|
14.7.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 230/47 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali”
(opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2015/C 230/07)
|
Relatur: |
is-Sinjura DARMANIN |
Nhar is-6 ta’ Novembru 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Il-film Ewropew fl-era diġitali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Novembru 2014.
Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Diċembru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’190 vot favur, 9 voti kontra u astensjoni waħda (1).
1. Rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-film Ewropew fl-era diġitali – Inqarrbu d-diversità kulturali mal-kompetittività” (COM(2014) 272 final) li, ġustament, tqajjem xi punti għal diskussjoni u riflessjoni dwar dan is-settur importanti ħafna fl-Ewropa. |
|
1.2. |
Il-KESE jenfasizza li hemm bżonn ta’ bilanċ adatt bejn il-valur tas-settur awdjoviżiv mil-lat ta’ negozju u dak kummerċjali u l-valur tiegħu għall-Ewropa mill-perspettiva tal-wirt kulturali. Min-natura tagħhom, dawn iż-żewġ aspetti ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod separat. |
|
1.3. |
Issa wasal iż-żmien sew biex jiġi diskuss b’mod miftuħ mudell ta’ negozju wieħed jew aktar, innovattiv u ġdid għas-settur, bil-għan li jittieħdu l-opportunitajiet eżistenti fi ħdan id-dinja diġitali. Għaldaqstant, il-KESE jħeġġeġ lis-settur, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali sabiex ikunu miftuħin u lesti biex jiddiskutu u jippromovu dawn il-mudelli ta’ negozju. |
|
1.4. |
Jeħtieġ li jiġi eżaminat il-qasam tal-finanzjament u li nfittxu l-kompetittività iżda mhux akkost tad-dimensjoni kulturali tal-film fl-Ewropa. Il-finanzjament huwa primarjament f’idejn l-Istati Membri. Madankollu, għandu jiġi eżaminat dibattitu miftuħ dwar il-metodoloġiji sabiex tkun żgurata l-massimizzazzjoni tal-finanzjament u l-metodi alternattivi ta’ finanzjament. Dan jinkludi l-finanzjament pubbliku sabiex jiġi attirat il-finanzjament privat; użu aktar razzjonali tar-riżorsi pubbliċi u l-komplementarjetà bejn il-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri; u finanzjament privat minn atturi ġodda bħall-provvedituri tal-internet u l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni. |
|
1.5. |
It-tisħiħ tal-ambjent kreattiv għandu jkun ukoll prijorità ewlenija għal pjan direzzjonali tas-settur. Approċċ bħal dan għandu jiġi indirizzat f’komunikazzjoni tal-Kummissjoni u għandu jkopri l-ambjent edukattiv, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni fi ħdan is-settur, l-iżvilupp tat-talent kreattiv, l-espressjoni kreattiva, kif jiżdied il-valur, u l-litteriżmu u l-lingwa fil-films Ewropej. |
|
1.6. |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-udjenza għandha tkun fil-qalba tad-diskussjonijiet dwar is-settur awdjoviżiv peress li mhumiex biss il-benefiċjarji iżda sikwit ikunu dawk li jiffurmaw ix-xejriet u b’hekk imexxu l-iżvilupp. |
|
1.7. |
Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq il-ġbir tad-data fil-livell Ewropew sabiex l-industrija tinftiehem aħjar. |
|
1.8. |
Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha tenfasizza wkoll, bħala waħda mill-isfidi, il-qagħda attwali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan is-settur, li tkopri l-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom u l-SMEs, li wħud minnhom bħalissa qed jiffaċċjaw, b’mod differenti, kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarji, li qed jirriżultaw parzjalment mill-partikolaritajiet tal-industrija nnifisha, iżda wkoll bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kompetittività minħabba tentattiv għall-iffrankar ta’ flus mill-pagamenti tax-xogħol. |
