23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 482/117


P7_TA(2014)0038

Iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2014 dwar iċ-ċittadinanza tal-UE għall-bejgħ (2013/2995(RSP))

(2016/C 482/16)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 5, 9 u 10 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi kull Stat Membru huwa mistenni jaġixxi b'mod responsabbli fil-preservazzjoni tal-valuri u tal-kisbiet komuni tal-Unjoni, u billi dawk il-valuri u l-kisbiet huma imprezzabbli u ma jistax ikollhom prezz marbut magħhom;

B.

billi għadd ta' Stati Membri introduċew skemi li, b'mod dirett jew indirett, jirriżultaw fil-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi;

C.

billi għadd jiżdied ta' Stati Membri qed joħorġu permessi ta' residenza temporanji jew permanenti lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi li jagħmlu investimenti fl-Istat Membru kkonċernat;

D.

billi f'xi Stati Membri tista' tinkiseb residenza permanenti b'aċċess għaż-Żona Schengen kollha kemm hi; billi f'ċerti Stati Membri qed jittieħdu passi li jistgħu jwasslu għall-bejgħ effettiv taċ-ċittadinanza ta' dak l-Istat Membru;

E.

billi f'xi każijiet dawn il-programmi ta' investiment jista' jkollhom effetti sekondarji negattivi, bħad-distorsjoni tas-swieq tal-housing lokali;

F.

billi l-Gvern Malti, b'mod partikolari, reċentement ħa passi sabiex jintroduċi skema għall-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza Maltija, li awtomatikament tinkludi l-bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE kollha kemm hi mingħajr ebda rekwiżit ta' residenza;

G.

billi tali bejgħ espliċitu taċ-ċittadinanza tal-UE jdgħajjef il-fiduċja reċiproka li fuqha hija msejsa l-Unjoni;

H.

billi ċ-ċittadini tal-UE b'mod partikolari għandhom id-dritt jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fl-UE, jivvutaw u jikkontestaw l-elezzjonijiet muniċipali u dawk tal-Parlament Ewropew irrispettivament minn fejn jgħixu fl-UE, bl-istess kundizzjonijiet bħan-nazzjonali, u jiġu assistiti mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta' Stat Membru ieħor barra l-UE bl-istess kundizzjonijiet bħal ċittadin ta' dak l-Istat Membru, jekk pajjiżhom ma jkunx rappreżentat;

I.

billi l-UE hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri, mibnija fuq snin ta' ħidma gradwali u rieda tajba min-naħa tal-Istati Membri, kif ukoll min-naħa tal-Unjoni kollha kemm hi;

J.

billi tqajjem ukoll tħassib dwar abbuż kriminali minn dawn il-programmi ta' investiment, inklużi kwistjonijiet bħall-ħasil ta' flus;

K.

billi jeżisti tħassib rigward diskriminazzjoni possibbli minħabba l-fatt li dawn il-prattiki mill-Istati Membri jippermettu li ċ-ċittadinanza tal-UE jakkwistawha biss dawk in-nazzjonali ta' pajjiżi terzi li huma l-aktar sinjuri, mingħajr ma jiġu meqjusa kriterji oħra;

L.

billi mhuwiex ċar jekk iċ-ċittadini Maltin humiex tassew se jibbenefikaw minn din il-politika l-ġdida, pereżempju permezz tal-ġbir ta' taxxi, perezz illi l-investituri barranin ikkonċernati mhux se jintalbu jħallsu taxxi; ifakkar li ċ-ċittadinanza ma tfissirx biss drittijiet, iżda tfisser ukoll responsabbiltajiet;

M.

billi ċ-ċittadinanza tal-UE hija waħda mill-kisbiet ewlenin tal-UE u billi, skont it-Trattati tal-UE, il-kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri;

1.

Huwa mħasseb li dan il-mod kif tinkiseb iċ-ċittadinanza f'Malta, kif ukoll kwalunkwe skema nazzjonali oħra li tista' tinvolvi l-bejgħ espliċitu dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE, idgħajjef il-kunċett innifsu ta' ċittadinanza tal-UE;

2.

Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jonoraw ir-responsabbiltajiet li għandhom fil-ħarsien tal-valuri u l-objettivi tal-Unjoni;

3.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tiddikjara b'mod ċar jekk dawn l-iskemi jirrispettawx l-ittra u l-ispirtu tat-Trattati u tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, kif ukoll ir-regoli tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni;

4.

Itenni li l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jħaddan fih il-prinċipju ta' “koperazzjoni leali” bejn l-Unjoni u l-Istati Membri li, b'rispett reċiproku sħiħ, għandhom jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joriġinaw mit-Trattati;

5.

Jesprimi tħassib dwar l-implikazzjonijiet ta' wħud mill-iskemi ta' investiment u ċittadinanza li reċentement ġew stabbiliti minn diversi Stati Membri tal-UE;

6.

Jirrikonoxxi li kwistjonijiet ta' residenza u ċittadinanza huma l-kompetenza tal-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri, madankollu, joqogħdu attenti meta jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam u jqisu l-effetti sekondarji possibbli;

7.

Jinnota li ċ-ċittadinanza tal-UE timplika li wieħed ikollu sehem fl-Unjoni u tiddependi mir-rabtiet ta' persuna mal-Ewropa u l-Istati Membri jew minn rabtiet personali ma' ċittadini tal-UE; jisħaq li ċ-ċittadinanza tal-UE m'għandha qatt issir komodità negozjabbli;

8.

Jissottolinja l-fatt li d-drittijiet mogħtija miċ-ċittadinanza tal-UE huma bbażati fuq id-dinjità tal-bniedem u m'għandhom jinxtraw jew jinbiegħu għall-ebda prezz;

9.

Jenfasizza li l-aċċess għall-fondi m'għandux ikun il-kriterju ewlieni fl-għoti taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jqisu kwistjonijiet ta' tħassib dwar kriminalità relatati mal-frodi bħall-ħasil tal-flus;

10.

Jinnota li kompetizzjoni kontinwa għal kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti jew riżorsi finanzjarji jistgħu jwasslu għal tnaqqis tal-istandards u r-rekwiżiti biex jinkisbu permessi ta' residenza taż-Żona Schengen u ċ-ċittadinanza tal-UE;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta d-diversi skemi ta' ċittadinanza fid-dawl tal-valuri Ewropej u l-ittra u l-ispirtu tal-leġiżlazzjoni u l-prassi tal-UE, u toħroġ rakkomandazzjonijiet sabiex timpedixxi li tali skemi jdgħajfu l-valuri li l-UE ssejset fuqhom, kif ukoll linji gwida għal aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE permezz ta' skemi nazzjonali;

12.

Jistieden lil Malta tallinja l-iskema ta' ċittadinanza attwali tagħha mal-valuri tal-UE;

13.

Jistieden lill-Istati Membri li adottaw skemi nazzjonali li jippermettu l-bejgħ dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE lil nazzjonali ta' pajjiżi terzi biex jallinjaw tali skemi mal-valuri tal-UE;

14.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri.