23.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 482/75


P7_TA(2014)0022

Futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2014 dwar il-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN (2013/2148(INI))

(2016/C 482/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-qafas legali prinċipali għar-relazzjonijiet mal-ASEAN, jiġifieri l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni ASEAN-KEE, iffirmat f’Marzu tal-1980 (1),

wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin u/jew il-konklużjonijiet tas-seba’ Ftehmiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-ASEAN, jiġifieri l-Brunej Darussalam, l-Indonesja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor, it-Tajlandja u l-Vjetnam,

wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehmiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-Malasja, it-Tajlandja u l-Vjetnam u l-konklużjoni tal-FTA tal-UE u Singapor,

wara li kkunsidra l-istrateġija tal-UE ‘Sħubija Ġdida max-Xlokk tal-Asja’ ta’ Lulju tal-2003, (COM(2003)0399), li tidentifika t-tisħiħ tar-relazzjonijiet ta’ kummerċ u investiment reġjonali mal-ASEAN kif ukoll id-djalogu f’oqsma speċifiċi tal-politika bħala prijoritajiet ewlenin,

wara li kkunsidra s-seba’ Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP) u t-22 Samit ASEAN,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Nurimberga dwar is-Sħubija Msaħħa tal-UE mal-ASEAN ta’ Marzu tal-2007 u l-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Novembru tal-2007,

wara li kkunsidra l-Pjan ta’ Azzjoni Bandar Seri Begawan biex tissaħħaħ l-Isħubija Msaħħa tal-UE mal-ASEAN (2013-2017) adottata fil-Brunej Darussalam fis-27 ta' April 2012,

wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mat-Trattat ta’ Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk (TAC) f’Phnom Penh fit-12 ta’ Lulju 2012 (2),

wara li kkunsidra d-9 Samit tal-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) li saret fi Vientiane, Laos f’Novembru tal-2012,

wara li kkunsidra l-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEF), stabbilita fi Frar tal-1997 biex tipprovdi forum għal djalogu non-governattiv,

wara li kkunsidra l-Programm ta’ Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali UE-ASEAN (APRIS), il-programm ta’ Sapport Reġjonali ta’ Integrazzjoni ASEAN (ARISE), u l-Istrument ta’ Djalogu Reġjonali tal-UE u l-ASEAN (READI) b’appoġġ għall-armonizzazzjoni tal-politiki u r-regolamenti fis-setturi relatati mhux kummerċjali,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Konġunta tal-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Reġjun tal-Asja-Paċifiku tat-12 ta’ Lulju 2012,

wara li kkunsidra t-twaqqif tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet Asjatiċi tax-Xlokk (ASEAN) fit-8 ta’ Awwissu 1967,

wara li kkunsidra l-Blueprint tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN miftiehma fl-2007 u l-Karta tal-ASEAN adottata fl-2008,

wara li kkunsidra l-ewwel Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN tat-18 ta’ Novembru 2012, it-twaqqif tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN (AICHR) u l-ewwel djalogu bejn l-AICHR u r-Rappreżentattant Speċjali għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Unjoni Ewropea (UE) stabbilit reċentement, Stavros Lambrinidis, fit-8 ta’ Mejju 2013,

wara li kkunsidra l-14-il samit ASEAN li sar fl-2009 u l-istabbilment ta’ pjan direzzjonali għal Komunità ta’ suq ASEAN ewlieni (Ekonomika), il-Komunità ta’ Politika u Sigurtà ASEAN u l-Komunità Soċjo-Kulturali ASEAN,

wara li kkunsidra t-22 samit tal-ASEAN li sar fil-Brunej bejn l-24 u l-25 ta’ April 2013,

wara li kkunsidra s-7 samit tal-Asja tal-Lvant (EAS) li sar f’Phnom Penh fl-20 ta’ Novembru 2012 mill-mexxejja ta’ 17-il pajjiż fl-ASEAN, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Korea t’Isfel (ASEAN+3), l-Indja, l-Awstralja u n-New Zealand (ASEAN+6) u l-Istati Uniti,