|
1.9. |
Il-KESE jqis il-litteriżmu fil-films bħala aspett importanti biex iħeġġeġ aktar Ewropej biex japprezzaw u jfittxu li jaraw films Ewropej. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-litteriżmu fil-films issir fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. |
|
1.10. |
L-aċċessibbiltà hija qasam ieħor fejn il-KESE jemmen li għandhom isiru sforzi akbar, u b’hekk ir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom ikunu mmirati biex jingħelbu ostakli bħal-lingwa u d-diżabbiltà. |
|
1.11. |
Il-Forum Ewropew tal-Films propost mill-Kummissjoni Ewropea għandu jiġbor fih il-partijiet interessati kollha fi ħdan is-settur awdjoviżiv, u huwa għodda importanti biex jiġbor flimkien lill-partijiet kollha fi ħdan is-settur awdjoviżiv sabiex jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin li jiffaċċja s-settur. Il-KESE jappoġġja dan il-forum konsultattiv li tant ilu mistenni u jenfasizza li huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha fi ħdan is-settur ikunu involuti bl-istess mod; dan jinkludi wkoll il-gruppi iżgħar ta’ partijiet interessati u r-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema. |
|
1.12. |
L-isfidi u l-opportunitajiet ewlenin fi ħdan l-era diġitali għandhom ikunu l-punt fokali ta’ dan il-forum, li għandu jsarraf il-politika u l-istrateġija f’miżuri speċifiċi fi ħdan is-settur. |
|
1.13. |
Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li minkejja li qed tinbidel malajr u tista’ titqies bħala sfida għas-settur, id-dinja diġitali (inkluża l-prospettiva tal-komunikazzjoni satellitari b’konformità mal-pjani tal-UE għall-2020) madankollu toffri firxa kbira ta’ opportunitajiet għall-industrija tal-films. |
2. Il-Komunikazzjoni fi ftit kliem
|
2.1. |
L-industrija tal-films fl-Ewropa, li hija waħda mill-istrumenti tad-diversità kulturali tagħna, hija distinta ħafna kif ukoll kreattiva ħafna. Hija assi qawwi għall-massa ta’ wirt kulturali fl-Ewropa, iżda fl-istess ħin hija industrija li tinsab mhedda sew minħabba għadd ta’ sfidi. |
|
2.2. |
Il-Kummissjoni fil-passat ħarġet għadd ta’ direttivi relatati ma’ oqsma speċifiċi tal-industrija tal-films, bħalma hi l-proprjetà intellettwali. Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel waħda f’dawn l-aħħar snin li tiffoka fuq l-industrija kollha kemm hi. |
|
2.3. |
Id-dokument tal-Kummissjoni jenfasizza l-partikolaritajiet li qed jiffaċċja s-settur Ewropew tal-films, fosthom:
|
|
2.4. |
Għaldaqstant id-dokument tal-KESE għandu l-għan jidentifika u jindirizza dawn l-isfidi biex fuqhom tkun tista’ tibda d-diskussjoni. Dawn l-oqsma huma:
|
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-bażi ta’ diskussjoni fost il-partijiet interessati kollha u atturi oħra fi ħdan is-settur awdjoviżiv fl-Ewropa. Dan id-djalogu huwa imperattiv u ilu żmien meħtieġ, mhux biss biex ingawdu l-benefiċċji offruti mid-dinja diġitali li qed tinbidel u mit-teknoloġiji li qed jinħolqu, iżda wkoll sabiex tkompli tissaħħaħ din l-industrija varjata u kumplessa. |
|
3.2. |
Il-KESE jaqbel mal-KE dwar l-isfidi speċifiċi, li ġew enfasizzati fid-dokument. Madankollu, il-KESE jixtieq iżid ukoll sfida oħra li tħalliet barra mid-dokument, li hija l-ambjent tax-xogħol attwali li qed jiffaċċjaw il-ħaddiema, dawk li jaħdmu għal rashom u l-intraprendituri fi ħdan das-settur. |
|
3.3. |
Fir-rigward tal-oqsma magħżula biex jiġu indirizzati, il-KESE jaqbel mal-oqsma elenkati fid-dokument. Madankollu, il-KESE jixtieq iżid ukoll bħala oqsma li hemm bżonn jiġu diskussi u indirizzati dawn li ġejjin:
|
|
3.4. |
Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li minkejja li d-dinja diġitali qed tinbidel malajr u tista’ titqies bħala sfida għas-settur, din madankollu toffri firxa kbira ta’ opportunitajiet għall-industrija tal-films. Dan jinkludi l-prospett ta’ komunikazzjoni bis-satellita skont il-pjani tal-UE għall-infrastruttura satellitari għall-2020 u l-użu ta’ satelliti għat-tixrid tal-films b’mod aktar flessibbli, ekoloġiku u kost-effiċjenti miċ-ċinema. |
4. Kummenti speċifiċi
L-ambjent tal-finanzjament tas-settur awdjoviżiv
|
4.1. |
Il-KESE jappoġġja l-kunċett li iktar milli jiżdied il-finanzjament pubbliku fis-settur jeħtieġ li dan jiġi ottimizzat għall-valur miżjud tal-industrija. Il-finanzjament pubbliku huwa f’idejn l-Istati Membri u l-finanzjament tal-UE għandu jkompli jżid l-effettività tal-finanzjament lokali. Finanzjament pubbliku bħal dan għandu jintuża, madankollu, sabiex jiġi attratt aktar finanzjament privat. |
|
4.2. |
Jeħtieġ li l-mudell ta’ finanzjament għall-industrija awdjoviżiva jkun ibbażat fuq appoġġ iddedikat għal tipi differenti ta’ prodotti u fuq taħlita ta’ għotjiet diretti u finanzjament ta’ ingranaġġ biex l-investituri privati jkunu faċilitati biex jidħlu fis-suq. Ir-rwol tal-ingranaġġ tal-finanzjament pubbliku huwa essenzjali biex jinkiseb użu aktar razzjonali tar-riżorsi pubbliċi u biex l-isforz ikun ikkonċentrat fuq il-prodotti kulturali. |
|
4.3. |
Il-KESE jenfasizza li hemm bilanċ prekarju bejn li tinkiseb il-kompetittività u l-espressjoni kreattiva; il-finanzjament pubbliku m’għandux ikun biss indirizzat lejn waħda jew l-oħra, iżda għandu jkun bilanċjat bejniethom kif xieraq. |
|
4.4. |
Apparti mill-mistoqsijiet imqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-isfera tal-finanzjament pubbliku bħala bażi għal dibattitu, il-KESE jixtieq iżid dan li ġej:
|
|
4.5. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi għall-investiment privat bħala mezz ta’ finanzjament għall-industrija. Il-KESE jirrakkomanda li l-atturi l-ġodda fi ħdan is-settur diġitali jikkontribwixxu lejn il-finanzjament tal-industrija; dawn l-atturi jistgħu jkunu, pereżempju, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u l-fornituri tal-kontenut. |
|
4.6. |
L-inizjattivi waħedhom mhumiex biżżejjed; il-gvernijiet u l-UE għandhom jiżviluppaw infrastruttura finanzjarja għall-industrija awdjoviżiva li jkollha l-għan li timplimenta u tippromovi għadd ta’ servizzi finanzjarji u mhux finanzjarji – inklużi s-servizzi tal-bini tal-kapaċità – iddedikati għall-katina ta’ produzzjoni kollha tal-industrija: l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni. |
Ambjent ta’ negozju innovattiv
|
4.7. |
Il-KESE għamel parti mid-dibattitu dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali, is-Suq Uniku Diġitali u d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD). Madankollu, il-KESE jappoġġja l-idea li nesploraw mudelli ta’ negozju barra min-norma li jagħmlu sens fl-era diġitali attwali ta’ tibdiliet teknoloġiċi. Il-KESE jenfasizza wkoll li hemm ħtieġa li jiġu armonizzati l-politiki attwali kollha li jeżistu għal dan is-settur. |
|
4.8. |
Jeħtieġ li jiġu esplorati mudelli ġodda ta’ negozju u għandha tiġi appoġġjata l-perseveranza fit-teħid ta’ deċiżjonijiet qalbiena. Madankollu, il-KESE jenfasizza li biex jinkiseb dan jeħtieġ li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti b’mod miftuħ u komprensiv fid-diskussjonijiet li jwasslu għal tibdil fil-mudelli ta’ negozju. Barra minn hekk, dan id-dibattitu għandu jitmexxa mill-industrija nnifisha. |
|
4.9. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li dan l-aspett huwa kruċjali għas-suċċess tal-industrija u għaldaqstant jistieden lill-partijiet interessati kollha biex ikunu miftuħa għal mudelli ta’ negozju bħal dawn, mhux biss biex ingawdu mill-benefiċċji kollha offruti mill-era diġitali iżda wkoll biex inkunu kapaċi nadattaw malajr għat-tendenzi li qed jinbidlu fl-imġiba tal-konsumatur. |
|
4.10. |
Tinħtieġ bidla kulturali fil-mentalità tal-produtturi u x-xandara: fil-futur, il-prodotti ddedikati għaċ-ċinema u t-televixin ser ikunu jeżistu flimkien ma’ prodotti bejn il-mezzi tax-xandir: il-produtturi u x-xandara ser ikollhom jiżviluppaw mudelli ta’ negozju differenti fir-rigward tan-natura differenti tal-prodotti: ser ikollhom jaħsbu dwar baġits differenti, strateġiji differenti għal meta joħorġu l-prodott fis-suq skont in-natura u l-potenzjal kummerċjali tal-prodotti speċifiċi. Fl-istess ħin, il-gvernijiet iridu jikkunsidraw mill-ġdid il-mudell tal-finanzjament pubbliku skont taħlita aktar bilanċjata ta’ appoġġi. |
|
4.11. |
Il-KESE javża biex tittieħed kawtela fir-rigward ta’ sempliċement nalteraw ftit il-prattiki attwali ta’ negozju mingħajr ma neżaminaw prattiki minn angolu kompletament innovattiv. Pereżempju, jista’ jkun li jekk jiġu stabbiliti biss perjodi aktar flessibbli għall-ħruġ ta’ films, dawn mhux neċessarjament ser jindirizzaw is-soluzzjonijiet ta’ negozju li l-era diġitali teħtieġ. |
Tisħiħ tal-ambjent kreattiv
|
4.12. |
Il-KESE jisħaq li l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel tal-films hija essenzjali sabiex is-settur ikompli jikber. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza li minħabba dan l-aspett tas-settur, l-iskejjel tal-films għandhom ikunu involuti wkoll fid-diskussjonijiet tal-partijiet interessati li jsiru fil-livell Ewropew. |
|
4.13. |
Realtà li jeħtieġ li titqies aktar f’dan il-qasam hija l-isfidi partikolari li jiffaċċjaw l-iskejjel tal-films fejn it-teknoloġija tant qed tinbidel malajr li f’ħafna okkażjonijiet l-iskejjel tal-films qed jużaw teknoloġiji qodma fit-taħriġ tal-istudenti tagħhom. U b’hekk ħafna drabi qed joħorġu professjonisti li fil-fatt ma jkunux lesti għall-ambjent teknoloġiku li jispiċċaw jiffaċċjaw fi ħdan l-industrija nnifisha. |
L-aċċessibbiltà u l-iżvilupp tal-udjenza
|
4.14. |
Il-KESE jappoġġja l-idea li l-udjenza għandha tkun ukoll fil-qofol tal-forza mexxejja fi ħdan is-settur. Għal din ir-raġuni, il-KESE jkompli jenfasizza l-ħtieġa għal data tajba fil-livell Ewropew kif ukoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-konsumatur fi ħdan id-diskussjonijiet tal-partijiet interessati, bħalma hu l-Forum Ewropew tal-Films. |
Il-ġbir u l-analiżi tad-data
|
4.15. |
Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm enfasi ikbar fuq il-ġbir tad-data fil-livell Ewropew sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-industrija. Dan il-ġbir tad-data għandu jinkludi mhux biss l-element tal-udjenzi fi ħdan is-settur iżda wkoll l-użu tal-fondi f’livelli differenti, il-kompetittività tas-settur kif ukoll l-ambjent u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. |
|
4.16. |
Il-KESE jirrikonoxxi wkoll li hemm ħtieġa li jiġi żviluppat sors ta’ data fil-livelli nazzjonali u tal-UE li ser jinkludi wkoll data użata mill-intermedjarji finanzjarji sabiex jiġi valutat u ġestit ir-riskju ta’ investiment. |
L-ambjent tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol
|
4.17. |
Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur għandu jkun qasam ta’ diskussjoni u punt fokali. Attwalment, is-settur tant huwa varjat li ħafna drabi nuqqas ta’ data dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol jirriżulta f’nuqqas ta’ attenzjoni ffukata fuq dan il-qasam. |
|
4.18. |
Ix-xogħol prekarju sfortunatament qed isir aktar mifrux fis-settur, parzjalment bħala riżultat tal-partikolaritajiet tal-industrija nnifisha (fejn, pereżempju, il-produzzjoni sseħħ fi żmien qasir) iżda wkoll bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ kompetittività fejn ikun hemm tentattiv biex jiġu ffrankati l-flus mill-pagamenti tax-xogħol. |
|
4.19. |
Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi din l-isfida fil-punt fokali tal-Komunikazzjoni kif ukoll tindirizzaha fid-diskussjonijet. Jeħtieġ li l-partijiet interessati li jirrappreżentaw il-ħaddiema tas-settur tal-films ikunu involuti fid-diskussjonijiet tal-partijiet interessati u l-Forum Ewropew tal-Films. |
Il-Forum Ewropew tal-Films
|
4.20. |
Il-KESE jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummissjoni għat-twaqqif tal-Forum Ewropew tal-Films. Is-settur imissu ilu li ltaqa’ biex jiddiskuti l-kwistjonijiet li tqajmu bħala rilevanti għall-kompetittività tal-industrija fl-era diġitali tal-lum. |
|
4.21. |
Il-KESE jenfasizza li huwa essenzjali li l-partijiet interessati kollha jkunu involuti bl-istess mod fis-settur. Dan jinkludi wkoll il-gruppi ta’ partijiet interessati iżgħar, dawk li għandhom inqas “poter” kif ukoll ir-rappreżentanti tal-konsumaturi u tal-ħaddiema. |
|
4.22. |
Filwaqt li s-settur tat-televixin mhuwiex affettwat b’mod daqshekk ħażin mill-era diġitali daqs l-industrija tal-film, huwa importanti li dan is-settur jiġi inkluż ukoll u li jiġi diskuss fi ħdan id-dibattitu usa’ peress li dan huwa komponent importanti wkoll tas-settur awdjoviżiv. |
Il-promozzjoni tal-litteriżmu fil-films Ewropej
|
4.23. |
Il-KESE jqis il-litteriżmu fil-films bħala aspett importanti biex jattira aktar Ewropej biex japprezzaw u jfittxu jaraw films Ewropej. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-promozzjoni tal-litteriżmu fil-films tittieħed fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Dan jibbenefika mhux biss l-industrija nnifisha iżda għandu jenfasizza wkoll element importanti fil-manifestazzjoni tad-diversità kulturali Ewropea. Filwaqt li l-mudell speċifiku tal-apprezzament tal-films fl-iskejjel mhux bilfors jaħdem, il-KESE jemmen li għandhom jinħolqu mudelli u kampanji li jenfasizzaw is-suċċess, il-ġmiel u l-arti tas-settur Ewropew tal-films. |
Aċċessibbiltà
|
4.24. |
Il-lingwa tista’ titqies bħala waħda mill-ostakli għall-udjenzi madwar l-Ewropa u barra mill-Ewropa. Il-lingwa hija ostaklu fiżiku iżda tagħmel parti wkoll mid-diversità kulturali. Barra minn hekk, il-film huwa għodda b’saħħitha biex wieħed jiffamiljarizza ruħu ma’ lingwa barranija. Madankollu, il-KESE jemmen li l-fondi tal-H2020 għandhom jiġu diretti wkoll lejn approċċ innovattiv sabiex isir dubbing b’mod kosteffettiv permezz tat-teknoloġiji l-aktar avvanzati u dawk li għadhom ser joħorġu. |
|
4.25. |
Barra minn hekk, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lis-settur awdjoviżiv biex juża l-għodod disponibbli sabiex jiġi żgurat li udjenzi b’limitazzjonijiet jew nuqqasijiet viżivi u/jew awditivi jkunu jistgħu jgawdu wkoll mill-prodotti tas-settur. Ir-riċerka għandha timmira wkoll li tagħmel dawn l-għodod ta’ aċċessibbiltà aktar kosteffiċjenti. |
Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE