|
23.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 242/9 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2015/C 242/02)
Relatur:
Béatrice OUIN
Nhar l-10 ta’ Lulju 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
“L-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol”
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Diċembru 2014.
Matul il-504 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2015 (seduta tal-21 ta’ Jannar 2015), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’212-il vot favur, vot (1) wieħed kontra u 10 astensjonijiet.
1. Rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Sabiex jimplimenta l-Istrateġija Ewropa 2020 u l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi kemm fir-rigward tal-aċċess tan-nisa għall-impjieg, kif ukoll fir-rigward tal-integrazzjoni tal-immigranti, u peress li l-Ewropa teħtieġ il-migranti, minkejja d-diskorsi ostili li l-propaganda tagħhom hija ta’ tħassib u tmur kontra l-interess fit-tul tal-popolazzjonijiet li jgħixu fl-Ewropa, il-KESE jitlob lill-istituzzjonijiet Ewropej sabiex:
|
|
1.2. |
Apparti l-miżuri li għandhom jiġu applikati għall-immigranti kollha, nisa u irġiel, il-KESE jitlob lill-Istati Membri sabiex:
|
|
1.3. |
Fl-aħħar, il-KESE jitlob lill-imsieħba soċjali sabiex:
|
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
Għal dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, l-immigrazzjoni qed tkun magħmula minn iktar nisa. In-nisa jimmigraw lejn l-Ewropa biex jingħaqdu ma’ familthom, jew inkella huma refuġjati u qegħdin jitolbu l-asil. Ħafna huma dawk li jiġu biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom, filwaqt li jħallu familthom f’pajjiżhom, u jsiru l-appoġġ prinċipali tal-familja. |
|
2.2. |
Jistgħu jaslu fl-Ewropa b’permess ta’ residenza jew mingħajru, b’livelli għoljin ta’ kwalifiki jew mingħajrhom. Jitilqu minn pajjiżhom b’mod volontarju jew huma kostretti li jagħmlu dan, u xi wħud huma vittmi tat-traffikar tal-persuni. Għalhekk din il-popolazzjoni hija importanti daqs kemm hija diversifikata. |
|
2.3. |
Min-naħa tagħha, minħabba t-tixjiħ tal-popolazzjoni, it-tnaqqis fir-rata tat-twelid u l-bżonnijiet tal-forza tax-xogħol kwalifikata f’diversi setturi, l-Ewropa qed tiffaċċja sfida kbira fis-suq tax-xogħol. |
|
2.4. |
F’dan il-kuntest, in-nisa migranti jirrappreżentaw sors ta’ kompetenzi u kreattività li llum m’humiex sfruttati biżżejjed. L-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol hija bżonn. Din tikkontribwixxi sabiex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-migrazzjoni, kemm għall-migranti nisa kif ukoll għall-Unjoni Ewropea. Hija ssaħħaħ l-integrazzjoni u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali. |
|
2.5. |
Il-KESE diġà esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni u l-integrazzjoni u ħareġ diversi rakkomandazzjonijiet fir-rigward kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa (4). Din l-Opinjoni ser tevita li tirrepeti dawn ir-rakkomandazzjonijiet. |
|
2.6. |
Min-naħa l-oħra, s’issal-KESE ma kienx ħareġ proposti li huma speċifiċi għan-nisa migranti. Peress li mkien fid-dinja ma titwettaq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u peress li jeżistu kwistjonijiet speċifiċi għan-nisa li ma jistgħux jiġu osservati b’approċċ globali, din l-Opinjoni hija dedikata għall-inklużjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol. |
3. Kuntest Ewropew
|
3.1. |
Iż-żieda fir-rata tal-impjieg tan-nisa, bħal dik tal-migranti, hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE, imħabbra fl-Istrateġija Ewropa 2020, l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Persuni bin-Nazzjonalità ta’ Pajjiżi Terzi (5) kif ukoll fil-programmi pluriannwali tal-Kunsill Ewropew (6). |
|
3.2. |
L-Istrateġija Ewropea tipprevedi li r-rata tal-impjieg titla’ għal 75 % sal-2020 u biex dan l-għan jinkiseb hemm bżonn li n-nisa migranti jiġu inklużi aħjar fis-suq tax-xogħol. F’dan il-kuntest, is-Semestru Ewropew jista’ jkun għodda prezzjuża. L-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri għall-integrazzjoni tan-nisa migranti u l-Kummissjoni għandha tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi f’dan ir-rigward. |
|
3.3. |
In-natura speċifika tan-nisa migranti għandha wkoll titqies aħjar waqt it-tħejjija tal-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015. Din l-Istrateġija għandha tikkontribwixxi sabiex ittejjeb post in-nisa migranti fis-suq tax-xogħol, inkluż billi titħeġġeġ l-intraprenditorija. |
|
3.4. |
Fil-livell tal-UE, is-sitwazzjoni tan-nisa migranti tvarja ħafna skont liema Direttiva tkun qed tiġi applikata. |
|
3.5. |
Id-detentriċi tal-Karta Blu (7) għandha aċċess aktar faċli għal impjiegi bi kwalifiki għoljin; bl-istess mod, il-mara tad-detentur ta’ Karta Blu għandha dritt ġenerali, awtomatiku u immedjat ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol tal-pajjiż ospitanti. |
|
3.6. |
Min-naħa l-oħra, il-mara miżżewġa li tibbenefika mir-riunifikazzjoni tal-familja (8) xi kultant ikollha tistenna sena qabel ikollha aċċess għal impjieg b’paga jew biex tkun tista’ taħdem għal rasha, dewmien li jista’ jiġi impost mill-Istati Membri. Dan iż-żmien ta’ stennija jagħmel lill-mara dipendenti fuq ir-raġel tagħha, ibiegħda mis-suq tax-xogħol u jġiegħlha titlef parti mill-ħiliet tagħha. Sabiex tirrimedja dan, il-Kummissjoni Ewropea m’għandhiex tkun limitata li tikkontrolla l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istati Membri u għandha tqis ir-reviżjoni tagħha. |
|
3.7. |
Fir-rigward ta’ dawk li japplikaw għall-asil, meta jiġu pprojbiti li jaħdmu, dawn jiġu inċitati jagħmlu xogħol mhux iddikjarat. Għalhekk għandhom jitneħħew l-ostakli legali għall-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-fatt li jkollhom xogħol għandu jippermettilhom jirregolarizzaw l-istatut ta’ residenza tagħhom. Ir-regolarizzazzjoni fuq skala mifruxa li għaddew minnha ċertu Stati Membri ħalliet riżultati tajbin. |
|
3.8. |
F’konklużjoni, l-armonizzazzjoni tal-istrumenti Ewropej hija meħtieġa sabiex kull persuna li tkun tgħix legalment fit-territorju Ewropew ikollha aċċess immedjat għall-impjieg u għad-drittijiet personali għar-residenza, indipendentement mill-istatus taż-żwieġ. |
|
4. |
Miżuri speċifiċi għall-integrazzjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol tal-Istati Membri |
4.1. Osservazzjoni preokkupanti: diffikultajiet minħabba li mara u minħabba li immigranta
|
4.1.1. |
Is-suq tax-xogħol huwa żvantaġġjuż għan-nisa, humiex Ewropej jew immigranti. Minkejja l-qafas leġislattiv tal-UE, il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali, l-aċċess għad-drittijiet soċjali u għall-pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà jew il-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika jibqgħu aktar diffiċli għan-nisa milli għall-irġiel. |
|
4.1.2. |
In-nisa huma kkonċentrati f’xi setturi (9) (is-saħħa, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika, il-lukandi u r-restoranti, is-servizzi lill-familja, ix-xogħol domestiku, eċċ.). Ta’ spiss jaħdmu part time u huma wkoll l-aktar li jaħdmu b’kuntratti qosra, ta’ natura prekarja. Fl-2014, id-distakk fis-salarju medju tan-nisa u tal-irġiel fl-UE għadu ta’ 16,4 % (10), filwaqt li dak fil-pensjonijiet huwa ikbar. |
|
4.1.3. |
Is-sitwazzjoni hija aktar ta’ tħassib għan-nisa migranti, ir-rata tagħhom ta’ attività professjonali hija inqas minn dik tan-nisa mill-pajjiż. Il-maġġoranza tagħhom huma kkonċentrati fi ftit setturi u jintlaqtu aktar mill-impjieg prekarju u part time, il-pagi baxxi u l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol. L-ostakli kulturali fil-familja jew il-komunità tagħhom jistgħu jżommuhom milli jkollhom aċċess għall-impjieg. Barra minn hekk, jistgħu jiġu diskriminati fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol. |
4.2. Hemm bżonn ta’ miżuri speċifiċi
|
4.2.1. |
Din is-sitwazzjoni teħtieġ azzjoni pożittiva li qabel kollox għandha tqis is-sitwazzjoni speċifika tan-nisa, il-livell tagħhom ta’ kwalifiki, l-għarfien tagħhom tal-lingwa tal-pajjiż ta’ akkoljenza, jekk jagħmlux parti mill-ewwel ġenerazzjoni ta’ immigrazzjoni jew mill-ġenerazzjonijiet ta’ wara. |
|
4.2.2. |
Ċerti miżuri, marbutin mal-konċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u familjali, huma l-istess bħal dawk għan-nisa mill-pajjiż. Għall-familji immigranti huwa importanti li jkollhom aċċess għas-servizzi ta’ kwalità għall-kura tat-tfal, aċċessibbli kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll ġeografiku, peress li b’mod ġenerali, il-familja tagħhom ma tkunx qrib biex tgħinhom. |
|
4.2.3. |
Azzjonijiet oħra huma aktar speċifiċi għan-nisa migranti: il-ġlieda kontra r-razziżmu, it-titjib fl-aċċess għar-residenza, għall-kura tas-saħħa, għas-servizzi soċjali, il-ġlieda kontra ż-żwiġijiet furzati, il-poligamija eċċ. It-tgawdija mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-Ewropa, il-ħrib mill-vjolenza fuq in-nisa u mis-sitwazzjonijiet ta’ inugwaljanza huma raġunijiet li jimbuttaw lin-nisa biex jitilqu pajjiżhom. M’għandhomx isibu l-istess problemi fl-Ewropa, iżda minkejja dan, dawn id-diffikultajiet jeżistu wkoll, u jolqtu saħansitra lit-tieni ġenerazzjonijiet ta’ immigranti, fejn jiġi ostakolat l-aċċess tagħhom għall-impjieg. |
|
4.2.4. |
Fl-UE, is-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tan-nisa immigranti u l-universitajiet ħadu bosta inizjattivi fil-livell lokali li ħallew il-frott, relatati mal-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Dawn l-inizjattivi għandhom jiġu appoġġjati u t-tixrid ta’ dawn il-prattiki tajba għandu jitħeġġeġ fil-livell nazzjonali u bejn l-Istati Membri. |
4.3. Il-ġbir ta’ data neċessarja għal politiki infurmati
|
4.3.1. |
Sabiex ikun hemm għarfien aktar fil-fond tal-bżonnijiet tan-nisa immigranti u sabiex jitħejjew politiki adattati, huwa indispensabbli li jkun hemm disponibbli l-aħjar statistika, diżaggregata skont is-sess u skont in-nazzjonalità jew l-oriġini, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. |
4.4. Informazzjoni aħjar lin-nisa migranti
|
4.4.1. |
Sabiex jitjieb l-għarfien tas-soċjetà ta’ akkoljenza u tas-suq tax-xogħol tagħha, jeħtieġ li n-nisa migranti jingħataw aċċess għall-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u s-servizzi eżistenti, f’diversi lingwi u f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u n-netwerks tal-migranti, li l-kontribut tagħhom għandhom jiġu rikonoxxut u appoġġjat. |
4.5. It-tagħlim tal-lingwi tal-pajjiż ta’ akkoljenza għandu jiġi ffaċilitat
|
4.5.1. |
L-integrazzjoni u l-aċċess għall-impjieg jiddependu mill-għarfien tal-lingwa tal-pajjiż ta’ akkoljenza. Il-ħakma insuffiċjenti tal-lingwa tkompli l-iżolament tan-nisa, twaqqafhom milli jkunu jafu drittijiethom u li jkollhom aċċess għas-servizzi pubbliċi u tolqot l-integrazzjoni ta’ uliedhom. Fil-fatt, ir-riżultati tal-iskola tal-maġġoranza taż-żgħażagħ li ġejjin mill-immigranti huma inferjuri għal dawk tan-nattivi. |
|
4.5.2. |
L-awtoritajiet pubbliċi għalhekk iridu jagħmlu korsijiet tal-lingwi disponibbli għan-nisa migranti, li jkunu aċċessibbli mil-lat ta’ flus, lok u ħinijiet (konċiljabbli mal-preżenza tat-tfal żgħar fid-dar). Mil-lat tal-kontenut, il-korsijiet għandhom ikunu utli fit-tiftix ta’ impjieg u l-kuntatti mas-servizzi pubbliċi. |
4.6. Nirrikonoxxu l-kwalifiki u nipprevjenu t-telf ta’ ħiliet
|
4.6.1. |
Il-profili tan-nisa immigranti huma diversi u l-politiki għandhom jiġu adattati għal dawn id-differenzi. Xi wħud għandhom livell baxx ta’ edukazzjoni u esperjenza, filwaqt li oħrajn għandhom kwalifiki universitarji jew professjonali importanti. |
|
4.6.2. |
L-akbar diffikultà għal numru kbir fosthom hija kif il-kwalifiki u l-esperjenza miksuba barra l-pajjiż jistgħu jiġu rikonoxxuti, u dan huwa paradossali peress li l-Ewropa għandha bżonn ta’ persunal kwalifikat f’numru ta’ oqsma. Il-perjodu ta’ stennija li xi kultant ikun twil sabiex id-diplomi tagħhom jiġu rikonoxxuti jista’ jwassal għal skoraġġiment, telf ta’ għarfien u jista’ jimbutta lil dawn in-nisa sabiex jaċċettaw impjieg li għalih ikunu kwalifikati ħafna. In-nisa migranti qiegħda jew li jagħmlu xogħlijiet li jirrikjedu kwalifiki iktar baxxi minn dawk li għandhom huma riżorsa mhux użata tajjeb biżżejjed li tirrappreżenta ħela ta’ kapital uman. |
|
4.6.3. |
Għandhom jinħolqu servizzi bil-għan li jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti l-kwalifiki miksuba fil-pajjiż ta’ oriġini. L-imsieħba soċjali wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu sabiex jiffaċilitaw, fil-ftehimiet kollettivi, ir-rikonoxximent ta’ dawn il-kwalifiki. |
|
4.6.4. |
Ċerti setturi, bħat-tindif, il-kura tat-tfal u l-anzjani, il-lukandi u ristoranti, l-agrikoltura u l-ekonomija soċjali, jistgħu joffru opportunitajiet għan-nisa immigranti inqas kwalifikati kemm bħala impjegati kif ukoll bħala intraprendituri indipendenti. Madankollu jeħtieġ li dawn is-setturi jiġu professjonalizzati u valutati, ikun hemm taħriġ għan-nisa f’dawn l-impjiegi u jiġi rikonoxxut il-kontribut importanti tal-ħaddiema f’dawn l-oqsma, sabiex ix-xogħol f’dawn is-setturi jkun ta’ benefiċċju kemm għan-nattivi kif ukoll għan-nisa immigranti. |
|
4.6.5. |
Xogħol bħal dan jista’ wkoll ikun temporanju, minn fejn tinbet l-importanza li jiġi offrut taħriġ meta n-nisa jkunu qegħdin jaħdmu f’dawn l-oqsma, sabiex ikunu jistgħu jipprogressaw il-karriera tagħhom jew jersqu lejn impjiegi oħra. |
4.6.6.
|
4.6.6.1. |
Minkejja li mhux in-nisa immigranti kollha jaħdmu f’dan is-settur, ta’ spiss dan huwa s-settur li jiġbidhom għall-bidu, minn naħa minħabba li hemm domanda qawwija, u min-naħa l-oħra minħabba li jistgħu jaħdmu mingħajr dokumenti. |
|
4.6.6.2. |
Dawn in-nisa jsibu ruħhom maqbudin: ma jistgħux jaħdmu ħlief impjieg mhux iddikjarat, mingħajr ħarsien. Peress li ma jistgħux juru li jaħdmu, dawn ma jistgħux jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom jew jiksbu permess ta’ residenza. Għalhekk jinsabu f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà kbira, waħedhom quddiem ħafna impjegaturi jew ikunu jgħixu fid-dar tal-impjegatur tagħhom. |
|
4.6.6.3. |
Xi Stati Membri ħadu miżuri li wasslu għal-legalizzazzjoni ta’ dan ix-xogħol mhux iddikjarat (għajnuna fiskali fl-Isvezja, skemi ta’ kupuni għas-servizzi domestiċi (it-titres services fil-Belġju, iċ-chèque emploi service fi Franza), eċċ.), liema miżuri jiffaċilitaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni għall-impjegaturi u jippermettu lill-impjegati jkollhom aċċess għad-drittijiet soċjali u juru l-attività professjonali tagħhom, u b’hekk titwitta t-triq għar-regolarizzazzjoni tal-istatut tar-residenza tagħhom. |
|
4.6.6.4. |
L-Istati Membri għandhom jirratifikaw l-Konvenzjoni Nru 189 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) (11), li tippermetti li l-ħaddiema domestiċi jingħataw drittijiet ekwivalenti għal dawn ta’ ħaddiema oħra, u li dan is-settur jiġi strutturat, bħalma jirrakkomanda l-KESE fl-Opinjoni tiegħu “L-iżvilupp tas-servizzi għall-familja biex ir-rata tal-impjiegi tiżdied u tiġi promossal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fix-xogħol” (12). |
4.7. Appoġġ għall-impjieg indipendenti u l-intraprenditorjat
|
4.7.1. |
Ir-riċerki juru li l-ispirtu tal-innovazzjoni u l-intraprenditorjat tal-immigranti huwa superjuri għal dak tan-nattivi. F’ħafna pajjiżi huma jadottaw l-istatut ta’ intraprenditur indipendenti jew joħolqu intrapriżi ġodda, fejn ta’ spiss jimpjegaw immigranti oħra. Il-Kumitat iddedika Opinjoni (13) għall-kontribut tal-intraprendituri migranti fl-ekonomija tal-UE. |
|
4.7.2. |
Sabiex jirnexxu aħjar, dawn l-intrapriżi għandhom bżonn li jiġu appoġġjati sabiex ikollhom aċċess għall-finanzjament, jitgħallmu jfasslu pjan ta’ negozju, jifhmu l-ambjent ekonomiku tal-pajjiż ta’ akkoljenza. Għandhom jiġu żviluppati inizjattivi speċifiċi sabiex jgħinu lin-nisa intraprendituri u għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-intraprenditorjat soċjali. |
|
4.7.3. |
In-nisa immigranti għandhom ukoll ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-isponsorjar minn intraprendituri oħra b’aktar esperjenza, filwaqt li għandhom jiġu megħjuna n-netwerks tan-nisa migranti intraprendituri. L-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tiġi offerta wkoll lin-nisa immigranti u għandha tiġi organizzata f’kooperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili organizzata. |
4.8. Titjib tar-reputazzjoni tan-nisa immigranti
|
4.8.1. |
Filwaqt li l-immigrazzjoni tan-nisa awtonomi, ta’ nisa ta’ spiss kwalifikati, qed tiżdied, ir-rappreżentanza soċjali tal-mara immigranta bħala vittma ta’ kultura li ftit tħalli lok għad-drittijiet tan-nisa qiegħda timxi ’l quddiem bil-mod il-mod. Hemm bżonn ta’ reputazzjoni iktar pożittiva tan-nisa migranti u din għandha sservi ta’ mudell fil-komunitajiet tal-immigranti. Il-kampanji ta’ informazzjoni għandhom jagħtu kontribut għal dan. |
4.9. Titjib tal-kooperazzjoni f’aktar minn livell wieħed
|
4.9.1. |
L-integrazzjoni effettiva tista’ sseħħ biss jekk ikun hemm sħubija bejn il-firxa kollha ta’ dawk li għandhom interess, bħall-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-atturi nazzjonali, reġjonali u lokali. |
|
4.9.2. |
L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata – u b’mod partikolari tal-assoċjazzjonijiet tan-nisa migranti – għandu jseħħ fl-istadji kollha tal-politiki relatati mal-integrazzjoni tan-nisa migranti fis-suq tax-xogħol. Dawn il-partijiet interessati fil-fatt jistgħu jagħtu valur miżjud ġenwin permezz tal-għarfien tagħhom tar-realtajiet li jgħixu n-nisa immigranti. Dan jista’ jgħin ukoll biex jinħoloq sens ta’ sjieda konġunta, li jikkontribwixxi għall-aċċettazzjoni soċjali u l-implimentazzjoni tal-politika. |
5. Konklużjoni
|
5.1. |
Il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol hija waħda mill-modi l-aktar effiċjenti u konkreti sabiex persuna tintegra fis-soċjetà. In-nisa immigranti għandhom bżonn li jiġu appoġġjati u akkumpanjati fil-mixja tagħhom lejn l-integrazzjoni. Għandhom jiġu infurmati dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom fis-soċjetà ta’ akkoljenza, jibbenefikaw mid-drittijiet tagħhom, ikollhom aċċess għat-taħriġ, jivvalutaw il-ħiliet tagħhom u jiġu rikonoxxuti għall-kontribut li jagħtu għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropea. |
Brussell, il-21 ta’ Jannar 2015.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009.
(2) Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014.
(3) Proposta għal Direttiva COM(2013) 151 final.
(4) L-Opinjonijiet tal-KESE l-aktar reċenti: ĠU C 451 tas-16.12.2014, p. 96, ĠU C 67 tas-6.3.2014, p. 16, ĠU C 351 tal-15.11.2012, p. 16, ĠU C 181 tal-21.6.2012, p. 131, ĠU C 48 tal-15.2.2011, p. 6, ĠU C 354 tat-28.12.2010, p. 16, ĠU C 347 tat-18.12.2010, p. 19, ĠU C 128 tat-18.5.2010, p. 29, ĠU C 27 tat-3.2.2009, p. 95, kif ukoll ir-Rapport ta’ Informazzjoni dwar L-isfidi l-ġodda tal-integrazzjoni, SOC/376.
(5) COM(2011) 455 final.
(6) Kunsill Ewropew ta’ Tampere (1999), tal-Aja (2004) u ta’ Stokkolma (2009).
(7) Id-Direttiva 2009/50/KE (ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17).
(8) Id-Direttiva 2003/86/KE (ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12).
(9) Gender Equality Index Report (Rapport dwar l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi) tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE, 2013) paġna 21.
(10) http://epp.eurostat.ec.europa.eu/statistics_explained/index.php/Gender_pay_gap_statistics
(11) Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO li daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Settembru 2013.
(12) ĠU C 12, 15.1.2015, p. 16.
(13) ĠU C 351, 15.11.2012, p. 16.