23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 482/137


P7_TA(2014)0042

Is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel (2014/2512(RSP))

(2016/C 482/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isforzi tal-komunità internazzjonali fil-qasam tal-iżvilupp tal-“bini tal-istat” fis-Sudan t'Isfel (1),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Catherine Ashton, tat-2 ta' Jannar 2014 u tal-24 ta' Diċembru 2013, dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-16 ta' Diċembru u tat-28 ta' Diċembru 2013 tal-kelliem tar-Rappreżentant Għoli dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Lulju 2013 dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tal-20 ta' Diċembru 2013 mid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2132(2013) tal-24 ta' Diċembru 2013 u r-riżoluzzjoni 2126(2013) tal-25 ta' Novembru 2013 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Diċembru 2013 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem li tħeġġeġ lill-mexxejja tas-Sudan t'Isfel irażżnu l-vjolenza allarmanti kontra ċ-ċivili,

wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sitwazzjoni tal-OCHA (l-Uffiċċju għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji) tas-7 ta' Jannar 2014 – Rapport Nru 8 dwar il-kriżi fis-Sudan t'Isfel,

wara li kkunsidra t-taħditiet dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan t'Isfel, imsejħa mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà (KPS) tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fil-laqgħa tiegħu f'Banjul tat-30 ta' Diċembru 2013, u mis-Summit tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) li sar f'Najrobi fis-27 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta' Jannar 2014 maħruġa mill-mibgħuta speċjali tal-IGAD wara ż-żjara tagħhom f'Juba sabiex jerġgħu jinbdew it-taħditiet bejn il-Gvern u r-ribelli,

wara li kkunsidra l-Ftehim Komprensiv ta' Paċi (CPA) tas-Sudan tal-2005,

wara li kkunsidra l-Pjan direzzjonali għas-Sudan u s-Sudan t'Isfel stabbilit fil-komunikat maħruġ mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana fl-24 ta' April 2012, li hu appoġġat kompletament mill-UE,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa f'isem l-Unjoni Afrikana mill-President tal-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, Dr Nkosazana Dlamini-Zuma, fl-4 ta' Jannar 2014,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mis-Segretarjat Eżekuttiv tal-IGAD fid-19 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Cotonou rivedut,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u2013 (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-kunflitt politiku beda wara li Salva Kiir, il-President tal-pajjiż u membru tal-grupp etniku Dinka, akkuża lill-Viċi President tiegħu li tneħħa mill-kariga, Riek Machar, ta' etniċità Nuer, li ppjana kolp ta' stat kontrih; billi Riek Machar ċaħad li pprova jagħmel kolp ta' stat;

B.

billi l-Gvern tas-Sudan t'Isfel arresta lil 11-il politikant għoli, inklużi l-ex Ministru tal-Finanzi u l-ex Segretarju Ġenerali tal-partit SPLM, minħabba allegat pjan ta' kolp ta' stat kontra l-President Kiir; billi, fit-23 ta' Lulju 2013, il-President Kiir xolja l-kabinett kollu u neħħa lill-Viċi President Riek Machar mill-kariga;

C.

billi għandha tinstab soluzzjoni politika demokratika għall-kunflitt attwali u għandha titwitta t-triq għal istituzzjonijiet miftiehma demokratikament biex jinbena l-istat il-ġdid li nħoloq wara r-referendum dwar l-indipendenza; billi s-soċjetà ċivili talbet li tinstab soluzzjoni politika paċifika għall-problema;

D.

billi l-partijiet fil-kunflitt fis-Sudan t'Isfel bdew negozjati fis-7 ta' Jannar 2014 f'Addis Ababa, taħt il-patroċinju tal-IGAD; billi l-waqfien mill-ġlied, il-ftuħ ta' passaġġi umanitarji, il-kwistjoni ta' priġunieri politiċi u l-protezzjoni ta' ċivili se jkunu fl-aġenda ewlenija tat-taħditiet;

E.

billi, minkejja t-taħditiet għall-paċi li għaddejjin, l-instabilità, il-ġlied u l-mobilizzazzjoni ta' forzi armati komplew; billi l-forzi tal-Gvern attwalment qed jippruvaw jirbħu lura l-belt ta' Bor, l-aħħar kapitali ta' stat li għadha f'idejn ir-ribelli;

F.

billi l-mibgħut tal-Istati Uniti, Donald Booth, u mibgħuta mill-pajjiżi tal-viċinat tas-Sudan t'Isfel iltaqgħu ma' Riek Machar fil-11 ta' Jannar 2014 biex jippruvaw jinkorporaw il-proposti taż-żewġ naħat f'abbozz ta' dokument dwar il-waqfien mill-ġlied;

G.

billi fit-8 ta' Jannar 2014 għexieren ta' nies għamlu dimostrazzjoni favur il-paċi f'Juba, biex jiddenunzjaw il-ġlied bejn il-President u l-gruppi tal-ex Viċi President;

H.

billi l-kunflitt attwali, li issa għandu dimensjonijiet etniċi, għandu l-għeruq tiegħu fil-qasma tal-1991 fi ħdan l-SPLM/A bejn il-fazzjoni ta' Garang, il-mexxej mejjet tal-SPLM/A li Salva Kiir kien alleat tiegħu, u l-fazzjoni ta' Rieck Machar li kienet qed tikkontesta t-tmexxija ta' Garang;

I.

billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta riżoluzzjoni li permezz tagħha se jintbagħtu rinforzi fil-forma ta' 5 500 truppa u 440 pulizija sabiex jiżdiedu l-livelli ta' forza ġenerali tal-missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel;

J.

billi fil-15 ta' Diċembru 2013 seħħ ġlied militari bejn il-gwardji presidenzjali fil-kwartieri militari f'Juba; billi l-ġlied beda jinfirex fir-reġjun madwar Jonglei;

K.

billi ġew iddokumentati qtil extraġudizzjarju tal-massa, vjolenzi kontra individwi abbażi tal-etniċità tagħhom kif ukoll detenzjonijiet arbitrarji, u fis-6 ta' Jannar 2014 ġew identifikati tal-anqas tliet oqbra tal-massa;

L.

billi eluf inqatlu u mijiet ta' eluf ta' ċivili ġew spustati minħabba l-kriżi attwali fis-Sudan t'Isfel, filwaqt li għexieren ta' eluf ta' persuni f'bażijiet tan-NU madwar il-pajjiż jeħtieġu urġentement servizzi bażiċi tal-kura tas-saħħa, ilma nadif u kundizzjonijiet sanitarji aħjar; billi l-għadd ta' persuni mis-Sudan t'Isfel li qed ifittxu kenn fl-Uganda u fl-Etjopja żdied drammatikament; billi fl-14 ta' Jannar 2014 tal-anqas 200 ċivili għerqu f'inċident li kien jinvolvi lanċa fuq ix-xmara White Nile huma u jaħarbu mill-ġlied fil-belt ta' Malakal;

M.

billi l-ġlied attiv jippreżenta sfida ewlenija dwar l-aċċess għal operazzjonijiet ta' rispons umanitarju; billi l-aċċess għall-ikel għadu limitat għal persuni madwar il-pajjiż, u hija meħtieġa distribuzzjoni ta' provvisti bażiċi ta' ikel u nutrizzjoni b'mod speċjali f'Bor u Bentiu; billi l-vjolenza u l-ispustar irriżultaw f'telf ta' qligħ tal-għajxien, b'mod partikolari affettwaw is-sorsi tal-ikel, u eventwalment dan jista' jirriżulta fi kriżi ta' nutrizzjoni;

N.

billi dan l-aħħar saru attakki kontra l-poplu Nuba, qtil illegali, stupri tal-massa u arresti arbitrarji ta’ persuni ċivili li jgħixu fil-Muntanji ta' Nuba; billi matul l-aħħar ġimagħtejn ta’ Diċembru 2013, il-milizzji u l-forzi armati tal-Gvern Sudaniż, appoġġati minn elementi ta’ sigurtà, attakkaw ħafna żoni madwar Kadugli u Dillanj, eluf ta’ ċivili ħarbu minn djarhom u ġew rappurtati qtil illegali u stupri tal-massa tan-nisa; billi hemm riskju li din il-kriżi tolqot reġjun ferm usa’ li diġà huwa suxxettibbli għan-nuqqas ta’ stabbiltà, fatt li r-rispons internazzjonali li qed jitwettaq fuq il-post jeħtieġ li jieħu inkunsiderazzjoni f’kull ħin;

O.

billi l-pajjiżi tal-viċinat tal-Afrika tal-Lvant, inklużi l-Kenja u l-Etjopja, insistew maż-żewġ naħat biex jaħdmu favur il-paċi; billi l-Uganda, fuq talba tal-President Kiir, bagħtet 1 200 truppa u apparat militari biex jiggarantixxu s-sigurtà ta' strutturi bħall-ajruport u l-binjiet statali;

P.

billi, wara talba għall-assistenza min-NU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat fl-4 ta' Jannar 2014 biex jappoġġa lis-Sudan t'Isfel b'assistenza in natura fil-forma ta' kenn, materjal mediku, mediċini, materjal ta' welfare u ikel;

Q.

billi r-Repubblika tas-Sudan t'Isfel hija waħda mill-pajjiżi l-aktar foqra u l-anqas żviluppati fid-dinja, fejn 50 % tal-popolazzjoni tagħha tgħix taħt is-soll tal-faqar, bl-ogħla rata ta' mortalità materna fid-dinja, waħda mill-ogħla rati ta' mortalità tat-tfal, illiteriżmu ta' madwar 75 % u terz biss tal-popolazzjoni għandhom aċċess għal ilma nadif; billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel huwa theddida għal aktar minn miljun ruħ kull sena; billi fis-Sudan t'Isfel, madwar 80 % tas-servizzi kollha tal-kura tas-saħħa u dawk bażiċi huma pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-aċċess għal għajnuna umanitarja għadu mxekkel minn ġlied u attakki attivi fuq min qed jagħti l-għajnuna u l-mezzi tagħhom;

R.

billi l-UE ddikjarat li se tipprovdi EUR 50 miljun għal azzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel; billi dan wassal l-ammont tal-għajnuna umanitarja tal-UE għal EUR 170 miljun sal-lum fis-snin finanzjarji 2013 u 2014;

S.

billi l-aġenziji tal-għajnuna nedew il-Pjan ta' Rispons għall-Kriżi fis-Sudan t'Isfel fil-31 ta' Diċembru 2013; billi l-OCHA nieda appell konsolidat għal USD 166 miljun biex jirrispondi għall-kriżi u jgħin bejn wieħed u ieħor 628 000 persuna minn Jannar sa Marzu 2014;

T.

billi l-bini tal-istat u t-tegħlib tal-fraġilità jeħtieġu prospettiva fit-tul kif ukoll impenn deċiż, prevedibbli u stabbli min-naħa tal-komunità internazzjonali;

1.

Jikkundanna bil-qawwa l-aħħar tfaqqigħa ta' ġlied fis-Sudan t'Isfel u jappella lill-partijiet kollha jċedu l-armi tagħhom u jtemmu minnufih il-vjolenza li kkawżat imwiet, persuni midruba u ħsara fost il-popolazzjoni ċivili u spustat mijiet ta' eluf ta' persuni sa mill-bidu tal-kriżi f'Diċembru 2013;

2.

Jesprimi t-tħassib qawwi tiegħu minħabba ż-żieda reċenti ta' vjolenza fis-Sudan t'Isfel, li qed ikollu konsegwenzi serji umanitarji, politiċi, ekonomiċi, soċjali u ta' sigurtà f'pajjiż li diġà huwa fraġli u instabbli, u jista' jiddestabbilizza r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant; huwa partikolarment inkwetat dwar id-dimensjoni etnika tal-kunflitt; jenfasizzaw li l-fatt li wieħed jipprova jikseb il-poter bil-vjolenza jew il-firda fost il-gruppi etniċi huwa kuntrarju għall-istat tad-dritt demokratiku u jikser id-dritt internazzjonali;

3.

Jikkundanna l-każijiet ta' ksur u abbuż tad-drittijiet tal-bniedem li ġew irrappurtati, jappella minnufih lill-partijiet kollha biex itemmu l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi dawk li jaffettwaw ir-rifuġjati u l-persuni spustati, in-nisa u l-persuni li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, kif ukoll ġurnalisti, u jappella lil dawk involuti fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jinżammu responsabbli; huwa tal-fehma li l-President Kiir u Riek Machar għandhom jagħmlu minn kollox sabiex iwaqqfu lis-suldati taħt il-kontroll tagħhom milli jwettqu tali abbużi kontra n-nies;

4.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jirrispettaw id-dritt umanitarji internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll jagħtu aċċess u l-protezzjoni tal-aġenziji umanitarji li qed jgħinu lill-popolazzjoni ċivili f'diffikultà u jiftħu passaġġi umanitarji għall-kunsinni ta' provvisti u tagħmir; jinnota li għadd ta' aġenziji ta' għajnuna barranin diġà irtiraw mis-Sudan t'Isfel u li dawk li baqgħu qed jiġġieldu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' persuni ċivili spustati; jinnota wkoll li dawn l-aġenziji tal-għajnuna għadhom mhumiex kapaċi jilħqu diversi żoni fejn huwa maħsub li għexieren ta' eluf ta' nies għadhom jistennew l-għajnuna jew qed jiċċaqilqu biex ifittxu l-għajnuna;

5.

Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jilħqu ftehim u jappoġġa bis-sħiħ il-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa f'Addis Ababa, filwaqt li jappella għal waqfien mill-ġlied immedjat u sforzi biex tinstab soluzzjoni għal paċi u stabbiltà dejjiema; iħeġġeġ lill-gvern u r-ribelli jimpenjaw ruħhom f'taħdidiet politiċi inklużivi, olistiċi, bla kundizzjoni u b'rieda tajba għall-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati; jilqa' l-isforzi tal-Unjoni Afrikana u tal-IGAD fil-promozzjoni ta' djalogu inklużiv u ta' medjazzjoni;

6.

Jappella għar-rilaxx tal-priġunieri kollha politiċi u tal-11-il kap politiku li jinsabu arrestati bħalissa, liema arrest imblokka n-negozjati għall-paċi;

7.

Iħeġġeġ lill-pajjiżi tal-viċinat kollha tas-Sudan t'Isfel u lis-setgħat reġjonali jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex itejbu s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-pajjiż u fir-reġjun u biex isibu mod kif tinstab soluzzjoni politika paċifika u dejjiema għall-kriżi attwali; jisħaq fuq il-fatt li l-kooperazzjoni mas-Sudan b'mod partikolari tirrappreżenta titjib fir-relazzjonijiet, wara li, fl-ewwel xhur tal-2012, l-għedewwa fil-gwerra ċivili għoddhom reġgħu bdew gwerra oħra minħabba tilwim dwar il-prezzijiet taż-żejt u l-fruntiera;

8.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li tistabbilixxi kummissjoni biex tinvestiga l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra u biex tirrakkomanda modi u mezzi sabiex jiġu żgurati r-responsabbiltà, ir-rikonċiljazzjoni u l-paċifikazzjoni fost il-komunitajiet kollha; jilqa' t-tisħiħ tal-kapaċità ta' investigazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Missjoni tan-NU fis-Sudan t'Isfel (UNMISS) bl-appoġġ tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

9.

Jiddispjaċih għad-deċizjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-UE li ttemm il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għas-Sudan/Sudan t'Isfel, minħabba l-irvellijiet politiċi fis-Sudan u l-kunflitti armati; iqis li, mingħajr Rappreżentant Speċjali tal-UE maħtur għas-Sudan/is-Sudan t’Isfel, l-UE se titħalla fil-ġenb fin-negozjati u fl-isforzi internazzjonali; jistieden, għalhekk, lir-Rappreżentant Għoli tbiddel id-deċiżjoni tagħha u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali għas-Sudan/Sudan t'Isfel;

10.

Jistieden lill-komunità internazzjonali tonora l-impenji ta' finanzjament tagħha għas-Sudan t'Isfel u għar-reġjun u timmobilizza riżorsi sabiex tirreaġixxi minnufih għas-sitwazzjoni umanitarja li sejra għall-agħar fis-Sudan t'Isfel;

11.

Jesprimi tħassib dwar il-korruzzjoni mifruxa; huwa mħasseb ukoll li tali korruzzjoni tkun ta' dannu għall-prospetti tat-twaqqif ta' demokrazija ħielsa u ġusta, stabbiltà, żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku;

12.

Jilqa' d-deċiżjoni li l-UNMISS tissaħħaħ b'persunal militari, tal-pulizija, tal-loġistika u ċivili addizzjonali; jisħaq, madankollu, fuq il-fatt li hija r-responsabbiltà ewlenija tal-istat li jipproteġi ċ-ċivili; jilqa' l-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tan-NU u kap tal-UNMISS, Hilde Johnson;

13.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tas-Sudan t'Isfel, lill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-Sudan t'Isfel, lill-Assemblea Leġiżlattiva Nazzjonali tas-Sudan t'Isfel, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lis-Segretarju Ġenerali tan-NU.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0546.