wara li kkunsidra l-Ftehim tal-ASEAN dwar il-Ġestjoni tad-Diżastri u r-Reazzjoni għall-Emerġenzi (AADMER),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fit-tmien laqgħa tal-Ministri ASEAN għall-Benessri u l-Iżvilupp Soċjali tas-6 ta’ Settembru 2013 f’Phnom Pen bi preparazzjoni għas-samit ASEAN skedat għal Ottubru 2013 u d-dispożizzjoni li tinsab fiha li l-aċċess għall-protezzjoni soċjali huwa dritt bażiku tal-bniedem,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-istati membri tal-ASEAN, partikolarment dawk tal-11 ta' Settembru 2013 dwar in-negozjati għal ftehim ta' sħubija u kooperazzjoni UE-Malasja (3), tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar is-sitwazzjoni tal-Musulmani Rohingya (4), tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus (5), tat-18 ta' April 2013 dwar il-Vjetnam, b'mod partikolari l-libertà tal-espressjoni (6) u tas-7 ta' Frar 2013 dwar il-Laos: il-każ ta’ Sombath Somphone (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar l-istati membri tal-ASEAN, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Frar 2011 dwar ġlied fuq il-fruntiera bejn it-Tajlandja u l-Kambodja (8), tas-7 ta’ Lulju 2011 dwar l-Indoneżja, inklużi attakki kontra l-minoranzi (9), tal-25 ta’ Novembru 2010 dwar il-Burma: it-tmexxija tal-elezzjonijiet u l-ħelsien tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Aung San Suu Kyi (10), tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar is-sitwazzjoni fil-Burma/Mjanmar (11), tal-20 ta’ Mejju 2010 dwar is-sitwazzjoni fit-Tajlandja (12), tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar is-sitwazzjoni fil-Laos u l-Vjetnam (13) , u tal-5 ta’ Frar 2009 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Burmani fit-Tajlandja (14),

wara li kkunsidra l-'Prinċipji Gwida dwar in-Neogzju u d-Drittijiet tal-Bniedem: li jimplimentaw il-Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti “Ipproteġi, Irrispetta u Rrimedja”, adottat fis-16 ta' Ġunju 2011 mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0441/2013),

A.

billi l-ASEAN bħalissa hija waħda mill-organizzazzjonijiet reġjonali emerġenti l-aktar importanti fid-dinja, f’termini kemm ta’ żvilupp ekonomiku kif ukoll ta’ dinamika ġeopolitika;

B.

billi l-Karta tal-ASEAN, iffirmata f’Novembru tal-2007, tistabbilixxi personalità legali u qafas legali u istituzzjonali għall-ASEAN, inkluż il-ħolqien tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (CPR) li jappoġġa u jikkoordina l-ħidma tal-ASEAN;

C.

billi l-Komunità Ekonomika tal-ASEAN għandha l-għan li toħloq suq intern għal 600 miljun persuna sal-2015, li se jagħmel lill-ASEAN, bl-operaturi ekonomiċi kompetittivi u d-domanda interna li qed tikber malajr, kumparabbli ma’ swieq oħra kbar fid-dinja, bħall-UE, l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, u l-Indja u, konsegwentement, sieħeb ekonomiku b’saħħtu fis-suq reġjonali u internazzjonali; billi xi stati membri tal-ASEAN se jaffaċċjaw sfidi f'dan il-proċess f'termini ta' kompetittività, stabilità soċjali u t-tisħiħ u l-iżvilupp tal-komponenti soċjali tal-proċess ta' integrazzjoni;

D.

billi l-isforzi tar-ristrutturar ekonomiku tal-istati membri tal-ASEAN wara l-kriżi finanzjarja Asjatika tal-1997 kienu ta’ għajnuna biex b’mod ġenerali juru reżistenza tajba kontra l-kriżi ekonomika globali preżenti;

E.

billi fl-1993 il-Forum Reġjonali tal-ASEAN (ARF) kien stabbilit … biex joħloq djalogu u konsultazzjoni dwar kwistjonijiet politiċi u ta’ sigurtà u biex jikkontribwixxi għall-bini tal-fiduċja u d-diplomazija preventiva fir-reġjun Asja-Paċifiku;

F.

billi l-aħħar samit tal-ASEAN sejjaħ għad-denuklearizzazzjoni tal-peniżola Koreana u ħeġġeġ lill-istati li għandhom armi nukleari biex jaċċedu għall-protokoll tat-Trattat dwar Żona Ħielsa mill-Armi Nukleari fl-Asja tax-Xlokk; billi s-samit iddiskuta wkoll il-parteċipazzjoni futura possibbli tat-Timor tal-Lvant fl-ASEAN;

G.

billi ċ-Ċina qed iżżid ir-rabtiet ekonomiċi tagħha mal-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja; billi xi stati membri tal-ASEAN saħħu l-kooperazzjoni mal-Istati Uniti dwar is-sigurtà marittima; billi r-Russja tikkunsidra l-Asja bħala parti importanti tal-istrateġija internazzjonali tagħha; billi l-pajjiżi tal-ASEAN għad għandhom rwol importanti fil-preservazzjoni tal-paċi u l-istabilità fir-reġjun; billi l-UE u l-ASEAN għandhom tħassib komuni dwar it-tilwim territorjali mhux solvut fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u għandhom interess sinfikanti fiż-żamma tal-paċi, tal-istabilità, tar-rispett għal-liġi internazzjonali u, speċjalment, il-Karta tan-NU u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982. jappoġġa l-Prinċipji b'Sitt Punti ta' Lulju 2012 dwar il-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u l-Linji Gwida għall-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-Imġiba tal-Partijiet fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina tal-2011, li jinkoraġġixxu riżoluzzjoni permezz ta' mezzi paċifiċi;

H.

billi d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN tibqa' tagħti l-awtonomija lill-pajjiżi individwali sabiex joħolqu l-istrumenti legali tagħhom għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tipprovdi lir-reġjun kollu b’qafas ġenerali komuni għad-difiża tal-istess drittijiet;

I.

billi fit-8 ta' Novembru 2013, it-Tifun Haiyan għamel ħerba fil-Filippini, fejn qered bliet sħaħ u ħalla numru li għadu mhuwiex magħruf – possibilment eluf – ta' nies mejta u miljuni bla dar; billi din it-tempesta, li kienet l-aktar tempesta qawwija li qatt ġiet irreġistrata li laqtet il-kosta, tista' turi l-periklu serju ta' kundizzjonijiet tat-temp estremi li qed isiru aktar frekwenti;

J.

billi l-livelli għoljin ta' tniġġis ikkawżati mid-duħħan minn nirien prinċipali tal-foresta fir-reġjun, qed ikollhom konsegwenzi ambjentali ewlenin u jistgħu jikkostitwixxu sfida mhux tradizzjonali għas-sigurtà;

K.

billi l-UE u l-ASEAN jikkondividu l-objettiv politiku tal-promozzjoni tal-benessri, il-kooperazzjoni u l-paċi fir-reġjuni rispettivi u mad-dinja;

L.

billi l-Pjan ta’ Azzjoni Bandar Seri Begawan tal-2012 bejn l-UE u l-ASEAN għandu l-għan li jagħti attenzjoni aktar strateġika lill-kooperazzjoni fuq it-tliet pilastri tal-ASEAN, kif ukoll lill-kooperazzjoni kulturali u tal-iżvilupp, u jkollu laqgħat regolari fil-livelli ministerjali u tal-uffiċjali għolja;

M.

billi fid-dawl tan-negozjati li għaddejjin dwar il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles (FTAs) bejn l-UE u l-Malasja, it-Tajlandja u l-Vjetnam kif ukoll il-konklużjoni tal-FTA bejn l-UE u Singapor u l-objettiv fuq terminu twil ta’ FTA bejn ir-reġjuni, qed isir dejjem aktar urġenti li jiġi żviluppat qafas ta’ politika aktar komprensiv mas-sħab tal-ASEAN;

1.

Huwa tal-fehma li l-ASEAN, bħala attur ekonomiku reġjonali u globali ewlieni, jista’ jkollha rwol importanti biex tippromwovi ordni dinjija paċifika u multilaterali; jixtieq jara l-kapaċitajiet istituzzjonali, ekonomiċi u politiċi tal-ASEAN jiżviluppaw aktar;

2.

Jinkoraġġixxi lill-ASEAN tkompli t-triq tal-integrazzjoni politika u ekonomika tagħha, notevolment il-pjan ASEAN ambizzjuż għall-Komunità Ekonomika sal-2015, inkluż il-liberalizzazzjoni tas-suq intern tax-xogħol tagħha, li tista' tkun ta' benefiċċju kbir għall-pajjiżi kollha involuti;

3.

Jifraħ lill-mexxejja tal-ASEAN dwar il-progress sinifikanti li qed jinkiseb fil-proċess ta’ integrazzjoni reġjonali, li jidher aktar bit-twaqqif futur tal-Komunità Ekonomika tal-ASEAN; jemmen li dawn l-iżviluppi pożittivi għandhom jitqabblu mat-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tagħha u jistieden lill-mexxejja tal-ASEAN biex jikkunsidraw rikonoxximent ta' Karta formali tar-rwol tal-Assemblea Inter-Parlamentari tal-AESAN (AIPA) bħala parti integrali tal-ASEAN stess;

4.

Jenfasizza l-potenzjal ekonomiku kbir tar-reġjun tal-ASEAN u jinkoraġġixxi l-istati tal-ASEAN u l-impriżi nazzjonali u barranin li joperaw fil-pajjiżi tal-ASEAN jaġixxu skont il-prinċipji tar-responsabilità soċjali korporattiva, jirrispettaw b'mod attiv l-istandards prinċipali tax-xogħol tal-ILO u l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, jippromwovu protezzjoni adegwata tal-impjieg u aċċess għal kundizzjonijiet ta' xogħol diċenti, u jistabbilixxu ambjent li jwassal aktar għall-iżvilupp tat-trejdjunjins u l-attivitajiet tagħhom; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tgħin fl-iżvilupp ta' miżuri li jżidu l-kapaċitajiet tal-infurzar tal-liġi internazzjonali u lokali;

5.

Iqis li l-Istati tal-ASEAN għandhom javvanzaw lejn fażi ġdida ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv, fejn tingħata attenzjoni partikolari għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, soċjali, tax-xogħol u dawk ekonomiċi tal-popli tagħhom bil-għan li jiggarantixxu soċjetajiet iktar ugwali u ġusti; iqis li għal dan il-għan jeħtieġ li ż-żieda fil-ġid ekonomiku tagħhom tkun għas-servizz tat-tisħiħ tan-netwerks ta’ protezzjoni u sigurtà soċjali; iħeġġeġ ugwalment lill-UE ittejjeb il-kooperazzjoni tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem sabiex tikkontribwixxi biex il-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN (AICHR) tkun effettiva għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

6.

Jenfasizza li l-UE u l-ASEAN għandhom valuri komuni, kif ukoll interessi politiċi u ekonomiċi komuni, li għandhom jibqgħu jiġu żviluppati bi prijorità għolja u jiġu aġġornati għal livell ta’ sħubija strateġika; jilqa’ l-fatt li bħala rikonoxximent tal-importanza ta’ din ir-relazzjoni, is-SEAE qed jikkunsidra b'mod attiv il-ħatra ta' Kap ta’ Delegazzjoni tal-UE għall-ASEAN; jistenna li dan jirriżulta f'koordinazzjoni aħjar bejn il-Kapijiet ta' Delegazzjoni tal-UE fi stati membri tal-ASEAN u l-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE u jwessa' l-kredibilità u l-viżibilità politika tal-UE; jistieden lill-VP/RGĦ u l-Kummissjoni jipproponu strateġija mġedda, aktar komprensiva għax-Xlokk tal-Asja;

7.

Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jaħdmu fuq approċċ komuni u koerenti għar-reġjun ASEAN, filwaqt li jappoġġjaw u jikkumplimentaw lil xulxin u permezz ta' dan l-UE tkun tista' tiżviluppa preżenza ekonomika u politika aktar b’saħħitha fir-reġjun; jemmen li huwa importanti li tiżdied il-preżenza tar-rappreżentanti tal-UE u l-Istati Membri fil-livelli kollha fil-fora reġjonali u nazzjonali tal-ASEAN;

8.

Jirrakkomanda li l-Unjoni għandha tagħmel sforz sabiex iżżid l-għarfien pubbliku f’dawn il-pajjiżi dwar il-fatt li l-politika barranija taġixxi bħala setgħa regolatorja li tfittex li tippromwovi l-integrazzjoni reġjonali, permezz tad-djalogu politiku, il-ftehimiet preferenzjali għall-kummerċ u l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni;

9.

Jilqa’ b’sodisfazzjon in-negozjati tas-seba’ Ftehmiet ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri individwali tal-ASEAN, li se jkunu l-punti ewlenin għall-approfondiment tar-relazzjonijiet reċiproċi u jenfasizza l-ħtieġa għal negozjati aċċellerati mal-bqija tal-membri tal-ASEAN; jitlob ratifika malajr tal-Ftehimiet ta' Sħubija u Kooperazzjoni (PCAs) eżistenti; jemmen, madankollu, li l-PCAs ma' Stati Individwali m'għandhomx jostakolaw ir-relazzjoni globali bejn l-UE u l-ASEAN;

10.

Jappoġġa t-tisħiħ tad-dimensjoni parlamentari tar-relazzjoni; iqis li t-twaqqif ta' assemblea interparlamentari formali Ewro-ASEAN se jkompli jtejjeb ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Membri tal-ASEAN ladarba l-kundizzjonijiet ikunu adattati u jista' jipprovdi wkoll forum għal skambju multilaterali biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet globali b'mod aktar komprensiv. jissuġġerixxi wkoll il-ħolqien ta’ rabtiet bejn is-Sotto-Kumitat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN (AICHR); jemmen li l-Uffiċċju għall-Promozzjoni tad-Demokrazija Parlamentari jista’ jipprovdi għajnuna fil-bini ta’ kapaċità lill-Assemblea Inter-Parlamentari tal-ASEAN (AIPA) filwaqt li jsaħħaħ ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali kif ukoll tal-AIPA fl-ASEAN; -{}-

11.

Jenfasizza l-benefiċċji ta’ żieda ta’ laqgħat konġunti ta’ livell għoli u tal-kollaborazzjoni u l-fehim reċiproki fil-fora multilaterali, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji tagħha, l-FMI u d-WTO;

12.

Jenfasizza li l-Laqgħa Asja-Ewropa (ASEM) u s-Sħubija Parlamentari Asja-Ewropa (ASEP), bħala l-mezzi eżistenti għad-dijalogu bejn l-UE u l-ASEAN, għandhom jiġu aġġornati fuq il-livell tal-gvern u parlamentari u estiżi b’mod ulterjuri;

13.

Jappoġġa lill-ASEAN biex tiżviluppa l-ispazju tagħha fi ħdan l-interessi ekonomiċi u tas-sigurtà konfliġġenti taċ-Ċina, tal-Ġappun u tal-Istati Uniti; jixtieq li l-UE tkun sieħeb politiku attiv għall-ASEAN fl-insegwiment tagħha ta' soluzzjonijiet mhux militari għall-isfidi tas-sigurtà u ġeostrateġiċi importanti, billi taqsam l-esperjenza tal-UE fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti u s-soluzzjoni ta’ tilwim fil-ġestjoni ta’ tilwim territorjali u fil-fruntieri, sabiex tissaħħaħ il-paċi u l-istabbiltà reġjonali;

14.

Huwa mħasseb dwar l-iżviluppi reċenti fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u jilqa' l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-Imġiba tal-Partijiet fil-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina, bil-għan li tinstab soluzzjoni paċifika u ta' benefiċċju reċiproku għat-tilwim fil-fruntiera marittima fiż-żona;

15.

Jinkoraġġixxi lill-Unjoni tikkontribwixxi biex jittaffew it-tensjonijiet ġeopolitiċi reġjonali permezz ta’ relazzjoni mill-qrib mal-ASEAN, li tikkonsisti f’tisħiħ tal-mekkaniżmi ta’ soluzzjoni tal-kunflitti;

16.

Jinnota l-isforzi li saru dwar il-miżuri kontra l-piraterija mill-Istati tal-ASEAN u jilqa’ r-rapporti li sa issa huma pożittivi; jenfasizza n-natura kritika u kumplessa tar-rotot ta’ tbaħħir marittimi fiż-żona għall-ekonomija dinjija u l-vulnerabbiltà tagħhom u jikkunsidra li dan għandu jkun tħassib permanenti fl-isforzi tal-UE fir-reġjun;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni u s-SEAE ikomplu jipprovdu assistenza għall-isforzi għall-bini tal-kapaċità tas-Segretarjat tal-ASEAN u tal-istituzzjonijiet tal-ASEAN, billi jserħu fuq l-esperjenzi tal-UE; jissuġġerixxi li l-programm tal-UE’ (ARISE) ta' ‘Appoġġ għall-Integrazzjoni Reġjonali tal-ASEAN għandu jkompli jipprovdi tali assistenza;

18.

Jinkoraġġixxi li jiġu appoġġati ż-żjarat transreġjonali tal-artisti kulturali u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu kopertura usa’ tar-reġjun tal-ASEAN fil-midja mmexxija mill-istat u fl-edukazzjoni u biex iżidu l-preżenza tagħhom fir-reġjun permezz ta' istituti kulturali jew mezzi oħra, li jistgħu jwessgħu u japprofondixxu r-rabtiet kulturali mal-pajjiżi tal-ASEAN u jtejbu u jippromwovu l-għarfien u d-djalogu kulturali reċiproki;

19.

Jemmen li huwa opportun li tiġi kkunsidrata l-organizzjoni ta' sena “kulturali” bit-tema tinbidel kull sena, fejn pajjiż tal-UE ikun jista’ jiġi ppreżentat fi stat membru tal-ASEAN, u bl-istess mod, pajjiż tal-ASEAN ikun preżentat fl-Ewropa;

20.

Jilqa’ l-fatt li l-UE issa hija l-akbar sieħeb fil-kooperazzjoni xjentifika mal-maġġoranza tal-istati membri tal-ASEAN, jissuġġerixxi li l-programm tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-Kummissjoni, Orizzont 2020, għandu jkun promoss b’mod aktar attiv mal-istituzzjonijijet xjentifiċi fir-reġjun;

21.

Jenfasizza r-rwol importanti ta’ programmi ta’ skambju li jiffaċilitaw il-mobilità taż-żgħażagħ, bħall-Erasmus, għall-kooperazzjoni interkulturali ta’ studenti u riċerka bejn l-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri tal-UE u tal-ASEAN; jissuġġerixxi li jitwaqqfu ċentri ta’ studju ASEAN u ċentri ta’ studju Ewropej u tal-UE fl-universitajiet tal-ASEAN u li jikbru l-possibiltajiet għal lawrji konġunti; jemmen li jeħtieġ li l-UE tespandi l-programmi universitarji bl-Ingliż biex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-istudenti Asjatiċi fl-universitajiet Ewropej, filwaqt li r-riċerkaturi tal-UE jiġu megħjuna jissieħbu fi programmi ta’ riċerka fl-Asja inkluż b’kooperazzjoni man-Netwerk Universitarju tal-ASEAN (AUN);

22.

Jissuġġerixxi, b'mod partikolari permezz tal-użu tal-Istrument il-ġdid tas-Sħubija, li għandhom jittieħdu passi biex jiġu intensifikati skambji regolari u proċessi ta' tagħlim reċiproki, pereżempju dwar soċjetajiet multikulturali u strutturi statali demokratiċi tal-21 seklu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u jiġu promossi l-ugwaljanza tas-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, u biex jitjiebu l-ħajjiet tat-tfajliet u n-nisa, l-istandards soċjali u tax-xogħol, inkluż billi jiġi abbolit ix-xogħol furzat u tat-tfal, tiġi promossa l-protezzjoni adegwata tal-impjieg u l-aċċess għal kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, u jiġu żviluppati sistemi ta' benessri statali sostenibbli u komprensivi, sistemi legali u ta' sigurtà, kooperazzjoni ekonomika u miżuri adegwati oħrajn;

23.

Jinsisti dwar l-importanza li jiġu żviluppati kuntatti bejn il-persuni u jfaħħar ix-xogħol tal-Fondazzjoni Asja-Ewropa (ASEP), li l-funzjoni ewlenija tagħha hija li tiżviluppa rabtiet bejn soċjetajiet ċivili fiż-żewġ reġjuni; jistieden lill-UE tieħu rwol attiv u istituzzjonali aktar prominenti minn dak ta’ sempliċi membru;

24.

Jitlob li tiġi mnedija inizjattiva tal-ġemellaġġ tal-belt sabiex ikunu kollegati r-reġjuni fl-Ewropa u l-Asja, li kellhom ftit skambji sa issa;

25.

Jissuġġerixi li l-UE żżid il-kooperazzjoni interreġjonali tagħha mal-ASEAN dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta' diżastri u kriżijiet, dwar sfidi prinċipali bħall-iżvilupp sostenibbli fl-oqsma tas-sigurtà tal-ikel, il-ġestjoni tar-riżorsi (inkluż l-użu tal-ilma u tar-riżorsi marittimi, anke fis-subreġjun ta' Mekong) u l-investiment agrikolu, l-appoġġ għall-bdiewa żgħar, l-urbanizzazzjoni, il-konnettività u t-trasport, kif ukoll it-tibdil fil-klima, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika u t-tranżizzjoni enerġetika, it-turiżmu, ir-riċerka u l-innovazzjoni;

26.

Jinnota li l-faqar għadu problema fil-pajjiżi tal-ASEAN u jaffettwa b’mod partikolari lin-nisa, il-persuni b’livell baxx ta’ edukazzjoni, iż-żoni rurali u l-gruppi etniċi jew reliġjużi minoritarji; jara l-ħtieġa, għalhekk, li titjieb id-distribuzzjoni tal-ġid u tkun promossa l-ġustizzja soċjali fil-livelli kollha, u jqis li għad hemm il-ħtieġa għal strateġija tal-UE ġdida li tippromwovi l-iżvilupp u tiġġieled kontra l-inugwaljanza f'dawn il-pajiżi, inkluż billi tipprovdi aċċess għall-finanzjament permezz tal-mikrokrediti; jemmen li tali strateġija għandha tkun ibbażata b'mod partikolari fuq il-prinċipji li ġejjin: il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, l-effettività fit-tul tal-għajnuna, il-prijorità għall-ħtiġijiet soċjali bażiċi, b’mod partikolari s-saħħa u l-edukazzjoni, u l-parteċipazzjoni tal-atturi nazzjonali, inklużi l-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għall-iżvilupp u s-soċjetà ċivili;

27.

Jenfasizza l-fatt li l-UE għandha tipprovdi assistenza għall-bini tal-kapaċità tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, kif ukoll assistenza teknika lill-Kumitat tal-ASEAN dwar in-Nisa u t-Tfal;

28.

Qed jistenna b'ħerqa titjib fil-kooperazzjoni u t-tqarrib reċiproku dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem bħal-libertà ta' espressjoni u tal-midja, il-libertà ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, inkluż għat-trejdjunjins, u jqis li l-UE u l-ASEAN għandhom l-oqsma tagħhom fejn hemm lok għal titjib, pereżempju rigward it-trattament tal-migranti u l-minoranzi;

29.

Jistenna li r-reviżjoni tat-Termini ta’ Referenza tal-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN se tipprovdi opportunità biex jissaħħaħ ir-rwol tagħha; jistieden lill-ASEAN tiżviluppa standards u regoli li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha; jenfassiza li l-obbligi tal-Istati Membri tal-ASEAN skont il-liġi internazzjonali jieħdu post kwalunkwe dispożizzjoni konfliġġenti f’din id-Dikjarazzjoni; jissuġġerixxi wkoll li fil-futur għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi reġjonali għas-soluzzjoni tat-tilwim u sanzjonijiet f’każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fuq l-istess linji bħal dawk li jeżistu f’reġjuni oħra, bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; jappoġġa titjib fil-kooperazzjoni dwar it-tħassib reċiproku rigward id-drittijiet tal-bniedem;

30.

Iħeġġeġ lill-UE taġġorna l-assistenza u l-kooperazzjoni tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni billi, fost l-oħrajn, tinkoraġġixxi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU Kontra l-Korruzzjoni;

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tgħin lill-pajjiżi tal-ASEAN sabiex ikomplu jitnaqqsu d-differenzi bejn il-pajjiżi u tappoġġahom fit-triq tal-integrazzjoni politika, ekonomika u istituzzjonali f’livell reġjonali, filwaqt li tagħti attenzjoni speċjali lill-pajjiżi l-inqas żviluppati (il-Kambodja, il-Laos u l-Mjanmar);

32.

Iħeġġeġ l-attivazzjoni tal-Linji Gwida dwar il-Politika dwar l-Art tal-UE tal-2004 biex ikun miġġieled l-ikkapparrar tal-art; jenfasizza, b’mod partikolari, l-fatt li d-donaturi għandhom jipparteċipaw fil-politiki dwar l-art li huma mmirati lejn id-difiża u t-tisħiħ tal-agrikoltura tal-familja fuq skala żgħira;

33.

Jesprimi l-apprezzament tiegħu għad-deċiżjoni tal-istati membri tal-ASEAN li jiddikjaraw lill-ASEAN bħala żona ħielsa mill-armi nukleari u jemmen li oħrajn għandhom isegwu l-eżempju tagħhom;

34.

Jesprimi tħassib dwar il-politika ambjentali, b’mod partikolari r-rata ta’ qtugħ illegali ta' sigar, il-ħruq u l-ismog riżultanti li għandu impatt sinifikanti negattiv, anki bejn il-fruntieri tal-ASEAN; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-politika dwar il-bijokarburanti tal-UE tikkontribwixxi għall-espansjoni rapida tal-produzzjoni taż-żejt tal-palm, li twassal għall-esproprjazzjoni u/jew l-inkorporazzjoni negattiva taż-żoni rurali foqra fi pjantaġġuni ta' palm taż-żejt; iqis, għalhekk, li huwa essenzjali li jiġu appoġġati, fi ħdan il-kuntest ta’ għajnuna għall-iżvilupp, id-dritt tan-nies foqra fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għal riżorsi tal-art; jinkoraġġixxi sforzi aktar b’saħħithom għall-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, ifaħħar ix-xogħol taċ-Ċentru tal-Bijodiversità ASEAN u jistenna aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

35.

Iħeġġeġ lill-istati membri tal-ASEAN jilħqu ftehim li jiffaċilita l-prevenzjoni, il-ġlieda u l-koordinazzjoni tan-nirien il-kbar, devastanti għall-ambjent; iħeġġeġ lill-Indoneżja tirratifika l-ftehim tal-2002 dwar in-nirien u t-tniġġis fir-reġjun;

36.

Jenfasizza li l-UE għandha tintensifika d-djalogi politiki u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet fundamentali, inklużi dawk ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, u kwistjonijiet simili, u tipproteġi l-libertà ta' espressjoni u l-fluss ħieles ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' tħassib komuni relatati mal-istat tad-dritt u l-kwistjonijiet tas-sigurtà, bħall-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali, il-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u t-traffikar ta' persuni u drogi, u l-ġlieda kontra t-terrożmu, in-nonproliferazjoni, id-diżarmament, is-sigurtà marittima u s-sigurtà ċibernetika;

37.

Jinsab imħasseb dwar l-isfidi urbani, li jirriżultaw mill-iżvilupp ekonomiku, li qed jaffaċċjaw il-pajjiżi tal-ASEAN, inkluż il-ġestjoni tal-flussi migratorji minn żoni rurali għall-bliet, l-ippjanar urban u l-provvista tal-infrastrutturi u s-servizzi bażiċi, il-ġlieda kontra l-kwartieri fqar u l-possibbiltà tal-użu ta' enerġiji nodfa u rinovabbli biex jiġi miġġieled it-tniġġis; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkollabora mal-pajjiżi tal-ASEAN dwar strateġiji li jindirizzaw dawn il-problemi;

38.

Jipproponi appoġġ għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali b’mod speċjali fir-rigward tal-fluss ħieles ta’ oġġetti, servizzi u investiment, il-mobilità ta’ ħaddiema tas-sengħa biex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tad-diżastri u tal-kriżijiet, is-sigurtà u l-ġlieda kontra l-faqar u l-kwistjonijiet tal-migrazzjoni;

39.

Ifakkar li huwa importanti wkoll l-appoġġ lis-settur privat, li qed jikber, billi jiġu msaħħa d-djalogu bejn il-kumpaniji Ewropej u Asjatiċi u l-kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u privat dwar kwistjonijiet finanzjarji, ta' investiment, ekonomiċi u kummerċjali, inkluż l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs Ewropej u l-aċċess għas-suq tagħhom, u l-kriżi finanzjarja globali li għaddejja; jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-UE u l-ASEAN f’dan ir-rigward;

40.

Jinnota li għal diversi membri tal-ASEAN esportazzjonijiet tat-tessuti lejn l-UE jirrappreżentaw settur importanti u jfakkar li l-għoti tal-GSP u l-GSP+ huwa marbut mal-implimentazzjoni ta’ standards bażiċi tax-xogħol u tal-ILO u konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali oħrajn li huma essenzjali għall-iżvilupp sostenibbli;

41.

Jistieden lill-mexxejja tal-istati membri tal-ASEAN jappoġġaw l-objettiv tal-UE li tipparteċipa f’Samits tal-Asja tal-Lvant futuri, wara l-adeżjoni tal-UE mat-Trattat ta’ Ħbiberija u Kooperazzjoni fl-Asja tax-Xlokk;

42.

Jilqa’ l-proċess tal-paċi u r-riformi demokratiċi fil-Burma/il-Mjanmar, li jiftaħ tieqa storika ta’ opportunità għal relazzjonijiet UE-ASEAN imsaħħa ferm; jibqa’ partikolarment imħasseb, madankollu, dwar is-sitwazzjoni tal-minoranzi etniċi; iħeġġeġ lill-Gvern Burman u l-ġirien tal-ASEAN tiegħu, b'mod speċjali fir-rigward tar-Rohingyas, jagħmlu kull sforz possibbli biex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u d-drittijiet taċ-ċittadini tagħhom;

43.

Jilqa’ r-ratifika tal-Kambodja u l-Filippini tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) u jappella lill-istati membri kollha tal-ASEAN biex jagħmlu l-istess; jappella wkoll lill-Istati Membri kollha tal-ASEAN isegwu x-xejra dinjija lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jinkoraġġixxi lill-membri tal-ASEAN biex jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni;

44.

Ifaħħar l-Indoneżja u l-Filippini għall-impenn attiv tagħhom fl-Isħubija ta’ Gvern Trasparenti (Open Government Partnership) (OPG) u l-impenn li wrew biex joħolqu aktar trasparenza tal-gvern u integrità pubblika; jissuġġerixxi li l-bqija tal-pajjiżi tal-ASEAN ifittxu li jissieħbu mal-OPG u jiżviluppaw Pjanijiet ta’ Azzjoni propji tagħhom b’kooperazzjoni mill-qrib u siewja ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lokali;

45.

Jesprimi tħassib, madankollu, li f’ħafna pajjiżi tal-ASEAN il-każijiet tal-ħtif tal-art, tal-impunità għal dawk b’konnessjoni mal-elit li tmexxi u tal-korruzzjoni qed jipperikolaw il-progress ekonomiku u soċjali enormi li ġie miksub fir-reġjun;

46.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lis-SEAE, il-Kunsill u lill-Kummissjoni, l-Assemblea Interparlamentari ASEAN (AIPA), is-Segretarjat tal-ASEAN u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-istati membri tal-ASEAN.


(1)  ĠU C 85, 8.4.1980, p. 83.

(2)  ĠU L 154, 15.6.2012, p. 1.

(3)  Testi adottati, P7_TA(2013)0367.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0286.

(5)  Testi adottati, P7_TA(2013)0245.

(6)  Testi adottati, P7_TA(2013)0189.

(7)  Testi adottati, P7_TA(2013)0058.

(8)  ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 57.

(9)  ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 201.

(10)  ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 120.

(11)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 154.

(12)  ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 152.

(13)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 76.

(14)  ĠU C 67 E, 18.3.2010, p. 144.