni jiġu ttrattati b’konsiderazzjoni ugwali;

11.

Jirrimarka li l-petizzjonijiet imressqa minn ċittadini tal-UE jirreferu għal vjolazzjonijiet tal-liġi tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tad-drittijiet fundamentali, l-ambjent, is-suq intern u d-drittijiet tal-proprjetà; iqis li l-petizzjonijiet jagħtu xhieda tal-fatt li għad hemm ħafna każijiet spissi u mifruxin ta’ traspożizzjoni inkompleta tal-liġi tal-UE jew ta’ applikazzjoni ħażina tagħha;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel il-konformità tal-liġi tal-UE prijorità politika reali li trid tiġi segwita b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li għandu d-dmir (a) li jżomm lill-Kummissjoni politikament responsabbli u (b), bħala koleġiżlatur, li jiżgura li huwa stess ikun infurmat għal kollox bil-għan li kostantement titjieb il-ħidma leġiżlattiva tiegħu;

13.

Jinnota li huwa sistematikament neċessarju, fil-proċeduri ta' trattament tal-ilmenti, li jintużaw għodod li jippromwovu l-konformità u d-dritt ta' skrutinju tal-PE;

14.

Jinnota li l-proċedura ta’ ksur tikkonsisti f’żewġ fażijiet: l-istadju amministrattiv (ta’ investigazzjoni) u l-istadju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja; josserva li l-Kummissjoni tagħraf li “iċ-ċittadini, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet involuti jagħtu kontribuzzjoni sinifikanti … billi jirrappurtaw in-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni u/jew l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE mill-awtoritajiet tal-Istati Membri; barra minn hekk jinnota li hekk kif jiġu skoperti, il-problemi jiġu segwiti minn diskussjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati sabiex jiġu rimedjati, bl-aħjar mod possibbli, bl-użu ta’ pjattaforma tal-EU Pilot” (5);

15.

Jinnota f'dan il-kuntest li l-EU Pilot huwa definit bħala pjattaforma għal “diskussjonijiet bilaterali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri” (6) li ma għandha l-ebda status legali imma hija sempliċi għodda ta' ħidma fil-qafas tal-awtonomija amministrattiva tal-Kummissjoni (7) fi proċedura ta' qabel il-ksur;

16.

Jiddeplora n-nuqqas ta' status legali tal-EU Pilot u jqis li l-leġittimità tista' tiġi żgurata biss billi jiġu permessi t-trasparenza, il-parteċipazzjoni tal-ilmentaturi u [tal-Parlament Ewropew] fl-EU Pilot, u li l-legalità tista' tiġi żgurata permezz tal-adozzjoni malajr kemm jista' jkun ta' att legalment vinkolanti li fih ir-regoli li jiggvernaw il-proċedura sħiħa ta' qabel il-ksur u dik tal-ksur kif affermat fi studju reċenti tal-Parlament (8); iqis li tali att legalment vinkolanti għandu jiċċara d-drittijiet u l-obbligi legali tal-ilmentaturi individwali u tal-Kummissjoni, rispettivament, u għandu jfittex li jippermetti l-parteċipazzjoni tal-ilmentaturi fl-EU Pilot, kemm jista' jkun, tal-inqas billi jiżgura li jkunu infurmati dwar l-istadji differenti tal-proċedura;

17.

Jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-fatt li ma kien hemm l-ebda segwitu għar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari s-sejħa tiegħu għal regoli vinkolanti fil-forma ta’ regolament skont l-Artikolu 298 TFUE li jistabbilixxi l-aspetti varji tal-proċedura ta’ ksur u l-proċedura ta' qabel il-ksur – inkluż in-notifiki, il-limiti ta’ żmien obbligatorji, id-dritt tas-smigħ, l-obbligu li jingħataw ir-raġunijiet, u d-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha – sabiex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini u tiġi ggarantita t-trasparenza;

18.

Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni tal-pjattaforma tal-EU Pilot għandha bżonn tissaħħaħ f'termini ta' trasparenza għal dak li għandu x'jaqsam mal-ilmenti; jitlob aċċess għall-bażi tad-data li fiha huma miġbura l-ilmenti kollha, bil-għan li l-Parlament ikun jista' jaqdi l-kompitu tiegħu ta' kontroll tar-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjan tat-Trattati;

19.

Jissottolinja l-importanza tal-prattiki amministrattivi tajbin u jappella għall-ħolqien ta' “kodiċi proċedurali” taħt forma ta' regolament, bl-Artikolu 298 tat-TFUE bħala l-bażi ġuridika tiegħu, li jindika l-varji aspetti tal-proċedura ta' ksur.

20.

Jistieden għal darba oħra lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tipproponi regoli vinkolanti fil-forma ta' regolament taħt il-bażi legali l-ġdida prevista fl-Artikolu 298 TFUE, sabiex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ lejn id-dritt taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba kif stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

21.

Ifakkar li, fil-Ftehim ta' Qafas rivedut dwar ir-relazzjonijiet mal-Parlament, il-Kummissjoni timpenja ruħha biex “tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Parlament informazzjoni fil-qosor dwar il-proċeduri kollha ta’ ksur mill-ittra ta’ tqegħid fil-mora, inkluż, jekk il-Parlament jitlob li jsir hekk, … dwar kwistjonijiet li tirrigwardahom il-proċedura ta’ ksur” u jistenna li din il-klawżola tiġi applikata fil-prattika in bona fede;

22.

Ifakkar, għalhekk, li l-Parlament huwa intitolat li jirċievi informazzjoni dettaljata dwar atti speċifiċi jew dispożizzjonijiet li joħolqu problemi ta' traspożizzjoni kif ukoll dwar in-numru ta' lmenti għal atti jew dispożizzjonijiet speċifiċi (9) u li, filwaqt li l-Kummissjoni hija intitolata li tirrifjuta [l-] aċċess tal-Parlament Ewropew għad-data personali tal-bażi tad-data tal-EU Pilot, il-Parlament huwa intitolat li jitlob informazzjoni f'forma anonima sabiex ikun għal kollox konxju tal-aspetti rilevanti kollha fl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni (10);

23.

Jilqa’ l-fatt li l-Istati Membri kollha se jipparteċipaw fl-EU Pilot; jittama li dan jirriżulta fi tnaqqis ulterjuri fl-għadd ta' proċeduri ta’ ksur; jitlob għal aktar informazzjoni pubblika dwar l-EU Pilot;

24.

Iqis il-kwistjoni tal-EU Pilot u, b'mod aktar ġenerali, tal-ksur tal-liġi tal-UE u l-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni rilevanti relatata mal-proċedura ta' qabel il-ksur u dik tal-ksur, bħala punt essenzjali li għandu jitniżżel fuq l-aġenda b'rabta ma' ftehim interistituzzjonali futur;

25.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja, lill-Ombudsman Ewropew u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 66.

(2)  L-Artikoli 258 u 260 TFUE jiddefinixxu l-poteri tal-Kummissjoni li tinizja proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 258 jiddisponi li l-Kummissjoni “għandha toħroġ opinjoni motivata” jekk tqis li l-Istat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligu skont it-termini tat-Trattati.

(3)  Id-“29 rapport annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-Dritt tal-UE (2011)” tal-Kummissjoni (COM(2012)0714), p. 2-3.

(4)  Studju kkummissjonat mill-Parlament Ewropew, Dipartiment ta' Politika C, “Tools for Ensuring Implementation and Application of EU Law and Evaluation of their Effectiveness”, Brussell 2013, paġna 11.

(5)  Rapport mill-Kummissjoni (COM(2012)0714), p. 7

(6)  Ara l-parti kwotata fil-paragrafu preċedenti.

(7)  “Access to information about pre-infringement cases in the context of the EU Pilot and the annual report on the monitoring of the application of EU law”, opinjoni legali tas-26 ta' Novembru 2013 tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew.

(8)  “Tools for Ensuring Implementation and Application of EU Law and Evaluation of their Effectiveness”, p. 13.

(9)  “Access to information about pre-infringement cases in the context of the EU Pilot and the annual report on the monitoring of the application of EU law”, p. 4.

(10)  Ibid. Il-Kummissjoni diġà tippubblika ħafna informazzjoni fir-rapport annwali tagħha dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE.